Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Cernobbio, 8 ta' Settembru 2012 Diskors minn Herman VAN ROMPUY President tal-Kunsill Ewropew fil-Forum Ambrosetti TEST TA' SOLIDARJETÀ

Conseil de l'Europe - PRES/12/370   08/09/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

KUNSILL EWROPEW
IL-PRESIDENT

MT

Cernobbio, 8 ta' Settembru 2012

(OR. en)

EUCO 162/12

PRESSE 370

PR PCE 137

Diskors minn
Herman VAN ROMPUY
President tal-Kunsill Ewropew
fil-Forum Ambrosetti

TEST TA' SOLIDARJETÀ

L-għerf tal-President Napolitano jispirani biex nadotta perspettiva usa'.

L-Istati Ewropej ilhom jaħdmu flimkien mill-1945.

Dejjem b'mod aktar intensiv, u b'hekk żguraw il-paċi fil-kontinent, u l-prosperità għaċ-ċittadini tagħna.

Ta' min inżommu f'moħħna r-raġuni għaliex aħna llum qed nikkonċentraw l-isforzi kollha tagħna biex negħlbu l-kriżi ekonomika u finanzjarja, flimkien. Dan jirrigwarda ħafna aktar minn operazzjonijiet monetarji biss: hemm il-proġett Ewropew innifsu fin-nofs.

L-Unjoni tagħna hija importanti għalina għal raġunijiet li ma jistgħux jingħaddu. Iżda fl-aħħar mill-aħħar, hija importanti għax fl-imgħoddi l-Ewropej esperjenzaw -- traġikament -- x'jiġri jekk kulħadd imur għal rasu; u fl-aħħar mill-aħħar, hija importani għax aħna nafu -- tassew -- li llum aħna rridu ningħaqdu jekk irridu li nkunu fost l-atturi globali ta' għada.

L-Unjoni tagħna mhux biss ta' valur, iżda vitali.

L-Istati Membri jafu dan, il-mexxejja fin-negozju jafuh, dawk li jfasslu l-opinjonijiet jafuh, il-bqija tad-dinja tafu.

Iżda dan mhux ovvju għall-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tagħna. U din il-ħaġa hija wkoll realtà politika.

Madankollu, qed tinbidel xi ħaġa hawnhekk, taħt il-pressjoni tal-kriżi finanzjarja. Aħna issa qed nindunaw li l-euro biddlet kompletament in-natura tal-Unjoni. Li ġabet bidla radikali.

Sa dak iż-żmien, wieħed kien ta' spiss jitkellem dwar l-Ewropa f'termini idealistiċi, astratti; u anke meta r-riżultati konkreti tagħha laqtu l-ħajja tan-nies, dan dejjem kien f'termini pożittivi.

Jekk ninsew l-ilmenti dwar il-kwota tal-ħalib jew il-ħjar..., is-sitwazzjoni dejjem kienet waħda fejn kulħadd jirbaħ.

Bil-kriżi tal-euro, għall-ewwel darba, iċ-ċittadini qed iħabbtu wiċċhom mar-realtà iebsa li mal-benefiċċji hemm ukoll prezz xi tħallas. Pereżempju l-ispejjeż u l-isforzi biex tiġi difiża munita komuni waqt kriżi finanzjarja.

Iċ-ċittadini issa qed jindunaw ukoll għall-ewwel darba li huma qegħdin ilkoll flimkien f'din is-sitwazzjoni. Li dak li jiġri f'pajjiż ieħor - bil-banek, bżieżaq jew baġits - jolqot lilhom ukoll.

Li wieħed għandu responsabbiltà konġunta għall-ġid komuni Ewropew tista' tkun skopertà diffiċli għan-nies li qed ibatu, f'pajjiżhom stess, biex isibu xogħol jew biex ilaħħqu mal-ħajja.

Jiena ma naqbel xejn ma' dawk li bil-għaġla jikkonkludu li l-kriżi qatlet is-solidarjetà bejn il-pajjiżi Ewropej. Lanqas xejn! Il-kriżi wriet x'inhu meħtieġ biex tkun f'Unjoni. Fil-fatt din hija l-ewwel prova vera ta' solidarjetà fl-istorja tal-Unjoni!

Naturalment, hemm tensjonijiet u limiti, hemm oppożizzjoni u kritika, hemm karikaturi u cartoons -- jiena konxju sew ta' dan kollu! Iżda madankollu. Madankollu qed isir sforz kollettiv ġgantesk, li jinvolvi l-pajjiżi kollha tal-euro, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, iċ-ċittadini kollha, biex jinġabru r-rieda politika, il-maġġoranzi parlamentari, u l-mezzi u l-flus, biex ngħinu lil xulxin u biex noħorġu minn din il-kriżi flimkien. Din hija solidarjetà de facto ta' kobor mingħajr preċedenti.

Iċ-ċifri jitkellmu waħidhom: aħna ħadna impenn għal mijiet ta' biljuni ta' euro f'appoġġ finanzjarju.

Ħadd m'għandu jissottovaluta din id-determinazzjoni politika konġunta.

Ovvjament, meta noqogħdu bilqiegħda flimkien madwar il-mejda tal-Kunsill Ewropew u waqt is-summits taż-żona tal-euro, filwaqt li nieħdu deċiżjonijiet iebsa dwar miżuri ta' salvataġġ jew regoli tal-baġit, jien ma nkunx nista' naqra l-ħsibijiet u l-motivazzjonijiet tal-mexxejja individwali kollha.

Iżda f'dik il-kamra xi ħaġa tkun ċara ħafna.

Aħna m'aħniex qed naħdmu biss għas-sopravivenza tal-euro, aħna m'aħniex qed naħdmu biss għas-sostenibbiltà tagħha, le, aħna qed naħdmu għas-suċċess tagħha, għas-suċċess tal-Ewropa. Biex nissalvagwardjaw dak li writna mingħand il-missirijiet fundaturi tagħna, u niżguraw ġejjieni aħjar għall-ġenerazzjoni li jmiss.

Hawnhekk, fil-Forum Ambrosetti, jien nixtieq nagħtikom xi raġunijiet konkreti għaliex jiena kunfidenti li ser naslu. Hemm tlieta.

L-ewwel: Il-mexxejja tal-UE laħqu qbil finali dwar aspett importanti tal-kriżi, in-natura sistemika tagħha.

Issa huma lkoll jirrikonoxxu li l-kriżi mhijiex biss il-ġabra tal-problemi ta' pajjiżi individwali, iżda wkoll ir-riżultat ta' nuqqasijiet fl-arkitettura tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kollha kemm hi. Aħna l-Ewropej tajna munita komuni lilna nfusna mingħajr il-mezzi biex niddefenduha. Qgħadna prinċipalment fuq regoli mingħajr il-mezzi u l-għodod biex ninfurzawhom, jew biex nimmaniġġaw kriżi. Żidna b'mod drammatiku l-interdipendenza ekonomika u finanzjarja tagħna iżda mingħajr ma qisna l-konsegwenzi politiċi kollha. Huwa ċar li, matul l-aħħar sentejn, indirizzajna xi wħud min-nuqqasijiet l-aktar ovvji. Iżda issa rridu nagħmlu qabża kwalitattiva.

Dak li nbidel fl-aħħar ftit xhur - jiena ngħid bejn Marzu u Ġunju - huwa d-determinazzjoni li mmorru dritt għall-qalba tal-kwistjoni. Il-mexxejja kollha taż-żona tal-euro issa qed iressqu kull kwistjoni għad-diskussjoni, mingħajr tabù. Hija ħidma urġenti, iżda rridu nagħmluha sew. Mhuwiex il-każ ta' soluzzjonijiet ta' malajr. Il-mexxejja kollha jirrikonoxxu wkoll li ma nistgħux insolvu l-problemi immedjati tagħna mingħajr ma nindirizzaw l-isfidi aktar fit-tul. Fil-fatt, jekk irridu li l-investituri jixtru bonds tal-gvern ta' 10 snin, irridu nuruhom fejn irridu li ż-żona tal-euro tkun waslet f'10 snin... U jekk irridu li ċ-ċittadini tagħna jappoġġaw deċiżjonijiet li għal ħafna minnhom jinvolvu perijodu ta' sagrifiċċji, tbatija u spejjeż, irridu nikkonvinċuhom li dawn l-isforzi huma siewja, li l-affarijiet ser jitjiebu. Ser niġu ġudikati fuq ir-riżultati tagħna.

Għalhekk għandna ċans li nlestu dar nofsha mibnija. Huwa d-dmir storiku tagħna li nieħduh.

Huwa għalhekk li l-mexxejja taż-żona tal-euro talbuni mmexxi riflessjoni profonda. Jien diġà tajt l-ewwel ħsibijiet tiegħi f'rapport inizjali f'Ġunju, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Presidenti tal-Kummissjoni, tal-Grupp tal-Euro u tal-Bank Ċentrali, u issa qegħdin fil-fażi li jmiss ta' din ir-riflessjoni. Ser ngħid aktar dwar dan dalwaqt.

L-ewwel ser nagħti t-tieni raġuni għaliex jiena kunfidenti li ser negħlbu l-kriżi: l-Istati Membri qed iwettqu riformi ekonomiċi ambizzjużi, li qed jipproduċu riżultati. Mhijiex biss kwistjoni li nikkumpensaw għall-eċċessi tal-imgħoddi, iżda wkoll li nadattaw għal dinja dejjem aktar kompetittiva. B'ċertu mod: test ta' responsabbiltà. Dawn ir-riformi strutturali huma l-qofol għall-ġejjieni ekonomiċi tal-pajjiżi tagħna, biex jiġi żgurat it-tkabbir u jinħolqu l-impjiegi. U l-ħidma trid issir: bl-euro jew mingħajrha, bl-UE jew mingħajrha.

Aħna naraw progress veru. L-ekonomiji taż-żona tal-euro li qegħdin taħt pressjoni qed jerġgħu jsiru kompetittivi u aħna qed innaqqsu l-iżbilanċi ta' ħsara fiż-żona tal-euro. Ejja nieħdu l-kummerċ. Id-defiċit kbir ta' għaxra fil-mija fil-kont kurrenti ta' Spanja qabel il-kriżi fil-biċċa l-kbira tiegħu ingħalaq - il-pajjiż huwa saħansitra esportatur nett għaż-żona tal-euro issa! Il-Portugall naqqas id-defiċit fil-kont kurrenti tiegħu b'żewġ terzi, u l-esportazzjonijiet Griegi qed jiżdiedu aktar malajr minn kull pajjiż ieħor fl-Unjoni.

Il-progress fir-riformi strutturali wkoll huwa sostanzjali. L-Ispanja u l-Portugall għamlu s-swieq tax-xogħol tagħhom aktar effiċjenti u dan diġà huwa rifless fi spejjeż tal-impjieg aktar baxxi, u biż-żmien, ser jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi.

L-Irlanda tant qed tagħmel progress tajjeb f'kull aspett li minn Lulju Dublin reġgħet lura fis-swieq internazzjonali tal-bonds, u attirat investiment konsiderevoli mill-Istati Uniti.

Għajnejn id-dinja qegħdin ukoll fuq l-Italja, u fuq ir-riformi impressjonanti mwettqin mill-gvern tal-Prim Ministru Monti, biex ireġġa' l-Italja lura fejn jixirqilha tkun: qalb l-ekonomiji ewlenin tal-Ewropa - u wkoll, kif saħaq il-President Napolitano, fil-qalba tal-integrazzjoni Ewropea, fejn ilha sa mit-Trattat fundatur tagħna ta' Ruma.

L-Italja qed tbiddel id-direzzjoni tal-ekonomija tagħha: tkisser il-monopolji, tnaqqas il-burokrazija, tiġġieled kontra interessi kostitwiti u taħdem bis-sħiħ biex toħloq l-impjiegi. Hija qed tkompli wkoll il-konsolidazzjoni fiskali mibdija aktar kmieni.

Dan huwa sforz fit-tul u kollettiv, wieħed li jinvolvi lill-gvern, lin-negozji, lill-poplu Taljan. Huwa għalhekk li qed isir b'mod ġust.

Meta nħares lejn dak li diġà nkiseb, lejn id-determinazzjoni li tiġi affrontata kull problema, waħda waħda, lejn il-kuraġġ li bih it-Taljani qed jagħmlu dawn l-isforzi, jiena kunfidenti li dawn l-isforzi, li jridu jissoktaw mingħajr waqfien, giorno dopo giorno, ser ikollhom suċċess.

Ir-riformi jirrendu, u dan juruh bosta eżempji.

Iżda r-riformi jeħtieġu żmien biex jiġu deċiżi u żmien biex jagħtu r-riżultati. Huma jieħdu ż-żmien biex jidhru fl-indikaturi, aħseb u ara biex ikollhom impatt fuq l-ekonomija vera. Semmejt l-ewwel sinjali ta' riżultati, u ser ikun hemm aktar.

Dan iġibni għat-tielet punt tiegħi, it-tielet raġuni għaliex għandna nkunu kunfidenti li ser naslu: filwaqt li qed jitwettqu dawn ir-riformi, l-Ewropa tibqa' lesta li tgħin meta tkun meħtieġa l-għajnuna.

Il-primjums għoljin tar-riskju għal ċerti pajjiżi mhumiex dejjem ġustifikati u jistgħu ma jkollhomx konnessjoni mal-elementi fundamentali tal-ekonomija u l-isforzi ta' riforma - u m'inix nesaġera meta nitkellem f'dawk it-termini. Anke r-rati tal-interess storikament baxxi f'ċerti pajjiżi huma baxxi wisq...!

U l-primjums għoljin tar-riskju jista' jkollhom riperkussjonijiet negattivi għall-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Għal każijiet bħal dawn, għandna l-istrumenti u impenn politiku ċar biex nagħmlu aktar. F'Ġunju, il-mexxejja taż-żona tal-euro affermaw li kienu lesti jużaw l-istrumenti eżistenti b'mod flessibbli u effiċjenti. Fl-istess laqgħa, ħadna wkoll pass fundamentali lejn unjoni bankarja. U jumejn ilu, il-Bank Ċentrali Ewropew ippreżenta qafas li taħtu tista' tittieħed azzjoni sostanzjali dment li l-Istati Membri jissoktaw l-isforzi ta' aġġustament tagħhom.

Għalhekk għandna trittiku: azzjonijiet immedjati biex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja, viżjoni fit-tul għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u riformi profondi f'kull pajjiż, u dan it-trittiku jagħmel lill-euro irriversibbli. U l-mexxejja u l-istituzzjonijiet Ewropej kollha jikkondividu impenn għall-integrità tagħha wkoll. Sakemm il-Greċja żżomm l-impenn tagħha lejn l-euro, is-sħab tagħha ser ikomplu jappoġġaw bis-sħiħ l-isforzi tagħha.

Diġà semmejt ir-riflessjoni sistemika li għaddejja bħalissa dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Ir-rapport li ppreżentajt f'Ġunju ddeskriva viżjoni għal unjoni ekonomika u monetarja ġenwina, viżjoni biex twassalha fl-istat finali tagħha li jkun b'saħħtu u stabbli.

Abbażi ta' dan ir-rapport, jien ingħatali mandat mill-mexxejja taż-żona tal-euro biex naħdem fuq pjan direzzjonali preċiż u limitat fiż-żmien dwar kif nistgħu naslu fejn irridu. Jien qed naħdem fuqu mal-Presidenti tal-Kummissjoni, il-Bank Ċentrali u l-Grupp tal-Euro, u ser nippreżentah lill-Kunsill Ewropew qabel tmiem is-sena.

Din il-ħidma tikkonċentra fuq erba' komponenti:

L-ewwel: unjoni bankarja - biex jiġi evitat li dawk li jħallsu t-taxxa jħallsu sistematikament il-kontijiet għall-fallimenti tal-banek;

It-tieni: unjoni fiskali - biex jiġu evitati defiċits mhux sostenibbli, inkluż permezz ta' aktar infurzar ċentrali u aktar mekkaniżmi ta' solidarjetà;

It-tielet: unjoni ekonomika - biex tittejjeb b'mod konġunt il-kompetittività taż-żona tal-euro kollha kemm hi, internament u esternament,

U r-raba' u l-aħħar komponent: unjoni politika aktar profonda - biex jiġi żgurat li dawn il-miżuri jkollhom bħala bażi l-leġittimità demokratika u l-kontabbiltà msaħħa.

Dawn l-erba' komponenti huma marbutin bis-sħiħ ma' xulxin. Huma jirrinfurzaw lil xulxin, u l-erbgħa kollha huma meħtieġa biex l-Unjoni Ekonomika u Monetarja ssir kompletament solida u sikura. Il-kisba ta' din il-viżjoni ser tieħu ż-żmien u ser tkun neċessarjament proċess gradwali. Iżda biex niżguraw li nilħqu l-mira tagħna, irridu nibdew mexjin f'din it-triq minn issa.

Xi kummentaturi jgħidu li qed inħabbtu wiċċna ma' għażla netta bejn li ninfirdu jew li immedjatament insiru federazzjoni. Għandhom żball. L-Ewropa ma taħdimx hekk. Aħna ser negħlbu l-kriżi mhux permezz ta' rivoluzzjoni, iżda permezz ta' riforma u evoluzzjoni. Aħna m'aħniex Stat, aħna Unjoni - u rridu nsiru Unjoni aktar b'saħħitha.

Il-ħidma li ġejja hija li niddefinixxu l-kontenut u s-sekwenza tal-passi kollha. L-ewwel nett, jeħtieġ li s-sustanza tkun tajba, u mbagħad inkunu nistgħu nitkellmu dwar il-proċess, dwar il-mezzi legali u istituzzjonali.

F'dan l-istadju, ser ninsisti fuq element wieħed b'mod partikolari: l-unjoni bankarja.

Il-banek u s-superviżuri nazzjonali wrew li mhumiex kapaċi jindirizzaw ir-riskji sistemiċi f'suq finanzjarju integrat. Il-pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi li nħolqot bħala riżultat f'ċerti pajjiżi heddet l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Biex jinkiser iċ-ċirku vizzjuż bejn il-kriżi fis-settur bankarju u dik li qed tolqot id-dejn pubbliku fiż-żona tal-euro, neħtieġu prevenzjoni aħjar.

Hawnhekk irrid niċċara kull ambigwità - aħna bl-ebda mod m'aħna qed nagħmlu sejħa għal unjoni għall-banek, iżda waħda li tippermettilna nimmaniġġaw aħjar ir-riskji assoċjati ma' settur fraġli, iżda qawwi, u li huwa vulnerabbli għal perikli morali.

Dan ikun ifisser il-ħolqien ta' sistema ta' superviżjoni bankarja fiż-żona tal-euro li tkopri l-banek kollha, kif ukoll il-ħolqien ta' garanzija fiż-żona tal-euro kollha għad-depożiti tal-klijenti,u qafas supranazzjonali għar-ristrutturar u r-riżoluzzjoni ta' problemi ta' istituzzjonijiet finanzjarji li qed ifallu, bi protezzjoni komuni iżda bi spiża minima għaċ-ċittadini.

Dawn iż-żewġ elementi, superviżjoni komuni u riżoluzzjoni komuni, ma jistgħux ikunu wieħed mingħajr l-ieħor. Pereżempju, ir-riskji assoċjati mal-falliment tal-banek kif jistgħu jibqgħu jaqgħu fuq l-awtoritajiet nazzjonali, meta huma trasferixxew il-kontroll superviżorju u m'għadhomx responsabbli?

Għalhekk, jeħtieġ li naġixxu rapidament fir-rigward tas-superviżjoni bankarja iżda neħtieġu wkoll skeda ċara ta' żmien bis-sekwenza adatta biex nistabbilixxu l-garanzija komuni tar-riżoluzzjoni u d-depożiti. Il-Kummissjoni Ewropea dalwaqt ser tagħmel proposti dwar il-ħolqien ta' superviżur bankarju Ewropew waħdieni, u dan ser ikun l-ewwel iżda mhux l-aħħar pass importanti f'din id-direzzjoni.

Dan huwa l-mod kif aħna qed naħdmu bis-sħiħ fuq pjan fit-tul, filwaqt li nindirizzaw ukoll l-effetti immedjati tal-kriżi kuljum.

U ninsisti: din mhija bl-ebda mod biss kwistjoni ta' soluzzjoni ta' problemi tekniċi, hija daqstant - u anke aktar - ħidma ta' konvinzjoni politika. Hija dwar l-għażla ta' f'liema Ewropa rridu ngħixu. Isimgħu biss dawk il-vuċijiet kollha fid-dibattiti dwar l-euro f'dawn il-jiem madwar il-pajjiżi Ewropej. Lil hinn mill-akronimi u l-lingwaġġ - EFSF, SMP, OTM u l-bqija - id-diskors huwa dwar x'inhu ġust, dwar ir-responsabbiltà, is-solidarjetà, dwar li tkunu - iva jew le - parti minn komunità Ewropea usa' lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħkom.

Il-mexxejja jridu jqumu u jiddefendu l-każ tagħhom. Dwar l-impjiegi, pereżempju, l-akbar tħassib tal-votanti: l-Ewropa mhijiex theddida għall-impjiegi, le, l-Ewropa hija sors ta' impjiegi!

U din hija l-verità f'bosta oqsma oħra. L-Unjoni mhijiex il-problema, l-Unjoni hija parti mis-soluzzjoni.

Aktar kmieni tkellimt dwar l-ewwel prova ta' solidarjetà għall-Unjoni tagħna. Hija l-konvinzjoni tiegħi li aħna ser nissuperaw din il-prova.

Bħalma ser nissuperaw il-prova ta' responsabbiltà. Hija l-konvinzjoni tiegħi li l-forzi li jżommu lill-Ewropa magħquda huma aktar b'saħħithom minn dawk li jifirduna.

Il-materjal uniku li bih huma minsuġa s-soċjetajiet tagħna huwa l-akbar saħħa tagħna. Huwa minsuġ mill-ħjut tal-paċi, tal-progress ekonomiku, tal-ġustizzja soċjali, tad-dinjità tal-bniedem. Aħna kburin li nilbsuh. Huwa l-messaġġ tagħna liċ-ċittadini u lid-dinja kollha, illum u għada.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site