Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

15141/11

(OR. en)

PRESSE 351

PR CO 58

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

It-3116-il laqgħa tal-Kunsill

Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija

Lussemburgu, 6 ta' Ottubru 2011

President Is-Sur Cezary GRABARCZYK
Ministru għall-Infrastruttura tal-Polonja

Riżultati prinċipali tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jenfasizzaw l-importanza tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni tat-trasport ma' reġjuni ġirien, b'mod partikolari permezz tat-titjib tal-infrastruttura tat-trasport u integrazzjoni akbar tas-swieq tat-trasport.

Fil-qasam tal-avjazzjoni, il-Kunsill ta lill-Kummissjoni mandati ta' negozjar għal ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru mal-Azerbajġan bil-għan li jinfetaħ is-suq b'mod parallel mal-armonizzazzjoni regolatorja, u għal ftehim mal-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (EUROCONTROL) li jipprovdi qafas ġenerali għal kooperazzjoni mtejba.

Barra minn hekk, il-ministri kellhom dibattitu dwar ir-reviżjoni proposta tar-regolament dwar is-sistema tat-takografi li għandha tintuża minn sewwieqa professjonali. L-għan tar-reviżjoni huwa li tagħmilha aktar diffiċli biex isir frodi u li tnaqqas il-piż amministrattiv billi jsir użu sħiħ minn teknoloġiji ġodda u jiġi introdott għadd ta' miżuri regolatorji ġodda.

WERREJ1

PARTEĊIPANTI

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

KWISTJONIJIET INTERMODALI

Kooperazzjoni tat-trasport mar-reġjuni ġirien

AVJAZZJONI

Kooperazzjoni msaħħa mal-Eurocontrol

Ftehim dwar it-trasport bl-ajru mal-Azerbajġan

TRASPORT FUQ L-ART

Reviżjoni tar-regolament dwar it-takografi

AFFARIJIET OĦRAJN

Lagħq informali tal-ministri tat-trasport dwar finanzjament privat għall-infrastruttura tat-trasport.

Konferenza ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant dwar it-trasport

Skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni

Rekwiżit ta' viża mir-Russja għal ekwipaġġi ta' inġenji tal-ajru Ċeki

Proġett pilota "Blue Belt"

Avveniment dwar il-piraterija fil-kuntest tal-Jum Dinji tal-Baħar

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

ĠUSTIZZJA U AFFARIJIET INTERNI

  • Kunsill Permanenti ta' Sħubija UE-Russja (PPC)

TELEKOMUNIKAZZJONI

  • Servizzi mobbli permezz tas-satellita

PARTEĊIPANTI

Belġju:

Is-Sur Etienne SCHOUPPE Segretarju tal-Istat għall-Mobbiltà, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bulgarija:

Is-Sur Ivaylo MOSKOVSKI Ministru tat-Trasport, it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni

Repubblika Ċeka:

Is-Sur Pavel DOBEŠ Ministru tat-Trasport

Danimarka:

Mr Henrik DAM KRISTENSEN Ministru tat-Trasport

Ġermanja:

Is-Sur Peter RAMSAUER Ministru Federali tat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Urban

Estonja:

Is-Sur Gert ANTSU Viċi Rappreżentant Permanenti

Irlanda:

Is-Sur Leo VARADKAR Ministru tat-Trasport

Greċja:

Is-Sur Andreas PAPASTAVROU Viċi Rappreżentant Permanenti

Spanja:

Is-Sur José BLANCO LÓPEZ Ministru tal-Infrastruttura u t-Trasport

Franza:

Is-Sur Philippe LEGLISE-COSTA Viċi Rappreżentant Permanenti

Italja:

Is-Sur Roberto CASTELLI Deputy Minister for Infrastructure and Transport

Ċipru:

Is-Sur Efthymios FLOURENTZOU Ministru tal-Komunikazzjoni u x-Xogħlijiet

Latvja:

Is-Sur Juris ŠTĀLMEISTARS Viċi Rappreżentant Permanenti

Litwanja:

Is-Sur Arūnas VINČIŪNAS Viċi Rappreżentant Permanenti

Lussemburgu:

Is-Sur Claude WISELER Ministru tal-Iżvilupp Sostenibbli u l-Infrastruttura

Ungerija:

Is-Sur Pál VÖLNER Ministru tal-Istat għall-Infrastruttura, Ministeru tal-Iżvilupp Nazzjonali

Is-Sur Tamás Iván KOVÁCS Viċi Ministru tal-Istat għall-UE u l-Affarijiet Internazzjonali, Ministeru tal-Iżvilupp Nazzjonali,

Malta:

Is-Sur Austin GATT Ministru tal-Infrastruttura, it-Trasport u

l-Komunikazzjoni

Pajjiżi l-Baxxi:

Is-Sur Derk OLDENBURG Viċi Rappreżentant Permanenti

Awstrija:

Is-Sinjura Doris BURES Ministru Federali tat-Trasport, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

Polonja:

Is-Sur Cezary GRABARCZYK Ministru tal-Infrastruttura

Is-Sur Maciej JANKOWSKI Sotto-Segretarju tal-Istat, Ministeru tal-Infrastruttura

Portugall:

Is-Sur Pedro COSTA PEREIRA Viċi Rappreżentant Permanenti

Rumanija:

Is-Sinjura Anca Daniela BOAGIU Ministru tat-Trasport u l-Infrastruttura

Slovenja:

Is-Sur Patrick VLAČIČ Ministru tat-Trasport

Slovakkja:

Is-Sur Arpad ERSEK Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tat-Trasport, il-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Reġjonali

Finlandja:

Is-Sinjura Maria RISLAKKI Viċi Rappreżentant Permanenti

Svezja:

Is-Sur Carl von der ESCH Segretarju tal-Istat għall-Ministru tal-Infrastruttura

Renju Unit:

Is-Sur Andy LEBRECHT Viċi Rappreżentant Permanenti

Kummissjoni:

Is-Sur Siim KALLAS Viċi President

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

KWISTJONIJIET INTERMODALI

Kooperazzjoni tat-trasport mar-reġjuni ġirien

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet (14712/11) li jenfasizzaw l-importanza ta' kooperazzjoni tat-trasport imsaħħa u konnessjonijiet aħjar ta' trasport mar-reġjuni ġirien koperti mill-politika tat-Tkabbir u tal-Viċinat Ewropew, b'mod partikolari l-Balkani tal-Lvant, ir-reġjun Mediterran u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, bil-għan li tinħoloq integrazzjoni ekonomika aktar fil-fond u assoċjazzjoni politika aktar mill-qrib.

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Kunsill jippromwovi t-titjib tal-infrastruttura tat-trasport, speċjalment permezz ta' konnessjoni aħjar tal-infrastruttura ta' pajjiżi ġirien man-netwerk tat-trasport trans-Ewropew, u integrazzjoni aktar mill-qrib tas-swieq tat-trasport, b'mod partikolari billi jiġi estiż l-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni, jitneħħa x-xkiel fit-trasport marittimu, tiżdied l-interoperabbiltà tas-sistemi ferrovjarji u jiġu ssimplifikati l-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri u dawk amministrattivi. Madankollu, il-Kunsill qed jisħaq li integrazzjoni akbar tas-suq ser tiddependi fuq kemm il-pajjiżi ġirien jinsabu lesti li jagħmlu dan u fuq il-progress tagħhom fl-applikazzjoni ta' standards ta' sikurezza, sigurtà, dawk ambjentali u dawk soċjali ekwivalenti għal dawk tal-UE.

Ir-riżorsi finanzjarji eżistenti bħall-Faċilità ta’ Investiment tal-Viċinat, li tista' ġġib fondi minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, għandhom jintużaw biex tingħata għajnuna lil dawk il-pajjiżi biex jagħmlu r-riformi meħtieġa.

Barra minn dan, il-Kunsill jilqa' l-istabbiliment ta' Panel għat-Trasport tas-Sħubija tal-Lvant, li għandu jitnieda fil-konferenza ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant fl-24-25 ta' Ottubru fi Krakovja (il-Polonja).

Il-konklużjonijiet waslu bi tweġiba għal komunikazzjoni dwar dan is-suġġett ippreżentata mill-Kummissjoni f'Lulju, li tiddeskrivi l-miżuri fuq medda qasira kif ukoll twila ta' żmien għall-mezzi kollha ta' trasport biex jissaħħu l-konnessjonijiet tat-trasport (13022/11) Il-komunikazzjoni hija segwitu tal-approċċ il-ġdid tal-UE għall-Politika Ewropea tal-Viċinat, li huwa bbażat fuq livell ogħla ta' differenzjazzjoni skont il-ħtiġijiet, l-ambizzjoni u r-rieda ta' kull pajjiż li jikkoopera, kif jinsab f'komunikazzjoni tal-Kummissjoni adottata f'Mejju li għadda (10794/11) u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati f'Ġunju li għadda (11850/11).

AVJAZZJONI

Kooperazzjoni msaħħa mal-Eurocontrol

Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tagħmel negozjati mal-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol) dwar ftehim ta' livell għoli bil-għan li jiġi stabbilit qafas ġdid u stabbli għal kooperazzjoni msaħħa. Il-ftehim ser jikkonferma l-Eurocontrol bħala l-fergħa teknika u operazzjonali tal-UE fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programm tagħha Ajru Uniku Ewropew (SES), filwaqt li jqiegħed lill-UE fil-pożizzjoni ta' regolatur ta' dan il-programm.

Eurocontrol hija organizzazzjoni ċivili-militari intergovernattiva b'39 partijiet kontraenti minn madwar l-Ewropa kollha, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE minbarra l-Estonja. Hija taqdi rwol ċentrali fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) fl-Ewropa u tipprovdi opinjoni esperta u għajnuna teknika lill-UE f'dan il-qasam. Dan l-aħħar ġiet nominata bħala direttur tan-netwerk tal-ATM għall-programm Ajru Uniku Ewropew, li huwa mfassal biex jistabbilixxi sistema sikura u effiċjenti ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fuq livell Ewropew abbażi ta' qafas legali adottat fl-2004 (SES I) u l-2009 (SES II).

Ftehim dwar it-trasport bl-ajru mal-Azerbajġan

Il-Kunsill ta lill-Kummissjoni mandat biex tiftaħ negozjati mal-Azerbajġan dwar ftehim komprensiv dwar it-trasport bl-ajru bil-għan li jinfetaħ is-suq b'mod parallel ma' armonizzazzjoni regolatorja f'oqsma bħas-sigurtà u s-sikurezza tal-avjazzjoni, il-protezzjoni ambjentali u l-liġi tal-kompetizzjoni.

Il-ftuħ tas-suq huwa mistenni jħalli benefiċċji ekonomi lill-linji tal-ajru u l-ajruporti tal-UE u tal-Azerbajġan u jgħin biex jiġi żviluppat in-negozju u l-investiment barrani fl-Azerbajġan. Dan jeħtieġ li jiġi akkumpanjat minn qafas regolatorju konsistenti mal-istandards tal-UE.

Il-ftehim ser joħloq qafas legali għat-trasport bl-ajru bejn l-Azerbajġan u l-Unjoni inġenerali, u b'hekk jiżgura kundizzjonijiet ugwali għat-trasportaturi kollha tal-UE. Ser jieħu post il-wieħed u għoxrin ftehim bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru li jeżistu bħalissa bejn Stati Membri individwali tal-UE u l-Azerbajġan, li huma kemxejn restrittivi b'mod partikolari fir-rigward tal-arranġamenti tal-kapaċità. Fuq livell politiku aktar ġenerali, l-istabbiliment ta' ftehim bħal dan huwa konformi mal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant, li fihom it-tnejn hija involuta l-Azerbajġan, u ser jgħin l-objettivi tal-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni mal-Azerbajġan, li għandu jiġi segwit minn Ftehim ta' Assoċjazzjoni li qed jiġi nnegozjat bħalissa.

TRASPORT FUQ L-ART

Reviżjoni tar-regolament dwar it-takografi

Il-Kunsill kellu dibattitu pubbliku dwar reviżjoni tar-regolament tal-1985 dwar it-takografi li għandhom jintużaw minn sewwieqa professjonali sabiex il-konformità mar-regoli dwar il-ħin tas-sewqan u l-perijodi ta’ mistrieħ ikunu jistgħu jiġi verifikati fl-interess tas-sigurtà fit-toroq, kundizzjonijiet ta' xogħol diċenti għas-sewwieqa u kompetizzjoni ġusta bejn in-negozji tat-trasport. L-għan tar-reviżjoni proposta huwa li tagħmilha aktar diffiċli biex isir frodi u li tnaqqas il-piż amministrattiv billi jsir użu sħiħ minn teknoloġiji ġodda u jiġi introdott għadd ta' miżuri regolatorji ġodda.

Eżami tal-proposta tal-Kummissjoni fil-grupp ta' ħidma tal-Kunsill għadu fi stadju bikri (ara r-rapport f'14486/11), il-Kunsill iffoka d-diskussjonijiet tiegħu inqas fuq id-dettalji tal-proposta milli fuq l-esperjenzi tal-Istati Membri bis-sistema tat-takografi attwali. Il-ministri rrikonoxxew ir-rwol kruċjali tat-takografi biex tiġi vverifikata l-konformità u b'hekk għas-sigurtà fit-toroq. Filwaqt li ġeneralment is-sistema attwali tidher li taħdem, il-ministri saħqu li jinħtieġ titjib, u ġibdu l-attenzjoni b'mod partikolari għal vulnernabbiltajiet tas-sistema li jagħmluha possibbli li ssir manipulazzjoni u frodi. Enfasizzaw ukoll l-importanza li jitnaqqsu l-ispejjeż għan-negozji tat-trasport. F'dan ir-rigward, ġie enfasizzat li kwalunkwe miżuri ġodda kellhom ikunu proporzjonati u soġġetti għal analiżi dettaljata tal-benefiċċju tal-ispejjeż, b'xi Stati Membri jleħħnu tħassib dwar l-ispejjeż li l-miżuri proposti mill-Kummissjoni jistgħu jinvolvu.

Il-korpi preparatorji tal-Kunsill issa huma mistiedna jkomplu l-eżami tal-proposta (13195/11), li fiha l-elementi ewlenin li ġejjin:

Fir-rigward tal-użu tat-teknoloġija, ir-reġistrazzjoni manwali attwali tal-lokazzjoni tal-vettura ser tinbidel b'reġistrazzjoni awtomatizzata permezz ta' pożizzjonar satellitari. Barra minn dan, komunikazzjoni remota mit-takografu li twassal indikazzjonijiet bażiċi dwar il-konformità mar-regoli ser tagħmilha possibbli għall-uffiċjali ta' kontroll li jimmiraw aħjar għall-kontrolli mal-ġenb tat-triq, u b'hekk jevitaw kontrolli mhux meħtieġa. B'żieda ma' dan, interface standardizzat tat-takografu ser jiffaċilita l-integrazzjoni tiegħu f'applikazzjonijiet ta' sistemi ta' trasport intelliġenti, bħal dawk għall-ġestjoni tal-flotta.

Min-naħa regolatorja, il-ħtiġijiet li jridu jkunu sodisfatti mill-workshops fdati bl-installazzjoni u l-kalibrazzjoni tat-takografi ser jissaħħu u l-liċenzja tas-sewqan ser tiġi integrata mal-karta tas-sewwieq li għandha tintuża mat-takografu, li suppost għandha tnaqqas il-frodi kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi. Il-piż amministrattiv ser jittaffa wkoll billi tiġi estiża l-eżenzjoni mill-obligazzjoni li jintużaw it-takografi, li Stati Membri jistgħu jagħtu lil ċerti utenti, l-iktar intrapriżi żgħar u ta' daqs medju: għal dawk l-utenti, hija proposta eżenzjoni tal-uniformi għal operazzjonijiet ta' trasport f'raġġ ta' 100 km, filwaqt li s'issa din l-eżenzjoni kienet limitata għal 50km f'ċerti każijiet.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, il-miżuri regolatorji ser japplikaw sena wara l-pubblikazzjoni tar-regolament f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni, filwaqt li l-applikazzjoni tat-teknoloġija l-ġdida marbuta mas-satelliti ser issir obbligatorja erba' snin wara, jiġifieri probabbilment mill-2017 'l quddiem.

Ir-regolament tal-1985, li diġà ġie adattat għaxar darbiet biex jieħu kont tal-progress teknoloġiku, jiffissa standards tekniċi u jistabbilixxi r-regoli dwar l-użu, l-approvazzjoni tat-tip, l-installazzjoni u l-ispezzjoni tat-takografi. Bħalissa, qed jintużaw żewġ tipi ta’ takografi minn madwar 900 000 impriża tat-trasport u 6 miljun sewwieq: it-takografu diġitali introdott fil-vetturi reġistrati wara l-1 ta' Mejju 2006, u t-takografu analogu, li għadu jintuża f'vetturi aktar antiki.

AFFARIJIET OĦRAJN

Lagħq informali tal-ministri tat-trasport dwar finanzjament privat għall-infrastruttura tat-trasport.

Il-presidenza infurmat lill-Kunsill dwar il-laqgħa informali tal-ministri tat-trasport f'Sopot (il-Polonja) fil-5 u s-6 ta' Settembru 2011, iddedikata għall-kwistjoni tal-mobilizzazzjoni ta' finanzjament privat għall-infrastruttura tat-trasport u kkonċentrata b'mod partikolari fuq l-esperjenzi tal-Istati Membri mas-sħubijiet pubbliċi-privati. Il-presidenza ġabret fil-qosor ir-riżultati tal-laqgħa f'sett ta' konklużjonijiet (14119/11) li jenfasizzaw is-sħubijiet pubbliċi-privati bħala għodda siewja għall-finanzjament tat-trasport, filwaqt li jisħqu dwar ir-rwol kruċjali tal-fondi pubbliċi fl-iżvilupp tal-infrastruttura.

Konferenza ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant dwar it-trasport

Il-presidenza tat informazzjoni dwar il-konferenza tal-ministri tat-trasport tal-Istati Membri tal-UE, is-sitt pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (il-Bjelorussja, l-Ukraina, il-Moldova, il-Ġeorġja, l-Armenja u l-Azerbajġan) u l-Kroazja li għandha ssir fi Krakovja (il-Polonja) fl-24 u l-25 ta' Ottubru (14884/11). L-għan ser ikun li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fit-trasport ma' dawn il-pajjiżi, abbażi tal-prinċipji stabbiliti fil-konklużjonijiet dwar ir-relazzjonijiet mar-reġjuni ġirien adottati f'din il-laqgħa tal-Kunsill. Il-konferenza għandha wkoll tniedi l-Panel għat-Trasport tas-Sħubija tal-Lvant.

Skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni

Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar is-sitwazzjoni attwali, u b'mod partrikolari dwar il-konsultazzjonijiet mal-pajjiżi terzi, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-iskema ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) ta' gass b'effett ta' serra għall-avjazzjoni, li għandha tibda fl-1 ta' Jannar 2012.

Għadd ta' Stati Membri appellaw lill-Kummissjoni biex iżżid it-taħdidiet ma' pajjiżi barra mill-UE li huma opposti għall-inklużjoni tal-avjazzjoni internazzjonali fl-ETS tal-Unjoni, sabiex tinstab soluzzjoni.

Rekwiżit ta' viża mir-Russja għal ekwipaġġi ta' inġenji tal-ajru Ċeki

Id-delegazzjoni Ċeka infurmat lill-Kunsill dwar rekwiżit ta' viża li dan l-aħħar ġie introdott mir-Russja għal membri tal-ekwipaġġ ta' inġenji tal-ajru ċivili Ċeki u talbet lill-presidenza u lill-Kummissjoni biex tqajjem din il-kwistjoni mal-awtoritajiet Russi. Ir-Repubblika Ċeka ma għandhiex ftehim bilaterali mar-Russja dwar tneħħija tal-obbligu ta' viża.

Proġett pilota "Blue Belt"

Il-Kummissjoni infurmat lill-ministri dwar l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-proġett pilota "Blue Belt" approvat mill-Kunsill Trasport ta' Diċembru 2010, li daħal fil-fażi operattiva tiegħu ta' 6 xhur f'Mejju din is-sena (14934/11). Il-Kummissjoni tqis l-ewwel riżultati tal-proġett bħala promettenti u beħsiebha tkomplih fl-2012. Il-kunċett "Blue Belt" għandu l-għan li jiffaċilita t-trasport marittimu fi ħdan l-UE billi tnaqqas il-formalitajiet amministrattivi għall-operaturi tal-bastimenti, filwaqt li tiżgura s-sigurtà, is-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali kif ukoll id-dħul mid-dwana u t-taxxi, permezz tal-aħjar użu tat-teknoloġija ta' monitoraġġ marittimu.

Avveniment dwar il-piraterija fil-kuntest tal-Jum Dinji tal-Baħar

Id-delegazzjoni Taljana infurmat lill-Kunsill dwar l-"Avveniment Parallel mal-Jum Dinji tal-Baħar" ospitat din is-sena mill-Italja f'Ruma fit-13 u l-14 ta' Ottubru (14889/11). Din il-laqgħa ta' esperti u rappreżentanti istituzzjonali ser tikkonċentra fuq il-ġlieda kontra l-piraterija. L-"Avveniment Parallel" isir fil-kuntest tal-Jum Dinji tal-Baħar iċċelebrat kull sena mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO).

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

ĠUSTIZZJA U AFFARIJIET INTERNI

Kunsill Permanenti ta' Sħubija UE-Russja (PPC)

Il-Kunsill adotta pożizzjoni għall-UE bi ħsieb għall-ħmistax-il laqgħa tal-Kunsill Permanenti ta' Sħubija (PPC) fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni li ser isir f'Varsavja fl-10-11 ta' Ottubru 2011. Approva wkoll abbozz ta' sett ta' passi komuni lejn vjaġġar fuq perijodu qasir ta' żmien mingħajr viża għaċ-ċittadini Russi u tal-UE, li ser jitressaq quddiem il-PPC għal approvazzjoni.

TELEKOMUNIKAZZJONI

Servizzi mobbli permezz tas-satellita

Il-Kunsill iddeċieda li ma jopponix l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' deċiżjoni dwar modalitajiet għall-applikazzjoni koordinata tar-regoli dwar l-infurzar fir-rigward ta' servizzi mobbli permezz tas-satellita skont l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni 626/2008/KE.

L-abbozz ta' deċiżjoni huwa soġġett għall-proċedura regolatorja bi skrutinju; issa li l-Kunsill ta l-kunsens tiegħu, il-Kummissjoni tista' tadottaha, sakemm ma joġġezzjonax il-Parlament Ewropew.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website