Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

9596/10 (Presse 108)

(OR. en)

STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA

Laqgħa straordinarja tal-Kunsill

Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Brussell, 9/10 ta’ Mejju 2010

President Is-Sinjura Elena SALGADO
It-Tieni Viċi President tal-Gvern u Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi ta' Spanja

Riżultati Prinċipali tal-Kunsill

Il-Kunsill u l-Istati Membri ddeċidew dwar pakkett komprensiv ta' miżuri biex jippreżerva l-istabbilità finanzjarja fl-Ewropa, inkluż mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja b'volum totali sa EUR 500 biljun.

WERREJ1

PARTEĊIPANTI

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

MEKKANIŻMU EWROPEW TA' STABBILIZZAZZJONI BIEX JIPPREŻERVA L-ISTABBILITÀ FINANZJARJA

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

xejn

PARTEĊIPANTI

Il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea kienu rappreżentati kif ġej:

Belġju:

Is-Sur Didier REYNDERS Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi u r-Riformi Istituzzjonali

Bulgarija:

Is-Sur Simeon DJANKOV Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Finanzi

Repubblika Ċeka:

Is-Sur Eduard JANOTA Ministru tal-Finanzi

Is-Sur Tomás ZÍDEK Viċi Ministru tat-Taqsima dwar il-Finanzi, ir-Relazzjonijiet Internazzjonali u l-Politika Finanzjarja

Danimarka:

Is-Sur Claus HJORT FREDERIKSEN Ministru tal-Finanzi

Ġermanja:

Is-Sur Thomas de MAIZIÈRE Ministru Federali tal-Intern

Is-Sur Jörg ASMUSSEN Segretarju tal-Istat, Ministeru tal-Finanzi

Estonja:

Is-Sur Jürgen LIGI Ministru tal-Finanzi

Irlanda:

Is-Sur Brian LENIHAN Ministru tal-Finanzi

Greċja:

Is-Sur George PAPACONSTANTINOU Ministru tal-Finanzi

Spanja:

Is-Sinjura Elena SALGADO It-Tieni Viċi President tal-Gvern u Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi

Is-Sur Jose Manuel CAMPA Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi

Franza:

Is-Sinjura Christine LAGARDE Ministru tal-Ekonomija, l-Industrija u l-Impjiegi

Italja

Is-Sur Giulio TREMONTI Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi

Ċipru:

Is-Sur Charilaos STAVRAKIS Ministru tal-Finanzi

Latvja:

Is-Sur Normunds POPENS Rappreżentant Permanenti

Litwanja:

Is-Sinjura Ingrida ŠIMONYTĖ Ministru tal-Finanzi

Lussemburgu:

Is-Sur Luc FRIEDEN Ministru tal-Finanzi

Ungerija:

Is-Sur Tamás KATONA Segretarju tal-Istat, Ministeru tal-Finanzi

Malta:

Is-Sur Tonio FENECH Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment

Olanda:

Is-Sur Jan Kees de JAGER Ministru tal-Finanzi

Awstrija:

Is-Sur Josef PRÖLL Viċi Kanċillier u Ministru Federali tal-Finanzi

Polonja:

Is-Sur Jan VINCENT-ROSTOWSKI Ministru tal-Finanzi

Portugall:

Is-Sur Fernando TEIXEIRA DOS SANTOS Ministriu tal-Istat, Ministru tal-Finanzi

Rumanija:

Is-Sur Alexandru NAZARE Segretarju tal-Istat, Ministeru tal-Finanzi

Slovenja:

Is-Sur Franc KRIŽANIČ Ministru tal-Finanzi

Slovakkja:

Is-Sur Peter KAŽIMÍR Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tal-Finanzi

Finlandja:

Is-Sur Jyrki KATAINEN Viċi Prim Ministru, Ministru tal-Finanzi

Svezja:

Is-Sur Anders BORG Ministru tal-Finanzi

Renju Unit:

Is-Sur Alistair DARLING Ministru tal-Finanzi (Chancellor of the Exchequer)

Kummissjoni:

Is-Sur Olli REHN Membru

Parteċipanti oħrajn:

Is-Sur Jean-Claude JUNCKER President tal-Grupp tal-Euro

Is-Sur Lucas PAPADEMOS Viċi President tal-Bank Ċentrali Ewropew

Is-Sur Philippe MAYSTADT President tal-Bank Ewropew tal-Investiment

Is-Sur Thomas WIESER President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju

Is-Sur Lorenzo CODOGNO President tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

MEKKANIŻMU EWROPEW TA' STABBILIZZAZZJONI BIEX JIPPREŻERVA L-ISTABBILITÀ FINANZJARJA

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"Il-Kunsill u l-Istati Membri llum iddeċidew dwar pakkett komprensiv ta' miżuri biex jippreżerva l-istabbilità finanzjarja fl-Ewropa, inkluż mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja b'volum totali sa EUR 500 biljun.

B'segwitu għall-kriżi fil-Greċja, is-sitwazzjoni fis-swieq finanzjarji hija fraġli u kien hemm riskju ta' kontaġju li ħtiġilna nindirizzaw. Għaldaqstant aħna ħadna l-passi finali tal-pakkett ta' appoġġ għall-Greċja, l-istabbiliment ta' mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni u impenn qawwi għal konsolidazzjoni fiskali aċċellerata, fejn din tkun iġġustifikata.

L-ewwel nett, wara l-konklużjoni b'suċċess tal-proċeduri fl-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern taż-żona tal-euro, twittiet it-triq għall-implimentazzjoni tal-pakkett ta' appoġġ għall-Greċja. Illum il-Kummissjoni ffirmat, f'isem l-Istati Membri taż-żona tal-euro, il-ftehim ta' self mal-Greċja u l-ewwel ħlas ser isir, kif ippjanat, qabel id-19 ta' Mejju. Il-Kunsill jappoġġa bil-qawwa l-programm ambizzjuż u realistiku ta' konsolidazzjoni u riforma tal-gvern Grieg.

It-tieni nett, il-Kunsill huwa impenjat bis-sħiħ li jiżgura sostenibbiltà fiskali u tkabbir ekonomiku msaħħaħ fl-Istati Membri kollha u għalhekk jaqbel li l-pjanijiet ta' konsolidazzjoni fiskali u r-riformi strutturali jkunu aċċellerati, fejn dan ikun iġġustifikat. Għaldaqstant aħna nilqgħu u nappoġġaw bil-qawwa l-impenn tal-Portugall u ta' Spanja li jieħdu miżuri ta' konsolidazzjoni addizzjonali sinifikanti fl-2010 u l-2011 u jippreżentawhom lill-Kunsill ECOFIN tat-18 ta' Mejju. L-adegwatezza ta' dawn il-miżuri ser tiġi evalwata mill-Kummissjoni f'Ġunju fil-kuntest tal-proċedura tad-defiċit eċċessiv. Il-Kunsill jilqa' wkoll l-impenn li sal-Kunsill ECOFIN tat-18 ta' Mejju jitħabbru miżuri ta' riforma strutturali mmirati li jtejbu l-prestazzjoni tat-tkabbir u, b'hekk indirettament, is-sostenibbiltà fiskali aktar 'il quddiem.

It-tielet nett, iddeċidejna li nistabbilixxu mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni. Il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq l-Art. 122.2 tat-Trattat u qbil intergovernattiv tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. L-attivazzjoni tiegħu hija soġġetta għal kondizzjonalità qawwija, fil-kuntest ta' appoġġ konġunt tal-UE u l-FMI, u ser tkun b'termini u kondizzjonijiet simili għall-FMI.

L-Art. 122.2 tat-Trattat jipprevedi appoġġ finanzjarju għall-Istati Membri f'diffikultajiet ikkawżati minn ċirkostanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll tagħhom. Illum aħna qegħdin niffaċċjaw ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn u l-mekkaniżmu ser jibqa' stabbilit għal kemm ikun meħtieġ biex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja. Huwa previst volum sa EUR 60 biljun u l-attivazzjoni hija soġġetta għal kondizzjonalità qawwija, fil-kuntest ta' appoġġ konġunt tal-UE u l-FMI, u ser tkun b'termini u kondizzjonijiet simili għall-FMI. Il-mekkaniżmu ser jopera mingħajr preġudizzju għall-faċilità eżistenti li tipprevedi assistenza finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċ ta' pagamenti tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro.

Minbarra dan, l-Istati Membri taż-żona tal-euro jinsabu lesti li jikkomplimentaw dawn ir-riżorsi permezz ta' Strument bi Skop Speċjali li jkun garantit fuq bażi pro rata mill-Istati Membri parteċipanti b'mod koordinat u li jkun jiskadi wara tliet snin, filwaqt li jirrispetta r-rekwiżiti kostituzzjonali nazzjonali tagħhom, sa volum ta' EUR 440 biljun. Il-FMI ser jipparteċipa fl-arranġamenti ta' finanzjament u huwa mistenni jipprovdi mill-inqas nofs il-kontribut tal-UE permezz tal-faċilitajiet tas-soltu tiegħu f'konformità mal-programmi Ewropej riċenti.

Fl-istess ħin, l-UE ser tibda b'urġenza l-ħidma fuq ir-riformi meħtieġa biex jiġi kkomplimentat il-qafas eżistenti sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro, partikolarment fuq il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li għandha tiġi adottata fit-12 ta' Mejju 2010. Aħna nenfasizzaw l-importanza li nagħtu lit-tisħiħ tad-dixxiplina fiskali u lill-istabbiliment ta' qafas permanenti għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet.

Aħna enfasizzajna l-ħtieġa li jsir progress rapidu fir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-suq finanzjarju, b'mod partikolari fir-rigward tas-swieq tad-derivati u r-rwol tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni. Barra minn hekk, jeħtieġ li nkomplu naħdmu fuq inizjattivi oħrajn, bħat-tariffa ta' stabbiltà, li huma mmirati biex jiżguraw li fil-futur, is-settur finanzjarju għandu jerfa' sehmu mill-piż f'każ ta' kriżi, filwaqt li tiġi esplorata wkoll il-possibbiltà ta' taxxa ta' transazzjoni globali. Aħna qbilna wkoll li nħaffu l-ħidma fuq il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet.

Aħna ntennu wkoll l-appoġġ tal-Istati Membri taż-żona tal-euro lill-BĊE fl-azzjoni tiegħu biex jiżgura l-istabbiltà għaż-żona tal-euro. "

*

* *

Il-Kunsill adotta wkoll regolament li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja.

Barra minn dan, ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri taż-żona tal-euro adottaw deċiżjoni li jimpenjaw lilhom infushom biex jipprovdu għajnuna permezz ta' Strument bi Skop Speċjali lli huwa ggarantit fuq bażi pro rata mill-Istati Membri parteċipanti b'mod ikkoordinat u li jiskadi wara tliet snin, sa EUR 440 biljun, konformement mas-sehem tagħhom ta' kapital imħallas tal-Bank Ċentrali Ewropew u skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali nazzjonali tagħhom.

Ir-rappreżentanti tal-gvernijiet tas-27 Stat Membru tal-UE adottaw deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ser tkun tista' tingħata l-kompitu f'dan il-kuntest mill-Istati Membri taż-żona tal-euro.

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

L-ebda punt ieħor


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website