Navigation path

Left navigation

Additional tools



KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 7 ta’ Mejju 2009

8435/09 (Presse 78)

(OR. en)

Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit ta' Praga dwar is-Sħubija tal-Lvant - Praga, 7 ta' Mejju 2009

Fil-preżenza ta'

***

L- UNJONI EWROPEA rrappreżentata minn
L -ET is-Sur Mirek TOPOLÁNEK

President tal-Kunsill Ewropew

L-ET is-Sur José Manuel BARROSO

President tal-Kummissjoni Ewropea

L-ET is-Sur Javier SOLANA

Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

***

L-ARMENJA rrapreżentata minn

L-ET is-Sur Serzh SARGSYAN

President tar-Repubblika tal-Armenja

L-AWSTRIJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Hans Dietmar SCHWEISGUT

Rappreżentant Permanenti tal-Awstrija għall-Unjoni Ewropea

L-AZERBAJĠAN irrappreżentat minn

L-ET is-Sur Ilham ALIYEV

President tar-Repubblika tal-Azerbajġan

Il-BJELORUSSJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Vladimir SEMASHKO

L-Ewwel Deputat Prim Ministru tar-Repubblika tal-Bjelorussja

Il-BELĠJU rrappreżentat minn

L-ET is-Sur Herman VAN ROMPUY

Prim Ministru tar-Renju tal-Belġju

Il-BULGARIJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Sergei STANISHEV

Prim Ministru tar-Repubblika tal-Bulgarija

ĊIPRU rrappreżentat minn

L-ET is-Sur Markos KYPRIANOU

Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika ta' Ċipru

Ir-REPUBBLIKA ĊEKA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Mirek TOPOLÁNEK

Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka

Id-DANIMARKA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Lars Løkke RASMUSSEN

Prim Ministru tar-Renju tad-Danimarka

L-ESTONJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Andrus ANSIP

Prim Ministru tar-Repubblika tal-Estonja

Il-FINLANDJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Matti VANHANEN

Prim Ministru tar-Repubblika tal-Finlandja

FRANZA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur François FILLON

Prim Ministru tar-Repubblika Franċiża

Il-ĠEORĠJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Mikheil SAAKASHVILI

President tal-Ġeorġja

Il-ĠERMANJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sinjura Angela MERKEL

Kanċillier Federali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Il-GREĊJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Konstantinos KARAMANLIS

Prim Ministru tar-Repubblika Ellenika

L-UNGERIJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Gordon BAJNAI

Prim Ministru tar-Repubblika tal-Ungerija

L-IRLANDA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Brian COWEN

Taoiseach tal-Irlanda

L-ITALJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Maurizio SACCONI

Ministru tal-Affarijiet Soċjali tar-Repubblika Taljana

Il-LATVJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Valdis DOMBROVSKIS

Prim Ministru tar-Repubblika tal-Latvja

Il-LITWANJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Vygaudas UŠACKAS

Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Litwanja

Il-LUSSEMBURGU rrappreżentat minn

L-ET is-Sur Jean ASSELBORN

Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Immigrazzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

MALTA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Tonio BORG

Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika ta' Malta

Il-POLONJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Donald TUSK

Prim Ministru tar-Repubblika tal-Polonja

Il-PORTUGALL irrappreżentat minn

L-ET is-Sur Luís AMADO

Ministru tal-Istat u Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Portugall

Ir-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Andrei STRATAN

Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Integrazzjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Moldova

Ir-RUMANIJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Emil BOC

Prim Ministru tar-Rumanija

Is-SLOVAKKJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Robert FICO

Prim Ministru tar-Repubblika Slovakka

Is-SLOVENJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Borut PAHOR

Prim Ministru tar-Repubblika tas-Slovenja

SPANJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Miguel Angel MORATINOS

Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju ta' Spanja

L-ISVEZJA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Fredrik REINFELDT

Prim Ministru tar-Renju tal-Isvezja

L-OLANDA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Jan Peter BALKENENDE

Prim Ministru tar-Renju tal-Olanda

L-UKRAINA rrappreżentata minn

L-ET is-Sur Viktor YUSHCHENKO

President tal-Ukraina

Ir-RENJU UNIT irrappreżentat minn

L-ET is-Sur David MILIBAND

Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin u l-Commonwealth tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq

***

IL-PARLAMENT EWROPEW irrappreżentat minn

L-ET is-Sur Hans-Gert PÖTTERING

President tal-Parlament Ewropew

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI rrappreżentat minn

L-ET is-Sur Luc Van den BRANDE

Segretarju Ġenerali tal-Kumitat tar-Reġjuni

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
irrappreżentat minn

L-ET is-Sur Ivan VOLEŠ

Membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali

***

IL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT irrappreżentat minn

L-ET is-Sur Philippe MAYSTADT

President tal-Bank Ewropew tal-Investiment

IL-BANK EWROPEW GĦAR-RIKOSTRUZZJONI U L-IŻVILUPP irrappreżentat minn

L-ET is-Sur Thomas MIROW

President tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp

***

Il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern u r-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Armenja, ir-Repubblika tal-Azerbajġan, ir-Repubblika tal-Bjelorussja, il-Ġeorġja, il-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, ir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u l-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern u r-rappreżentanti tal-Istati Membri tagħha ltaqgħu fi Praga biex jagħtu dimensjoni ġdida lir-relazzjoni tagħhom bl-istabbiliment tas-Sħubija tal-Lvant u adottaw id-Dikjarazzjoni Konġunta li ġejja:

Sħubija aktar ambizzjuża bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba

1. Is-Sħubija tal-Lvant tnediet bħala sforz komuni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Imsieħba tal-Ewropa tal-Lvant tagħhom (minn hawn 'il quddiem il-pajjiżi msieħba), ibbażata fuq interessi u impenji reċiproċi kif ukoll fuq appartenenza u responsabbiltà kondiviżi. Hi ser tkun żviluppata b'mod konġunt, f'mod kompletament trasparenti.

Il-parteċipanti tas-Summit ta' Praga jaqblu li is-Sħubija tal-Lvant ser tkun ibbażata fuq impenji lejn il-prinċipji tad-dritt internazzjonali u lejn il-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll lejn l-ekonomija tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba.

Is-Sħubija tal-Lvant tibni fuq u tikkomplementa r-relazzjonijiet kuntrattwali bilaterali li jeżistu. Hi ser tiġi żviluppata mingħajr ħsara għall-aspirazzjonijiet tal-pajjiżi parteċipanti individwali għar-relazzjoni futura tagħhom mal-Unjoni Ewropea. Hi ser tkun regolata mill-prinċipji ta' divrenzjar u kondizzjonalità.

Is-Sħubija tal-Lvant ser tkun ukoll żviluppata b'mod parallel mal-kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u pajjiżi terzi.

2. L-għan prinċipali tas-Sħubija tal-Lvant hu li jinħolqu l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi aċċelerata l-assoċjazzjoni politika u titkompla l-integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba interessati. Ser jinkiseb tisħiħ sinifikanti tal-linji politiċi tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi msieħba permezz tal-iżvilupp ta' dimensjoni speċifika tal-Lvant, tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Biex tikseb dan, l-Isħubija tal-Lvant ser tfittex li tappoġġa r-riformi politiċi u soċjo-ekonomiċi tal-pajjiżi msieħba, filwaqt li tiffaċilita l-approssimazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea. Dan ser jippromwovi l-impenn kondiviż lejn l-istabbilità, is-sigurtà u l-prosperità tal-Unjoni Ewropea, tal-pajjiżi msieħba kif ukoll tal-kontinent Ewropew kollu.

Is-Sħubija tal-Lvant għandha tippromwovi aktar l-istabbiltà u l-bini ta' fiduċja multilaterali. Il-kunflitti jxekklu l-attivitajiet ta' kooperazzjoni. Għaldaqstant il-parteċipanti tas-summit ta' Praga jenfasizzaw il-ħtieġa għar-riżoluzzjoni paċifika tagħhom mill-aktar fis, abbażi tal-prinċipji u n-normi tad-dritt internazzjonali u d-deċiżjonijiet u d-dokumenti approvati f'dan il-qafas.

Barra minn hekk, is-Sħubija tal-Lvant tista' tgħin l-iżvilupp ta' rabtiet aktar mill-qrib fost il-pajjiżi msieħba nfushom.

3. Is-Sħubija tal-Lvant iġġib magħha messaġġ politiku ċar dwar il-ħtieġa li tinżamm u tissaħħaħ it-triq lejn ir-riformi. Is-Sħubija tal-Lvant ser tipprovdi impetu addizzjonali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali u reġjonali tal-pajjiżi msieħba. Hi ser tiffaċilita l-governanza tajba, inkluż fis-settur finanzjarju, tippromwovi l-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni soċjali u tgħin biex jitnaqqsu d-differenzi soċjoekonomiċi tal-pajjiżi msieħba. B'hekk, is-Sħubija tal-Lvant ser tikkomplementa l-assistenza makroekonomika pprovduta permezz tal-istrumenti internazzjonali rilevanti.

Impenn bilaterali approfondit

4. Il-parteċipanti tas-Summit ta' Praga jikkondividu x-xewqa li japprofondixxu u jintensifikaw ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba, b'kont meħud tas-sitwazzjoni speċifika u l-ambizzjoni ta' kull pajjiż imsieħeb u b'rispett għar-relazzjonijiet bilaterali eżistenti bejn l-UE u l-pajjiż imsieħeb rispettiv. Huma qablu li l-kooperazzjoni bilaterali taħt il-patroċinju tas-Sħubija tal-Lvant għandha tipprovdi l-bażi għal Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u dawk l-pajjiżi msieħba li jinsabu lesti u li huma kapaċi jikkonformaw mal-impenji li jirriżultaw.

5. Il-Ftehimiet il-ġodda ta' Assoċjazzjoni, lil hinn mill-opportunitajiet eżistenti għall-kummerċ u l-investiment, ser jipprevedu l-istabbiliment jew l-objettiv li jiġu stabbiliti żoni ta' kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi, fejn l-effetti pożittivi tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-investiment ser jissaħħu minn approssimazzjoni regolatorja li twassal għal konverġenza mal-liġijiet u l-istandards tal-UE. Is-swieq miftuħin u l-integrazzjoni ekonomika huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli tal-pajjiżi msieħba u għas-sostenn tal-istabbilizzazzjoni politika. F'perspettiva fit-tul, l-istabbiliment ta' żoni ta' kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba jista' jikber f'netwerk ta' żoni ta' kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi.

6. L-Unjoni Ewropea ser tiżviluppa Programmi Komprensivi ta' Bini ta' Istituzzjonijiet, individwalment ma' kull pajjiż imsieħeb, sabiex ittejjeb il-kapaċità amministrattiva tagħhom, inkluż permezz tat-taħriġ, l-assistenza teknika u kwalunkwe miżura innovattiva adatta.

7. Aspett ieħor importanti tas-Sħubija tal-Lvant huwa l-appoġġ għall-mobbiltà taċ-ċittadini u l-liberalizzazzjoni tal-viżi f'ambjent sigur. Din ser tippromwovi l-mobbiltà taċ-ċittadini tal-pajjiżi msieħba permezz ta' ftehimiet dwar l-iffaċilitar tal-viża u r-riammissjoni. L-UE, f'konformità mal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni, ser tieħu wkoll passi gradwali lejn liberalizzazzjoni sħiħa tal-viża bħala għan fit-tul għal pajjiżi msieħba individwali fuq bażi ta' każ b'każ dment li l-kondizzjonijiet għal mobbiltà ġestita b'mod tajjeb u sigura jkunu attwati.

8. Is-Sħubija tal-Lvant għandha l-għan li ssaħħaħ is-sigurtà fl-enerġija permezz ta' kooperazzjoni fir-rigward ta' provvista u transitu stabbli u sigur tal-enerġija fit-tul, inkluż permezz ta' regolamentazzjoni aħjar, effiċjenza fl-enerġija u żieda fl-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Id-dispożizzjonijiet dwar l-interdipendenza fl-enerġija jistgħu jiġu inklużi fi Ftehimiet ġodda ta' Assoċjazzjoni jew arranġamenti bilaterali oħrajn bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba. Il-kooperazzjoni fl-enerġija għandha tieħu kont tat-Tieni Reviżjoni Strateġika tal-UE dwar l-Enerġija u tal-linji politiċi dwar l-enerġija ta' kull pajjiż imsieħeb.

Iffokar fuq kooperazzjoni multilaterali

9. Il-qafas multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant ser jipprevedi attivitajiet ta' kooperazzjoni u djalogu miftuħ u liberu li huma ta' ġid għall-objettivi tal-Isħubija. Hu ser jopera abbażi tad-deċiżjonijiet konġunti tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba. Hu ser jipprovdi forum għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-esperjenza dwar l-passi li ttieħdu mill-pajjiżi msieħba lejn it-transizzjoni, ir-riforma u l-modernizzazzjoni u jagħti lill-UE strument addizzjonali li jakkumpanja dawn il-proċessi. Hu ser jiffaċilita l-iżvilupp ta' pożizzjonijiet komuni u attivitajiet konġunti. Il-qafas multilaterali hu mmirat li jrawwem rabtiet fost il-pajjiżi msieħba stess u ser iservi ta' forum għal diskussjoni dwar żviluppi ulterjuri tas-Sħubija tal-Lvant.

L-approssimazzjoni leġislattiva u regolatorja hija essenzjali għall-progress ta' dawk il-pajjiżi msieħba li jixtiequ jersqu aktar viċin tal-UE. Il-qafas multilaterali ser jipprovdi l-isfond għat-twettiq sistematiku f'dan ir-rigward, inkluż permezz ta' sessjonijiet apposta iddedikati għall-preżentazzjoni u l-ispjegazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-leġislazzjoni u l-istandards tal-UE, kif ukoll għat-tqabbil tagħhom mal-linji politiċi u l-leġislazzjoni nazzjonali.

10. Fil-prinċipju, il-laqgħat bejn il-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tas-Sħubija tal-Lvant ser isiru kull sentejn. Huma għandhom isiru fl-UE u fil-pajjiżi msieħba. Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin ser jiltaqgħu kull sena. Dawn il-laqgħat ta' livell għoli ser ikomplu jmexxu u jiffurmaw is-Sħubija tal-Lvant.

11. L-erba' pjattaformi tematiċi li attwalment qegħdin jiġu organizzati mill-Kummissjoni Ewropea ser jippermettu li jsiru sessjonijiet orjentati lejn l-għanijiet u jservu ta' diskussjonijiet miftuħin u liberi, abbażi tal-oqsma prinċipali ta' kooperazzjoni, notevolment id-Demokrazija, il-governanza tajba u l-istabbiltà; l-Integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza ma' linji politiċi settorjali tal-UE; is-Sigurtà fl-enerġija; u l-Kuntatti bejn in-nies.

12. Il-laqgħat inizjali tal-erba' pjattaformi inizjali ser isiru matul Ġunju 2009. Kull pjattforma ser taddotta sett ta' objettivi ewlenin realistiċi li għandhom jiġu aġġornati perijodikament, bi programm korrispondenti ta' ħidma, u ser tirrevedi l-progress li jkun sar. Il-laqgħat ser isiru tal-inqas darbtejn fis-sena fil-livell tal-uffiċjali b'kariga għolja impenjati fil-ħidma ta' riforma fl-oqsma politiċi rilevanti. Il-pjattaformi ser jirrapportaw lil-laqgħat annwali tal-Affarijiet Barranin. Il-ħidma tal-pjattaformi tista' xi drabi tkun promossa permezz ta' laqgħat Ministerjali speċifiċi għas-setturi. Għandu jkun hemm ukoll bordijiet li jappoġġaw il-ħidma tal-pjattaformi tematiċi f'oqsma speċifiċi.

Il-pajjiżi terzi ser ikunu eliġibbli biex jipparteċipaw fuq bażi ta' każ b'każ fi proġetti konkreti, attivitajiet u laqgħat tal-pjattaformi tematiċi, fejn din tikkontribwixxi għall-objettivi tal-attivitajiet partikolari u l-objettivi ġenerali tas-Sħubija tal-Lvant. L-attivitajiet fi ħdan il-qafas multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant għandhom ikunu volontarji u bbażati fuq il-prinċipji ta' approċċ kooperattiv.

13. Il-parteċipanti tas-Summit ta' Praga jappoġġaw it-tnedija ta' Inizjattivi Ewlenin li ser jagħtu spinta, sustanza konkreta u viżibbiltà addizzjonali lis-Sħubija tal-Lvant u qegħdin jistennew b'interess diskussjoni tal-pjattaformi mill-aktar fis f'dan ir-rigward.

14. Ser jiġu żgurati l-komplimentarjetà mal-inizjattivi reġjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba rilevanti, b'mod partikolari s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed. L-interazzjoni mal-inizjattivi reġjonali l-oħrajn għandha tiġi kkunsidrata fuq bażi ta' każ b'każ.

15. Ir-rappreżentanti għolja tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp attendew s-Summit ta' Praga. Is-Sħubija tal-Lvant ser tinvolvi medda wiesgħa ta' atturi, inklużi l-ministeri u l-aġenziji governattivi, il-parlamenti, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali (bħall-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OECD), l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, is-settur privat, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali fil-qafas tal-pjattaformi multilaterali.

Għalhekk, il-parteċipanti tas-Summit ta' Praga jistiednu lill-parlamentari mill-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba biex iressqu ideat rigward il-proposta tal-Parlament Ewropew biex tiġi stabbilita Assemblea Parlamentari tal-UE u l-Viċinat tal-Lvant (EURO-NEST PA), u lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa u tipproponi modalitajiet għall-istabbiliment ta' Forum għas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant.

Il-parteċipanti jistiednu wkoll lill-Bank Ewropew tal-Investiment biex jaħdem fuq appoġġ għall-investiment fil-qafas tal-mandat tal-Viċinat tal-Lvant favur l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju. Huma jistiednu lill-Bank Ewropew tal-Investiment, lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u lill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn biex jistabbilixxu faċilità konġunta adatta għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju.

Finanzjament

16. F'konformità mad-Dikjarazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant ta' Marzu 2009 adottata mill-Kunsill Ewropew, ser ikun provdut appoġġ finanzjarju akbar mill-Unjoni Ewropea li jkun ta' ġid għall-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant u b'kont meħud tal-progress li sar mill-pajjiżi msieħba individwali. Il-parteċipanti tas-Summit ta' Praga jaqblu li lil hinn mill-assistenza mogħtija mill-Komunità u l-kofinanzjament nazzjonali, l-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant ser teħtieġ riżorsi finanzjarji addizzjonali u għalhekk jappellaw lil donaturi oħrajn, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u s-settur privat biex jipprovdu finanzjament addizzjonali b'appoġġ għar-riformi, l-inizjattivi ewlenin u l-proġetti.

17. Is-Sħubija tal-Lvant għandu jkun fiha approċċ innovattiv li jippromwovi appartenenza konġunta u kooperazzjoni approfondita bejn is-settur pubbliku u dak privat. Appoġġ politiku proattiv u l-inċentivi u l-garanziji tal-UE għas-settur privat għandhom joħolqu l-kondizzjonijiet li jimmotivaw lis-settur privat biex jinvesti fi proġetti konkreti fil-pajjiżi msieħba u għalhekk jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant.

18. Il-parteċipanti tas-Summit ta' Praga jinkoraġġixxu lill-BEI, lill-BERŻ u lill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Internazzjonali l-oħrajn biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jassistu lill-pajjiżi msieħba kollha fil-proċess ta' riforma u modernizzazzjoni u biex jidentifikaw proġetti adatti għall-investiment.

Punti finali

19. Il-parteċipanti tas-Summit ta' Praga jaqblu dwar il-ħtieġa li jippromwovu l-prinċipji ewlenin u l-finijiet tas-Sħubija tal-Lvant fost il-pubbliku, jimmobilizzaw appoġġ lejha u jissensibilizzaw lill-pubbliku. It-tisħiħ tal-viżibbiltà ta' proġetti u attivitajiet konkreti ser iressaq l-inizjattiva aktar viċin taċ-ċittadini.

20. Il-parteċipanti tas-Summit ta' Praga jappellaw lill-Presidenza attwali u dawk li ġejjin tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea biex jintensifikaw l-isforzi konġunti tagħhom mal-pajjiżi msieħba sabiex jiddefinixxu l-iskeda tal-laqgħat ministerjali u dawk tal-uffiċjali b'kariga għolja fi ħdan id-dimensjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant, biex jiddefinixxu l-prijoritajiet tal-attivitajiet tal-pjattaformi tematiċi għall-perijodu 2009-2010, u biex iħejju proposti dwar l-implimentazzjoni bikrija tal-Inizjattivi Ewlenin.

21. Il-parteċipanti tas-Summit ta' Praga jemmnu li r-riżultati tas-Summit ta' Praga u l-istabbiliment tas-Sħubija tal-Lvant ser javvanzaw il-kawża tad-demokrazija, isaħħu l-istabbiltà u l-prosperità, filwaqt li jipprovdu benefiċċji dejjiema u evidenti għaċ-ċittadini tal-istati parteċipanti kollha. Il-parteċipanti tas-Summit ta' Praga ser jaħdmu mill-qrib biex jiksbu l-objettivi previsti minn din id-Dikjarazzjoni Konġunta.


Side Bar