Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

5287/11

PRESSE 3

PR CO 1

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

It-3062 laqgħa tal-Kunsill

Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Brussell, 18 ta' Jannar 2011

President M. György MATOLCSY
Ministru tal-Ekonomija Nazzjonali tal-Ungerija

Riżultati prinċipali tal-Kunsill

Il-Kunsill beda s-"Semestru Ewropew" 2011, billi eżamina l-istħarriġ tat-tkabbir annwali tal-Kummissjoni u ħa lezzjonijiet minn valutazzjoni tal-abbozz ta' programmi ta' riforma nazzjonali tal-Istati Membri.

Is-"Semestru Ewropew" huwa implimentat għall-ewwel darba din is-sena bħala parti minn riforma tal-governanza ekonomika tal-UE; huwa mmirat biex jiżgura politiki koordinati aħjar u aktar effettivi biex l-ekonomija tal-Ewropa twitti t-triq għal tkabbir sostenibbli.

Il-Kunsill iddiskuta wkoll is-segwitu tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru fir-rigward tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-UE u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ġdid biex tiġi żgurata l-istabbiltà taż-żona tal-euro.

Il-governanza ekonomika kienet kwotata bħala prijorità prinċipali mill-Presidenza Ungeriża, li ppreżentat il-programm ta' ħidma tagħha lill-Kunsill. Il-Presidenza ddikjarat l-għan tagħha li tilħaq ftehim dwar is-sitt proposti leġislattivi dwar il-governanza ekonomika sal-aħħar ta' Marzu.

Il-Kunsill approva wkoll ftehimiet għall-iffaċilitar tal-viża u riammissjoni mal-Ġeorġja, li t-tnejn ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011. Il-ftehim għall-iffaċilitar tal-viża ser jagħmilha aktar faċli u irħas għaċ-ċittadini Ġeorġjani biex jiksbu viżi għal soġġorn qasir (sa 90 jum għal kull perijodu ta' 180 jum) għal vjaġġ għal u fl-UE.

WERREJ1

PARTEĊIPANTI

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

PROGRAMM TA' ĦIDMA TAL-PRESIDENZA

SUQ UNIKU

SEGWITU GĦALL-KUNSILL EWROPEW TA' DIĊEMBRU

STĦARRIĠ DWAR IT-TKABBIR ANNWALI

PROGRAMMI TA' RIFORMA NAZZJONALI

PROĊEDURA TA' ŻBILANĊ EĊĊESSIV - MALTA

INTRODUZZJONI TAL-EURO FL-ESTONJA

LAQGĦAT FIL-MARĠINI TAL-KUNSILL

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

AFFARIJIET EKONOMIĊI U FINANZJARJI

  • Deroga mid-Direttiva dwar il-VAT fir-Renju Unit

  • Tassazzjoni ta' karburanti fi Franza

  • Miżuri ta' implimentazzjoni għas-sistema tal-UE ta' taxxa fuq il-valur miżjud

BAĠITS

  • Adattament tar-regoli tal-baġit tal-UE għat-Trattat ta' Lisbona

AFFARIJIET BARRANIN

  • Baġit tal-PESK għall-2011 u l-2012

ĠUSTIZZJA U AFFARIJIET INTERNI

  • Ftehimiet għall-iffaċilitar tal-viża u r-riammissjoni mal-Ġeorġja

AFFARIJIET KONSULARI

  • Dokument ta' Vvjaġġar Proviżorju Ewropew

AFFARIJIET ĠENERALI

  • Studju tal-Eurostat dwar l-implikazzjonijiet baġitarji fuq il-perijodu fit-tul tal-ispejjeż tal-pensjonijiet - Konklużjonijiet

POLITIKA TAL-KUMMERĊ

  • L-Isvizzera u l-Liechtenstein – Protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi għall-ikel

  • Antidumping - Tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene – Indja

UNJONI DOGANALI

  • Andorra - Miżuri ta' sigurtà dagonali

IT-TRASPORT

  • L-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja Ewropea

  • Dikjarazzjoni ta' konformità għal vetturi ferrovjarji

ĦATRIET

  • Kumitat tar-Reġjuni

PROĊEDURA BIL-MIKTUB

  • Qabdiet totali permissibbli (TACs) u l-kwoti għall-2011

PARTEĊIPANTI

Belġju:

Is-Sur Didier REYNDERS Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi u r-Riformi Istituzzjonali

Bulgarija:

Is-Sinjura Boryana PENCHEVA Viċi Ministru

Repubblika Ċeka:

Is-Sinjura Milena VICENOVÁ Rappreżentant Permanenti

Danimarka:

Is-Sur Claus HJORT FREDERIKSEN Ministru tal-Finanzi

Ġermanja:

Is-Sur Wolfgang SCHÄUBLE Ministru tal-Finanzi

M. Jörg ASMUSSEN Segretarju tal-Istat

Estonja:

Is-Sur Jürgen LIGI Ministru tal-Finanzi

Irlanda:

Is-Sur Rory MONTGOMERY Rappreżentant Permanenti

Greċja:

Is-Sur Giorgos PAPACONSTANTINOU Ministru tal-Finanzi

Spanja:

Is-Sinjura Elena SALGADO It-Tieni Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi

Franza:

Is-Sinjura Christine LAGARDE Ministru tal-Ekonomija, il-Finanzi u l-Industrija

Italja:

Is-Sur Giulio TREMONTI Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi

Ċipru:

Is-Sur Charilaos STAVRAKIS Ministru tal-Finanzi

Latvja:

Is-Sur Andris VILKS Ministru tal-Finanzi

Litwanja:

Is-Sinjura Ingrida SIMONYTE Ministru tal-Finanzi

Lussemburgu:

Is-Sur Luc FRIEDEN Ministru tal-Finanzi

Ungerija:

Is-Sur György MATOLCSY Ministru tal-Ekonomija

Is-Sur. András KÁRMÁN Segretarju tal-Istat

Malta:

Is-Sur Tonio FENECH Ministru tal-Finanzi

Pajjiżi l-Baxxi:

Is-Sur Jan Kees de JAGER Ministru tal-Finanzi

Awstrija:

Is-Sur Josef PRÖLL Viċi Kanċillier u Ministru Federali tal-Finanzi

Polonja:

Is-Sur Jan VINCENT-ROSTOWSKI Ministru tal-Finanzi

Portugall:

Is-Sur Manuel LOBO ANTUNES Rappreżentant Permanenti

Rumanija:

Is-Sur Dan LAZAR Segretarju tal-Istat għall-Ekonomija

Slovenja:

Is-Sur Franc KRIŽANIČ Ministru tal-Finanzi

Slovakkja:

Is-Sur Ivan KORČOK Rappreżentant Permanenti

Finlandja:

Is-Sur Jyrki KATAINEN Ministru tal-Finanzi

Svezja:

Is-Sur Anders BORG Ministru tal-Finanzi

Renju Unit:

Is-Sur George OSBORNE Ministru tal-Finanzi (Chancellor of the Exchequer)

Kummissjoni:

Is-Sur Olli REHN Membru

Is-Sur Michel BARNIER Membru

Is-Sur Algirdas ŠEMETA Membru

Parteċipanti oħrajn:

Is-Sur Vitor CONSTANCIO Viċi President tal-Bank Ċentrali Ewropew

Is-Sur Philippe MAYSTADT President tal-Bank Ewropew tal-Investiment

Is-Sur Thomas WIESER President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju

Is-Sur Lorenzo CODOGNO President tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

PROGRAMM TA' ĦIDMA TAL-PRESIDENZA

Il-Kunsill ħa nota tal-preżentazzjoni mill-Presidenza Ungeriża tal-programm ta' ħidma tagħha dwar kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji għall-mandat tagħha (Jannar sa Lulju 2011) (18048/10). Il-Kunsill kellu skambju ta' opinjonijiet.

Fil-programm tagħha, bħala prijorità prinċipali, il-Presidenza ssemmi l-konklużjoni ta' ftehim fil-Kunsill, sa tmiem Marzu, dwar sitt proposti leġislattivi mmirati lejn it-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-UE.

Din issemmi l-iskeda tagħha għall-implimentazzjoni tal-ewwel Semestru Ewropew, b'konklużjonijiet li għandhom jiġu adottati fi Frar dwar sfidi fiskali u makroekonomiċi, wara rapport mill-Kunsill Ewropew f'Marzu. Is-Semestru Ewropew huwa mmirat li jiżgura politiki koordinati aħjar u aktar effettivi biex l-ekonomija tal-Ewropa twitti t-triq għal tkabbir sostenibbli.

Il-Presidenza tħabbar ukoll il-progress kontinwu ma' riformi tas-settur finanzjarju. Fil-livell internazzjonali, il-Presidenza tippjana li tiffoka fuq aktar żvilupp fir-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien tagħha tal-Lvant (Sħubija tal-Lvant), notevolment billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali fost l-Istati Membri u pajjiżi sħab u l-parteċipazzjoni u l-kooperazzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Hija tħabbar ukoll il-ħidma dwar pożizzjoni komuni dwar kwistjonijiet ta' finanzjament fit-tul fir-rigward tat-tibdil fil-klima.

Barra minn hekk, il-Presidenza għandha l-intenzjoni li tkompli l-ħidma tagħha dwar it-tassazzjoni tal-industrija tal-finanzi, u li tagħmel progress fir-rigward tat-tassazzjoni tal-interessi mit-tfaddil. Fir-rigward tal-baġit tal-UE, hija marbuta li taħdem f'kooperazzjoni mill-viċin mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE dwar pakkett ta' miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona. Hija tħabbar ukoll il-ħidma dwar proposti għal reviżjoni tar-"regolament finanzjarju", regolament dwar prinċipji u proċeduri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE.

SUQ UNIKU

Il-Kunsill kellu skambju ta' opinjonijiet1 dwar l-iżvilupp ulterjuri tas-suq uniku tal-UE, fid-dawl ta' komunikazzjoni mill-Kummissjoni, bl-isem "Lejn att dwar is-suq uniku għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna" (13977/1/10 REV 1).

Huwa qabel li l-kwistjoni terġa' tiġi eżaminata fi żmien debitu.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tippreżenta 50 proposta għat-titjib tal-funzjonament tas-suq uniku, abbażi ta' rapport minn Mario Monti, dak li qabel kien il-kummissarju Ewropew u l-president tal-Università Bocconi (Milan)2. Dawn jinsabu taħt "att dwar is-suq uniku", pjan fuq sentejn li għandu jitlesta sa tmiem l-2012 biex jikkoinċidi mal-20 anniversarju tas-suq uniku.

Il-Kummissjoni ppreżentat il-komunikazzjoni tagħha għall-konsultazzjoni tal-pubbliku sa tmien Frar. Il-Kunsill tal-Kompetittività adotta l-konklużjonijiet fl-10 ta' Diċembru.

SEGWITU GĦALL-KUNSILL EWROPEW TA' DIĊEMBRU

Il-Kunsill ħa nota tal-pjanijiet tal-Presidenza fir-rigward tas-segwitu tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-16 u s-17 ta' Diċembru.

Fil-laqgħa tiegħu ta' Diċembru, il-Kunsill Ewropew talab biex tiżdied il-ħidma fuq proposti leġislattivi mmirati għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika tal-UE, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati sa Ġunju ta' din is-sena.

STĦARRIĠ DWAR IT-TKABBIR ANNWALI

Il-Kunsill ħa nota ta' preżentazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-elementi prinċipali tal-istħarriġ tiegħu dwar it-tkabbir annwali ppubblikat fit-12 ta' Jannar (18066/10). Huwa kellu skambju ta' opinjonijiet.

L-istħarriġ tal-Kummissjoni jsemmi azzjonijiet ta' prijorità li għandhom jittieħdu minn Stati Membri biex jiġu żgurati politiki koordinati aħjar u aktar effettivi biex l-ekonomija tal-Ewropa twitti t-triq għal tkabbir sostenibbli.

Dan jagħti tliet prijoritajiet fi tliet oqsma prinċipali:

  • it-tisħiħ tal-istabbiltà makroekonomika: l-implimentazzjoni ta' konsolidazzjoni baġitarja, il-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi u l-iżgurar ta' stabbiltà fl-industrija finanzjarja;

  • riformi strutturali biex l-impjieg jingħata spinta: ix-xogħol isir aktar attraenti, is-sistemi tal-pensjonijiet jingħataw riforma, il-persuni qiegħda jmorru lura għax-xogħol u jkun hemm bilanċ bejn is-sigurtà u l-flessibbiltà fis-swieq tax-xogħol;

  • miżuri għat-tisħiħ tat-tkabbir skont l-istrateġija "Europa 2020" għall-impjiegi u t-tkabbir: l-isfruttar tal-potenzjal tas-suq uniku tal-UE, li jattira l-kapital privat għat-tisħiħ tat-tkabbir u l-ħolqien ta' aċċess kosteffikaċi għall-enerġija.

Il-valutazzjoni u l-opinjoni ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-isfidi prinċipali kienu kondiviżi b'mod wiesa' mid-delegazzjonijiet. Il-Kunsill talab lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika biex jaħdmu b'mod intensiv fuq id-dossier. L-intenzjoni tal-Presidenza hija l-Kunsill jadotta l-konklużjonijiet fil-laqgħa tiegħu (Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji) fil-15 ta' Frar.

L-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir, flimkien mar-rieżami tal-abbozz ta' programmi ta' riforma nazzjonali (ara paġna 11), jikkostitwixxi l-ewwel passi għall-implimentazzjoni tal-hekk imsejjaħ "Semestru Ewropew", li jinvolvi monitoraġġ simultanju tal-linji ta' politika baġitarji u tar-riformi strutturali tal-Istati Membri, f'konformità mar-regoli komuni, matul perijodu ta' sitt xhur kull sena.

Fil-laqgħa tiegħu tal-24 u l-25 ta' Marzu, il-Kunsill Ewropew għandu jipprovdi gwida lill-Istati Membri għall-finalizzazzjoni tal-programmi ta' stabbilità u konverġenza tagħhom (politiki baġitarji) u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (riformi strutturali).

Is-Semestru Ewropew huwa implimentat għall-ewwel darba din is-sena bħala parti minn riforma tal-governanza ekonomika tal-UE.

PROGRAMMI TA' RIFORMA NAZZJONALI

Il-Kunsill iddiskuta, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika, abbozz ta' Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) ippreżentat mill-Istati Membri. Il-Ministri impenjaw ruħhom biex jirretifikaw diffikultajiet mal-abbozz ta' PNR, kif inhuwa identifikat mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika.

Il-programmi huma meħtieġa, skont l-arranġamenti ta' governanza ekonomika tal-UE, biex jippermettu sorveljanza multilaterali tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri. Normalment, għandu jkun fihom xenarju makroekonomiku għall-perijodu medju, miri nazzjonali għat-traduzzjoni tal-miri prinċipali stabbiliti fl-istrateġija għat-tkabbir u l-impjiegi "Ewropa 2020", identifikazzjoni tal-ostakoli prinċipali għall-ħolqien ta' tkabbir u mpjiegi, u miżuri għall-konċentrazzjoni ta' inizjattivi li jtejbu t-tkabbir f'perijodu bikri.

Rieżami tal-abbozz ta' programmi tikkostitwixxi, flimkien mal-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir (ara paġna 10), l-ewwel passi għall-implimentazzjoni tal-hekk imsejjaħ "Semestru Ewropew", li jinvolvi monitoraġġ simultanju tal-linji ta' politika baġitarji u tar-riformi strutturali tal-Istati Membri, f'konformità mar-regoli komuni, matul perijodu ta' sitt xhur kull sena.

Fil-laqgħa tiegħu tal-24 u l-25 ta' Marzu, il-Kunsill Ewropew għandu jipprovdi gwida lill-Istati Membri għall-finalizzazzjoni tal-programmi ta' stabbilità u konverġenza tagħhom (politiki baġitarji) u l-Programmi Nazzjonali ta' Riforma (riformi strutturali).

Is-Semestru Ewropew huwa implimentat għall-ewwel darba din is-sena bħala parti minn riforma tal-governanza ekonomika tal-UE.

PROĊEDURA TA' ŻBILANĊ EĊĊESSIV - MALTA

Il-Kunsill iddiskuta Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tivvaluta l-azzjoni li ttieħdet minn Malta bi tweġiba għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2010, ibbażata fuq l-Artikolu 126 (7) biex is-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv tintemm sa mhux aktar tard mill-2011.

Il-Kunsill jikkondividi l-fehma tal-Kummissjoni li, abbażi ta' informazzjoni attwali, Malta ħadet azzjoni li tippreżenta progress adegwat għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-Kunsill. B'mod partikolari, l-awtoritajiet Maltin ħadu miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali biex jikkoreġu l-iżbilanċ eċċessiv sal-2011, waqt li jiżguraw sforz fiskali adegwat fl-2011. F'dan l-isfond, il-Kunsill jikkunsidra li, fil-preżent, ma huwa meħtieġ l-ebda pass ulterjuri taħt il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv.

Fl-istess waqt, il-Kunsill jinnota li minkejja ambjent makroekonomiku aħjar milli mistenni fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, ma kien hemm l-ebda aċċelerazzjoni fit-tnaqqis tal-iżbilanċ fl-2010. Barra dan, jeżistu riskji konsiderevoli li jistgħu jikkompromettu li tinkiseb il-mira tal-iżbilanċ tal-2011. F'dan il-kuntest, il-Kunsill jagħmel appell għal eżekuzzjoni rigoruża tal-baġit u monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi baġitarji sabiex jittieħdu miżuri korrettivi jekk ikun meħtieġ biex jiġi żgurat li l-mira tal-iżbilanċ ta' 2,8 % tal-PGD tintlaħaq fl-2011. Barra minn hekk, għandhom jittieħdu passi ulterjuri sabiex tissaħħaħ in-natura vinkolanti tal-qafas baġitarju fuq perijodu medju u biex titjieb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-tul, kif mitlub mill-Kunsill fir-rakkomandazzjonijiet u l-istediniet tiegħu.

INTRODUZZJONI TAL-EURO FL-ESTONJA

Il-Kunsill kien infurmat mill-Ministru Estonjan dwar l-introduzzjoni tal-euro f'pajjiżu fl-1 ta' Jannar. Il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew ipprovdew aktar informazzjoni; il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport sħiħ dwar il-bidla, fix-xhur li ġejjin.

Bħas-Slovakkja fl-2009, Ċipru u Malta fl-2008 u s-Slovenja fl-2007, l-Estonja qiegħdet muniti u karti tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni fl-istess ħin li adottat l-euro bħala l-munita uffiċjali tagħha, filwaqt li t-tnax-il Stat Membru l-ieħor taż-żona tal-euro introduċew l-euro f'żewġ stadji (fl-1999 u fl-2002).

Ċirkolazzjoni doppja tal-euro u l-kroon Estonjan spiċċat fl-14 ta' Jannar, u l-krooni jistgħu jinbidlu f'euro sal-aħħar ta' Ġunju.

L-awtoritajiet Estonjani jirrappurtaw bidla bla ostakoli. Ħażniet ta' karti u muniti kienu jeżistu f'ħin debitu qabel il-bidla. Kważi l-ATMs kollha kienu qegħdin iqassmu l-euro fi 15-il minuta wara l-bidla. L-operazzjonijiet bankarji elettroniċi u l-pagamenti bil-kard kollha kienu qegħdin jaħdmu bl-euro fi żmien 24 siegħa. Sal-5 ta' Jannar, il-maġġoranza tal-pagamenti f'kontanti kienu qed isiru bl-euro. Sal-10 ta' Jannar, il-valur tal-euro kontanti f'ċirkolazzjoni qabeż dak ta' kroon Estonjan li kien għadu qed jiċċirkola.

LAQGĦAT FIL-MARĠINI TAL-KUNSILL

Il-laqgħat li ġejjin saru fil-marġini tal-Kunsill:

- Grupp tal-Euro

Il-Ministri tal-Istati Membri taż-żona tal-euro attendew laqgħa tal-Grupp tal-Euro fis-17 ta' Jannar.

- Laqgħa ministerjali waqt il-kolazzjon

Il-Ministri kellhom laqgħa waqt il-kolazzjon biex jiddiskutu s-sitwazzjoni ekonomika, kif ukoll testijiet tal-istress fis-settur bankarju.

PUNTI OĦRAJN APPROVATI

AFFARIJIET EKONOMIĊI U FINANZJARJI

Deroga mid-Direttiva dwar il-VAT fir-Renju Unit

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lir-Renju Unit biex ikompli japplika miżura ta' deroga mid-Direttiva 2006/112 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) (17507/10).

Id-deċiżjoni tippermetti lir-Renju Unit, permezz ta' deroga mill-Artikoli 26(1)(a), 168 u 169 tad-Direttiva dwar il-VAT, biex ikompli jirrestrinġi d-dritt tat-tnaqqis tal-VAT fuq il-kiri jew it-twellija ta' vetturi mhux użati kompletament għal raġunijiet kummerċjali.

Tassazzjoni ta' karburanti fi Franza

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lil Franza biex tapplika rati ta' tassazzjoni mnaqqsa fuq il-petrol bla ċomb u n-nafta użata bħala fjuwil (17877/10).

Miżuri ta' implimentazzjoni għas-sistema tal-UE ta' taxxa fuq il-valur miżjud

Il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar abbozz ta' regolament li jistabbilixxi miżuri ta' implimentazzjoni ġodda għad-Direttiva 2006/112 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) (16805/10 + 16805/10 COR 1).

L-abbozz ta' regolament, li jifformula mill-ġdid ir-Regolament 1777/2005, jiċċara ċerti aspetti tad-Direttiva dwar il-VAT (2006/112/KE) bil-għan li jiżgura aktar konformità mal-għanijiet tas-suq intern tal-UE.

Huwa jipprevedi:

- miżuri ta' implimentazzjoni għad-Direttiva 2008/8/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta' servizzi;

- adattament tar-Regolament 1777/2005 għad-Direttiva dwar il-VAT wara r-riformulazzjoni tagħha fl-2006;

- miżuri ta' implimentazzjoni għal elementi oħra tad-Direttiva dwar il-VAT.

Ir-Regolament ser ikun adottat mingħajr diskussjoni f'laqgħa li jmiss tal-Kunsill.

BAĠITS

Adattament tar-regoli tal-baġit tal-UE għat-Trattat ta' Lisbona

Il-Kunsill iddeċieda li jibgħat abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2007-2013 lill-Parlament Ewropew għall-kunsens tiegħu (16973/3/10 REV 3). Huwa ddeċieda wkoll li jibgħat lill-Parlament il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar abbozz ta' ftehim interistituzzjonali (16974/10).

Iż-żewġ testi huma mmirati biex jadattaw ir-regoli baġitarji attwali tal-UE għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona. Huma jikkunsidraw ukoll ix-xewqa tal-Parlament Ewropew li jżomm flessibbiltà fl-immaniġġar tal-qafas finanzjarju pluriennali billi jipprevedi għal "marġini ta' kontinġenza" li jammonta għal 0.03 % ta' dħul nazzjonali gross tal-UE bħala l-aħħar soluzzjoni jekk jinqalgħu ċirkostanzi mhux mistennija. Dan il-marġini ta' kontinġenza jkun immobbilizzat permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata tal-Kunsill u l-appoġġ ta' maġġoranza tal-membri tal-Parlament Ewropew u tlieta minn ħamsa tal-voti mitfugħa.

AFFARIJIET BARRANIN

Baġit tal-PESK għall-2011 u l-2012

Il-Kunsill innota rapport li jipprovdi gwida għall-finanzjament fl-2011 u l-2012 mill-baġit tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE (PESK).

Ir-rapport jirrikkomanda li jiġu żgurati li allokazzjonijiet taħt il-baġit tal-PESK ikunu bbażati fuq ħtiġijiet previdibbli reali, u li jkun previst marġini adegwat għal kontinġenzi u azzjonijiet mhux mistennija.

ĠUSTIZZJA U AFFARIJIET INTERNI

Ftehimiet għall-iffaċilitar tal-viża u r-riammissjoni mal-Ġeorġja

Il-Kunsill ikkonkluda ftehimiet mal-Ġeorġja għall-iffaċilitar tal-viża u r-riammissjoni, lit-tnejn li huma ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2011.

Il-ftehim għall-iffaċilitar tal-viża ser jagħmilha aktar faċli u irħas għaċ-ċittadini Ġeorġjani biex jiksbu viżi għal soġġorn qasir (sa 90 jum għal kull perijodu ta' 180 jum) għal vjaġġ għal u fl-UE.

Għad-dettalji, ara l-istqarrija għall-istampa 5412/11.

AFFARIJIET KONSULARI

Dokument ta' Vvjaġġar Proviżorju Ewropew

Il-Kunsill approva konklużjonijiet li jistiednu lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta għall-produzzjoni ta' dokument Ewropew ta' Vvjaġġar Proviżorju Ewropew li jkun fih karatteristiċi ta' sigurtà skont prattiki attwali, li jaġġorna l-karatteristiċi deskritti fid-Deċiżjoni 96/409/PESK.

Dokument ta' Vvjaġġar Proviżorju Ewropew jippermetti liċ-ċittadini tal-UE li jkunu jinstabu f'diffikultà biex imorru lura malajr lejn il-postijiet ta' residenza tagħhom anke jekk jitilfu l-passaport tagħhom u/jew dokumenti permanenti tal-ivvjaġġar rilevanti oħra.

AFFARIJIET ĠENERALI

Studju tal-Eurostat dwar l-implikazzjonijiet baġitarji fuq il-perijodu fit-tul tal-ispejjeż tal-pensjonijiet - Konklużjonijiet

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet imniżżla fi 18250/10.

POLITIKA TAL-KUMMERĊ

L-Isvizzera u l-Liechtenstein – Protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi għall-ikel

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tapprova l-iffirmar ta' ftehim mal-Isvizzera dwar il-protezzjoni ta' denominazzjonijiet tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti agrikoli u ikel, li temenda ftehim attwali (16196/10 + 16199/10).

Il-ftehim il-ġdid huwa mmirat biex jippromwovi l-iżvilupp ta' denominazzjonijiet tal-oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti agrikoli u ikel u jiffaċilita l-kummerċ bilaterali għal dawk il-prodotti.

Il-Kunsill adotta wkoll deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-UE dwar l-adattament tal-Anness 3 tal-ftehim UE-Svizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli (16270/10).

Il-modifiki huma intenzjonati li jikkunsidraw il-liberalizzazzjoni sħiħa fil-kummerċ bilaterali fil-ġobon u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, li għandhom ikunu previsti fl-Anness 12 il-ġdid għall-ftehim.

Barra minn hekk, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tapprova l-iffirmar ta' ftehim li jestendi l-ftehim tal-UE mal-Isvizzera dwar il-kummerċ fi prodotti agrikoli għal-Liechtenstein (16207/10 + 16210/10).

Antidumping - Tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene – Indja

Il-Kunsill adotta Regolament li jemenda r-Regolament 1292/2007 li jimponi dazju definittiv ta' antidumping fuq importazzjonijiet tat-tertuqa tat-tereftalat tal-polietilene (PET) li joriġinaw fl-Indja (18160/10).

UNJONI DOGANALI

Andorra - Miżuri ta' sigurtà dagonali

Il-Kunsill awtorizza l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta' protokoll li jestendi l-ambitu tal-ftehim tal-UE mal-Andorra biex ikopri miżuri ta' sigurtà dagonali (17403/10).

IT-TRASPORT

L-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja Ewropea

Il-Kunsill iddeċieda li ma jopponiex l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' żewġ atti leġislattivi rigward id-Direttiva tal-UE dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja Ewropea, jiġifieri:

  • direttiva li temenda l-lista u d-deskrizzjoni ta' sottosistemi u dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni ta' verifika u l-proċedura ta' verifika għal sottosistemi mniżżlin fl-annessi għad-direttiva (16431/10);

  • deċiżjoni dwar il-pubblikazzjoni u l-immaniġġar ta' dokument ta' kontroreferenza u li jikklassifika regoli nazzjonali għat-tqegħid f'servizz ta' vetturi ferrovjarji (17294/10).

Iż-żewġ abbozzi ta' atti huma soġġetti għall-proċedura regolatorja bi skrutinju; issa li l-Kunsill ta l-kunsens tiegħu, il-Kummissjoni tista' tadottahom, dment li l-Parlament Ewropew ma joġġezzjonax.

Dikjarazzjoni ta' konformità għal vetturi ferrovjarji

Il-Kunsill iddeċieda li ma jopponix għall-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' regolament li jistabbilixxi mudell li għandu jintuża għad-dikjarazzjoni li vettura ferrovjarja hija konformi ma' tip awtorizzat (16402/10).

L-abbozz ta' regolament huwa soġġett għall-proċedura regolatorja bi skrutinju; issa li l-Kunsill ta l-kunsens tiegħu, il-Kummissjoni tista' tadottah, dment li l-Parlament Ewropew ma joġġezzjonax.

ĦATRIET

Kumitat tar-Reġjuni

Il-Kunsill ħatar lid-Dott. Christian BUCHMANN (Awstrija) (17879/10); is-Sur Hans KOK, is-Sur Henk KOOL u s-Sur Sipke SWIERSTRA (Pajjiżi l-Baxxi) (17909/10) u s-Sur Tadeusz TRUSKOLASKI (Polonja) (18052/10), bħala membri tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-bqija tal-mandat attwali, li jintemm fil-25 ta' Jannar 2015.

PROĊEDURA BIL-MIKTUB

Qabdiet totali permissibbli (TACs) u l-kwoti għall-2011

Fit-18 ta' Jannar 2011, il-Kunsill adotta, bi proċedura bil-miktub, ir-regolament li jistabbilixxi għall-2011 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta' stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-UE u, għal-bastimenti tal-UE, f'ċerti ilmijiet mhux tal-UE (17546/10). Ir-regolament kien adottat permezz b'maġġoranza kwalifikata, bid-delegazzjoni Spanjola tivvota kontra.

Matul il-laqgħa tal-Kunsill tat-13 u l-14 ta' Diċembru 2010, il-Ministri laħqu ftehim politiku dwar dan ir-regolament abbażi ta' kompromess tal-Presidenza, imfassal fi ftehim mal-Kummissjoni (17836/10).

Dan ir-regolament jistabbilixxi opportunitajiet ta' sajd għall-2011 għall-bastimenti tal-UE fl-ilmijiet tal-Atlantiku, iċ-Channel u l-Baħar tat-Tramuntana, filwaqt li jitqiesu numru ta' prinċipji ta' gwida ċari:

  • fejn jeżistu pjanijiet ta' mmaniġġar fuq perijodu twil, l-ebda deroga mhi permessa.

  • jittieħdu passi gradwali biex jintlaħaq rendiment sostenibbli massimu għall-istokkijiet kollha sal-2015.

Id-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u l-Kummissjoni u d-dikjarazzjonijiet unilaterali mid-delegazzjonijiet huma ppubblikati separatament (5038/11; 5139/1/11).

1 :

Dan il-punt ġie inkluż fl-aġenda fuq it-talba tad-delegazzjoni tar-Renju Unit.

2 :

http://ec.europa.eu/bepa/pdf/monti_report_final_10_05_2010_en.pdf


Side Bar