Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL EWROPEW
IL-PRESIDENT

MT

Brussell, 29 ta' Ġunju 2012

(OR. en)

EUCO 128/12

PRESSE 309

PR PCE 110

Kummenti mill-President Herman Van Rompuy
wara l-Kunsill Ewropew

Dan il-Kunsill Ewropew kien dwar it-taħlita ta' azzjoni fuq perijodu qasir biex jiġi stimulat it-tkabbir u jiġu stabilizzati s-swieq, flimkien ma' viżjoni aktar fit-tul dwar it-triq 'il quddiem biex tissaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tagħna.

Sfida ewlenija għal perijodu qasir mal-Ewropa kollha hija li jerġa jkun hemm tkabbir. Filwaqt li nibnu fuq id-diskussjoni tal-bieraħ, illum iddeċidejna dwar "Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi". Huwa ser jimmobilizza EUR 120 biljun għall-investiment immedjat, li ser jagħtu spinta lill-finanzjament tal-ekonomija u ser jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi.

Fis-sitwazzjoni attwali, l-istabbiliment ta' perspettiva aktar fit-tul għaż-żona tal-euro hija prijorità urġenti. Fil-fatt, kif ġie indikat: jekk irridu lill-investituri jixtru bonds għal għaxar snin, wieħed jista' jifhem li huma jixtiequ jkunu jafu fiex ser tkun iż-Żona tal-euro fi żmien għaxar snin.

Ilbieraħ iddiskutejna r-rapport dwar il-futur tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja li jien ippreżentajt aktar kmieni din il-ġimgħa fuq it-talba tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern, imħejji b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, il-Grupp tal-euro u l-Bank Ċentrali Ewropew. Bħalma tafu, dan ir-rapport jiddeskrivi arkitettura bbażata fuq oqfsa integrati għas-settur finanzjarju, il-kwistjonijiet fiskali u l-politika ekonomika. Il-passi 'l quddiem f'dawn it-tliet oqsma għandhom ikunu akkumpanjati minn leġittimità u responsabbiltà demokratiċi akbar. Dawn kienu u għadhom l-erba' elementi essenzjali.

Nibda bis-settur finanzjarju: hawnhekk, lil hinn mill-qbil ġenerali dwar il-viżjoni aktar fit-tul, diġà ksibna l-ewwel riżultat ferm importanti. Billejl, aħna qbilna li, taħt ċerti ċirkostanzi u taħt ċerti kondizzjonijiet, il-MES jista' jikkapitalizza mill-ġdid lill-banek b'mod dirett.

L-akbar u l-aktar kondizzjoni importanti hija l-istabbiliment ta' mekkaniżmu uniku ta' sorveljanza għall-banek. Il-mexxejja taż-Żona tal-euro talbu lill-Kunsill biex jaħdem b'pass rapidu ħafna sabiex ikun jista' jkollna r-riżultati sal-aħħar tas-sena. Dan huwa l-pass prinċipali. Huwa wkoll l-ewwel pass li jinqata' ċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u l-Istati u dan diġà huwa l-ewwel riżultat tar-rapport komuni tagħna. Il-ġimgħa l-oħra jiena għedt li l-element essenzjali tal-integrazzjoni bankarja huwa l-aktar wieħed importanti, fis-sens li nistgħu niksbu r-riżultati f'qafas ta' żmien qasir. Ftit jiem wara li ppreżentajna r-rapport tagħna, l-idea tas-sistema ta' sorveljanza Ewropea għall-banek ġiet aċċettata.

Fir-rigward tat-tieni u t-tielet element essenzjali tar-rapport: kwistjonijiet fiskali u politiki ekonomiċi, aħna lkoll għandna l-istess analiżi. L-Unjoni Ekonomika u Monetarja tista' tiffunzjona biss jekk kull pajjiż ikollu politiki baġitarji u ekonomiċi sostenibbli: dan huwa l-kuntratt fundamentali bejn pajjiżi li għandhom munita komuni.

Ilbieraħ filgħaxija ħadna wkoll deċiżjoni importanti oħra matul id-diskussjoni tagħna dwar iż-Żona tal-euro. Qbilna li niftħu l-possibbiltajiet għal pajjiżi li jikkonformaw mar-regoli, ir-rakkomandazzjonijiet u l-iskedi komuni, biex isir użu mill-istrumenti eżistenti tal-FESF/MES biex jerġa' jkun hemm fiduċja fis-swieq u biex dawn jiġu stabbilizzati. L-assistenza finanzjarja lil Spanja ser tingħata mingħajr status privileġġat għall-finanzjament mill-FESF/MES.

Il-Kunsill Ewropew qabel dwar metodu biex titmexxa 'l quddiem il-ħidma tagħna dwar dawn l-erba' elementi essenzjali. Bħala l-President tal-Kunsill Ewropew, ġejt mistieden biex niżviluppa pjan direzzjonali speċifiku marbut maż-żmien, għal darba oħra f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Presidenti tal-Kummissjoni, il-Grupp tal-euro u l-Bank Ċentrali. L-Istati Membri ser jiġu involuti mill-qrib. Ser ikun hemm ukoll konsultazzjonijiet mal-Parlament Ewropew. Ser nippreżentaw rapport finali qabel l-aħħar ta' din is-sena, bl-ewwel rapport diġà f'Ottubru.

Għandi pjaċir inħabbar pass ieħor, pass storiku. Wara 30 sena ta' diskussjonijiet dwar privattiva Ewropea lħaqna qbil dwar l-aħħar kwistjoni pendenti, is-sede tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi. Jiena u l-Prim Ministru Daniż appellajna għas-sens ta' kompromess tal-kollegi tagħna. Iżda nħalli lill-Prim Ministru tad-Danimarka jispjega din il-kisba prinċipali.

Dalgħodu ddiskutejna wkoll l-affarijiet barranin. Il-Kunsill Ewropew jikkundanna bis-sħiħ il-vjolenza brutali fis-Sirja, waqt li appella għal azzjonijiet b'saħħithom dwar iż-żewġ punti. L-ewwel: biex issir pressjoni fuq ir-reġim biex iwaqqaf it-tixrid tad-demm, u t-tieni: biex tiġi appoġġata soluzzjoni politika għall-kriżi.

Fir-rigward tal-programm nukleari tal-Iran: ħeġġiġna lit-Teheran biex jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv u jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni tal-UE fuq iż-żejt il-Ħadd li ġej.

Fir-rigward tat-tkabbir, għandna aħbar tajba għall-Montenegro: il-Kunsill Ewropew approva d-deċiżjoni li jinfetħu negozjati ta' adeżjoni, illum stess wara nofsinhar.

Biex nikkonkludu. Anke jekk il-ġlieda kontra l-kriżi ilha t-tħassib ewlieni tal-Kunsill Ewropew għal aktar minn sentejn issa, u ser tibqa' hekk fil-futur qrib, m'għandniex nitilfu t-triq 'il quddiem, u għandna nibqgħu nistabbilixxu orjentazzjonijiet għall-futur.

Minħabba li dan huwa l-ewwel summit tat-tieni mandat tiegħi, jiena qsamt mal-kollegi tiegħi l-pjan ta' ħidma sal-aħħar tal-2014. Dan il-programm proviżorju jipprevedi wkoll żmien biex niffukaw fuq temi speċifiċi, bħall-innovazzjoni, il-kompetittività industrijali, il-kummerċ u d-difiża.

Kien summit diffiċli tal-Kunsill Ewropew u taż-Żona tal-euro iżda kien wieħed li ħalla l-frott, qbilna dwar il-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, qed niksbu l-ewwel riżultati tar-rapport tagħna dwar l-UEM u għamilna dan il-pass storiku fir-rigward tal-Privattiva Ewropea. Għalhekk il-bidu tat-tieni mandat tiegħi kien wieħed diffiċli iżda jekk tistgħu tkunu kuntenti fil-politika, fis-sigħat li jmiss, mhux aktar minn hekk, jiena raġel kuntent.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website