Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL EWROPEW
IL-PRESIDENT

MT

New York, 26 ta' Settembru 2012

EUCO 178/12

PRESSE 402

PR PCE 152

Herman Van Rompuy
President tal-Kunsill Ewropew
Diskors lis-67 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

Fid-diskors tiegħu llum fi New York, Herman Van Rompuy, il-President tal-Kunsill Ewropew indirizza lis-67 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f'isem l-Unjoni Ewropea.

Il-President Van Rompuy iffoka l-intervent tiegħu fuq l-iżviluppi fid-dinja Għarbija, u tenna l-appoġġ tal-UE għat-tranżizzjonijiet demokratiċi ta' wara r-Rebbiegħa Għarbija: "Hija r-responsabbiltà ta' kull pajjiż li jistabbilixxi r-rotta tiegħu u li jagħmel ġustizzja mal-aspirazzjonijiet tal-poplu tiegħu. L-Unjoni Ewropea hi impenjata li tibqa' viċin tagħhom f'kull stadju matul ir-rotta kollha. Aħna qegħdin hemm għall-perijodu fit-tul. Irrid intenni: għadna nemmnu fil-messaġġ tar-Rebbiegħa Għarbija."

Fid-diskors tiegħu lill-mexxejja dinjija dwar il-kwistjoni reċenti tal-protesti vjolenti, Herman Van Rompuy iddikjara: "Kull wieħed u waħda minna f'din il-kamra għandna r-responsabbiltà li niddefendu u nippromwovu t-tolleranza u r-rispett."

Rigward il-gwerra ċivili li għaddejja fis-Sirja, il-President tal-Kunsill Ewropew appella għal tranżizzjoni politika mmexxija mis-Sirjani, u ddikjara: "Dawk responsabbli għar-repressjoni m'għandhom l-ebda post fil-futur tas-Sirja u jridu jwarrbu."

Fit-tmiem tal-intervent tiegħu, il-President Van Rompuy tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-ekonomija dinjija, u appella għal sforz koordinat lejn l-irkupru ekonomiku globali: "Minkejja li din il-kriżi għadha magħna, id-determinazzjoni ta' wara Lehman tidher li battiet, u rridu nerġgħu nagħtuha l-ħajja mill-ġdid. L-ekonomiji kbar kollha jeħtieġ jagħmlu l-parti tagħhom sabiex jerġgħu jpoġġu l-ekonomija dinjija fit-triq tat-tkabbir."

* * *

FR

Sur President tal-Assemblea Ġenerali, Sur Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Eċċellenzi, Sinjuri,

L-avvanz tad-demokrazija, li żviluppa f'mewġiet kbar suċċessivi sa mill-ħolqien tan-Nazzjonijiet Uniti, mexa pass ieħor 'il quddiem, u dan nistgħu lkoll nilqgħuh bi pjaċir.

Mingħajr ma nissottovaluta d-diffikultajiet u l-isfortuni fi bnadi oħra, jiġuni f'moħħi b'mod partikolari l-iżviluppi pożittivi fil-Mjanmar, fis-Somalja, u fid-demokraziji ġodda fid-dinja, bħat-Timor Leste. Iżda aktar minn kollox, illum qiegħed naturalment nirreferi għall-bidliet li qed iseħħu fid-dinja Għarbija.

EN

Meta dawn il-bidliet storiċi ħakmu d-dinja Għarbija, qajmu taħlita ta' emozzjonijiet profondi minn dawk li kienu qed isegwu, kemm fid-dinja Għarbija kif ukoll lil hinn minnha. Kien hemm il-biża': ta' tixrid ta' demm u instabbiltà reġjonali, ta' zieda fl-estremiżmu, u inċertezza dwar dak li kien ser iseħħ. Iżda fil-parti l-kbira nett id-dinja segwiet b'solidarjetà, sensittività u tama.

Aħna li qegħdin fl-Ewropa, qrib ħafna ġeografikament, u bis-soċjetajiet tagħna involuti b'mod mill-aktar profond ma' dawk fil-pajjiżi li qed jesperjenzaw dan it-taqlib, konna konxji li t-tibdiliet - u r-riskji u l-opportunitajiet li kien hemm aktar 'il quddiem - kienu ser jaffettwawna direttament, bħala ġirien.

Dażgur li l-aspettattivi kienu għoljin. Kien hemm it-tentazzjoni li l-avvenimenti f'Tuneż jew fil-Kajr jiġu interpretati bħala l-paġni tal-bidu ta' ħrafa sabiħa... Iżda dan hu l-ktieb tal-istorja. Fih ukoll paġni koroh - xi wħud minnhom qed jinkitbu f'dan l-istess mument. U aħna marbutin b'verità sempliċi: il-kisba ta' bidla dejjiema tieħu ż-żmien. L-istituzzjonijiet demokratiċi ġodda ma jaħdmux mingħajr xkiel bil-maġija. Il-tibdil fl-ekonomiji jew il-ħolqien ta' impjiegi għal miljuni ta' rġiel u nisa żgħażagħ ma jseħħx b'daqqa ta' bakketta maġika. It-tensjonijiet profondi ma jispiċċawx f'daqqa malli jkun spiċċa dittatur.

It-triq twila ta' tranżizzjoni qegħda quddiemna. Bla dubju ser ikun hemm diżappunti tul it-triq; ser ikun hemm għażliet żbaljati, ostakoli u passi lura. Iżda jien nemmen bis-sħiħ li minkejja d-diffikultajiet, dan il-vjaġġ qabad id-direzzjoni t-tajba.

U ma hemm ebda triq lura. B'dak kollu li jista' jġib miegħu l-futur, ir-Rebbiegħa Għarbija ser tibqa' punt ta' bidla. Il-moviment huwa irriversibbli. Ladarda l-ilħna tal-popli ġew illiberati - esperjenza li ma tintesiex għal dawk li qabel ma setgħux isemmgħu leħinhom - dawk l-ilħna ma jistgħux jiġu msikkta.

Hija r-responsabbiltà ta' kull pajjiż li jistabbilixxi r-rotta tiegħu u li jagħmel ġustizzja mal-aspirazzjonijiet tal-poplu tiegħu. L-Unjoni Ewropea hi impenjata li tibqa' viċin tagħhom f'kull stadju matul ir-rotta kollha. Aħna qegħdin hemm għall-perijodu fit-tul. Irrid intenni: aħna għadna nemmnu fil-messaġġ tar-Rebbiegħa Għarbija.

L-Ewropej jafu tajjeb li t-tibdil politiku għandu l-weġgħat tiegħu u ma jseħħx mil-lum għal għada. Nafu xi jfissru tranżizzjonijiet twal. Fil-bidu nett tal-integrazzjoni Ewropea, matul ħajti, il-maġġoranza tal-pajjiżi li llum huma membri tagħha lanqas kienu għadhom demokraziji. Għalina, tranżizzjoni ta' dan il-kobor ma għandhiex tiġi ġġudikata għall-veloċità tagħha iżda għad-direzzjoni, u mill-progress miksub permezz ta' passi numerużi 'l quddiem.

Il-punt tat-tluq hu elezzjonijiet liberi u ġusti, u aħna għalhekk insellmu l-kisbiet tat-Tuneżija, il-Libja, l-Eġittu u ta' pajjiżi oħra għall-organizzazzjoni b'suċċess ta' elezzjonijiet demokratiċi, fejn ħafna ċittadini vvutaw b'mod liberu għall-ewwel darba f'ħajjithom - elezzjonijiet li għalihom konna kuntenti ngħaddu l-għarfien espert tagħna lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali.

Sabiex fl-aħħar mill-aħħar ikun hemm impjiegi, ġustizzja soċjali u libertà tal-espressjoni għal kulħadd, dan il-proċess demokratiku ġgantesk ser ikollu jissupera, kull ġurnata, l-ostakoli tal-korruzzjoni, tal-burokrazija, tal-privileġġi ekonomiċi, u jżomm id-determinazzjoni politika sabiex jiżgura l-inklużività. Dan hu sforz importanti, li għalih jistgħu jikkontribwixxu ħafna. Min-naħa tagħna, madwar ir-reġjun, noffru pariri lil intraprendituri u uffiċjali, ngħinu fit-taħriġ tal-imħallfin u l-pulizija, nappoġġaw il-ġurnalisti u l-gruppi tas-soċjetà ċivili.

Fl-esperjenza tagħna s-soċjetajiet ikunu aktar b'saħħithom meta n-nisa jkunu kapaċi jieħdu sehem b'mod sħiħ fil-ħajja politika u ekonomika tal-pajjiżi tagħhom, meta jinstema leħinhom, meta l-għażliet tagħhom jiġu rispettati.

Jista' jkun hemm it-tentazzjoni, ladarba jinkiseb il-poter, li xi wħud jiġu miċħuda d-drittijiet li sa dan l-aħħar kienu miċħuda lil kulħadd. Iżda demokrazija tista' tiffjorixxi biss meta tagħti lill-poplu kollu tagħha -- irrispettivament mis-sess, ir-reliġjon, il-lingwa jew l-identità etnika -- parteċipazzjoni ugwali u drittijiet ugwali, garantiti bil-liġi u fil-prattika.

Fl-aħħarnett, il-ġirien jistgħu jiksbu aktar meta jaħdmu flimkien -- u huwa minħabba f'hekk li aħna naqsmu l-esperjenza tagħna tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' kwistjonijiet bħall-konessjoni ta' netwerks tal-enerġija jew it-tneħħija tal-ostakoli reġjonali għall-kummerċ.

Il-kapaċità li tiġbor flimkien u li tirrikonċilja dawk li qabel kienu għedewwa f'għan komuni għall-paċi, id-demokrazija u l-prosperità kienet waħda mill-kisbiet kbar tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rispett, it-tolleranza u n-nonvjolenza huma l-valuri ċentrali li mingħajrhom mhux possibbli li ngħixu flimkien b'mod armonjuż.

Dawn huma valuri fraġli: l-appoġġ għalihom jeħtieġ attenzjoni l-ħin kollu, speċjalment f'dinja globali u diġitali fejn messaġġi ta' kull tip jistgħu jinfirxu b'mod rapidu aktar minn qatt qabel u jistgħu jiġu esplojtati faċilment.

It-tolleranza hija l-kapaċità li taċċetta l-kritika, li toffri djalogu, u li żżomm lura mill-vjolenza; min hu tolleranti juri fiduċja fih innifsu. Fl-istess waqt ir-rispett għall-fidi u t-twemmin tal-oħrajn huwa valur kruċjali biex wieħed jgħix flimkien. It-tollerenza u r-rispett jakkwistaw it-tifsira sħiħa tagħhom f'soċjetà miftuħa li tipproteġi l-libertà tal-espressjoni. Kull wieħed u waħda minna f'din il-kamra għandna r-responsabbiltà li niddefendu u nippromwovu t-tolleranza, fil-pajjiżi tagħna u bejnietna, kif ukoll ir-rispett. Il-vjolenza, il-qtil bħal dak tal-Ambaxxatur tal-Istati Uniti Christopher Stevens, qatt ma jistgħu jkunu ġustifikati, irrispettivament mill-motivazzjoni tagħhom.

Sur President, illum inżid il-leħen tal-Ewropa ma' dawk li tkellmu biex jiddeploraw il-gwerra ċivili li għaddejja fis-Sirja. Iffaċċjat bil-massakru ta' għexieren ta' eluf ta' persuni, id-dinja ngħaqdet fl-orrur u l-kundanna, iżda -- irridu nkunu ċari -- sa issa ma konniex kapaċi nwaqqfu l-vjolenza brutali.

Veru li l-Ewropa u oħrajn jipprovdu appoġġ umanitarju lir-refuġjati, veru li nappoġġaw lill-individwi li jirriskjaw ħajjithom jiġbru l-evidenza tal-massakri, veru li d-diplomatiċi tagħna f'Damasku jagħmlu l-aħjar tagħhom sabiex jappoġġaw l-isforzi tan-NU għal soluzzjoni paċifika, iżda ser nibqgħu bla saħħa sakemm il-komunità internazzjonali ma tingħaqadx b'determinazzjoni komuni sabiex ittemm din il-vjolenza bla sens, li thedded li tagħmel ħsara kbira fir-reġjun kollu.

Sur President, nixtieq infaħħar il-ħidma eċċellenti u l-impenn qawwi tas-Segretarju Ġenerali, kif ukoll dik tal-Mibgħut Speċjali s-Sur Brahimi, fit-tiftix tas-soluzzjoni biex tingħeleb din it-traġedja. Bi pjaċir nilqa' wkoll l-inizjattivi li għandhom l-għan li jġibu flimkien l-atturi reġjonali ewlenin, f'approċċ internazzjonali koerenti. Aktar kmieni din is-sena, il-mexxejja Ewropej appellaw lill-Membi kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà biex jaħdmu flimkien fi sforz biex tieqaf il-vjolenza. Illum din is-sejħa kompliet issir aktar urġenti.

Il-pajjiż jeħtieġ javvanza malajr lejn tranżizzjoni politika mmexxija mis-Sirjani, li tilħaq l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Sirjan, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet ċivili u tal-bniedem tal-minoranzi. Hija l-unika soluzzjoni. U dawk responsabbli għar-repressjoni m'għandhom l-ebda post fil-futur tas-Sirja u jridu - iridu - iwarrbu.

Aktar ma jdum dan il-konflitt, il-poplu aktar isir radikalizzat, aktar jinxtered demm bla bżonn, u l-feriti jieħdu aktar żmien biex ifiqu.

Is-sitwazzjoni tas-sigurtà tibqa' kumplessa u fraġli f'ħafna partijiet tad-dinja. L-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija ma għandhomx jaljenawna mill-kompitu urġenti tal-kisba tal-paċi fil-Lvant Nofsani -- pjuttost il-kontra.

U kwistjonijiet oħra qed jippressaw, inklużi: l-indirizzar tal-instabbiltà u s-sitwazzjoni umanitarja fir-reġjun tas-Saħel; it-tfittxija tal-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar; il-konvinċiment tar-RDPK biex tabbanduna l-programmi tagħha ta' armi nukleari u missili ballistiċi; u t-tiftix ta' soluzzjoni negozjata għall-kwistjoni nukleari Iranjana, kwistjoni li l-Unjoni Ewropea hija impenjata fiha direttament.

Irridu nindirizzaw dan it-tħassib kollu, konxji li soluzzjonijiet dejjiema jeħtieġu rieda politika mill-pajjiżi involuti. Fl-istess spirtu hu importanti li t-tensjonijiet fiż-żoni marittimi tal-Lvant u tax-Xlokk tal-Asja jieqfu u li t-tilwim jiġi riżolt b'mod paċifiku fi spirtu ta' kooperazzjoni u fir-rispett tad-dritt internazzjonali.

Hemm ħafna sfidi globali li rridu nindirizzaw flimkien. Iżda mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima sat-tnaqqis tal-faqar madwar id-dinja, mingħajr kooperazzjoni multilaterali mhux ser jirnexxielna. Huwa minħabba f'hekk li l-Unjoni Ewropea tappoġġa Nazzjonijiet Uniti aktar b'saħħitha, aktar effikaċi u aktar effiċjenti.

Sur President, Sinjuri, iċ-Ċittadini fil-pajjiżi kollha tagħna jridu l-impjiegi. Hawn ukoll, il-kooperazzjoni globali hija indispensabbli u hija l-aħjar mod biex jiġi żgurat l-irkupru ekonomiku tad-dinja.

L-ekonomiji tagħna saru kompletament interdipendenti: l-ebda pajjiż ma jista' jsolvi l-kwistjonijiet tiegħu waħdu; l-ebda pajjiż ma jista' jinjora l-problemi tal-oħrajn. Dan nafuh? Iva. Naġixxu fuq dan l-għarfien? Mhux biżżejjed.

Fl-2008, fil-bidu tal-kriżi finanzjarja globali, kien hemm mument qasir ta' kuxjenza globali, sens ta' urġenza li wassal għal fora ġodda, impenji konġunti u azzjoni koordinata. U llum, minkejja li l-kriżi għadha magħna, din id-determinazzjoni ta' wara Lehman tidher li battiet, u rridu nagħtuha l-ħajja mill-ġdid.

L-ekonomiji l-kbar kollha jeħtieġ jagħmlu l-parti tagħhom sabiex jerġgħu jpoġġu l-ekonomija dinjija fit-triq tat-tkabbir. It-tkabbir globali jiddependi mir-riformi strutturali f'kull wieħed mill-pajjiżi tagħna u fuq it-tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi bejniethom.

Fl-Ewropa, qed nagħmlu l-parti tagħna ta' dan il-kompitu. Mhu qed jitħalla barra l-ebda sforz biex id-diffikultajiet attwali fiż-Żona Euro jiġu ssuperati. Qed nistabbilixxu protezzjoni finanzjarja aktar qawwija sabiex tiggarantixxi l-istabbiltà tal-munita komuni tagħna; qed nirriformaw l-ekonomiji tagħna sabiex isiru aktar kompetittivi u joħolqu imġjiegi għall-futur. Bdejna nibnu unjoni bankarja sabiex ir-riskju fis-settur finanzjarju jkun ġestit u rregolat aħjar; u fix-xhur li ġejjin ser inkunu qed niddefinixxu l-perspettiva tad-direzzjoni tagħna, fejn irridu li l-Unjoni ekonomika u monetarja tagħna tkun f'għaxar snin oħra.

Diġà għamilna passi kbar, u llum qed naraw l-ewwel riżultati ta' dan l-impenn kollettiv. Minkejja li għad fadal xi jsir, ninsab fiduċjuż li dawn l-isforzi ser jiksbu suċċess u li l-Ewropa ser toħroġ aktar b'saħħitha minn din l-esperjenza, mil-lat ekonomiku kif ukoll politiku.

FR

Huwa dan li ġejt ngħidilkom, u miegħu nżid dan: għalina, l-Ewropej, fil-ġestjoni ta' din il-kriżi finanzjarja, dan ma jirrigwardax biss l-operazzjonijiet monetarji u l-bilanċ fil-baġits: dan jgħodd għall-ġejjieni stess tal-proġett Ewropew tagħna.

Dan il-proġett twieled biex jingħelbu l-gwerer u d-dittaturi li għal żmien twil ittormentaw il-kontinent tagħna. Matul l-aħħar sittin sena, l-Unjoni tagħna għamlitha possibbli li ntemmu l-mibegħda nazzjonalista bejn il-pajjiżi, u li nsiru kontinent magħqud fil-paċi, li jfittex il-ġustizzja soċjali u l-prosperità. Dan jeħtieġ sforz ta' kuljum biex dawn il-valuri jinżammu u jkunu ankrati aktar fil-fond. Dak li jinkiseb qatt mhu definittiv.

Fil-livell globali, huma din l-Assemblea u n-Nazzjonijiet Uniti li għandhom jaħdmu, bla waqfien, għat-tfittxija ta' dawn l-istess għanijiet, li jirrigwardawna lkoll, sabiex iwittu t-triq għal aktar armonija u progress fid-dinja.

Grazzi.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website