Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL EWROPEW
IL-PRESIDENT

MT

Brussell, 1 ta' Marzu 2012

(OR. en)

EUCO 36/12

PRESSE 85

PR PCE 30

Diskors ta' aċċettazzjoni
mill-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy

Jiena nħossni onorat ħafna li intom kollha ddeċidejtu li titlobuni nkompli bħala l-President tal-Kunsill Ewropew għat-tieni mandat.

Huwa bi pjaċir li jiena naċċetta. Huwa privileġġ li nservi lill-Ewropa fi żminijiet daqshekk deċisivi; hija wkoll responsabbiltà kbira. Nixtieq nirringrazzjakom kollha tal-fiduċja li wrejtu fija. Din nikkunsidraha bħala vot ta' fiduċja fil-mod li aħna ħdimna flimkien.

Nirringrazzjakom ukoll tal-istedina biex nippresjedi ż-żewġ laqgħat tas-summit tal-euro, li jiena naċċetta. U jiena partikolarment grat lejn Helle Thorning-Schmidt, kif ukoll lejn Jean-Claude Juncker, talli kkonsultaw magħkom fil-ġimgħat li għaddew u li ppresjedew id-dibattitu tagħkom issa, li wassal għall-elezzjoni mill-ġdid tiegħi.

Peress li l-pożizzjoni ta' President tal-Kunsill Eropew full-time hija ta' ftit aktar minn sentejn, nispera li intom tippermettuli -- bejn dawn iż-żewġ mandati -- li naqsam xi ħsibijiet dwar dan ir-rwol, filwaqt li nibbaża fuq l-esperjenza tiegħi u waqt li nħares lejn il-futur.

Ovvjament, il-kriżi tad-dejn sovran, li tfaċċat ftit wara li jien ħadt il-kariga tiegħi, hija l-punt tat-tluq. Hija ffurmat il-ħidma tagħna u r-rwol li għandi jien. Jiena ppruvajt nisfrutta mill-aħjar il-kontinwità ta' dan il-mandat, li ppermettielna nżommu sens ta' direzzjoni fi żminijiet turbolenti.

F'ċertu mod, ix-xogħol tiegħi huwa li nkun il-gwardjan tal-fiduċja: inrawwem il-fehim reċiproku madwar din il-mejda fostna, filwaqt li konxju li għalina kollha flimkien, id-dover tagħna huwa li nippreservaw il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni.

Meta nħares lura: meta ġejt elett l-ewwel darba, kollega staqsini biex jiċċajta x'kont ser inkun qed nagħmel bejn l-erba' laqgħat annwali tal-Kunsill Ewropew mitluba mit-Trattat! Għallinqas issa nafu... Ir-rwol issawwar l-aktar mill-avvenimenti, mill-kriżi tad-dejn sovran.

Il-kriżi kienet mingħajr preċedent, fl-intensità u fil-kobor. F'nofs it-tempesta kellna nsewwu l-vapur tagħna. Kienu meħtieġa deċiżjonijiet drastiċi. Aħna ppruvajna naslu sal-għeruq tal-kriżi. Kull wieħed minna naqqas id-djun u d-defiċits fil-pajjiż tagħna. Għamilna l-ekonomiji tagħna aktar kompetittivi. Għinna lil xulxin u bqajna magħqudin. Uħud mill-kollegi preċedenti tagħna poġġew l-interess komuni Ewropew -- u l-interess għat-tul tal-pajjiż tiegħu -- aktar 'il fuq mill-popolarità nazzjonali tagħhom, anke bil-prezz li telqu mill-kariga tagħhom. Il-kuraġġ tagħhom u l-ħila tagħhom ta' statista jistħoqqilhom l-istima tagħna.

Fil-proċess aħna indunajna kemm aħna lkoll sirna interdipendenti u qed nieħdu l-lezzjonijiet minn dan il-fatt. Kienet mixja twila -- mit-"Task Force dwar il-governanza ekonomika" li intom tlabtuni nippresjedi sentejn ilu, sat-"Trattat dwar il-Patt Fiskali" li ser jiġi ffirmat għada. Issa l-Unjoni Ewropea tinsab mgħammra aħjar biex titratta l-kriżi li għandna f'idejna, u biex tipprevjeni li sitwazzjonijiet simili jitfaċċaw fil-futur.

Filwaqt li ttrattajna ma' dawn l-isfidi, aħna kellna wkoll nadattaw il-metodi ta' ħidma tal-Unjoni. Dan ma serviex biss il-kawża immedjata tal-kontroll tal-kriżi, iżda jien konvint li ser jippermetti wkoll lill-Unjoni biex fil-futur tissodisfa d-destin politiku tagħha.

Bħala gwardjan tal-unità tas-27, jiena dejjem insistejt li jiġu involuti l-Istati Membri kollha – is-27 kollha, anke meta s-sitwazzjoni kienet tikkonċerna s-17 taż-żona tal-Euro – u l-istituzzjonijiet kollha. L-għan tiegħi huwa li naslu għal deċiżjonijiet li kull wieħed minna jista' jappoġġa u jiddefendi f'pajjiżu. Biex dan iseħħ jeħtieġ iż-żmien, u – b'mod aktar kruċjali – il-fiduċja.

Jien ħdimt biex nistabbilixxi relazzjonijiet ta' fiduċja magħkom kollha, fl-ibliet kapitali tagħkom ukoll; mal-atturi istituzzjonali fi Brussell, speċjalment mal-President tal-Kummissjoni; kif ukoll mas-sħab tagħna madwar id-dinja.

Bħala President, jien inqis li huwa dmiri li nippermetti li l-Kunsill Ewropew jaqdi r-rwol tiegħu fid-definizzjoni tad-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-Unjoni. Immexxu ħidmietna 'l quddiem, niffaċilitaw il-koeżjoni u l-kunsens. U wkoll, fil-livell tagħna, niżguraw ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, pereżempju fil-G8 u l-G20.

Fit-tieni mandat tiegħi għandi l-ħsieb li nibqa' leali għall-istil u l-metodi ta' ħidma tiegħi. Jien dejjem imxejt fl-ispirtu tat-trattat u ser inkompli nagħmel hekk. Kif tafu, jien orjentat fuq kollox lejn ir-riżultati. Jien ser nuża l-kontinwità tal-mandat tiegħi biex niżgura li d-deċiżjonijiet maqbula madwar din il-mejda jagħtu r-riżultati, li aħna nżommu l-impenji individwali u kollettivi tagħna.

Meta nħares 'il quddiem, mhux ser tkun sorpriża li l-ewwel prijorità tiegħi ser tibqa' l-ekonomija. L-ekonomija tagħna ssostni ħajjitna. Mingħajr bażi ekonomika b'saħħitha l-mudelli soċjali u l-istati soċjali tagħna jkunu f'periklu u ma nkunux nistgħu naqdu r-rwol tagħna fuq ix-xena dinjija.

Diġà qed naħsdu l-ewwel riżultati ta' ħidmietna fuq l-istabbilizzazzjoni taż-żona tal-euro, pereżempju f'termini ta' rati ta' interess aktar baxxi. Iżda jinħtieġ aktar. Flimkien irridu nreġġgħu l-Ewropa lura fit-triq lejn tkabbir strutturali u impjiegi. Għandna nisfruttaw il-potenzjal sħiħ tas-suq kbir tagħna. Għandna nużaw il-baġit ċentrali tal-UE biex inrawmu l-kompetittività u l-impjiegi. Għandna ninvestu fl-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-teknoloġija ekoloġika, preċiżament meta nnaqqsu d-defiċits.

Irridu nipprovdu prospettiva pożittiva għall-impjiegi u l-prosperità, b'imparzjalità u ġustizzja. Irridu nikkonvinċu l-popli madwar l-Ewropa li s-sagrifiċċji tagħhom f'dawn is-snin ta' kriżi ma sarux għalxejn, li qed iwasslu għal riżultati, li ż-żona tal-euro fl-aħħar tissaħħaħ: dan għandu jkun it-tħassib ewlieni tagħna. Huwa l-uniku mod kif nirbħu l-qlub u l-imħuħ tal-Ewropej.

Kriżi bħal din m'għandha qatt titħalla terġa' tiġri. Li niżguraw dan irid ikun il-wirt li nħallu warajna. Il-kelma "Ewropa" ilha tkun sinjal ta' tama, li tiġbor fiha l-paċi u l-prosperità. Fil-kriżi, din l-idea ġiet mhedda. Huwa r-rwol tiegħi u tagħna, li l-Ewropa terġa' ssir simbolu ta' tama. Ta' ġejjieni aħjar għal kulħadd.

Ejja ma ninsewx, li minħabba l-prosperità u l-istabbiltà unika tiegħu, il-kontinent tagħna għad għandu l-forza sħiħa ta' attrazzjoni tiegħu. Il-Kroazja dalwaqt ser tingħaqad mal-Unjoni u s-Serbja ħadet deċiżjonijiet kuraġġużi biex tikseb l-istatus ta' kandidat. Il-vokazzjoni Ewropea għall-Balkani tal-Punent hija xi ħaġa li ngħożż. Mingħajr ma nesaġera l-mezzi għad-dispożizzjoni tagħna, irridu naġixxu f'għaqda kull meta l-interessi u l-valuri tagħna -- partikolarment il-valuri demokratiċi -- jkunu kkonċernati, l-ewwel nett fil-viċinat tagħna. Hawn huwa fejn tibda l-kredibbiltà tagħna.

L-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija juru li dawn l-aspirazzjonijiet huma kondiviżi madwar id-dinja. L-azzjoni deċiżiva tal-Ewropa fil-Libja wriet kif nistgħu nagħmlu differenza. F'postijiet fejn hemm tensjoni u taqlib, bħas-Sirja u l-Iran, aħna s-27 ninsabu magħquda, saħansitra fuq quddiem. Hawnhekk ukoll, l-Ewropa trid tibqa' simbolu ta' tama.

Huwa privileġġ li nkomplu l-ħidma għall-Ewropa f'dan il-mument deċiżiv. Xi wħud jgħidu li l-kriżi ddgħajjef l-Unjoni tagħna. Jiena nara xi ħaġa oħra madwar din il-mejda: sens ta' responsabbiltà komuni, id-determinazzjoni politika biex inkomplu flimkien fi triqitna.

Naf li intom ilkoll taqsmu miegħi il-konvinzjoni profonda li l-euro u l-Unjoni huma proġetti irriversibbli. Dawn isostnu u jinkarnaw l-ideal ta' kontinent ta' paċi, prosperità u demokrazija. Huwa dmirna li nkomplu dan l-isforz storiku.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website