Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

15491/12

(OR. en)

PRESSE 447

PR CO 58

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

It-3196

Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Punti dwar it-Trasport

Lussemburgu, 29 ta’ Ottubru 2012

President Is-Sur Efthemios Flourentzou
Ministru tal-Komunikazzjoni u x-Xogħlijiet ta' Ċipru

Riżultati ewlenin tal-Kunsill

Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali għal riformulazzjoni tar-Regolament tal-1993 dwar l-allokazzjoni ta' slots għall-inżul u t-tluq fl-ajruporti tal-UE bi problemi ta' kapaċità. Sabiex titjieb kemm jista' jkun is-sistema ta' allokazzjoni fl-isfond ta' konġestjoni tal-ajruporti li qed tiżdied, l-abbozz ta' regolament ġdid ser jippermetti, b'mod partikolari, lil-linji tal-ajru jixtru u jbiegħu slots. Huwa ser jintroduċi wkoll il-possibbiltà li jintalab ħlas għar-ritorn tard ta' slots mhux użati fil-pool ta' slots u jtejjeb l-indipendenza tal-koordinaturi tas-slots u l-kooperazzjoni bejniethom. Il-kompromess li ntlaħaq fil-laqgħa tal-Kunsill jippermetti lill-Istati Membri japplikaw ir-restrizzjonijiet temporanji għall-iskambju ta' slots f'każijiet ġustifikati debitament, iżda jagħti d-dritt lill-Kummissjoni li topponi deċiżjoni bħal din.

Il-Kunsill qabel ukoll dwar approċċ ġenerali fuq żewġ abozzi għal direttivi li jistabbilixxu r-responsabbiltajiet tal-Istati tal-bandiera, minn naħa waħda, u l-Istati tal-port, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-infurzar tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu adottata fl-2006 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). L-għan tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu huwa li tiggarantixxi kundizzjonijiet deċenti ta' xogħol u għajxien fuq il-bastimenti u li tillimita d-dumping soċjali, u b'hekk tassigura kompetizzjoni ġusta għas-sidien tal-bastimenti li jirrispettaw id-drittijiet tal-baħħara.

Il-Kunsill laħaq qbil politiku dwar regolament ġdid dwar it-takografu użat fit-trasport bit-triq, b'ehkk ikkonferma essenzjalment l-approċċ ġenerali li ntlaħaq qbil dwaru mill-Kunsill f'Ġunju ta' din is-sena. L-abbozz ġdid ta' leġislazzjoni, li ser jieħu post ir-regolament dwar it-takografu tal-1985, huwa mfassal biex jagħmel il-frodi aktar diffiċli u jnaqqas il-piż amministrattiv, b'mod partikolari billi jintroduċi "takografu intelliġenti" konness mas-satelliti kif ukoll numru ta' miżuri regolatorji ġodda.

Barra minn hekk, il-Kunsill awtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta' ftehim mal-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol) li jistabbilixxi qafas ġdid u stabbli għal kooperazzjoni msaħħa.

Fl-aħħar, il-Kunsill kellu dibattitu dwar aġġornament propost tar-regoli komuni dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà fit-triq għal vetturi bil-mutur, maħsuba biex itejbu s-sigurtà fit-triq u l-protezzjoni tal-ambjent. Ir-riżultati tad-dibattitu ser jagħtu gwida għall-ħidma li għaddejja bħalissa fuq din il-proposta.

Mingħajr diskussjoni, il-Kunsill adotta direttiva li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea, li timmodernizza l-qafas regolatorju għas-settur ferrovjarju Ewropew, li tinsab fit-tliet direttivi tal-"ewwel pakkett ferrovjarju" tal-2001.

WERREJ1

PARTEĊIPANTI

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

AVJAZZJONI

L-indirizzar tal-konġestjoni fl-ajruporti billi jiġu aġġornati r-regoli dwar l-allokazzjoni ta' slots

Kooperazzjoni mtejba mal-Eurocontrol

TRASPORT MARITTIMU

L-infurzar tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu

TRASPORT FUQ L-ART

Ir-regolament dwar it-takografu

Regoli ġodda dwar kontrolli regolari tal-vetturi għall-affidabbiltà stradali

AFFARIJIET OĦRAJN

Konferenza Ministerjali dwar il-Politika Marittima Integrata tal-UE

Skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni

Summit tal-avjazzjoni dwar Ajru Uniku Ewropew

Inċidenti tal-ajru tal-kabina fl-inġenj tal-ajru

Laqgħa informali ta’ ministri tat-trasport u t-telekomunikazzjoni

Kungress Dinji dwar Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (STI)

Jum Ewropew tas-Sikurezza fit-Toroq

Relazzjonijiet ta’ trasport bejn l-UE u r-Russja

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

TRASPORT

  1. Żona ferrovjarja unika Ewropea

POLITIKA KUMMERĊJALI

  1. Antidumping - radjaturi tal-aluminju - iċ-Ċina

AFFARIJIET BARRANIN

  1. Id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilitajiet - Qafas fil-livell tal-UE

AMBJENT

  1. Kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar

  2. Vetturi li m’għadhomx jintużaw

IMPJIEGI

  1. Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għad-Danimarka u l-Ġermanja

ĦATRIET

  1. Kumitat tar-Reġjuni

ATTI ADOTTATI BI PROĊEDURA BIL-MIKTUB

  1. Miżuri restrittivi - Repubblika tal-Ginea

PARTEĊIPANTI

Il-Gvernijiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea kienu rappreżentati kif ġej:

Belġju:

Is-Sur Olivier BELLE Viċi Rappreżentant Permanenti

Bulgarija:

Is-Sur Kamen KICHEV Viċi Ministru tat-Trasport, it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

Repubblika Ċeka:

Is-Sur Jiří ŽÁK Viċi Ministru tat-Trasport

Danimarka:

Is-Sur Henrik Dam KRISTENSEN Ministru tat-Trasport

Ġermanja:

Is-Sur Peter RAMSAUER Ministru Federali tat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Urban

Estonja:

Is-Sur Juhan PARTS Ministru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Komunikazzjoni

Irlanda:

Is-Sur Leo VARADKAR Ministru tat-Trasport, it-Turiżmu u l-Isport

Greċja:

Is-Sur Konstantinos MOUSOUROULIS Ministru tal-Affarijiet Marittimi

Is-Sur Nikolaos STATHOPOULOS Segretarju Ġenerali

Spanja:

Is-Sinjura Ana María PASTOR JULIÁN Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi

Is-Sinjura Carmen LIBRERO Segretarju Ġenerali għat-Trasport

Franza:

Is-Sur Frédéric CUVILLIER Ministru responsabbli għat-Trasport, l-Oċeani u s-Sajd, fl-Uffiċċju tal-Ministru tal-Ekoloġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Enerġija

Italja:

Is-Sur Mario CIACCIA Viċi Ministru tal-Infrastruttura u t-Trasport

Ċipru:

Is-Sur Efthemios FLOURENTZOU Ministru tal-Komunikazzjoni u x-Xogħlijiet

Latvja:

Is-Sur Aivis RONIS Ministru tat-Trasport

Litwanja:

Is-Sur Rimvydas VAŠTAKAS Viċi Ministru tat-Trasport u l-Komunikazzjoni

Lussemburgu:

Is-Sur Claude WISELER Ministru tal-Iżvilupp Sostenibbli u l-Infrastruttura

Is-Sinjura Michèle EISENBARTH Viċi Rappreżentant Permanenti

Ungerija:

Is-Sur Olivér VÀRHELYI Viċi Rappreżentant Permanenti

Malta:

Is-Sur Austin GATT Ministru tal-Infrastruttura, it-Trasport u l-Komunikazzjoni

Pajjiżi l-Baxxi:

Is-Sinjura Melanie SCHULTZ van HAEGEN-MAAS GEESTERANUS Ministru tal-Infrastruttura u l-Ambjent

Is-Sur Joop ATSMA Segretarju tal-Istat għall-Infrastruttura u l-Ambjent

Awstrija:

Is-Sinjura Doris BURES Ministru Federali tat-Trasport, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

Polonja:

Is-Sur Maciej JANKOWSKI Viċi Segretarju tal-Istat, Ministeru tat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Ekonomija Marittima

Portugall:

Is-Sur Pedro COSTA PEREIRA Viċi Rappreżentant Permanenti

Rumanija:

Is-Sur Valentin PREDA Segretarju tal-Istat, Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura

Slovenja:

Is-Sur Uroš VAJGL Viċi Rappreżentant Permanenti

Slovakkja:

Is-Sur František PALKO Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Reġjonali

Finlandja:

Is-Sinjura Marja RISLAKKI Viċi Rappreżentant Permanenti

Svezja:

Is-Sinjura Catharina ELMSÄTER-SVÄRD Ministru tal-Infrastruttura

Renju Unit:

Is-Sur Stephen HAMMOND Sottosegretarju Parlamentari tal-Istat għat-Trasport

Il-Kummissjoni:

Is-Sur Siim KALLAS Viċi President

Il-Gvernijiet tal-Istati Aderenti ġew rappreżentati kif ġej:

Kroazja:

Is-Sur Siniša Hajdaš DONČIĆ Ministru għall-Affarijiet Marittimi, it-Trasport u l-Infrastruttura

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

AVJAZZJONI

L-indirizzar tal-konġestjoni fl-ajruporti billi jiġu aġġornati r-regoli dwar l-allokazzjoni ta' slots

Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali għal riformulazzjoni tar-regolament tal-1993 dwar l-allokazzjoni ta' slots għall-inżul u t-tluq fl-ajruporti tal-UE (15442/12). Is-sistema ta' allokazzjoni, li ġiet implimentata f'ajruporti li għandhom nuqqas sinifikanti ta' kapaċità, hija għodda biex tiġi mmaniġġata kapaċità skarsa b'mod trasparenti u nondiskriminatorju. Ir-reviżjoni hija maħsuba biex tindirizza l-konġestjoni li qed tikber tal-ajruporti.

Ir-reviżjoni għandha l-għan tiżgura li s-slots f'ajruporti b'konġestjoni huma allokati lil dawk it-trasportaturi bl-ajru li jistgħu jagħmlu l-aħjar użu ekonomiku tagħhom, biex b'hekk jiġu pprovduti allokazzjoni u użu tal-kapaċità ottimu. Għal dan il-għan, ser jiġu introdotti serje ta' miżuri:

- il-linji tal-ajru ser ikunu jistgħu jbiegħu u jixtru slots ("negozjar sekondarju");

- l-Istati Membri ser ikollhom il-possibbiltà li jintroduċu ħlasijiet għal trasportaturi bl-ajru li jirritornaw slots mhux użati fil-pool tas-slots meta jkun tard wisq għal allokazzjoni mill-ġdid;

- l-indipendenza tal-koordinaturi tas-slots u l-kooperazzjoni bejniethom ser jissaħħu, u ser titjieb it-trasparenza tal-proċess ta' allokazzjoni;

- l-amministratur tan-Netwerk tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) ser jiġi assoċjat mal-proċess ta' allokazzjoni sabiex ikun jista' jitqies l-impatt tal-allokazzjoni tal-kapaċità f'ajruport partikolari fuq in-netwerk Ewropej tat-traffiku tal-ajru kollu.

Il-kwistjoni prinċipali pendenti li kienet teħtieġ li tissolva mill-Ministri kienet tikkonċerna l-possibbiltà li l-linji tal-ajru jbiegħu u jixtru slots. Xi delegazzjonijiet talbu l-introduzzjoni ta' salvagwardji minħabba tħassib dwar l-impatt negattiv possibbli tan-negozjar sekondarju fuq titjiriet reġjonali li ekonomikament iħallu inqas profitt jew dwar l-użu spekulattiv potenzjali ta' slots skambjati. Madankollu, delegazzjonijiet oħra kif ukoll il-Kummissjoni enfasizzaw il-ħtieġa ta' applikazzjoni uniformi tas-sistema, billi indikaw ir-riskju ta' frammentazzjoni tas-suq. Bħala kompromess aċċettabbli għall-maġġoranza tad-delegazzjonijiet, it-test tal-abbozz ta' regolament ippreżentat mill-Presidenza (15282/12) ġie emendat biex l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw restrizzjonijiet temporanji meta tinqala' problema sinifikanti u dimostrabbli fir-rigward tan-negozjar sekondarju. Restrizzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, ġustifikati u kkomunikati lill-Kummissjoni dwarhom, li għandha d-dritt topponihom. L-Istati Membri ser ikunu obbligati jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li għandha wkoll tkun motivata.

Barra minn hekk, dejjem fil-qafas tal-iskema ta' negozjar sekondarju, il-kundizzjonijiet ma għadhomx stretti ħafna fir-rigward tal-użu ta' slots b'ħin ġdid riċevuti wara skambju ta' slots li jkunu għadhom kemm inkisbu, li huwa permess biss sabiex il-ħinijiet tas-slots jitjiebu għas-servizzi kkonċernati. Intlaħaq qbil li slots b'ħin ġdid bħal dawn mhux bilfors ikunu operati matul perijodu ta' skedar sħiħ.

Il-kompromess miksub jinkludi wkoll numru ta' bidliet lill-partijiet oħra tal-abbozz ta' regolament:

- Meta l-irtirar ta' slots fil-każ ta' użu ħażin ikun sproporzjonat, il-koordinatur ikollu l-għażla alternattiva li jirrakkomanda l-impożizzjoni ta' penali.

- Id-dispożizzjonijiet dwar il-kanċellazzjoni tas-slots minħabba festa pubblika tneħħew billi huma kkunsidrati bħala żejda.

- Saru wkoll bidliet żgħar lid-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri għall-koordinazzjoni f'emerġenza, dwar l-aċċess tal-bażi ta' data tal-koordinatur, dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mit-trasportaturi bl-ajru u dwar l-informazzjoni li għandha tingħata mill-koordinatur lill-korp ta' ġestjoni ta' ajruport.

Fir-rigward tal-bidliet proposti mill-Kummissjoni għall-kundizzjonijiet attwali biex tingħata prijorità fl-allokazzjoni tas-slots lil operaturi li diġà kellhom l-istess slots fi staġuni ta' skedar preċedenti ("slots storiċi"), id-diskussjonijiet fil-korpi preparatorji tal-Kunsill diġà wrew li maġġoranza kbira ta' Stati Membri huma kontra dawk il-bidliet. Fil-laqgħa tal-Kunsill, il-Kummissjoni tenniet il-proposta tagħha li żżid ir-rata minima minn 80% għal 85% li biha t-trasportaturi għandhom ikunu użaw b'mod effettiv is-slots allokati u n-numru minimu ta' slots li għandu jintalab għall-istess ħin fl-istess jum tal-għimgħa ("serje ta' slots") mill-5 attwali għal 15 għall-istaġun tas-sajf u 10 għall-istaġun tax-xitwa. Għall-kuntrarju, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jippreferu jżommu s-sistema attwali, filwaqt li indikaw il-ħtieġa ta' flessibbiltà għal-linji tal-ajru, b'mod partikolari biex jiġu evitati titjiriet vojta operati biss biex jiġi żgurat id-dritt għas-slots. Madankollu, ser ikun possibbli li jiżdied in-numru minimu ta' slots meħtieġ fil-qafas tal-linji gwida lokali.

Il-proposta, ippreżentata mill-Kummissjoni f'Diċembru 2011 (18009/11), hija parti mill-"pakkett tal-ajruporti" li jinkludi wkoll proposti dwar is-servizzi tal-ground handling u restrizzjonijiet relatati mal-istorbju fl-ajruporti. Il-pakkett jindirizza żewġ sfidi ewlenin: il-kapaċità fl-ajruporti u l-kwalità tas-servizzi tal-ajruporti.

Il-Parlament Ewropew, li l-approvazzjoni tiegħu hija meħtieġa wkoll għall-adozzjoni tar-regolament, għadu ma ddeterminax il-pożizzjoni tiegħu dwar il-proposta.

Kooperazzjoni mtejba mal-Eurocontrol

Il-Kunsill awtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta' ftehim mal-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol) li jistabbilixxi qafas ġdid u stabbli għal kooperazzjoni msaħħa (13792/12).

Il-ftehim, li jelenka l-oqsma ta' kooperazzjoni u jiddefinixxi l-forom u l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni, jikkonferma l-Eurocontrol bħala l-għodda teknika u operattiva tal-UE fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programm tagħha għal Ajru Uniku Ewropew (SES), filwaqt li jqiegħed lill-UE bħala r-regolatur ta' dan il-programm. Huwa jipprovdi wkoll qafas għal koordinazzjoni ċivili militari għall-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru u koordinazzjoni pan-Ewropea lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Barra minn hekk, huwa ser jippermetti lill-UE biex tagħti kontribut għar-riforma li għaddejja tal-istruttura ta' governanza tal-Eurocontrol.

Barra dan, il-ftehim għandu l-għan jiżgura sinerġiji mal-ħidma tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni u jevita d-duplikazzjoni tagħha fi kwistjonijiet tal-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru relatati mas-sikurezza u kwistjonijiet ambjentali.

Il-Eurocontrol hija organizzazzjoni ċivili-militari intergovernattiva b'39 parti kontraenti minn madwar l-Ewropa kollha, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE minbarra l-Estonja. Hija taqdi rwol ċentrali fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) fl-Ewropa u tipprovdi opinjoni esperta u għajnuna teknika lill-UE f'dan il-qasam. Is-sena l-oħra, il-Eurocontrol ġiet nominata bħala direttur tan-netwerk tal-ATM għall-programm Ajru Uniku Ewropew, li huwa mfassal biex jistabbilixxi sistema sikura u effiċjenti ta' ġestjoni tat-traffiku bl-ajru fuq livell Ewropew abbażi ta' qafas legali adottat fl-2004 u l-2009.

TRASPORT MARITTIMU

L-infurzar tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu

Il-Kunsill qabel dwar approċċ ġenerali dwar żewġ abozzi għal direttivi li jistabbilixxu r-responsabbiltajiet tal-Istati tal-bandiera, minn naħa waħda, u l-Istati tal-port, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-infurzar tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu adottata fl-2006 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

L-abbozz ta' direttiva dwar l-Istat tal-bandiera (14790/12) għandu l-għan li jiżgura li l-Istati Membri jwettqu l-obbligi tagħhom bħala Stati tal-bandiera li jissorveljaw il-konformità tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2009/13, li inkorporat parti kbira mill-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu fil-liġi tal-UE. Id-direttiva l-ġdida hija meħtieġa minħabba li d-direttiva tal-2009, li timplimenta ftehim bejn l-imsieħba soċjali tal-Unjoni dwar dik il-Konvenzjoni, ma tkoprix l-infurzar.

Bħala riżultat tal-ħidma fil-korpi preparatorji tal-Kunsill, il-proposta tal-Kummissjoni (8241/12) ġiet emendata, b'mod partikolari biex tipprevedi skadenza itwal għat-traspożizzjoni u biex l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw sistema ta' monitoraġġ aktar flessibbli għal bastimenti iżgħar ta' inqas minn 200 tunnellaġġ gross mhux involuti fi vjaġġi internazzjonali.

Is-Slovenja għandha dubji dwar il-bażi legali magħżula għad-direttiva, li mhijiex dispożizzjoni dwar il-politika soċjali tat-trattat, kif kien il-każ għad-direttiva tal-2009, iżda dispożizzjoni dwar it-trasport, meqjusa aktar adegwata mill-Kummissjoni. Għalhekk, din id-delegazzjoni astjeniet u ħarġet dikjarazzjoni biex tispjega l-pożizzjoni tagħha (14790/12 ADD 2).

L-abbozz ta' direttiva, li jinkorpora partijiet tad-dispożizzjonijiet ta' infurzar tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, titlob lill-Istati tal-bandiera biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta' spezzjoni sabiex jiżguraw monitoraġġ ta' konformità. Huwa jistipula wkoll li l-persunal responsabbli għal dak il-monitoraġġ għandu jkollu l-kompetenza professjonali u l-indipendenza meħtieġa. Barra minn hekk, huwa jipprevedi proċedura għall-ilmenti.

L-abbozz ta' direttiva dwar l-Istat tal-port (13904/12) jemenda d-Direttiva 2009/16 dwar il-kontroll tal-Istat tal-port. L-emendi jikkonċernaw b’mod partikolari

  1. l-inklużjoni ta' dokumenti ġodda li għandhom jiġu vverifikati, b'mod partikolari ċ-"ċertifikat tax-xogħol marittimu" u d-"dikjarazzjoni tal-konformità tax-xogħol marittimu";

  2. l-estensjoni tal-ispezzjonijiet biex ikopru rekwiżiti oħra tal-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu;

  3. it-trattament tal-ilmenti, u

  4. l-inklużjoni ta' ksur serju jew ripetut tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu bħala raġuni għad-detenzjoni ta' bastimenti.

Barra minn hekk, ġew introdotti regoli ġodda dwar is-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni biex jittieħed kont tal-proċeduri l-ġodda stabbiliti mit-Trattat ta' Lisbona, li daħlu fis-seħħ wara l-adozzjoni tad-direttiva tal-2009.

Waqt id-diskussjonijiet fil-korpi preparatorji tal-Kunsill, saru xi tibdiliet għall-proposta tal-Kummissjoni (8239/12). B'mod partikolari, ġie deċiż li titneħħa l-possibbiltà li bastimenti rreġistrati taħt il-bandiera ta' stat li ma jkunx irratifika sett ta' konvenzjonijiet jiġu soġġetti għal spezzjonijiet ulterjuri fi kwalunkwe mument, apparti l-ispezzjonijiet regolari. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu ġiet iċċarata, bil-preambolu għad-direttiva jispeċifika li huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jikkonformaw mal-proċeduri u l-prattiki skont il-Konvenzjoni. Barra dan, il-Kunsill estenda l-lista ta' konvenzjonijiet li l-kontroll tal-Istat tal-port għandu jitwettaq għalihom, billi żied żewġ konvenzjonijiet, b'mod partikolari konvenzjonijiet dwar il-kontroll ta' sistemi perikolużi antiveġetattivi fuq il-bastimenti u dwar ir-responsabbiltà ċivili għal ħsara mit-tniġġis miż-żejt tal-bunker; dan għandu jikkontribwixxi biex titjieb aktar il-protezzjoni ambjentali fil-portijiet tal-UE. B'mod ġenerali, il-formulazzjoni tal-abbozz ta' direttiva ġiet allinjata aktar mat-test tal-Konvenzjoni.

Il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-Xogħol Marittimu għandha l-għan li tiggarantixxi kundizzjonijiet deċenti ta' għajxien u xogħol fuq il-bastimenti u li tillimita d-dumping soċjali, u b'hekk tassigura kompetizzjoni ġusta għas-sidien tal-bastimenti li jirrispettaw id-drittijiet tal-baħħara. Il-Konvenzjoni tkopri kwistjonijiet bħar-rekwiżiti minimi għall-baħħara biex jaħdmu fuq bastiment; il-kundizzjonijiet tal-impjieg; akkomodazzjoni, faċilitajiet rikreattivi u l-provvista tal-ikel u x-xorb; il-protezzjoni tas-saħħa, il-kura medika, is-servizzi soċjali u l-protezzjoni tas-sigurtà soċjali, kif ukoll il-konformità u l-infurzar;

TRASPORT FUQ L-ART

Ir-regolament dwar it-takografu

Il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar regolament ġdid dwar it-takografu użat fit-trasport bit-triq (13725/12). Il-ftehim politiku jikkonferma l-approċċ ġenerali miftiehem mill-Kunsill f’Ġunju dis-sena, filwaqt li jadatta daqsxejn il-formulazzjoni ta’ xi partijiet biex fl-istess waqt jitqiesu l-emendi adottati mill-Parlament Ewropew.

Madankollu, delegazzjoni minnhom indikat li ma setgħetx tappoġġja t-test tal-abbozz tar-regolament minħabba li xtaqet tara eżenzjoni usa’ mill-obbligu ta’ użu tat-takografu għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Il-ftehim politiku ser jiġi formalizzat fil-forma ta' pożizzjoni fl-ewwel qari wara li jkunu saru l-kontrolli legali u lingwistiċi. B’mod parallel, il-Kunsill ser ikompli in-negozjati informali tiegħu mal-Parlament Ewropew biex jipprova jilħaq qbil dwar test finali li għandu jiġi adottat b’mod konġunt fit-tieni qari miż-żewġ istituzzjonijiet.

L-għan tal-abbozz ġdid ta’ leġislazzjoni, li ser jissostitwixxi r-regolament tal-1985 dwar it-takografi, huwa li jagħmilha aktar diffiċli biex issir frodi u li jnaqqas il-piż amministrattiv billi jsir użu sħiħ minn teknoloġiji ġodda u jiġu introdotti għadd ta’ miżuri regolatorji ġodda.

It-test miftiehem mill-Kunsill fih l-elementi ewlenin li ġejjin:

Fir-rigward tal-użu tat-teknoloġija:

  1. Ir-reġistrazzjoni manwali attwali tal-post tal-vettura ser teħdilha postha reġistrazzjoni awtomatizzata permezz ta’ pożizzjonar bis-satellita. Biex jitnaqqsu l-ispejjeż, ser jintużaw biss servizzi b’pożizzjonar mingħajr ħlas.

  2. Komunikazzjoni remota mit-takografu li jagħti informazzjoni bażika dwar il-konformità ser tagħmel possibbli l-identifikazzjoni bikrija ta' manipulazzjoni jew użu ħażin possibbli, u b'hekk tippermetti li l-uffiċjali jidentifikaw aħjar il-ħtieġa għal kontrolli mal-ġenb tat-triq u jevitaw kontrolli mhux meħtieġa. Madankollu, l-Istati Membri mhux ser ikunu obbligati li jiżguraw li l-awtoritajiet ta' spezzjoni tagħhom ikunu mgħammra bl-istrumenti meħtieġa għall-identifikazzjoni remota bikrija ta' dan it-tip.

  3. Barra minn hekk, it-takografu jista' jkun mgħammar b’interfaċċja li tiffaċilita l-integrazzjoni tiegħu fis-Sistemi Intelliġenti ta’ Trasport (STI), soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

L-abbozz ta’ regolament fih ukoll salvagwardji għall-protezzjoni ta’ data personali: ir-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni tal-vettura ser tkun limitata għall-punt tal-bidu u tat-tmiem tal-perijodu ta’ ħidma ta’ kuljum; l-aċċess għad-data ser ikun ristrett għal awtoritajiet ta’ kontroll; u ser ikun meħtieġ il-kunsens espliċitu tas-sewwieq għall-aċċess għad-data personali permezz ta’ apparat estern b’STI.

It-“takografu intelliġenti”, jiġifieri l-applikazzjoni tat-teknoloġija l-ġdida marbuta mas-satelliti, ser isir obbligatorju 40 xahar wara li jkunu ġew stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-takografu l-ġdid, probabbilment fl-2017 jew fl-2018.

Il-bidliet regolatorji jinkludu rekwiżiti aktar stretti għall-ħwienet tax-xogħol li huma responsabbli għall-istallazzjoni u l-kalibrazzjoni tat-takografi. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, l-eżenzjoni mill-obbligu li jintużaw it-takografi, li l-Istati Membri jistgħu jagħtu lil ċerti utenti - l-iktar lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju - ser tiġi estiża: għal dawk l-utenti, l-abbozz ġdid ta’ regolament jintroduċi eżenzjoni għal operazzjonijiet ta’ trasport f’raġġ ta’ 100 km, filwaqt li s’issa l-eżenzjoni kienet limitata għal 50 km f’ċerti każijiet.

Il-miżuri regolatorji ser jibdew japplikaw sentejn wara l-pubblikazzjoni tar-regolament fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-regoli dwar l-approvazzjoni u l-kontroll tal-ħwienet tax-xogħol u l-użu tal-kards tas-sewwieqa, li ser ikunu applikabbli sena qabel.

It-test miftiehem mill-Kunsill ma jinkludix il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi inkorporat mikroċipp b'funzjonalitajiet tal-kard tas-sewwieqa fil-liċenzja tas-sewqan għal xufiera professjonali, peress li l-maġġoranza tad-delegazzjonijiet għandhom dubji dwar jekk il-benefiċċji ta’ tali amalgamazzjoni jiġġustifikawx l-ispejjeż li din tinvolvi.

Il-Kummissjoni għandha għadd ta’ dubji dwar it-test kif emendat mill-Kunsill (ara d-dikjarazzjoni fi 13725/12 ADD 1). Minbarra t-tħassir tal-amalgazzjoni tal-kards, tqis li d-data tal-introduzzjoni tat-“takografu intelliġenti” hi tard wisq u hija mħassba wkoll dwar il-possibbiltà li jinħarġu kards lil sewwieqa li jgħixu f’territorji tal-Istati Membri fejn it-trattati tal-UE ma japplikawx (jiġifieri l-Gżejjer Faeroe u l-Groenlandja).

Il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta tagħha f’Lulju 2011 (13195/11). Il-Parlament Ewropew wasal għall-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari dwar il-proposta f’Lulju 2012.

Regoli ġodda dwar kontrolli regolari tal-vetturi għall-affidabbiltà stradali

Il-Kunsill organizza dibattitu dwar proposta għal regolament li jaġġorna r-regoli komuni dwar testijiet perjodiċi obbligatorji tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur (12786/12). Id-dibattitu, li kien ibbażat fuq dokument tal-presidenza (15093/12), iffoka fuq il-livell ta’ armonizzazzjoni tat-testijiet tal-vetturi li għandu jinkiseb permezz tar-regoli l-ġodda kif ukoll fuq il-lista ta’ vetturi li għandhom jiġu kkontrollati regolarment u l-frekwenza ta’ dawn il-kontrolli. L-għan tad-dibattitu kien li tingħata gwida lill-korpi preparatorji tal-Kunsill għall-ħidma attwali dwar il-proposta tal-Kummissjoni.

Il-Kunsill ġeneralment wera attitudni pożittiva lejn l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tarmonizza iktar ir-regoli komuni dwar kontrolli tal-vetturi. Numru kbir ta’ ministri qiesu li tali inizjattiva leġislattiva tista’ tikkontribwixxi b’mod utli għall-kisba ta’ dawn l-objettivi ta’ iktar sikurezza fit-toroq u titjib tal-protezzjoni tal-ambjent.

Madankollu, bosta Stati Membri kellhom dubji dwar il-forma legali tal-leġislazzjoni proposta u kieku jippreferu direttiva iktar milli regolament; huma qiesu li direttiva, li tħalli iktar skop għal biex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri, tkun iktar adatta biex jinkiseb livell aħjar ta’ armonizzazzjoni u implimentazzjoni adegwata. Delegazzjoni minnhom ma ħassitx il-ħtieġa għal inizjattiva bħal dik proposta mill-Kummissjoni fl-istadju attwali, filwaqt li indikat l-ispejjeż għoljin involuti u qajmet dubji dwar il-benefiċċji fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq.

Maġġoranza ta’ Stati Membri qajmu tħassib dwar il-lista ta’ vetturi li għandhom jiġu kkontrollati, b’għadd kbir ta’ delegazzjonijiet iqajmu dubji dwar l-estensjoni tal-kontrolli ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti, tratturi jew trailers ħfief. Barra minn hekk, bosta delegazzjonijiet ma kienux konvinti mill-proposta biex tiżdied il-frekwenza tal-kontrolli.

L-aġġornament propost mill-Kummissjoni hu maħsub biex titjieb is-sikurezza fit-toroq, u b’mod partikolari biex jikkontribwixxi għall-mira tal-UE li n-numru ta’ fatalitajiet fit-toroq jitnaqqas bin-nofs sal-2020. Dan għandu l-għan ukoll biex titjieb il-protezzjoni tal-ambjent billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-vetturi relatati ma’ manutenzjoni ħażina.

Meta mqabbel mar-regoli attwali taħt id-direttiva tal-2009 li tat definizzjoni tal-istandards minimi għat-testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi estiż l-ambitu tal-kontrolli biex jinkludi muturi u scooters kif ukoll trailers ħfief (inqas minn 3,5 tunellati), u biex tiżdied il-frekwenza tat-testijiet għal vetturi eqdem. Barra minn hekk, għandhom jiġu introdotti rekwiżiti ġodda, b’mod partikolari għat-tagħmir tat-testijiet, ħiliet u taħriġ għall-ittestjar tal-persunal u s-superviżjoni ta’ ċentri ta’ ttestjar.

Il-proposta tipprevedi li, skont is-sistema attwali, il-karozzi għandhom jiġu kkontrollati għall-ewwel darba mhux inqas minn erba’ snin wara d-data tal-ewwel reġistrazzjoni, bit-tieni spezzjoni sseħħ mhux iktar tard minn sentejn wara. Madankollu, il-frekwenza minima ta’ kontrolli sussegwenti m’għandhiex tibqa’ iktar kull sentejn iżda ssir kull sena. Din ir-reviżjoni hi meqjusa neċessarja hekk kif id-data turi li n-numru ta’ inċidenti serji minħabba ħsara teknika jiżdied sostanzjalment wara ħames snin. Barra minn hekk, vetturi b’kilometraġġ għoli, jiġifieri 160 000 km fl-ewwel test regolari tal-affidabbiltà stradali, għandhom jiġu soġġetti għal kontrolli annwali għal raġunijiet ta’ sigurtà. L-istess intervalli għandhom japplikaw ukoll għall-muturi u l-iscooters. Hi meqjusa neċessarja l-inklużjoni ta’ din il-kategorija ta’ vetturi fl-iskema ta’ spezzjonijiet, minħabba li dawk li jsuqu l-muturi huma l-grupp ta’ utenti tat-triq bl-ogħla riskji ta’ sikurezza.

Ir-regolament propost, ippreżentat mill-Kummissjoni f’Lulju 2012, huwa parti minn “pakkett tal-affidabbiltà stradali” li jinkludi wkoll proposti għal regolament dwar l-ispezzjonijiet waqt it-traġitt ta’ vetturi kummerċjali (12809/12) u dwar id-dokumenti ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi (12803/12).

AFFARIJIET OĦRAJN

Konferenza Ministerjali dwar il-Politika Marittima Integrata tal-UE

Il-presidenza informat lill-ministri dwar il-konferenza ministerjali informali dwar il-Politika Marittima Integrata tal-UE, li saret f’Limassol (Ċipru) fis-7 u t-8 ta’ Ottubru. Id-diskussjonijiet waqt il-konferenza kkonċentraw fuq l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet tal-baħar u marittimi qiesu l-fatturi kruċjali li jixprunaw it-tkabbir u l-impjiegi kif ukoll fuq il-miżuri ta’ appoġġ li għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u l-iżvilupp futur tal-Politika Marittima Integrata. Il-konferenza adottat id-“Dikjarazzjoni ta’ Limassol”, li tippromovi aġenda tal-baħar u marittima biex tappoġġa l-Istrateġija Ewropa 2020 (14792/12). L-adozzjoni tad-dikjarazzjoni taħbat mal-pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inizjattiva tat-Tkabbir Blu, li fformat d-dokument ewlieni ta’ appoġġ għall-konferenza (13908/12).

Skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni

Il-Kummissjoni rrapportat lill-ministri dwar it-tħejjijiet tal-Unjoni għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) li ser issir mid-29 ta’ Ottubru sas-16 ta’ Novembru f’Montreal, fejn ser tiġi diskussa l-kwistjoni ta’ miżuri biex jiġu indirizzati emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali (15449/12). L-UE tqis li l-aħjar mod ’il quddiem huwa qafas globali għal miżuri bbażati fuq is-suq, mibni fuq il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. Jekk jista’ jintlaħaq qbil dwar qafas bħal dan fil-futur qrib, l-UE tista’ tuża l-flessibbiltajiet previsti mil-leġislazzjoni tagħha dwar l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet biex jitqiesu l-approċċi globali mingħajr ma jiġu kompromessi l-objettivi tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (ETS) tagħha stess.

Il-Kummissjoni aġġornat ukoll lill-ministri dwar l-iżviluppi riċenti fir-rigward tal-oppożizzjoni minn pajjiżi li mhumiex fl-UE għall-applikazzjoni tal-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (ETS) għal-linji tal-ajru tagħhom.

Summit tal-avjazzjoni dwar Ajru Uniku Ewropew

Il-presidenza rrapportat lill-Kunsill dwar is-summit tal-avjazzjoni organizzat b’mod konġunt mal-presidenza Ċiprijotta u l-Kummissjoni Ewropea f’Limassol nhar il-11 u t-12 ta’ Ottubru, li ddiskuta l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) u l-passi li jmiss li għandhom jittieħdu (15010/12). Id-dibattitu enfasizza erba’ kwistjonijiet: l-iskema tal-prestazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru; il-blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali; il-programm SESAR (riċerka dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru SES), li huwa l-pilastru teknoloġiku tas-SES; u aġġornament tal-qafas regolatorju SES li ser jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni. Waqt il-konferenza saret enfasi li jridu jsiru sforzi ġodda biex jitlestew il-komponenti kollha tal-SES.

Inċidenti tal-ajru tal-kabina fl-inġenj tal-ajru

Id-delegazzjoni Ġermaniża esprimiet it-tħassib tagħha dwar in-numru dejjem ikbar ta’ inċidenti b’arja tal-kabina kkontaminata, b’mod partikolari riħa ta’ żejt, fl-inġenji tal-ajru (15117/12). Hi tqis li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata fil-livell tal-UE u għaldaqstant ħeġġet lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjon (EASA) biex jieħdu azzjoni.

Il-Kummissjoni stabbilixxiet li studji riċenti ma sabux evidenza biex juru li tali inċidenti kienu problema reali għas-sikurezza, iżda li ser tkompli tissorvelja din il-kwistjoni.

Laqgħa informali ta’ ministri tat-trasport u t-telekomunikazzjoni

Il-presidenza informat lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-laqgħa informali tal-ministri tat-trasport u t-telekomunikazzjoni li saret f’Nikosija fis-17 ta’ Lulju (12750/12). F’dik il-laqgħa, il-ministri ddiskutew kif l-aħjar li jiġu integrati żewġ politiki ċentrali tal-UE, l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa u l-politika tat-trasport tal-UE. L-għan huwa li tintuża b’mod sħiħ l-implimentazzjoni ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (STI) sabiex isir kontribut għall-moviment iktar sikur u iktar effiċjenti ta’ persuni u prodotti permezz tan-netwerks tat-trasport. L-aspetti ewlenin enfasizzati kienu l-ftuħ ta’ riżorsi ta’ data pubblika u l-iżvilupp ta’ STI biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ multimodalità, bħall-ippjanar tal-vjaġġi ħruġ ta’ biljetti integrat.

Il-konklużjonijiet li nsiltu mill-presidenza abbażi tar-riżultati tal-laqgħa informali ġew ippreżentanti wkoll lill-Kungress Dinji fi Vjenna dwar is-STI li sar f’Ottubru.

Kungress Dinji dwar Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (STI)

Id-delegazzjoni Awstrijaka għarrfet lill-Kunsill dwar ir-riżultati tar-round table ministerjali li saret fil-qafas tad-19-il Kungress Dinji tas-STI, li kien organizzat fi Vjenna mit-22 sas-26 ta’ Ottubru u matulu ġew diskussi l-aħħar xejriet u politiki fis-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti. Ir-round table internazzjonali, li saret fil-jum tal-inawgurazzjoni tal-kungress, ikkonċentrat fuq id-diskussjoni ta’ eżempji tal-aħjar prattika u l-ħtiġijiet u l-isfidi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-STI. Ikkonkludiet bi stqarrija konġunta dwar approċċ komuni għal sistemi ta’ trasport iktar sikuri, iktar effiċjenti u li jħarsu l-ambjent u impenn politiku ikbar għall-integrazzjoni tas-STI fil-politiki nazzjonali tat-trasport (15397/12).

Jum Ewropew tas-Sikurezza fit-Toroq

Il-presidenza u l-Kummissjoni għarrfu lill-ministri dwar ir-raba’ Jum Ewropew tas-Sikurezza fit-Toroq organizzat f’Nikosija fil-25 ta’ Lulju, bil-għan li jżid is-sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ dwar is-sikurezza fit-toroq (14844/12 u 15159/12). Il-konferenza inkludiet workshops dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ, infurzar miżjud bl-istabbiliment ta’ rispett reċiproku bejn il-pulizija u ż-żgħażagħ, u imġiba riskjuża bħall-użu ta’ alkoħol jew drogi u s-sewqan eċċessiv.

Relazzjonijiet ta’ trasport bejn l-UE u r-Russja

Il-Kummissjoni informat lill-Kunsill dwar in-numru dejjem ikbar ta’ problemi fir-relazzjonijiet mar-Russja fis-setturi tal-avjazzjoni, it-trasport bit-triq u l-ferroviji (14838/12) Il-kwistjonijiet jikkonċernaw b’mod partikolari l-ħlasijiet għal titjiriet minn fuq is-Siberja u d-diskriminazzjoni fit-tariffi tat-triq u r-rati tal-merkanzija ferrovjarja. Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jaġixxu flimkien biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni.

PUNTI OĦRAJN APPROVATI

TRASPORT

Żona ferrovjarja unika Ewropea

Il-Kunsill adotta1 direttiva li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (direttiva: 44/12, stqarrijiet: 14820/12 ADD 1 REV 3), wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew tal-kompromess milħuq fin-negozjati bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.

L-abbozz ta’ direttiva huwa riformulazzjoni tat-tliet direttivi tal-“ewwel pakkett ferrovjarju” tal-2001, li nieda ftuħ gradwali tas-settur ferrovjarju għal kompetizzjoni fil-livell Ewropew. L-għan tar-riformulazzjoni huwa li jiġi ssimplifikat, iċċarat u mmodernizzat il-qafas regolatorju tas-settur ferrovjarju Ewropew sabiex tiżdied il-kompetizzjoni, tissaħħaħ is-superviżjoni tas-suq u jitjiebu l-kundizzjonijiet għall-investiment fis-settur.

Għal iktar informazzjoni, ara l-istqarrija għall-istampa dwar il-qbil li ntlaħaq bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew f’Ġunju (11543/12).

POLITIKA KUMMERĊJALI

Antidumping - radjaturi tal-aluminju - iċ-Ċina

Il-Kunsill adotta regolament li jimponi dazju tal-antidumping definittiv u l-ġbir b’mod definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ radjaturi tal-aluminju li joriġinaw miċ-Ċina (14704/12).

AFFARIJIET BARRANIN

Id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilitajiet - Qafas fil-livell tal-UE

Il-Kunsill waqqaf qafas fil-livell tal-UE biex jippromovi, iħares u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilitajiet. Il-Qafas fil-livell tal-UE jikkomplementa l-oqfsa u l-mekkaniżmi nazzjonali u jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni f’żewġ oqsma: fil-leġislazzjoni u l-politika tal-UE u fl-amministrazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE, pereżempju fir-rigward tal-impjegati tagħhom kif ukoll l-interazzjoni tagħhom maċ-ċittadini u mal-pubbliku.

AMBJENT

Kontenut ta’ kubrit fil-fjuwils tal-baħar

Il-Kunsill adotta direttiva li temenda d-direttiva 1999/32/KE fir-rigward tal-kontenut ta’ kubrit fil-fjuwil tal-baħar (PE-CONS 31/12).

L-emissjonijiet mit-trasport marittimu minħabba l-kombustjoni ta’ fjuwils tal-baħar b’kontenut għoli ta’ kubrit jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja fil-forma ta’ diossidu tal-kubrit u materja partikulata, li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem u jikkontribwixxu għall-aċidifikazzjoni. Għaldaqstant id-direttiva għandha l-għan li tnaqqas konsiderevolment dawn l-emissjonijiet u tipprovdi livell għoli ta’ ħarsien għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent billi tagħmel obbligatorji fl-UE r-regoli l-aktar riċenti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar l-istandards tal-fjuwil tal-baħar, u b’hekk temenda d-Direttiva 1999/32/KE.

Għal aktar dettalji, ara l-istqarrija għall-istampa 15177/12.

Vetturi li m’għadhomx jintużaw

Il-Kunsill iddeċieda li ma jopponix l-adozzjoni ta’ direttiva tal-Kummissjoni li temenda l-Anness II għad-Direttiva 2000/53/KE dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw (13992/12).

L-att tal-Kummissjoni huwa soġġett għall-proċedura regolatorja bi skrutinju. Dan ifisser li issa li l-Kunsill ta l-kunsens tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tadottaha, sakemm ma joġġezzjonax il-Parlament Ewropew.

IMPJIEGI

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għad-Danimarka u l-Ġermanja

Il-Kunsill adotta żewġ deċiżjonijiet li jimmobilizzaw total ta' EUR 12.8 miljun taħt il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG), li jipprovdi appoġġ għal ħaddiema li ngħataw is-sensja fid-Danimarka u fil-Ġermanja.

EUR 7,5 miljun huma mwarrba għal ħaddiema li tkeċċew mill-produttur Daniż ewlieni tat-turbini tar-riħ, Vestas Group, li tilef sehem importanti fis-suq minħabba kompetizzjoni akbar minn produtturi irħas li mhumiex mill-UE. EUR 5,4 miljun oħra saru disponibbli għal ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-produttur tal-makkinarju tal-istampar manroland. Bħall-Vestas Group, manroland tilfet sehem sinifikanti fis-suq u sofriet minn tnaqqis qawwi f’bejgħ minħabba kompetizzjoni akbar minn produtturi irħas li mhumiex mill-UE.

ĦATRIET

Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kunsill ħatar lis-Sur Spyridon SPYRIDON (Greċja) (15140/12) u lis-Sinjura Patricia FERGUSON, lis-Sur Paul WATSON u lis-Sur Trevor CUMMINGS (Renju Unit) (15137/12) bħala membri tal-Kumitat tar-Reġjuni għal-bqija tal-mandat attwali li jintemm fil-25 ta’ Jannar 2015.

ATTI ADOTTATI BI PROĊEDURA BIL-MIKTUB

Miżuri restrittivi - Repubblika tal-Ginea

Permezz ta’ proċedura bil-miktub li tispiċċa fis-26 ta’ Ottubru, il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi kontra r-Repubblika tal-Ginea sas-27 ta’ Ottubru 2013. Fl-istess waqt, emenda l-embargo fuq l-armi, li jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw taħt ċerti kundizzjonijiet l-esportazzjoni ta’ splussivi maħsuba biss għal użu fl-investimenti ta’ minjieri u infrastruttura.

1 :

L-Awstrija, il-Ġermanja u l-Lussemburgu vvutaw kontra, l-Estjonja, il-Polonja u s-Slovakkja astjenew.


Side Bar