Navigation path

Left navigation

Additional tools

Brussell, 14 ta' Diċembru 2012 Kummenti mill-President Van Rompuy wara l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ewropew

European Council - PRES/12/532   14/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 14 ta' Diċembru 2012

(OR. en)

236/12

PRESSE 532

PR PCE 199

Kummenti mill-President Van Rompuy
wara l-ewwel sessjoni tal-Kunsill Ewropew

Din hija ġimgħa tajba għall-Unjoni Ewropea, ġimgħa li għandna niftakruha. Nhar it-Tnejn konna Oslo. Dalgħodu l-Ministri tal-Finanzi qablu dwar Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) għall-banek, u ttieħdet deċiżjoni dwar il-Greċja fil-Grupp tal-Euro.

U llejla, kellna l-ewwel lejla ferm kostruttiva ta' dan il-Kunsill Ewropew. Ħadna deċiżjonijiet dwar it-triq 'il quddiem għaż-żona tal-euro, b'konċentrazzjoni fuq żewġ oqsma.

L-ewwel nett, it-tisħiħ tas-sistema bankarja tagħna.

Hawnhekk il-progress li nkiseb dalgħodu bl-istabbiliment tal-MSU jimmarka żvolta ġdida. Dan ser isaħħaħ is-settur finanzjarju tagħna. It-tkissir taċ-ċirku vizzjuż bejn l-Istati u l-banek ser jgħin biex tiġi żgurata l-istabbiltà u jittejbu l-kondizzjonijiet ta' self - essenzjali għat-tkabbir u l-impjiegi kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll lil hinn minnha.

Dan ksibnieh fi żmien ftit xhur biss. F'Ġunju, kien għad ma hemm xejn. Imbagħad il-Kunsill Ewropew fassal it-triq; eżatt wara s-sajf il-Kummissjoni kellha l-proposti lesti; u fi żmien tliet xhur il-ministri tal-finanzi laħqu qbil, filwaqt li l-Parlament diġà adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar din il-kwistjoni fil-livell ta' kumitat. F'Ġunju li għadda tlabna li l-MSU jkun lest f'Diċembru, u rnexxielna. Dan juri b'mod ċar il-ħila tal-Unjoni li tieħu azzjoni f'waqtha u deċiżiva; dan huwa l-mod tagħna, il-mod Ewropew tagħna ta' ħidma.

Il-ftehim dwar l-MSU jikseb bilanċ tajjeb. Huwa jaqdi l-ħtieġa tal-membri taż-żona tal-euro, filwaqt li huwa miftuħ għal kulħadd u jieħu kont ta' dawk li jagħżlu li ma jiħdux sehem. Huwa sistema tassew waħdanija, b'diviżjoni sensibbli tax-xogħol bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali.

Fir-rigward tal-BĊE, jiżgura separazzjoni ċara bejn il-politika monetarja u l-kompiti superviżorji. U finalment, jippreserva l-integrità tas-suq uniku għas-servizzi finanzjarji. Iżda aħna ma niqfux hawn; diġà qegħdin inħarsu lejn il-passi li jmiss: dan huwa essenzjali għall-ġejjieni taż-żona tal-euro.

Aħna qbilna li fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla nistabbilixxu qafas operazzjonali, li jinkludi d-definizzjoni ta' assi ta' legati, sabiex meta jiġi stabbilit l-MSU, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jkollu l-possibbiltà li jirrikapitalizza l-banek direttament, b'segwitu għal deċiżjoni regolari.

Biex l-MSU jkun aktar effettiv, illejla ddeċidejna li, meta l-MSU jkun stabbilit, "ser ikun meħtieġ mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni, bis-setgħat meħtieġa biex jiġi żgurat li kwalunkwe bank fl-Istati Membri parteċipanti jkun jista' jiġi riżolt bl-għodod adatti". Matul l-2013, il-Kummissjoni ser tippreżenta proposta, li għandha tiġi eżaminata bħala kwistjoni ta' prijorità, bil-ħsieb li tiġi adottata fiċ-ċiklu parlamentari attwali. L-għan huwa li jitnaqqsu r-riskji għal min iħallas it-taxxa u għall-ekonomija, billi jiġi żgurat li kwalunkwe falliment ta' banek jiġi indirizzat malajr u b'mod ordnat u fl-aħjar interess ta' kulħadd.

Dan iwassalni, wara l-progress fuq l-unjoni bankarja, għat-tieni qasam li fuqu kkonċentrajna llejla: li nqarrbu aktar il-politiki ekonomiċi tagħna. Il-punt tat-tluq huwa sempliċi: għall-pajjiżi li jikkondividu munita komuni, il-politiki ekonomiċi huma kwistjoni ta' interess komuni.

Bħala President tal-Kunsill Ewropew, ser nippreżenta miżuri possibbli u pjan direzzjonali bi żmien definit dwar erba' kwistjonijiet lill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2013, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-President tal-Kummissjoni, u wara proċess ta' konsultazzjonijiet mal-Istati Membri.

Dawn l-erba' kwistjonijiet huma:

- il-koordinazzjoni ta' riformi ekonomiċi kbar fl-Istati Membri, inkluż permezz ta' diskussjonijiet ex ante.
- id-dimensjoni soċjali tal-UEM
- il-fattibbiltà u l-modalitajiet ta' kuntratti maqbula b'mod reċiproku għall-kompetittività u t-tkabbir bejn il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet tal-UE.
- u finalment, mekkaniżmi ta' solidarjetà li jistgħu jsaħħu l-isforzi magħmula mill-Istati Membri li jidħlu f'tali arranġamenti kuntrattwali.

Dan kollu mhuwiex għan fih innifsu: l-għan ġenerali tagħna huwa UEM stabbli, sabiex jittejbu t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi madwar l-Ewropa.

Meta wieħed iħares lejn is-sitwazzjoni usa', anke jekk l-agħar tal-kriżi taż-żona tal-euro jinsab warajna, għad hemm ħafna li jeħtieġ isir. Iżda x-xogħol iebes kollu qed jibda jagħti l-frott.

Fl-aħħar mill-aħħar, inkiseb ħafna matul perijodu ta' sena. Eżattament tnax-il xahar ilu, is-'six-pack' daħal fis-seħħ. Din is-sena, qbilna dwar il-Patt Fiskali, niedejna l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u l-BĊE min-naħa tiegħu wkoll ta kontribut biex inrażżnu l-kriżi.

Dalgħodu, kif għidt, kien hemm il-ftehim dwar il-mekkaniżmu superviżorju uniku, u llejla ddeċidejna li nattwaw mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni.

Ilna minn Mejju involuti fi proċess biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet sistemiċi fl-arkitettura tal-UEM. Hawnhekk ir-rapporti li ppreżentajt flimkien mal-President tal-Kummissjoni, tal-BĊE u dak tal-Grupp tal-Euro bejn Ġunju u Diċembru għenu biex juru x'għandha tkun it-triq 'il quddiem. U din il-ħidma ma ntemmitx. Id-dinamika ser tissokta fis-sena li ġejja, kif iddeċidejna llejla.

Fl-aħħar nett, ippermettuli ngħid ftit kliem dwar id-deċiżjoni li ntlaħqet dalgħodu dwar il-Greċja. Dan huwa pass importanti. Id-deċiżjoni ser tgħin biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn Grieg fuq perijodu medju, u tippermetti li l-Greċja tiġi appoġġata fl-isforzi ta' aġġustament tagħha. Dan huwa sinjal b'saħħtu ta' solidarjetà Ewropea mal-poplu tal-Greċja u turija li l-pajjiż u s-sħab Ewropej tiegħu għadhom jirrispettaw l-impenji tagħhom. Dan huwa prova tal-irriversibbiltà tal-euro u taż-żona tal-euro.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website