Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 20 ta' Novembru 2012

(OR. en)

223/12

PRESSE 481

PR PCE 188

Ittra ta' stedina mill-President Herman Van Rompuy
lill-Kunsill Ewropew

Għandi l-pjaċir nistiednek għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta' Novembru 2012 fi Brussell. Irridu nilħqu ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss. Diġà kkommettejna ruħna għal dan f'diversi okkażjonijiet.

L-għan ta' din il-laqgħa huwa ċar: li niżguraw li fis-snin li ġejjin l-Unjoni jkollha l-mezzi meħtieġa biex tiffunzjona, waqt li jitqiesu r-restrizzjonijiet fiskali inevitabbli. Irridu nagħtu sinjal konkret tad-determinazzjoni tagħna li nagħmlu dak kollu meħtieġ biex noħorġu lill-Ewropa mill-kriżi. Ejja nkunu ċari: nuqqas ta' ftehim ikun ta' ħsara għalina lkoll. Hu għalhekk li għamilt arranġamenti biex, jekk ikun hemm bżonn, il-laqgħa tagħna tkun tista' titwal.

Il-ġimgħa li għaddiet, ippreżentajt l-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar il-QFP 2014-2020. Id-delegazzjonijiet kollha esprimew tħassib. Iżda kollha kemm aħna rridu nidħlu fi spirtu li jintlaħaq ftehim. Ipproponejna QFP bi tnaqqis ta' 80 biljun euro meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni. Naf li dan fih innifsu joħloq diffikultajiet. Madanakollu, kulħadd irid jifhem li, b'inqas flus, ma nistgħux nagħmlu l-istess affarijiet bħal qabel. L-għażliet politiċi kellhom isiru.

B'mod partikolari, ipproponejna li napplikaw il-qtugħ neċessarju b'mod kważi proporzjonali fuq kollox, waqt li nżommu mal-bilanċ tal-proposta tal-Kummissjoni. Nhar it-Tnejn filgħaxija smajt b'attenzjoni lill-Ministri tagħkom għall-Affarijiet Ewropej. Barra minn hekk, nhar il-Ħamis José Manuel Barroso u jien ser niltaqgħu ma' kull wieħed minnkom individwalment.

Il-laqgħa tagħna ser tibda l-Ħamis fit-20:00 bl-iskambju tradizzjonali ta' fehmiet mal-President tal-Parlament Ewropew. Wara r-ritratt tal-familja, ser nibdew naħdmu fit-20:30, biex intemmu l-proċedura dwar il-ħatra ta' membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, kif irrakkomandat mill-Kunsill. Wara dan, ser nibqgħu fil-kamra tal-laqgħa tagħna fis-sular 50, fejn jiġi servut il-pranzu.

Wara ser naqsam magħkom il-valutazzjoni tiegħi dwar il-QFP fid-dawl tal-laqgħat bilaterali kollha li kelli. L-intenzjoni tiegħi hi li l-Ħamis filgħaxija tinħareġ verżjoni riveduta tal-abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew.

Il-Ħamis filgħaxija ser ngħarrafkom dwar kif beħsiebi norganizza x-xogħol tagħna ta' nhar il-Ġimgħa. Narakom nhar il-Ħamis.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site