Navigation path

Left navigation

Additional tools

Brussell, 21 ta' Lulju 2011 (OR. en) Kummenti mill-President Van Rompuy fil-konferenza stampa wara s-Summit dwar iż-żona tal-euro

European Council - PRES/11/259   21/07/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

KUNSILL EWROPEW
IL-PRESIDENT

MT

Brussell, 21 ta' Lulju 2011
(OR. en)

EUCO 54/11

PRESSE 259

PR PCE 27

Kummenti mill-President Van Rompuy
fil-konferenza stampa
wara s-Summit dwar iż-żona tal-euro

Għandi l-pjaċir inħabbar li sibna rispons komuni għas-sitwazzjoni ta' kriżi. Il-laqgħa tagħna kienet iffukata: il-mexxejja Ewropej jiddefendu l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro.

Illum wasalna għal tliet deċiżjonijiet importanti, appoġġati bis-sħiħ minna kollha:

  • Tejjibna s-sostenibbiltà tad-dejn Grieg;

  • Ħadna miżuri biex inwaqqfu r-riskju ta' kontaġju.

  • Impenjajna ruħna biex intejbu l-ġestjoni tal-kriżi taż-żona tal-euro.

Jiena sejjaħt dan is-summit ta' Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern taż-żona tal-euro minħabba li s-sitwazzjoni kienet verament serja. Jiena stedint ukoll -- flimkien mal-President tal-BĊE -- lid-Direttur Maniġerjali tal-FMI, is-Sinjura Lagarde biex tieħu sehem f'din il-ħidma.

Il-problemi li qed tiffaċċja ż-żona tal-euro jistgħu jiġu solvuti fl-ogħla livell. Kellna naġixxu malajr. Is-sejħa għal din il-laqgħa ffukat l-imħuħ u aċċellarat il-proċess għas-sejba ta' soluzzjoni. Ma stajtx inħalli sitwazzjoni diffiċli ssir waħda perikoluża.

Minn sensiela ta' kriżijiet ta' dejn nazzjonali, is-sitwazzjoni kienet qed tevolvi fi tħassib sistemiku, li kien qed jhedded l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha. Dan it-theddid kellu jiġi mrażżan, inkella s-sitwazzjoni setgħet wasslet għal telf serju tal-fiduċja fil-munita komuni tagħna u setgħet ukoll ipperikolat l-irkupru ekonomiku li għaddej fl-Ewropa u fid-dinja.

Huwa għalhekk li llum aħna ttrattajna l-problema billi indirizzajna żewġ fatturi ewlenin:

  • il-beżgħat tal-investituri li t-telf ser jiġi impost fuq bażi mhux volontarja fuq id-detenturi ta' bonds fil-Greċja u mbagħad probabbli wkoll f'pajjiżi oħra, u

  • l-inċertezza tas-suq dwar il-kapaċità taż-żona tal-euro li ssolvi l-kriżi.

Ippermettuli nikkummenta aktar fid-dettall dwar id-deċiżjonijiet ta' llum.

L-ewwel nett, aħna noffru soluzzjoni għall-problema tad-dejn Grieg. Wasalna għal qbil dwar programm ta' għajnuna ġdid biex ikopri kompletament id-differenza fil-finanzjament u li għandu jiġi ffinanzjat kemm mill-UE kif ukoll mill-FMI. Żewġ passi importanti ħafna oħra huma l-qbil biex titnaqqas ir-rata ta' interess għas-self futur, u biex il-maturitajiet jittawwlu għal minimu ta' 15-il sena u sa 30 sena.

Illum il-banek diġà impenjaw ruħhom biex jappoġġaw lill-Greċja fuq bażi volontarja, permezz ta' serje ta' alternattivi.

B'mod importanti, aħna biddilna l-approċċ għall-involviment tas-settur privat (PSI): l-involviment tas-settur privat ser ikun limitat għall-Greċja u l-Greċja biss.

Dan huwa pakkett qawwi.

It-tieni nett, aħna qbilna dwar serje ta' miżuri biex jitwaqqaf il-kontaġju. Qabel xejn, aħna ddikjarajna b'mod ċar li s-sitwazzjoni Griega hija differenti minn dik ta' pajjiżi oħra; li għalhekk teħtieġ rispons eċċezzjonali, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni tas-settur privat. Barra minn hekk, l-EFSF (Faċilità ta' Stabbiltà Finanzjarja) ser ikollha aktar flessibbiltà biex tintervjeni: l-assistenza ta' prekawzjoni, ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek permezz tal-gvernijiet, inkluż fil-pajjiżi mhux tal-programm; u interventi sekondarji tas-suq f'ċirkostanzi eċċezzjonali abbażi ta' analiżi mill-BĊE.

Allura: ħloqna "firewall" solidu u tagħmir aħjar tal-brigata tan-nar.

It-tielet nett, aħna iddeċidejna li ntejbu l-governanza taż-żona tal-euro. Filwaqt li nittrattaw il-perijodu qasir, ma ninsewx il-perijodu fit-tul. Ippermettuli nsemmi żewġ punti b'mod partikolari:

Aħna qbilna li d-dipendenza tar-regoli proprji tagħna fuq l-aġenziji esterni ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandha titnaqqas.

Barra minn hekk, aħna rċevejna mandat biex nagħmlu proposti konkreti dwar kif jista' jiġi organizzat aħjar il-maniġġar ta' kriżijiet fiż-żona tal-euro u biex jittejbu l-metodi ta' ħidma. Jien ser naħdem f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Presidenti tal-Grupp tal-euro u l-Kummissjoni, u ser nippreżenta proposti f'Ottubru.

Illum, b'dawn id-deċiżjonijiet kollha, aħna wrejna li mhux ser nonqsu milli niddefendu l-unjoni monetarja tagħna u l-munita komuni tagħna.

Rimarka finali. Meta l-mexxejja Ewropej jgħidu li aħna ser nagħmlu "dak kollu li huwa meħtieġ" biex insalvaw iż-żona tal-euro, hija sempliċi ħafna: Dak li ngħidu nfissruh.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website