Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

16042/11

(OR. en)

PRESSE 397

PR CO 65

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

It-3121 Laqgħa tal-Kunsill

Ġustizzja u Affarijiet Interni

Lussemburgu, 27 u 28 ta' Ottubru 2011

President Is-Sur Jerzy MILLER
Ministru tal-Intern tal-Polonja
Is-Sur Krzysztof KWIATKOWSKI
Ministru tal-Ġustizzja tal-Polonja

Riżultati prinċipali

Il-Kunsill adotta patt Ewropew kontra d-drogi sintetiċi . F'dan il-kuntest, huwa skambja wkoll fehmiet dwar ir-rapport annwali 2011 dwar l-istat attwali tal-problemi tad-droga fl-Ewropa miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) u l- komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Lejn reazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha għad-drogi".

Il-Ministri qablu dwar approċċ ġenerali dwar proposta li temenda r-regoli tal-UE dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera (LBT) li għandha l-għan li tiffaċilita l-qsim tal-fruntiera fiż-żona ta' Kaliningrad .

Il-Kunsill innota l-istat attwali tal-ħidma dwar is- Sistema Ewropea Komuni tal-Asil . F'dan il-kuntest, il-presidenza qalet li minħabba qbil finali mal-Parlament Ewropew, probabbli jiġu adottati żewġ direttivi sa tmiem is-sena: waħda dwar permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirresjedu u jaħdmu fl-UE u ġabra komuni ta' drittijiet għal ħaddiema ta' pajjiżi terzi li jirresjedu legalment fi stat membru, l-oħra dwar il-kwalifika u l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali.

Imbagħad il-Kunsill eżamina l-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal- Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Greċja dwar il-Ġestjoni tal-Migrazzjoni u r-Riforma tal-Asil. L-immigrazzjoni illegali, il-liberalizzazzjoni tal-viża u t-traffikar tal-bnedmin kienu s-suġġetti prinċipali diskussi matul l-ikla ta' nofsinhar.

Il-Kummissjoni infurmat dwar l-istat attwali ta' żewġ settijiet ta' negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika: wieħed dwar il- ftehim UE-Stati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data , u l-ieħor dwar ftehim UE-Stati Uniti dwar ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri.

Il-Ministri kellhom ukoll dibattiti ta' orjentazzjoni dwar għadd ta' komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni rigward:

  • għażliet disponibbli rigward Sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu ;

  • aġenda Ewropea għall-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi; u

  • kooperazzjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni fi ħdan l- Isħubija tal-Lvant .







Fil-parti tal-ġustizzja tal-Kunsill, il-Presidenza infurmat li minħabba ftehim finali mal-Parlament Ewropew, id-direttiva dwar il-
ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija bi probabbiltà kbira ser tiġi adottata sa tmiem is-sena.

Il-Ministri kellhom l-ewwel skambju ta' fehmiet dwar il-proposti l-aktar reċenti tal-Kummissjoni għal regolament dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u ħadu nota ta' abbozz ta' direttiva dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipolazzjoni tas-suq . Fil-qasam tad-drittijiet proċedurali, il-Kunsill ħa nota tal-istat attwali tad- dritt ta' aċċess għal avukat u dwar id-dritt ta' komunikazzjoni mal-arrest . Il-Kunsill kellu wkoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar direttiva proposta li tistabbilixxi standards minimi dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta' kriminalità .

Fil-marġni tal-Kunsill, il-Kumitat Imħallat (l-UE flimkien man-Norveġja, l-Islanda, il-Liechtenstein u l-Isvizzera) laqa' b'sodisfazzjon it-tnedija l-aktar reċenti tas- Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u eżamina l-istat attwali tas- Sistema ta ' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II) . Huwa eżamina wkoll il-proposta msemmija hawn fuq biex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntiera fiż-żona ta' Kaliningrad u kellu skambju ta' fehmiet dwar komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar fruntieri intelliġenti.

Ukoll fil-marġni tal-Kunsill, ġiet iffirmata dikjarazzjoni dwar sħubija għall-mobbiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Armenja .

WERREJ1

PARTEĊIPANTI

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

IL-POLITIKA TAL-UE DWAR ID-DROGI

Patt Ewropew kontra d-drogi sintetiċi

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni / Rapport annwali tal-2011 mill-aġenzija tal-UE kontra d-drogi

TRAFFIKU LOKALI TAL-FRUNTIERA FIŻ-ŻONA TA' KALININGRAD

SISTEMA EWROPEA KOMUNI TAL-ASIL (SEKA)

PERMESS UNIKU GĦAL ĊITTADINI TA' PAJJIŻI TERZI BIEX JIRRISJEDU U JAĦDMU FL-UE

DIRETTIVA DWAR IL-KWALIFIKI

PJAN TA' AZZJONI NAZZJONALI GRIEG DWAR L-ASIL U L-MIGRAZZJONI

FTEHIM UE-STATI UNITI DWAR IL-PROTEZZJONI TAD-DATA

FTEHIM UE-STATI UNITI DWAR IR-REĠISTRU TAL-ISMIJIET TAL-PASSIĠĠIERI

SISTEMA EWROPEA TA' TRAĊĊAR TA' FINANZJAMENT TAT-TERRORIŻMU (TFTS UE)

INTEGRAZZJONI TA' ĊITTADINI TA' PAJJIŻI TERZI

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-ĠAI FI ĦDAN L-ISĦUBIJA TAL-LVANT

VITTMI TAL-KRIMINALITÀ

SFRUTTAMENT SESSWALI TAT-TFAL

LIĠI KOMUNI EWROPEA DWAR IL-BEJGĦ

DRITT TA' AĊĊESS GĦAL AVUKAT

ABBUŻ MINN INFORMAZZJONI PRIVILEĠĠATA U MANIPOLAZZJONI TAS-SUQ

KUMITAT IMĦALLAT

VIS

SIS II

Traffiku tal-fruntieri lokali fiż-żona ta' Kaliningrad

Fruntieri intelliġenti

Affarijiet Oħrajn

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

ĠUSTIZZJA U AFFARIJIET INTERNI

  • "Deċiżjoni Qafas Svediża" - Konklużjonijiet

  • Skambju awtomatizzat ta' data - il-Latvja

  • Sħubija għall-Mobbiltà UE-Armenja - Dikjarazzjoni

  • Is-60 Anniversarju tal-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati - Dikjarazzjoni

  • Ir-rapport Eurojust

  • Netwerk għal kooperazzjoni leġislattiva

  • Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew - Konklużjonijiet

AFFARIJIET EKONOMIĊI U FINANZJARJI

  • Trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti *

BAĠITS

  • Konċiljazzjoni tal-baġit tal-UE għall-2012

  • Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

AFFARIJIET BARRANIN

  • Miżuri restrittivi - Burma/il-Mjanmar

  • Miżuri restrittivi - Repubblika ta' Ginea

  • Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja

  • Relazzjonijiet mal-Uzbekistan

AFFARIJIET ĠENERALI

  • Ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi

POLITIKA TA' SIGURTÀ U TA' DIFIŻA KOMUNI

  • Eżerċizzju tal-UE dwar l-Immaniġġar ta' Kriżijiet 2011

POLITIKA TAL-KUMMERĊ

  • Kontroll ta' oġġetti b'użu doppju: awtorizzazzjonijiet ġenerali ġodda tal-UE ta' esportazzjoni

  • Aġġustamenti għal ftehimiet ta' kummerċ mal-Awstralja, in-New Zealand u l-Arġentina

  • Ftehim ta' Kummerċ Ħieles - l-UE u l-Korea t'Isfel

AMBJENT

  • Vjeġġi ta' skart

PARTEĊIPANTI

Belġju:

Is-Sur Stefaan DE CLERCK Ministru tal-Ġustizzja

Is-Sur Melchior WATHELET Segretarju tal-Istat tal-Politika dwar il-Migrazzjoni u l-Asil

Bulgarija:

Is-Sinjura Margarita POPOVA Ministru tal-Ġustizzja

Is-Sur Boyko KOTZEV Rappreżentant Permanenti

Repubblika Ċeka:

Is-Sur Jan KUBICE Ministru tal-Intern

Is-Sur Jaroslav HRU Š KA Viċi Ministru tal-Intern

Is-Sur Marek ŽENÍŠEK Viċi Ministru tal-Ġustizzja

Danimarka:

Is-Sur Morten BØDSKOV Ministru tal-Ġustizzja

Ġermanja:

Is-Sur Ole SCHRÖDER Segretarju tal-Istat Parlamentari, Ministeru Federali tal-Intern

Is-Sur Max STADLER Segretarju Parlamentari tal-Istat għall-Ministru Federali tal-Ġustizzja

Estonja:

Is-Sur Kristen MICHAL Ministru tal-Ġustizzja

Is-Sur Ken-Marti VAHER Ministru tal-Intern

Irlanda:

Is-Sur Alan SHATTER Ministru tal-Ġustizzja u l-Ugwaljanza

Is-Sur Rory MONTGOMERY Rappreżentant Permanenti

Greċja:

Is-Sur Christos PAPOUTSIS Ministru tal-Protezzjoni taċ-Ċittadini

Is-Sur Ioannis IOANNIDIS Segretarju Ġenerali għat-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem, Ministru tal-Ġustizzja, it-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem

Spanja:

Is-Sinjura Anna TERRÓN I CUSÍ Segretarju tal-Istat għall-Immigrazzjoni u l-Emigrazzjoni

Is-Sur Justo Tomás ZAMBRANA PINEDA Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà

Is-Sur Luis PLANAS PUCHADES Rappreżentant Permanenti

Franza:

Is-Sur Claude GUEANT Ministru tal-Intern, it-Territorji Extra-Ewropej, l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali u l-Immigrazzjoni

Is-Sur Michel MERCIER Għassies tas-Siġilli, Ministru tal-Ġustizzja u l-Libertaijiet

Italja:

Is-Sinjura Sonia VIALE Segretarju tal-Istat għall-Intern

Is-Sur Giacomo CALIENDO Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja

Ċipru:

Is-Sur Neoklis SYLIKIOTIS Ministru tal-Intern

Is-Sur Loukas LOUKA Ministru tal-Ġustizzja u l-Ordni Pubbliku

Latvja:

Is-Sinjura Ilze JUHANSONE Rappreżentant Permanenti

Litwanja:

Is-Sur Remigijus ŠIMAŠIUS Ministru tal-Ġustizzja

Is-Sur Raimundas PALAITIS Ministru tal-Intern

Lussemburgu:

Is-Sur François BILTGEN Ministru tal-Ġustizzja

Is-Sur Nicolas SCHMIT Ministru tax-Xogħol, l-Impjiegi u l-Immigrazzjoni

Is-Sur Jean-Marie HALSDORF Ministru tal-Intern u l-Grande Région, Ministru tad-Difiża

Ungerija:

Is-Sur Tibor NAVRACSICS Ministru tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Ġustizzja

Is-Sur Károly KONTRÁT Segretarju tal-Istat Parlamentari, Ministeru tal-Intern

Malta:

Is-Sur Carmelo MIFSUD BONNICI Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pajjiżi l-Baxxi:

Is-Sur Fred TEEVEN Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u l-Ġustizzja

Awstrija:

Is-Sinjura Johanna MIKL-LEITNER Ministru Federali tal-Intern

Is-Sinjura Beatrix KARL Ministru Federali tal-Ġustizzja

Polonja:

Is-Sur Jerzy MILLER Ministru tal-Intern u l-Amministrazzjoni

Is-Sur Krzysztof KWIATKOWSKI Ministru tal-Ġustizzja

Is-Sur Igor DZIALUK Viċi Segretarju tal-Istat, Ministeru tal-Ġustizzja

Portugall:

Is-Sinjura Paula TEIXEIRA DA CRUZ Ministru tal-Ġustizzja

Is-Sur Juvenal SILVA PENEDA Segretarju tal-Istat għall-Ministru tal-Intern

Rumanija:

Is-Sur Traian IGAS Ministru tal-Amministrazzjoni u l-Affarijiet Interni

Is-Sur Catalin PREDOIU Ministru tal-Ġustizzja

Is-Sur Marian-Grigore TUTILESCU Segretarju tal-Istat, Kap tad-Dipartiment ta' Schengen, Ministeru tal-Amministrazzjoni u l-Affarijiet Interni

Slovenja:

Is-Sur Aleš ZALAR Ministru tal-Ġustizzja

Is-Sinjura Nina GREGORI Direttur-Ġenerali tad-Direttorat dwar il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, Ministeru tal-Intern

Slovakkja:

Is-Sur Daniel LIPŠIC Ministru tal-Intern

Is-Sinjura Mária KOLÍKOVÁ Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tal-Ġustizzja

Finlandja:

Is-Sinjura Päivi RÄSÄNEN Ministru tal-Intern

Is-Sinjura Anna-Maja HENRIKSSON Ministru tal-Ġustizzja

Svezja:

Is-Sinjura Beatrice ASK Ministru tal-Ġustizzja

Is-Sur Tobias BILLSTRÖM Ministru tal-Migrazzjoni

Renju Unit:

Is-Sur Damian GREEN Ministru tal-Istat tad-Dipartiment tal-Intern (Ministru għall-Immigrazzjoni)

Is-Sur Kenneth CLARKE Lord Kanċillier, Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja

Is-Sur Frank MULHOLLAND Lord Advocate għall-Iskozja

Kummissjoni:

Is-Sinjura Viviane REDEING Viċi President

Is-Sinjura Cecilia MALMSTRÖM Membru

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

IL-POLITIKA TAL-UE DWAR ID-DROGI

Patt Ewropew kontra d-drogi sintetiċi

Il-Kunsill adotta patt Ewropew kontra d-drogi sintetiċi ( 15544/11 ) li jikkumplimenta l-Patt Ewropew għall-ġlieda kontra t-traffikar internazzjonali tad-droga - Tfixkil tar-rotot tal-kokaina u l-eroina adottat fl-2010 ( 8821/10 ).

Il-kuntest li fih dan il-patt ġie adottat huwa li kważi kull ġimgħa droga sintetika ġdida tidħol fis-suq Ewropew. Ħafna minnhom jiġu prodotti ġewwa l-UE u s-sustanzi użati għall-produzzjoni tagħhom ('prekursuri') huma disponibbli legalment, b'hekk joħolqu l-hekk imsejħin 'drogi legali'.

Il-patt Ewropew kontra d-drogi sintetiċi jindirizza erba' oqsma prinċipali:

  • il-ġlieda kontra l-produzzjoni ta' drogi sintetiċi;

  • il-ġlieda kontra t-traffikar ta' drogi sintetiċi u prekursuri;

  • it-trattament ta' sustanzi psikoattivi ġodda;

  • it-taħriġ għal dawk li jinfurzaw il-liġi fl-identifikazzjoni, l-eżami u ż-żarmar ta' laboratorji klandestini.

Il-patt jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi tal-iskambju ta' informazzjoni, speċjalment fir-rigward ta' xejriet ġodda fil-produzzjoni ta' drogi sintetiċi ('drogi legali'), tiġi intensifikata l-kooperazzjoni operattiva u investigattiva bil-parteċipazzjoni tal-Europol u jiġi armonizzat it-taħriġ speċjalizzat għall-identifikazzjoni ta' laboratorji tad-drogi illegali.

Il-patt huwa wkoll f'konformità sħiħa mal-prijoritajiet tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bejn l-2011 u l-2013, kif identifikat mill-Kunsill ( 11050/11 ) li jirreferu għat-"tnaqqis tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni fl-UE ta' drogi sintetiċi, inklużi sustanzi psikoattivi ġodda".

L-implimentazzjoni tal-patt ser isseħħ permezz taċ-ċiklu ta' politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni / Rapport annwali tal-2011 mill-aġenzija tal-UE kontra d-drogi

Il-Kunsill skambja fehmiet dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Lejn reazzjoni Ewropea aktar qawwija għad-drogi" li ġiet adottata fil-25 ta' Ottubru 2011 ( 15983/11 ) u dwar preżentazzjoni miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) rigward ir-rapport annwali 2011 tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-problemi tad-droga fl-Ewropa. Dan ir-rapport ser isir pubbliku mill-aġenzija kontra d-drogi fil-15 ta' Novembru 2011.

Permezz tal-għodod offruti mit-Trattat ta' Lisbona l-Kummissjoni biħsiebha taġġorna l-istrumenti legali tal-UE u tabbozza oħrajn ġodda fil-politika ta' kontra d-drogi, bil-għan li tipprovdi rispons aktar rapidu għas-sustanzi psikoattivi l-ġodda u li tittratta l-bejgħ tagħhom fuq l-internet, li ttejjeb id-definizzjoni tar-reati u s-sanzjonijiet għat-traffikar tad-drogi, li ċċaħħad lit-traffikanti tad-droga mid-dħul finanzjarju tagħhom b'mod aktar effiċjenti (pereżempju permezz tal-possibbiltà tal-konfiska u l-irkupru tal-assi) u li tikkontrolla b'mod aktar strett il-kimiċi użati għall-produzzjoni tad-droga.

Għandha wkoll tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali għall-ġlieda kontra l-problema tad-droga u għandhom jiġu żviluppati aktar l-istandards ta' kwalità minima biex tittejjeb l-effettività tal-prevenzjoni, it-trattament u t-tnaqqis tad-dannu mid-droga.

Il-Kunsill ħa nota tal-preżentazzjoni miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) rigward ir-rapport annwali 2011 tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-problemi tad-droga fl-Ewropa.

Ir-rapport ser isir disponibbli għall-pubbliku mill-aġenzija kontra d-drogi fil-15 ta' Novembru 2011.

TRAFFIKU LOKALI TAL-FRUNTIERA FIŻ-ŻONA TA' KALININGRAD

Il-Kunsill adotta approċċ ġenerali dwar proposta li temenda r-regoli tal-UE dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera (LBT) ( 13344/11 ). Dan jippermetti l-bidu ta' kuntatti mal-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill adotta wkoll dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u l-Kummissjoni li tissottolinja li s-soluzzjoni proposta għaż-żona ta' Kaliningrad ma tikkostitwixxix preċedent għall-ebda reġjun ieħor fir-rigward tar-regoli tal-UE dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera. Fl-aħħar, il-Kunsill ħa nota ta' dikjarazzjoni mill-Polonja li tiddeskrivi l-miżuri li l-Polonja qiegħda tieħu biex tipprovdi livell għoli ta' sigurtà u trasparenza.

L-emendi proposti għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-qsim tal-fruntiera fiż-żona ta' Kaliningrad permezz tal-inklużjoni taż-żona ta' Kaliningrad u ta' distretti amministrattivi Pollakki limitati u speċifiċi fiż-żona eliġibbli tal-fruntiera.

Ir-reġjun ta' Kaliningrad tal-Federazzjoni Russa b'popolazzjoni ta' kważi miljun abitant sar l-uniku enklav fl-UE b'konsegwenza tat-tkabbir tal-2004 tal-UE.

Ir-regolament oriġinali ġie adottat fl-2006 sabiex jiżgura li l-fruntieri bejn l-Istati Membri tal-UE u l-ġirien tagħhom li mhumiex fl-UE ma joħolqux ostakoli mhux neċessarji għall-kummerċ, l-interkambju soċjali u kulturali jew il-kooperazzjoni reġjonali. Dan jippermetti d-deroga, għall-persuni li jgħixu f'żona ta' fruntiera, mir-regoli ġenerali dwar il-kontrolli fil-fruntieri stabbiliti fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen. Ir-regolament jawtorizza lill-Istati Membri jikkonkludu ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi ġirien li mhumiex fl-UE, dment li dawn il-ftehimiet ikunu konformi bis-sħiħ mal-parametri stabbiliti mir-regolament.

SISTEMA EWROPEA KOMUNI TAL-ASIL (SEKA)

Il-Kunsill eżamina l-istat attwali tal-pakkett ta' asil abbażi ta' dokument tal-Presidenza ( 15843/11 ).

Il-qafas leġislattiv eżistenti fil-qasam tal-asil jistabbilixxi standards minimi. Il-Kummissjoni, sabiex tonora l-impenn li tistabbilixxi s-SEKA sal-2012, ippreżentat serje ta' proposti mmirati lejn armonizzazzjoni akbar tas-sistemi nazzjonali tal-asil u livelli ogħla ta' protezzjoni. Dawn jinsabu fi stadji differenti fil-proċess leġislattiv:

  • Direttiva dwar il-kwalifiki: Il-Kunsill laqa' l-fatt li l-Parlament Ewropew approva din il-ġimgħa t-test ta' kompromess maqbul f'Lulju. Dan jippermetti l-adozzjoni finali mill-Kunsill fil-ġimgħat li ġejjin.

  • Is-sistema Dublin II li tistabbilixxi proċeduri biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta' applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali: F'Settembru 2011, il-Kunsill appoġġa l-idea li jinkludi fil-proposta l-kunċett ta' proċess għal twissija bikrija u tħejjija għall-evalwazzjoni tal-funzjonament prattiku tas-sistemi nazzjonali ta' asil, fil-forma ta' 'mekkaniżmu ta' evalwazzjoni tal-asil'. Dwar l-hekk imsejħa 'emerġenza' jew 'mekkaniżmu ta' sospensjoni' sa issa inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni, il-parti l-kbira tal-Istati Membri żammew ir-rifjut tagħhom.

  • Ir-regolament Eurodac: id-diskussjoni dwar l-emendi għar-regoli li jirregolaw din il-bażi tad-data tal-marki tas-swaba' tinsab sospiża fl-istennija ta' proposta li tippermetti l-aċċess għall-infurzar tal-liġi.

  • Direttivi dwar il-proċeduri ta' asil u l-kondizzjonijiet ta' akkoljenza: Proposti riveduti ġew ippreżentati mill-Kummissjoni fl-1 ta' Ġunju 2011 ( 11207/11 u 11214/11 , rispettivament). Il-ħidma tinsab għaddejja.

Sa issa ntlaħqu żewġ ftehimiet relatati mas-SEKA. Dawn jikkonċernaw id- direttiva dwar residenza fit-tul u l-ħolqien tal- Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) li beda jopera kmieni din is-sena.

PERMESS UNIKU GĦAL ĊITTADINI TA' PAJJIŻI TERZI BIEX JIRRISJEDU U JAĦDMU FL-UE

Il-Presidenza infurmat lill-Kunsill li l-ġimgħa li għaddiet intlaħaq ftehim finali bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar id-direttiva dwar il-ħolqien ta' permess uniku għal ċittadini ta' pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fl-UE. Sabiex ir-regoli l-ġodda jidħlu fis-seħħ, iż-żewġ istituzzjonijiet jeħtieġu jagħtu l-approvazzjoni tagħhom formalment. Dan mistenni li jsir qabel tmiem is-sena.

Id-direttiva dwar permess uniku għandha l-għan li tissimplifika l-proċeduri għall-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi biex jirrisjedu u jaħdmu fl-UE u li tiffaċilita l-kontroll tal-istatus tagħhom. Hija tistipula wkoll ġabra komuni ta' drittijiet għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru, ibbażata fuq trattament ugwali ma' ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

Ladarba tiġi adottata, id-Direttiva tkun teħtieġ li tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tagħha. Din ser tkun l-ewwel strument fil-qasam tal-immigrazzjoni legali adottata taħt ir-regoli tat-Trattat ta' Lisbona, jiġifieri, permezz tal-kodeċiżjoni.

DIRETTIVA DWAR IL-KWALIFIKI

Il-presidenza infurmat lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tad-direttiva dwar il-kwalifiki bħala benefiċjarja ta' protezzjoni internazzjonali u l-kontenut ta' benefiċċji konnessi ma' tali kwalifika. Wara li l-Parlament Ewropew adotta r-regoli l-ġodda din il-ġimgħa, l-uniku pass li għad fadal huwa l-adozzjoni formali mill-Kunsill. Dan mistenni li jsir qabel tmiem is-sena.

Id-direttiva dwar il-kwalifiki għandha l-għan li tiggarantixxi li, kull fejn persuna tapplika għall-protezzjoni internazzjonali fl-UE, il-ħtiġijiet ta' protezzjoni jiġu vverifikati skont kriterji komuni biex b'hekk jingħata livell minimu ta' benefiċċji. Il-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali jistgħu jkunu refuġjati - persuni li, jekk jiġu rritornati, ikunu soġġetti għal persekuzzjoni skont ir-raġunijiet inklużi fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra - u benefiċjarji ta' protezzjoni sussidjarja - persuni li ma jikkwalifikawx bħala refuġjati iżda li jistgħu jiffaċċjaw riskju reali li jsofru dannu serju.

Ir-regoli l-ġodda ser jissimplifikaw it-teħid ta' deċiżjonijiet matul il-proċeduri ta' asil u jwasslu għal deċiżjonijiet aktar robusti fl-ewwel istanza, biex b'hekk titjieb l-effiċjenza tal-proċess ta' asil u l-prevenzjoni tal-abbuż. Dawn ser itejbu ukoll l-aċċess effettiv għad-drittijiet waqt li jieħdu kont ta' sfidi ta' integrazzjoni speċifiċi tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali u d-drittijiet u l-benefiċċji approssimati tar-refuġjati u tal-benefiċjarji ta' protezzjoni sussidjarja. Fl-aħħar, l-emendi jiżguraw il-koerenza mal-ġurisprudenzi li qed jiżviluppaw tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB).

Ladarba tiġi adottata, id-Direttiva tkun teħtieġ li tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tagħha. Din ser tkun l-ewwel f'pakkett ta' ħames strumenti legali li għandhom jiġu adottati għall-ħolqien tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) sa tmiem l-2012, data kkonfermata mill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2011 (ara l-punt 30 ta' EUCO 23/11 ). Il-proposti l-oħrajn jikkonċernaw ir-Regolament ta' Dublin, ir-Regolament Eurodac, id-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza u d-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil.

L-għan prinċipali tas-SEKA huwa li jkun hemm armonizzazzjoni aħjar tas-sistemi ta' asil nazzjonali u livelli ogħla ta' protezzjoni għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

PJAN TA' AZZJONI NAZZJONALI GRIEG DWAR L-ASIL U L-MIGRAZZJONI

Il-Kunsill iddiskuta l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali tal-Greċja dwar ir-riforma tal-ġestjoni tal-asil u l-migrazzjoni abbażi ta' rapport dwar is-sitwazzjoni attwali ppreżentat mill-Ministru Grieg u l-Kummissjoni. Din kienet il-ħames darba li l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' azzjoni Grieg biex jirriforma s-sistema nazzjonali ta' asil u immigrazzjoni kienet fuq l-aġenda tal-Kunsill.

Filwaqt li rrappurtat progress, il-Greċja u l-Kummissjoni rreferew ukoll għall-għadd ta' sfidi li l-wasla kontinwa ta' għadd kbir ta' immigranti illegali kienet qed tpoġġi fuq is-sistema Griega tal-asil.

F'dan il-kuntest, l-aġenzija għall-fruntieri tal-UE (Frontex) tat ħarsa ġenerali tal-operazzjonijiet tagħha fiż-żona mmirata fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) irrapporta dwar l-attivitajiet tiegħu b'appoġġ għall-awtoritajiet Griegi.

Għal aktar informazzjoni, ara n- nota ta' spjegazzjoni .

FTEHIM UE-STATI UNITI DWAR IL-PROTEZZJONI TAD-DATA

Il-Kunsill ħa nota ta' preżentazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-istat attwali tal-ftehim UE-Stati Uniti dwr il-protezzjoni ta' data personali.

F'Diċembru 2010, il-Kunsill adotta mandat ta' negozjar li ppermetta lill-Kummissjoni, bħala n-negozjatur tal-UE, li tniedi diskussjonijiet mal-Istati Uniti.

Ladarba adottat, il-ftehim UE-Stati Uniti ser ikopri data personali ttrasferita u pproċessata għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali.

L-għan tan-negozjati huwa l-ħolqien ta' ftehim UE-Stati Uniti 'umbrella' għall-protezzjoni tad-data, li jistabbilixxi għadd ta' prinċipji komuni dwar il-protezzjoni tad-data fil-kuntest tal-kooperazzjoni transatlantika tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali. L-oqsma li għalihom jiġu stabbiliti l-prinċipji, jinkludu fost oħrajn: protezzjoni mhux diskriminatorja ta' data personali; kwalità tad-data u aġġornamenti; limitazzjoni tal-iskop; minimizzazzjoni tad-data, proċessar sigur; reġistrazzjoni jew dokumentazzjoni; id-dritt ta' aċċess, rettifika, tħassir u rimedju kif ukoll id-dritt ta' kumpens.

Il-ftehim m'għandux joħloq bażi legali addizzjonali għat-trasferiment tad-data, li għandu jibqa' jiġi rregolat minn trattati separati (u l-liġi domestika). Madankollu dan joħloq qafas legali ġenerali għat-tisħiħ ta' skambju transatlantiku ta' data, mhux biss billi jiġi stipulat għadd ta' prinċipji komuni għall-protezzjoni tad-data, iżda wkoll billi jiġi stabbilit mekkaniżmu effettiv ta' superviżjoni.

FTEHIM UE-STATI UNITI DWAR IR-REĠISTRU TAL-ISMIJIET TAL-PASSIĠĠIERI

Wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill kellu skambju ta' fehmiet dwar il-progress li sar fin-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar Ftehim UE-Stati Uniti dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR).

F'Diċembru 2010, il-Kunsill adotta direttivi ta' negozjar għal ftehimiet dwar it-trasferiment u l-użu ta' reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) mal-Awstralja, il-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika. Dan ippermetta lill-Kummissjoni, bħala n-negozjatur tal-UE, li tniedi diskussjonijiet ma' dawn it-tliet pajjiżi.

L-għan tat-tliet ftehimiet huwa l-prevenzjoni u l-ġlieda tat-terroriżmu u forom oħrajn ta' reati kriminali transkonfinali serji. Fl-istess ħin, l-UE hija impenjata wkoll li tiżgura li kwalunkwe trasmissjoni ta' data PNR lil pajjiżi terzi ssir b'mod sigur, f'konformità ma' rekwiżiti legali eżistenti tal-UE u li l-passiġġieri jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar tad-data tagħhom.

Il-PNR hija l-informazzjoni pprovduta volontarjament mill-passiġġieri u miġbura mit-trasportaturi tal-ajru matul il-proċeduri ta' ibbukkjar u check-in. Din tinkludi d-dati tal-ivvjaġġar u l-itinerarju, l-indirizz u n-numri tat-telefon, in-numru tal-kard ta' kreditu, l-aġent tal-ivvjaġġar, in-numru tas-siġġu u l-informazzjoni dwar il-bagalji.

F'Mejju 2010, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jipposponi l-votazzjoni tiegħu rigward it-talba għal kunsens dwar il-ftehimiet tal-PNR eżistenti mal-Istati Uniti u l-Awstralja. Għalhekk, dawn iż-żewġ ftehimiet għadhom ma ġewx konklużi u ġew applikati fuq bażi proviżorja mill-2007 u l-2008, rispettivament. F'riżoluzzjoni, il-Parlament talab li għandhom jiġu nnegozjati ftehimiet ġodda mal-Istati Uniti u l-Awstralja kif ukoll mal-Kanada, li ftehim dwar il-PNR magħha ilu fis-seħħ mill-2006.

Rigward il-Ftehim UE-Awstralja dwar il-PNR, il-Kunsill adotta deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-ftehim f'Settembru 2011 ( 10093/11 ). L-iffirmar seħħ fid-29 ta' Settembru 2011. Il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu għall-ftehim fis-27 ta' Ottubru 2011. L-uniku pass pendenti sabiex il-ftehim jidħol fis-seħħ huwa l-konklużjoni tal-ftehim mill-Kunsill li probabbilment isseħħ qabel tmiem is-sena. Għal aktar informazzjoni, ara din l- istqarrija għall-istampa .

SISTEMA EWROPEA TA' TRAĊĊAR TA' FINANZJAMENT TAT-TERRORIŻMU (TFTS UE)

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Sistema Ewropea ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu: l-alternattivi disponibbli" ippreżentata f'Lulju 2011 ( 12957/11 ).

Dan id-dibattitu seħħ fid-dawl ta' nota mill-presidenza ( 14207/11 ) li tqajjem tliet mistoqsijiet prinċipali:

  • jekk hemmx ħtieġa operattiva li tiġi stabbilita TFTS Ewropea u jekk hemmx valur addizzjonali fid-dawl tal-mekkaniżmu diġà eżistenti;

  • jekk iva, liema huma l-kwistjonijiet pendenti ewlenin li l-Kummissjoni għandha titratta fil-ħidmiet ta' tħejjija ulterjuri tagħha;

  • x'ikun l-impatt fuq it-TFTP tal-Istati Uniti taħt il-Ftehim TFTP UE-Stati Uniti 2010 u l-interazzjoni miegħu.

Wara interventi mill-Istati Membri, il-koordinatur tal-UE għall-Ġlieda kontra t-terroriżmu u l-Europol, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tieħu kont tal-kummenti magħmula rigward ħidma futura dwar il-fajl, inkluż proposta leġislattiva possibbli dwar TFTS Ewropea. Il-Ministri ssottolinjaw ukoll il-ħtieġa li l-ewwel titwettaq valutazzjoni tal-impatt biex tinkiseb stampa komprensiva tal-aspetti prattiċi, finanzjarji u legali ta' TFTS tal-UE futura possibbli u l-valur addizzjonali tagħha.

Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-għanijiet li tistabbilixxi sistema tal-UE ta' traċċar ta' finanzjament tat-terroriżmu (TFTS), tidentifika l-funzjonijiet prinċipali tagħha u tenfasizza l-prinċipji ewlenin li għandhom jiġu rrispettati meta titfassal sistema bħal din. Imbagħad hija tippreżenta tliet alternattivi differenti għal proposta futura possibbli għal TFTS tal-UE.

Il-Kummissjoni tenfasizza żewġ objettivi prinċipali ta' tali sistema: L-ewwel, li jiġi żgurat strument effettiv għall-prevenzjoni u l-ġlieda tal-finanzjament tat-terroriżmu, u, it-tieni, li jiġi limitat il-fluss ta' data personali lejn pajjiżi terzi.

Il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni twieġeb għat-talba mill-Kunsill, fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, li tistudja qafas legali u tekniku għall-estrazzjoni ta' data fit-territorju tal-UE. Il-Parlament talab dan l-istudju għax kien imħasseb serjament dwar it-trasferiment ta' data personali f'ammonti kbar lil pajjiż terz. Id-dubji tal-Parlament kienu kemm dwar it-trasferiment lejn pajjiż terz kif ukol dwar il-ħażna f'ammonti kbar ta' data personali ta' individwi innoċenti.

INTEGRAZZJONI TA' ĊITTADINI TA' PAJJIŻI TERZI

Il-Kunsill laqa' l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar aġenda Ewropea għall-integrazzjoni ta' persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi ( 13290/11 ) u dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanja l-komunikazzjoni li jiddeskrivi l-inizjattivi tal-UE fl-oqsma varji ta' politika li jappoġġaw dawn l-isfidi ta' integrazzjoni ( 13290/11 ADD1 ) u kellu l-ewwel skambju ta' fehmiet.

Il-Kunsill biħsiebu jadotta konklużjonijiet dwar il-kwistjoni sa tmiem is-sena.

Għal aktar informazzjoni, ara n- nota ta' spjegazzjoni .

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-ĠAI FI ĦDAN L-ISĦUBIJA TAL-LVANT

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni fi ħdan l-Isħubija tal-Lvant ( 14864/11 ).

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tikkonsisti f'żewġ partijiet prinċipali: waħda li tkopri l-prinċipji ewlenin u l-istrutturi eżistenti għall-kooperazzjoni kif ukoll l-aspetti tal-koordinazzjoni u l-assistenza finanzjarja; l-oħra tiffoka fuq il-prijoritajiet tematiċi: il-migrazzjoni, il-mobbiltà u l-asil; ġestjoni integrata tal-fruntieri; l-ordni pubbliku u s-sigurtà; il-ġlieda kontra d-drogi illegali; u l-qasam tal-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali.

VITTMI TAL-KRIMINALITÀ

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzjoni dwar ċerti kwistjonijiet prinċipali tal-abbozz ta' direttiva li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, kif proposta mill-Kummissjoni f'Mejju 2011 ( 10610/11 ).

Il-Ministri ffokaw fuq żewġ kwistjonijiet:

  • L-ewwel kwistjoni kienet tikkonċerna l-kamp ta' applikazzjoni ta' ċerti drittijiet: id-dritt għall-informazzjoni (Artikolu 5), għall-interpretar u t-traduzzjoni (Artikolu 7) u għar-rimborż tal-ispejjeż (Artikolu 13). Il-maġġoranza tal-Ministri qablu dwar l-approċċ issuġġerit mill-Presidenza li d-drittijiet mogħtija f'din id-direttiva għandhom jingħataw f'konformita mar-rwol tal-vittmi fis-sistema ġudizzjarja rilevanti. F'dan il-kuntest, għadd ta' delegazzjonijiet indikaw li ambitu wiesa' żżejjed tad-drittijiet mogħtija lil vittmi possibbilment jista' jimpedixxi l-kors tal-proċedimenti u joħloq piż amministrattiv addizzjonali. Ġie mfakkar ukoll li din id-direttiva tistipula regoli minimi. L-Istati Membri jistgħu jestendu d-drittijiet stipulati f'din id-Direttiva bil-għan li jipprovdu livell ogħla ta' protezzjoni.

  • It-tieni mistoqsija kienet relatata mal-kriterji għall-identifikazzjoni ta' vittmi vulnerabbli (Artikolu 21). Il-Kunsill ikkonferma li t-tfal għandhom dejjem jiġu preżunti bħala vulnerabbli. Madankollu l-Ministri qablu li, apparti dak li ntqal qabel, ma għandu jkun hemm l-ebda lista indikattiva ta' vittmi vulnerabbli fil-parti operattiva tat-test kif issuġġerit mill-Kummissjoni. Il-vittmi l-oħrajn kollha għandhom jiġu ttrattati każ b'każ. Huma għandhom jirċievu, bħala punt ta' tluq, valutazzjoni fil-ħin u individwali, f'konformità mal-proċeduri nazzjonali, biex jiġi ddeterminat jekk huma humiex vulnerabbli (pereżempju għal vittimizzazzjoni jew intimidazzjoni sekondarja jew ripetuta) u x'tip ta' miżuri ta' protezzjoni jeħtieġu. Kien imsemmi wkoll li d-direttiva m'għandhiex taffettwa dispożizzjonijiet oħrajn b'firxa usa' li jinsabu f'atti oħrajn tal-UE li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' vittmi vulnerabbli b'mod aktar immirat (pereżempju d-direttiva dwar it-traffikar tal-bnedmin u d-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal).

    Il-korpi ta' tħejjija tal-Kunsill ingħataw struzzjoni biex ikomplu l-ħidma dwar il-fajl.

SFRUTTAMENT SESSWALI TAT-TFAL

Il-Presidenza infurmat lill-Kunsill dwar l-istat attwali rigward id-direttiva dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija. Wara li l-Parlament Ewropew adotta t-test ta' kompromess din il-ġimgħa ( 11987/11 ), l-uniku pass pendenti sabiex jiġi konkluż il-ftehim fl-ewwel qari huwa l-adozzjoni formali mill-Kunsill. Dan mistenni li jsir qabel tmiem is-sena.

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Direttiva mhux biss ser tistabbilixxi regoli minimi rigward ir-reati kriminali u s-sanzjonijiet. Hija ser issaħħaħ ukoll il-prevenzjoni ta' dawn ir-reati u l-protezzjoni tal-vittmi tagħhom billi tieħu miżuri fost l-oħrajn:

  • kontra r-reklamar u l-organizzazzjoni ta' turiżmu tas-sess li jinvolvi t-tfal;

  • kontra siti web li fihom jew li jqassmu l-pedopornografija; u

  • kontra s-solleċitazzjoni ta' tfal għal skopijiet sesswali permezz ta' teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni ('grooming').

    Għal aktar informazzjoni, ara din l- istqarrija għall-istampa .

LIĠI KOMUNI EWROPEA DWAR IL-BEJGĦ

Il-Kunsill kellu l-ewwel skambju ta' fehmiet dwar proposta mill-Kummissjoni għal Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ ( 15429/11 ) u ta struzzjoni lill-korpi ta' tħejjija tal-Kunsill biex jibdew malajr il-ħidma dwar il-fajl. Il-punti prinċipali mqajmin fid-diskussjoni jinkludu l-bażi legali, il-livell ta' protezzjoni tal-konsumatur u l-kumplessità li l-proposta tiġi integrata fis-sistemi legali nazzjonali differenti.

Ir-regolament kif propost mill-Kummissjoni jkun joffri lin-negozji u l-konsumaturi li ġejjin minn pajjiżi differenti alternattiva għat-twettiq ta' negozju taħt ir-regoli ta' pajjiż jew ieħor li ż-żewġ partijiet jistgħu ma jkunux familjari magħhom. Iż-żewġ partijiet kontraenti jistgħu jaqblu li jagħżlu t-tieni sett alternattiv ta' regoli mifruxin mal-UE kollha għall-kuntratti tagħhom ta' bejgħ transkonfinali li jeżistu flimkien ma' kull wieħed mis-27 liġi nazzjonali dwar il-bejgħ.

L-għan tal-proposta huwa li jissaħħu t-tkabbir u l-kummerċ fis-suq intern abbażi tal-libertà ta' kuntratt u livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur bil-preżunzjoni li dan is-sett alternattiv ta' regoli għandu jistimula aktar negozju transkonfinali.

Din il-Liġi alternattiva dwar il-bejgħ tkun tkopri kuntratti dwar il-bejgħ ta' merkanzija u l-forniment ta' kontenut diġitali, kif ukoll servizzi relatati direttament. Dan ikun miftuħ għal kuntratti bejn in-negozji u l-konsumaturi kif ukoll dawk bejn in-negozji fejn mill-inqas parti waħda hija intrapriża żgħira jew ta' daqs medju (SME). Huwa importanti li jiġi ssottolinjat li ż-żewġ partijiet f'kuntratt transkonfinali jkunu jeħtieġu li jaqblu li jintużaw dawn ir-regoli Ewropej alternattivi.

Ir-regoli l-ġodda għandhom ikopru l-parti l-kbira tal-liġi dwar il-kuntratti li huma meqjusin ta' rilevanza prattika matul l-operat ta' kuntratt transkonfinali, inklużi drittijiet u obbligi tal-partijiet u r-rimedji għan-nuqqas ta' prestazzjoni, id-dmirijiet dwar informazzjoni prekuntrattwali, id-dritt ta' irtirar u l-konsegwenzi tiegħu, l-interpretazzjoni u l-kontenut u l-effetti ta' kuntratt.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, ir-regoli l-ġodda jistgħu jintużaw ukoll jekk waħda biss mill-partijiet hija stabbilita fi Stat Membru, waqt li l-oħra ġejja minn pajjiż barra l-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jkunu liberi li jagħmlu l-Liġi Komuni dwar il-Bejgħ disponibbli wkoll għal kuntratti purament domestiċi.

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva u uniformi, il-proposta tipprevedi bħala miżuri ta' appoġġ futuri l-iżvilupp ta' "klawsoli kuntrattwali tip Ewropew" u l-ħolqien ta' bażi tad-data aċċessibbli pubblikament ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji rilevanti.

DRITT TA' AĊĊESS GĦAL AVUKAT

Il-Kunsill ġie infurmat dwar l-istat attwali rigward il-ħidma dwar il-proposta leġislattiva li għandha bħala għan li tipprovdi lill-persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali d-dritt ta' aċċess għal avukat u d-dritt ta' komunikazzjoni mill-mument tal-arrest ma' awtoritajiet konsulari jew ma' persuna terza, bħal qarib jew min iħaddem lis-suspettat jew l-akkużat. Il-Kummissjoni ppreżentat din il-proposta f'Lulju 2011 ( 11497/11 ).

Dokument tal-presidenza jenfasizza l-punti ewlenin għal diskussjoni futura ( 15812/11 ):

  • il-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva: Filwaqt li xi Stati Membri huma tal-fehma li d-dritt ta' aċċess għal avukat għandu jagħti lill-persuna ssuspettata jew akkużata dritt li jirriżulta fl-assistenza attwali ta' avukat, oħrajn jipprovdu għal sistema differenti, fejn id-dritt ta' aċċess għal avukat ma jimplikax neċessarjament li l-persuna ssuspettata jew akkużata ser tkun f'kull każ assistita minn avukat. Fl-ewwel każ, ir-responsabbiltà għall-eżerċizzju tad-dritt ta' aċċess għal avukat tinsab, tal-inqas parzjalment, f'idejn l-awtoritajiet pubbliċi (approċċ ta' garanzija). Dan jista' jirriżulta f'konsegwenzi proċedurali u finanzjarji konsiderevoli. Fit-tieni każ, ir-responsabbiltà tintefa' fuq il-persuna ssuspettata jew akkużata (approċċ ta' opportunità). Dan l-approċċ jista' jippermetti għal kamp ta' applikazzjoni ħafna aktar usa' fejn id-dritt ta' aċċess għal avukat isir prinċipju fundamentali wkoll fi stadju bikri ta' proċedimenti kriminali, anke jekk dan id-dritt ma jkunx applikat f'kull istanza.

  • is-sitwazzjonijiet li fihom għandu jingħata d-dritt ta' aċċess għal avukat: Din il-kwistjoni hija relatata ħafna ma' dik tal-kamp ta' applikazzjoni. Jidher li jeżisti qbil wiesa' li tali dritt għandu ta' mill-inqas jingħata fis-sitwazzjonijiet kollha fejn persuna ssuspettata jew akkużata hija s-soġġett ta' proċeduri kriminali quddiem qorti u meta din tkun ġiet arrestata. Sitwazzjonijiet oħrajn għadhom qed jiġu diskussi, bħal meta persuna tkun ġiet mistiedna tippreżenta ruħha volontarjament fl-għassa tal-pulizija sabiex tiġi interrogata, meta persuna tkun twaqqfet fit-triq u tintalab twieġeb mistoqsijiet mill-awtoritajiet ta' investigazzjoni jew "att ta' proċedura jew att tal-ġbir tal-provi".

  • il-kwistjoni tar-rimedji: Il-Kummissjoni tipproponi li dikjarazzjonijiet jew provi miksubin bi ksur tad-dritt ta' aċċess għal avukat ma jistgħux jintużaw fl-ebda stadju tal-proċedura bħala provi kontra l-persuna kkonċernata, filwaqt li tippreserva marġni ta' diskrezzjoni fejn l-użu ta' tali provi ma jippreġudikax id-drittijiet tad-difiża. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri ma jistgħux jaċċettaw dan u għamluha ċara li l-ebda indikazzjoni m'għandha tingħata lill-imħallfin. Huma tal-fehma li l-kwistjoni tal-valur li għandu jingħata lil tali dikjarazzjonijiet għandu jiġi eżaminat minn qorti li għandha ġurisdizzjoni f'materji kriminali.

    Għal aktar informazzjoni, ara n- nota ta' spjegazzjoni .

ABBUŻ MINN INFORMAZZJONI PRIVILEĠĠATA U MANIPOLAZZJONI TAS-SUQ

    Il-Kunsill ħa nota ta' proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipolazzjoni tas-suq ( 16000/11 ) li ġiet ippreżentata fil-21 ta' Ottubru 2011 flimkien ma' regolament dwar abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipolazzjoni tas-suq, flimkien magħrufin bħala abbuż tas-suq ( 16010/11 ).

    L-abbozz ta' direttiva huwa maħsub li jikkomplimenta r-regolament billi jistabbilixxi regoli minimi għal sanzjonijiet kriminali għar-reati l-aktar serji dwar l-abbuż tas-suq, prinċipalment l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipolazzjoni tas-suq. Dan joħloq obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li dawn l-azzjonijiet ikunu punibbli bħala reati kriminali.

    Ir-regoli proposti jwasslu wkoll biex it-tixwix, l-għajnuna u l-kompliċità kif ukoll it-tentattiv li jitwettaq wieħed mir-reati stipulati fid-direttiva jsiru reati kriminali fl-UE kollha. Fl-aħħar, l-abbozz ta' direttiva jipproponi li minbarra l-persuni fiżiċi anki l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għal dawn ir-reati.

KUMITAT IMĦALLAT

Fil-marġni tal-laqgħa tal-Kunsill, il-Kumitat Imħallat (l-UE flimkien man-Norveġja, l-Islanda, il-Liechtenstein u l-Isvizzera) iddiskuta s-suġġetti li ġejjin:

VIS

Il-Kumitat ġie infurmat dwar it-tnedija tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS). Is-sistema bdiet topera fil-11 ta' Ottubru 2011 fil-konsulati tal-Istati Membri tal-ewwel reġjun ta' introduzzjoni (l-Afrika ta' Fuq). Din għandha tintuża mhux aktar tard minn 20 jum wara dik id-data għal finijiet ta' kontroll fil-punti ta' qsim tal-fruntiera esterni.

Matul l-ewwel għaxart ijiem tal-operat (11 ta' Ottubru - 20 ta' Ottubru 2011), aktar minn 40,000 applikazzjoni għall-viża ġew ipproċessati mill-VIS.

Il-bidu tal-VIS huwa akkumpanjat minn kampanja ta' informazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri.

SIS II

Il-kumitat eżamina wkoll l-istat attwali tal-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen II (SIS II), wara preżentazzjoni mill-Kummissjoni. L-iskeda globali ppreżentata mill-Kummissjoni fil-laqgħa tal-Kunsill ta' Ottubru 2010 tipprevedi li s-SIS II issir operattiva sal-ewwel tliet xhur tal-2013.

Traffiku tal-fruntieri lokali fiż-żona ta' Kaliningrad

Il-Kumitat ħejja l-ftehim dwar approċċ ġenerali li jikkonċerna l-proposta li temenda r-regoli tal-UE dwar it-traffiku lokali tal-fruntiera (LBT) fiż-żona ta' Kaliningrad ( 13344/11 ) kif deskritt fil-punt separat hawn fuq.

Fruntieri intelliġenti

Il-kumitat iddiskuta l-komunikazzjoni l-aktar reċenti mill-Kummissjoni dwar fruntieri intelliġenti ( 16049/11 ). L-istanzi rilevanti tal-Kunsill huma mitlubin li jeżaminaw il-komunikazzjoni aktar. Il-Kummissjoni indikat li, fl-ewwel nofs tal-2012, jista' jkun tippreżenta l-proposti leġislattivi dwar l-elementi prinċipali tal-komunikazzjoni, jiġifieri Sistema ta' Dħul/Ħruġ tal-UE (EES) u sistema ta' Programm ta' Reġistrazzjoni tal-Vjaġġaturi (RTP) tal-UE.

Id-delegazzjonijiet iddiskutew prinċipalment erba' kwistjonijiet: jekk iż-żewġ sistemi għandhomx jiġu ġestiti ċentralment jew deċentralment; il-kwistjoni tal-ħażna tad-data; jekk u f'liema stadju s-sistemi għandhom jinkludu data bijometrika flimkien mad-data alfa-numerika; il-kwistjonijiet tal-ispejjeż involuti għall-istabbiliment u l-operat tas-sistemi.

Rigward l-EES, l-implimentazzjoni tagħha għandha tipprovdi lill-UE b'data preċiża dwar il-flussi ta' vjaġġaturi li jidħlu u joħorġu ż-żona ta' Schengen fil-partijiet kollha tal-fruntieri esterni tagħha u dwar dawk il-vjaġġaturi li jaqbżu d-durata tas-soġġorn awtorizzat, jiġifieri ċittadini ta' pajjiżi terzi li jibqgħu fiż-żona Schengen għal aktar żmien milli l-viża tagħhom tippermetti. Ser isir possibbli wkoll li ssir valutazzjoni bbażata fuq il-provi ta' miżuri għal-liberalizzazzjoni tal-viża, ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-viżi, u pjanijiet direzzjonali għal kwalunkwe tali inizjattiva fil-futur. Flimkien mas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), dan ser jagħmel aktar effettivi l-isforzi tal-UE biex titratta l-migrazzjoni irregolari u żżid l-għadd ta' operazzjonijiet ta' ritorn b'suċċess. Din is-sistema tista' tuża l-istess pjattaforma teknika bħas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II) u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS).

L-RTP huwa reġim speċifiku għal vjaġġaturi 'bona fide' li mhumiex ċittadini tal-UE, li jistgħu jingħataw status ta' 'Vjaġġatur Reġistrat'. Dan l-istatus jinkiseb fuq bażi volontarja permezz ta' proċeduri ta' eżami preliminari f'konsulat jew f'ċentri futuri komuni għall-applikazzjoni tal-viża, abbażi ta' kriterji komuni ta' kontroll. Il-vjaġġaturi bona fide kif ukoll ċittadini tal-UE b'passaporti elettroniċi jistgħu jibbenefikaw minn kontrolli awtomatizzati fil-fruntieri permezz tal-użu ta' gradi awtomatizzati li jistgħu jaqraw id-data bijometrika fid-dokumenti tal-ivvjaġġar jew li hija maħżuna f'bażi tad-data u jqabbluha mal-bijometriċi tal-vjaġġatur. Huwa mistenni li jitħaffef il-qsim tal-fruntieri ta' 4-5 miljun vjaġġatur fis-sena 1 . Abbażi tal-esperjenzi ta' xi Stati Membri, il-ħin medju għall-qsim tal-fruntiera jista' jonqos mill-ħin attwali ta' 1-2 minuti għal inqas minn 30 sekonda.

Il-Kunsill inkoraġġixxa l-istabbiliment ta' tali miżuri f'diversi okkażjonijiet, pereżempju fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-UE adottati f'Ġunju 2008 ( 9873/08 ), u fil-konklużjonijiet tiegħu dwar id-29 miżura għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-frunteri esterni u għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali adottati fi Frar 2010 ( 6435/3/10 ).

Affarijiet Oħrajn

Taħt affarijiet oħrajn, id-delegazzjonijiet eżaminaw erba' punti ta' informazzjoni:

L-ewwel punt jikkonċerna l-gruppi kriminali mobbli (ambulanti). F'Diċembru 2010, il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-ġlieda kontra reati mwettqin minn gruppi kriminali mobbli (ambulanti) ( 15875/10 ). F'Ġunju 2011, il-problema reġgħet ġiet indirizzata fil-konklużjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bejn l-2011 u l-2013 ( 11050/11 ).

It-tieni kwistjoni kienet l-introduzzjoni possibbli ta' rekwiżit Russu għall-ekwipaġġ tal-inġenji tal-ajru minn diversi Stati Membri tal-UE li jkollhom viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju Russu. Din il-kwistjoni mistennija tiġi riżolta fil-qafas tan-negozjati dwar emendi għall-ftehim eżistenti UE-Russja dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi.

Taħt it-tielet punt, il-Kunsill ġie infurmat dwar l-eżiti tal-Forum Ministerjali UE-Balkani tal-Punent li sar f'Ohrid fit-3-4 ta' Ottubru 2011 u l-Kunsill Ministerjali tas-Sħubija Permanenti UE-Russja li saret f'Warsaw fl-10-11 ta' Ottubru 2011.

Fl-aħħar, il-Liechtenstein għamel referenza għad-deċiżjoni pendenti tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni sħiħ tal-acquis ta' Schengen fit-territorju tiegħu.

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

ĠUSTIZZJA U AFFARIJIET INTERNI

"Deċiżjoni Qafas Svediża" - Konklużjonijiet

- Adozzjoni ta' konklużjonijiet

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet ( 15277/11 ) dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960 1 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (l-hekk imsejħa d-"Deċiżjoni Qafas Svediża").

L-għan ta' dan l-att leġislattiv huwa li jissaħħu l-iskoperta, il-prevenzjoni jew l-investigazzjoni b'suċċess ta' reati, waqt li jipprovdi rispons neċessarju għat-tħeddid ikkawżat minn kriminali li joperaw f'żona mingħajr fruntieri interni.

- Rapport

Il-Kunsill approva r-rapport dwar il-konformità tal-Istati Membri mad-dispożizzjonijiet tad-"Deċiżjoni Qafas Svediża" ( 15278/11 ). Il-Kummissjoni kienet meħtieġa tippreżenta din il-valutazzjoni lill-Kunsill qabel id-19 ta' Diċembru 2011.

Kważi żewġ-terzi tal-Istati Membri kienu ttrasponew id-deċiżjoni qafas fil-leġislazzjoni tagħhom sal-31 ta' Diċembru 2010, kif previst fid-deċiżjoni; dawk li għadhom ma rrispettawx id-data ta' skadenza tat-traspożizzjoni, indikaw bħala r-raġuni prinċipali għal dan li l-proċeduri parlamentari tagħhom kienu għadhom ma ġewx kompletati.

Skambju awtomatizzat ta' data - il-Latvja

Il-Kunsill adotta Deċiżjoni dwar it-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data tad-DNA fil-Latvja ( 14526/11 ). Il-proċedura ta' evalwazzjoni meħtieġa mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI (ĠU L 210, 6.8.2008) ikkonkludiet li d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data ġew implimentati bis-sħiħ mil-Latvja u għalhekk il-pajjiż kien intitolat jibda jirċievi u jagħti data personali mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni, għall-iskop ta' prevenzjoni u investigazzjoni ta' reati kriminali.

Sħubija għall-Mobbiltà UE-Armenja - Dikjarazzjoni

Il-Kunsill ħa nota tad-dikjarazzjoni konġunta dwar sħubija għall-mobbiltà bejn l-Unjoni Ewropea u l-Armenja (( 14963/11 ADD 1). L-isħubija għall-mobbiltà għandha l-għan li tiffaċilita l-moviment ta' persuni bejn l-Armenja u l-UE, filwaqt li ssir ħidma biex tiġi żgurata ġestjoni aħjar tal-flussi migratorji fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni.

Sal-preżent, Sħubiji għall-Mobbiltà ġew iffirmati mal-Kap Verde, il-Moldova u l-Ġeorġja.

Ara wkoll: Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Emigrazzjoni Ċirkolari u l-Partenarjati ta' Mobbiltà ( 9776/07 ).

Is-60 Anniversarju tal-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati - Dikjarazzjoni

Il-Kunsill approva d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea ( 15358/11 ) għal-laqgħa ta' livell ministerjali tal-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti, li ser issir fis-7-8 ta' Diċembru 2011 f'Ġinevra. Id-dikjarazzjoni timmarka s-60 anniversarju tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati tal-1951.

Ir-rapport Eurojust

Il-Kunsill ħa nota tar-rapport ta' attività tal-Korp Konġunt ta' Sorveljanza tal-Eurojust għas-sena 2010 ( 15603/11 ) u bagħtuh lill-Parlament Ewropew għall-informazzjoni, kif meħtieġ mid-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Eurojust 1 .

Netwerk għal kooperazzjoni leġislattiva

Il-Kunsill adotta r-rapport dwar l-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni li tistabbilixxi n-netwerk għal kooperazzjoni leġislattiva bejn il-Ministeri tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ( 15729/11 , http://legicoop.eu ) . L-objettiv tan-netwerk huwa li jiġi promoss fehim aħjar tal-liġijiet tal-Istati Membri l-oħra, b'hekk tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka u tiġi promossa l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku.

Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata fit-28 ta' Novembru 2008 2 u teħtieġ li l-Kunsill jirrevedi l-applikazzjoni tiegħu mhux aktar tard minn tliet snin wara l-adozzjoni tiegħu.

Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew - Konklużjonijiet

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar it-taħriġ ġudizzjarju Ewropew ( 15690/11 ), abbażi tal-komunikazzjoni reċenti mill-Kummissjoni "Dimensjoni ġdida għat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew (HREF="http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/11/st14/st14196.en11.pdf" MACROBUTTON HtmlResAnchor 14196/11).

It-taħriġ ġudizzjarju dwar kwistjonijiet transkonfinali u Ewropej huwa kruċjali, minħabba li dan isaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, il-prattikanti u ċ-ċittadini. L-UE stabbiliet l-objettiv li nofs il-prattikanti legali fl-UE jkunu jistgħu jipparteċipaw f'attivitajiet ta' taħriġ ġudizzjarju Ewropew sal-2020.

AFFARIJIET EKONOMIĊI U FINANZJARJI

Trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti *

Il-Kunsill adotta regolament bil-għan li jiġi ffaċilitat it-trasport transkonfinali professjonali tal-euro fi flus kontanti bit-triq bejn Stati Membri taż-żona tal-euro, wara ftehim fl-ewwel qari mal-Parlament Ewropew ( 18/11 + 15366/11 ADD 1).

Ir-regolament il-ġdid jipprevedi kondizzjonijiet imfasslin biex jiġu ggarantiti s-sigurtà tat-transazzjoni, is-sikurezza tal-persunal ta' sigurtà tal-flus fi tranżitu (CIT) involut u tal-pubbliku u l-moviment liberu tal-euro fi flus kontanti. Dan jinkludi l-obbligu li l-kumpanniji li jixtiequ jwettqu t-trasport transkonfinali tal-euro fi flus kontanti (CIT) bit-triq iridu japplikaw għal liċenzja għat-trasport transkonfinali ta' flus kontanti mingħand l-awtorità emittenti fl-Istati Membri ta' oriġini tagħhom.

BAĠITS

Konċiljazzjoni tal-baġit tal-UE għall-2012

Il-Kunsill ikkonferma li ma setax jaċċetta l-emendi kollha tal-Parlament Ewropew rigward il-baġit tal-UE għall-2012. Dan ifisser li fl-1 ta' Novembru ser jibda perijodu ta' konċiljazzjoni ta' tliet ġimgħat, bil-għan li jitnaqqas id-distakk bejn il-pożizzjonijiet diverġenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Għad-dettalji ara d-dokument 16017/11 .

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

Il-Kunsill approva l-emenda tal-Parlament Ewropew li tirrifjuta l-modifika tal-pjan ta' stabbiliment tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fl-2011, li kienet ġiet proposta mill-Kummissjoni fl-abbozz ta' baġit emendatorju 5 għall-2011 1 .

AFFARIJIET BARRANIN

Miżuri restrittivi - Burma/il-Mjanmar

Il-Kunsill immodifika r-regolament 2008/194 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' Burma/il-Mjanmar. It-tibdil jimplimenta deċiżjonijiet politiċi meħudin mill-Kunsill Affarijiet Barranin fit-12 ta' April 2011. Għal informazzjoni, ara l-istqarrija għall-istampa 8741/11 .

Miżuri restrittivi - Repubblika ta' Ginea

Il-Kunsill estenda l-miżuri restrittivi kontra r-Repubblika ta' Ginea sas-27 ta' Ottubru 2012.

Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja

Il-Kunsill ħassar il-miżuri restrittivi (deċiżjonijiet 2010/603/PESK u 2010/145/PESK maħsubin li jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva tal-mandat tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY). Minħabba li l-aħħar akkużat maħrub tal-ICTY, is-Sur Goran Hadzic, ġie ttrasferit fil-kustodja tal-ICTY fit-22 ta' Lulju 2011, il-Kunsill ħassar il-miżuri.

Relazzjonijiet mal-Uzbekistan

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-10 laqgħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Uzbekistan, li għandha ssir fi Brussell fl-14 ta' Novembru 2011.

AFFARIJIET ĠENERALI

Ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet dwar ir-Rapport Speċjali Nru 2/2011 tal-Qorti tal-Awdituri "Segwitu tar-Rapport Speċjali Nru1/2005 rigward il-ġestjoni tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi" (OLAF), li jinsabu fid-dokument 15274/11 . Il-konklużjonijiet jilqgħu b'sodisfazzjon il-miżuri meħudin mill-OLAF biex itejjeb l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tiegħu, iżda jinnotaw b'dispjaċir li d-durata medja tagħhom baqgħet twila wisq. Dan huwa r-riżultat ta' progress limitat fit-titjib tal-ippjanar u s-superviżjoni tal-investigazzjonijiet. Il-konklużjonijiet jappellaw lill-OLAF biex isaħħaħ l-isforzi sabiex itejjeb l-ippjanar tiegħu u jottimizza l-użu tar-riżorsi u l-għodod tiegħu.

POLITIKA TA' SIGURTÀ U TA' DIFIŻA KOMUNI

Eżerċizzju tal-UE dwar l-Immaniġġar ta' Kriżijiet 2011

Il-Kunsill approva data ġdida għall-eżerċizzju tal-UE dwar l-Immaniġġar tal-Kriżijiet 2011, li issa huwa skedat mit-18 ta' Novembru sas-6 ta' Diċembru 2011.

POLITIKA TAL-KUMMERĊ

Kontroll ta' oġġetti b'użu doppju: awtorizzazzjonijiet ġenerali ġodda tal-UE ta' esportazzjoni

Il-Kunsill adotta regolament li jistabbilixxi awtorizzazzjonijiet ġenerali ġodda ta' esportazzjoni taħt ir-reġim tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjonijiet ta' oġġetti b'użu doppju ( 38/11 and 15364/11 ADD1).

Ir-regolament il-ġdid jemenda u jissupplimenta r-Regolament 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju, li jeħtieġ li l-oġġetti b'użu doppju jiġu kkontrollati meta jiġu esportati mill-UE jew jgħaddu minnha 1 . Dawn il-kontrolli għandhom l-għan li b'mod partikolari jipprevjenu l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva. Dawn jilħqu l-objettivi stabbiliti mir-riżoluzzjoni 1540(2004) tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Ir-regoli l-ġodda jfittxu li jiksbu applikazzjoni uniformi u konsistenti tal-kontrolli fl-Unjoni kollha sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet ugwali għall-esportaturi tal-UE. Dawn jarmonizzaw il-fini tal-awtorizzazzjonijiet ġenerali ta' esportazzjoni u l-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom u biex jiżguraw l-effiċjenza tal-kontrolli ta' sigurtà.

L-adozzjoni tar-regolament issegwi ftehim fl-ewwel qari mal-Parlament Ewropew, li vvota fis-27 ta' Settembru 2011 ( 14777/11 ).

Aġġustamenti għal ftehimiet ta' kummerċ mal-Awstralja, in-New Zealand u l-Arġentina

Il-Kunsill adotta tliet deċiżjonijiet li jikkonkludu ftehimiet bejn l-UE min-naħa waħda u l-Awstralja, in-New Zealand u l-Arġentina min-naħa l-oħra rigward il-modifika tal-konċessjonijiet kummerċjali fl-iskedi tal-Bulgarija u r-Rumanija wara l-adeżjoni tagħhom fil-Unjoni Ewropea ( 6603/11 + 6536/11 + 6609/11 ).

Ftehim ta' Kummerċ Ħieles - l-UE u l-Korea t'Isfel

Il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tal-UE li għandha tittieħed fil-kumitat tal-kummerċ stabbilit mill-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Korea t'Isfel dwar ir-regoli ta' proċedura ta' dan il-kumitat u l-istabbiliment ta' lista ta' 15-il individwu biex iservu ta' arbitri ( 14893/11 ).

AMBJENT

Vjeġġi ta' skart

Il-Kunsill iddeċieda li ma jopponix l-adozzjoni ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament tal-Kunsill 1013/2006 1 dwar vjeġġi ta' skart sabiex jiġi inkluż ċertu tip ta' skart mhux klassifikat fl-Anness IIIB tiegħu ( 14391/11 ).

Ir-Regolament 1013/2006 jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta' kontroll għall-vjeġġi tal-iskart, skont l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjeġġ, it-tip ta' skart trasportat u t-tip ta' trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu.

Ir-regolament tal-Kummissjoni huwa soġġett għall-hekk imsejħa "proċedura regolatorja bi skrutinju". Dan ifisser li issa li l-Kunsill ta l-kunsens tiegħu, il-Kummissjoni tista' tadotta r-regolament, dment li ma joġġezzjonax il-Parlament Ewropew.

1 :

Bil-preżunzjoni li ta' mill-inqas 20% tal-persuni kollha li tinħarġilhom viża għal dħul multiplu - madwar 10 miljun persuna fis-sena - japplikaw għal status ta' Vjaġġatur Reġistrat, u li japplikaw ukoll għadd ekwivalenti ta' persuni li ma jeħtieġux viża.

1 :

ĠU L 386, 29.12.2006.

1 :

ĠU L 63, 6.3.02.

2 :

ĠU C 326, 20.12.2008

1 :

Id-delegazzjoni UK ivvotat kontra.

1 :

ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.

Oġġetti b'użu doppju huma oġġetti ċivili li jistgħu jintużaw għal finijiet militari, inkluż software u teknoloġija.

1 :

ĠU L 190, 12.7.2006.


Side Bar