Navigation path

Left navigation

Additional tools

[Graphic in PDF & Word format]




KUNSILL TA'
L-UNJONI EWROPEA

MT
C/08/149
9959/08 (OR. en)
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
2874 laqgħa tal-Kunsill
Ambjent
Lussemburgu, 5 ta’ Ġunju 2008
President Is-Sur Janez PODOBNIK
Ministru ta' l-Ambjent u l-Ippjanar Territorjali tas-Slovenja

Riżultati prinċipali tal-Kunsill
Il-Kunsill kellu dibattiti ta' orjentazzjoni dwar l-aspetti prinċipali tal-pakkett dwar l-azzjoni favur il-klima u l-enerġija rinnovabbli, u dwar proposta mmirata lejn it-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi fl-UE, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.
Il-Kunsill kellu wkoll skambju ta' fehmiet dwar organiżmi modifikati ġenetikament.
Mingħajr diskussjoni, il-Kunsill adotta regolament dwar l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta' kimiki perikolużi.

WERREJ1

PARTEĊIPANTI 4

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

Pakkett dwar l-azzjoni favur il-klima u l-enerġija rinnovabbli 6

Emissjonijiet CO2 mill-karozzi 10

Organiżmi ġenetikament modifikati 11

AFFARIJIET OĦRAJN 12

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

AMBJENT

  • Esportazzjoni u importazzjoni ta' kimiki perikolużi 14
  • Balieni 15

IS-SUQ INTERN

  • Approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur 15

PARTEĊIPANTI

Il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea kienu rappreżentati kif ġej:

Belġju:

Is-Sinjura Hilde CREVITS Ministru Fjamming tax-Xogħlijiet Pubbliċi, l-Enerġija, l-Ambjent u n-Natura

Bulgarija:

Is-Sur Chavdar GEORGIEV Viċi Ministru ta' l-Ambjent u l-Ilma

Repubblika Ċeka:

Is-Sur Jan DUSÍK L-Ewwel Viċi Ministru ta' l-Ambjent, l-Affarijiet Internazzjonali, il-Leġislazzjoni u t-Taqsima ta' l-Amministrazzjoni Pubblika

Danimarka:

Is-Sur Troels Lund POULSEN Ministru ta' l-Ambjent

Is-Sinjura Connie HEDEGAARD Ministru tal-Klima u l-Enerġija

Ġermanja:

Mr Sigmar GABRIEL Ministru Federali ta' l-Ambjent, il-Ħarsien tan-Natura u s-Sigurtà tar-Reatturi

Estonja:

Is-Sur Jaanus TAMKIVI Ministru ta' l-Ambjent

Irlanda:

Is-Sur John GORMLEY Ministru ta’ l-Ambjent, il-Wirt Kulturali u l-Gvern Lokali

Greċja:

Is-Sur Stavros KALOGIANNIS Segretarju ta’ l-Istat għall-Ambjent, l-Ippjanar Reġjonali u x-Xogħlijiet Pubbliċi

Spanja:

Is-Sinjura Elena ESPINOSA MANGANA Ministru ta' l-Ambjent u l-Ambjent Rurali u tal-Baħar

Is-Sur José Ramón GARCIA Ministru ta' l-Ambjent, l-Ippjanar tal-Bliet u tad-Djar tal-Komunità Awtonoma Valensjana

Franza:

Is-Sur Jean-Louis BORLOO Ministru ta' l-Istat, Ministru ta' l-Ekoloġija, l-Enerġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ippjanar tal-Bliet u l-Irħula

Is-Sinjura Nathalie KOSCIUSKO-MORIZET Ministru ta' l-Istat għall-Ministru ta' l-Istat, Ministru ta' l-Ekoloġija, l-Enerġija, l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ippjanar tal-Bliet u l-Irħula, b'responsabbiltà għall-Ekoloġija

Italja:

Is-Sinjura Stefania PRESTIGIACOMO Ministru ta' l-Ambjent u l-Ħarsien ta' l-Art u l-Baħar

Ċipru:

Is-Sur Panicos POUROS Segretarju Permanenti, Ministeru ta' l-Agrikoltura, ir-Riżorsi Naturali u l-Ambjent

Latvja:

Is-Sur Raimonds VÉJONIS Ministru ta' l-Ambjent

Litwanja:

Is-Sur Aleksandras SPRUOGIS Sotto-Segretarju, Ministeru ta' l-Ambjent

Lussemburgu:

Sur Lucien LUX Ministru ta' l-Ambjent, Ministru tat-Trasport

Ungerija:

Is-Sur Lajos OLÁH Ministeru ta' l-Ambjent u r-Riżorsi ta' l-Ilma

Malta:

Is-Sur George PULLICINO Ministru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali

Olanda:

Is-Sinjura Jacqueline CRAMER Ministru tad-Djar, l-Ippjanar Territorjali u l-Ambjent

Awstrija:

Is-Sur Josef PRÖLL Ministru Federali ta’ l-Agrikoltura, il-Foresti, l-Ambjent u r-Riżorsi ta’ l-Ilma

Polonja:

Is-Sur Maciej NOWICKI Ministru ta' l-Ambjent

Portugall:

Is-Sur Humberto ROSA Segretarju ta' l-Istat għall-Ambjent

Rumanija:

Is-Sur Silviu STOICA Segretarju ta' l-Istat, Ministeru ta' l-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli

Slovenja:

Is-Sur Janez PODOBNIK Ministru ta' l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Bliet u l-Irħula

Slovakkja:

Is-Sur Jaroslav JADUŠ Segretarju ta' l-Istat fil-Ministeru ta' l-Ambjent

Finlandja:

Is-Sinjura Paula LEHTOMÄKI Ministru ta' l-Ambjent

Svezja:

Is-Sur Andreas CARLGREN Ministru ta' l-Ambjent

Renju Unit:

Is-Sur Hilary BENN Segretarju ta' l-Istat għall-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali

Kummissjoni:

Is-Sur Stavros DIMAS Membru

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

PAKKETT DWAR L-AZZJONI FAVUR IL-KLIMA U L-ENERġIJA RINNOVABBLI

Il-Kunsill kellu dibattitu pubbliku dwar aspetti prinċipali tal-pakkett leġislattiv dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija rinnovabbli.

Id-dibattitu seħħ abbażi ta' rapport ta' progress tal-Presidenza li jirrifletti s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati (9648/08). L-istess rapport għadda għand il-ministri ta' l-enerġija ta' l-UE fil-laqgħa tagħhom fis-6 ta' Ġunju, partikolarment biex jiġi pprovdut kontribut dwar l-aspetti marbutin ma' l-użu ta' sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli.

Il-Ministri kkonfermaw il-ħtieġa li jinkisbu objettivi ambizzjużi fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima filwaqt li jiġi ppreservat il-potenzjal Ewropew għat-tkabbir ekonomiku.

L-Istati Membri ta' l-UE u l-Kummissjoni saħqu dwar l-importanza li jintlaħaq qbil f'waqtu bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata konverġenza usa' fuq skala globali, fit-tħejjija tal-laqgħa internazzjonali li għandha ssir f'Copenhagen f'Diċembru 2009.

Id-diskussjonijiet ikkonċentraw fuq l-aspetti prinċipali tal-pakkett, jiġifieri:

dwar ir-reviżjoni tas-sistema ta' l-UE għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet (ETS),

  • il-metodu ta' allokazzjoni; id-distribuzzjoni mill-ġdid u l-użu tad-dħul mill-irkant u r-regoli għall-irkantar,
  • ir-riskji ta' "tnixxija tal-karbonju": il-lokazzjoni mill-ġdid ta' industriji b'konsum għoli ta' enerġija barra l-UE,
  • il-limitu madwar l-UE kollha: is-sostituzzjoni tas-sistema attwali ta' pjanijiet ta' allokazzjoni nazzjonali bl-istabbiliment ta' limitu massimu madwar l-UE kollha,
  • is-sena jew il-perijodu ta' referenza li għandha tintuża għad-data ta' emissjonijiet verifikata,
  • ir-riżerva ta' entranti ġodda: kwantità ta' allowances imwarrbin għal entranti ġodda,
  • l-installazzjonijiet żgħar: id-daqs ta' l-installazzjoni biex tkun potenzjalment eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-ETS;

dwar il-kondiviżjoni ta' l-isforz (fost l-Istati Membri fis-setturi li mhumiex koperti mill-ETS),

  • il-kamp ta' applikazzjoni: is-setturi li mhumiex koperti mill-EU ETS,
  • is-sena jew il-perijodu ta' referenza għall-kalkolu tal-miri tat-tnaqqis għal kull pajjiż,
  • il-miri intermedjarji: l-effettività li jintużaw miri intermedjarji indikattivi u obbligatorji;

dwar kwistjonijiet trasversali bejn ir-reviżjoni EU ETS u l-kondiviżjoni ta' l-isforz,

  • il-fattur ta' 20-30 %: klawżola ta' aġġustament li tippermetti l-UE timxi mill-impenn indipendenti ta' 20 % għal mira aktar ambizzjuża li tikkommetti lill-UE għal ftehim internazzjonali futur,
  • il-livell ta' flessibbiltà għall-Istati Membri biex jilħqu l-impenji tagħhom b'mod kost-effiċjenti;

dwar il-qabda u l-ħżin tal-karbonju (CCS),

  • il-permessi għall-ħżin,
  • il-kompożizzjoni tal-livell CO2,
  • it-trasferiment tar-responsabbiltà wara l-għeluq ta' sit għall-ħżin,
  • il-modalitajiet tad-dispożizzjoni tas-sigurtà finanzjarja li għandha ssir mill-applikanti għall-permessi għall-ħżin,
  • il-kondizzjonijiet għal aċċess għan-netwerks tat-trasport,
  • id-disponibbiltà għall-qabda;

dwar il-kriterji ta' sostenibbilta għall-bijokarburanti,

  • il-ħtieġa minima għall-iffrankar ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra,
  • il-kriterji ambjentali u tas-soċjetà,
  • il-metodoloġija għall-kalkolu ta' l-iffrankar ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. Fit-23 ta' Jannar 2008, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta' miżuri implimentattivi għall-objettivi ta' l-UE dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija rinnovabbli.

Il-pakkett fih il-proposti li ġejjin:

  • direttiva li temenda d-direttiva 2003/87/KE sabiex titjieb u tiġi estiża s-sistema ta' l-UE għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ("reviżjoni ta' l-ETS") (5862/08).
  • deċiżjoni dwar l-isforz ta’ l-Istati Membri ta' l-UE biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jilħqu l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa l-2020 ("kondiviżjoni ta' l-isforzi ta' dawk li m'humiex fl-ETS") (5849/08)
  • direttiva dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju ("direttiva CCS") (5835/08)
  • direttiva dwar il-promozzjoni ta' l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli ("direttiva dwar is-sorsi rinnovabbli") (5421/08)

Fir-rebbiegħa ta' l-2007, il-Kunsill Ewropew issottolinja l-ħtieġa għal approċċ integrat għall-politika dwar il-klima u l-enerġija sabiex l-UE tiġi ttrasformata f'ekonomija effiċjenti ħafna fl-enerġija u b'emissjonijiet ta' ġassijiet b'effett serra baxxi (7224/1//07). Għal dan il-għan, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jassumi l-impenji, l-objettivi u l-miri li ġejjin:

  • mira indipendenti ta' l-UE ta' 20 % għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra sa l-2020 meta mqabbel ma' l-1990;
  • tnaqqis ta' 30% fl-emissjonijiet ta' gassijiet serra sa l2012 meta mqabbel ma' l-1990 bħala l-kontribut tagħha għal qbil globali u komprensiv għall-perijodu qabel l-2012 f'każ li pajjiżi żviluppati oħrajn jimpenjaw ruħhom għall-istess tnaqqis u li pajjiżi li qed jiżviluppaw jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu l-gassijiet serra skond il-kapaċitajiet u r-responsabbiltajiet tagħhom;
  • l-iffrankar ta' 20 % mill-konsum ta' l-enerġija ta' l-UE meta mqabbel mat-tbassir għall-2020;
  • sehem ta' 20 % ta' l-enerġiji rinnovabbli fil-konsum ġenerali ta' l-enerġija ta' l-UE sa l-2020;
  • mira minima ta' 10 % għas-sehem tal-bijokarburanti fil-konsum globali tal-petrol u d-diesel għat-trasport ta' l-UE sa l-2020;
  • l-iżvilupp tal-qafas tekniku, ekonomiku u regolatorju meħtieġ biex il-qbid u l-iżolament tad-diossidu tal-karbonju ambjentalment siguri jibdew jintużaw f’impjanti ta’ l-enerġija ġodda bil-karburanti fossili, jekk ikun possibbli sa l-2020.

EMISSJONIJIET CO2 MILL-KAROZZI

Il-Kunsill kellu dibattitu ta' orjentazzoni dwar abbozz ta' regolament immirat lejn l-istabbiliment ta' standards ta' prestazzjoni għall-emissjonijiet mill-karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 mill-vetturi għall-użu ħafif.

Il-Kunsill jirrikonoxxi l-progress miksub matul l-ewwel sitt xhur ta' l-2008, bħala bażi soda għal aktar ħidma. Huwa ssottolinja wkoll l-importanza ta' din il-proposta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Id-dibattitu sar abbażi ta' rapport ta' progress tal-Presidenza li jirrifletti s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati (9343/08).

Id-dibattitu ffoka fuq l-aspetti prinċipali ta' l-abbozz ta' regolament li jinsab fir-rapport ta' progress tal-Presidenza, inkluż il-parametru ta' l-utilità, il-pendenza tal-kurva, is-sistema ta' penali, id-data tal-bidu u l-objettivi għall-perijodu fit-tul.

F'Jannar 2007, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar l-istrateġija Komunitarja biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief.

Il-komunikazzjoni ssottolinjat li filwaqt li sar xi progress lejn il-ksib tal-mira tat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi, l-objettiv Komunitarju ta' medja ta' emissjonijiet ta' 120g CO2/km għall-flotta ta' karozzi ġodda ma kinitx ser tintlaħaq sa l-2012 dment li ma jkunx hemm miżuri addizzjonali. Għalhekk il-komunikazzjoni pproponiet l-adozzjoni ta' approċċ integrat u ħabbret il-preżentazzjoni ta' qafas leġislattiv sabiex jinkiseb l-objettiv Komunitarju bl-iffokar fuq it-tnaqqis obbligatorju ta' emissjonijiet CO2 biex jintlaħaq l-objettiv ta' 130 g CO2/km għall-flotta ġdida medja ta' karozzi billi tittejjeb it-teknoloġija ta' vetturi bil-mutur, u tnaqqis ulterjurti ta' 10 g CO2/km b'titjib teknoloġiku ieħor.

Fl-adozzjoni tal-konklużjonijiet f'Ġunju 2007, il-Kunsill ikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-objettiv ta' medja ta' 120 g CO2/km għall-karozzi ġodda li jinbiegħu fl-UE sa l-2012 (130 g CO2/km għandu jintlaħaq b'titjib fit-teknoloġija tal-vetturi u 10 g CO2/km b'miżuri addizzjonali), filwaqt li jiġu evitati distorsjonijiet u tiġi żgurata ekwità ekonomika u soċjali[1].

Organiżmi ġenetikament modifikati

Il-Kunsill kellu wkoll skambju ta' fehmiet immirati lejn it-titjib tad-dibattitu dwar għadd ta' kwistjonijiet ta' politika marbutin ma' organiżmi modifikati ġenetikament (GMOs).

Maġġoranza kbira ta' delegazzjonijiet ta' l-UE u l-Kummissjoni laqgħu l-kontributi ppreżentati mid-delegazzjoni Franċiża (9615/08) u dik Ungeriża (10254/08), maħsubin biex jipprovdu valur miżjud għad-dibattitu, bil-ħsieb li jiġu esplorati aktar l-aspetti pendenti marbutin ma' GMOs, jiġifieri:

  • it-titjib fi proċeduri għall-evalwazzjoni tal-valutazzjonijiet tar-riskju u għall-funzjonament ta' għarfien espert xjentifiku dwar GMOs, partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni ta' l-ambjent;
  • it-tfassil ta' modi ġodda mmirati lejn ir-rinfurzar tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ta' l-UE, il-Kummissjoni u l-korpi xjentifiċi Ewropej u nazzjonali rilevanti;
  • il-flessibbiltà għall-pajjiżi ta' l-UE biex, fi ħdan approċċ komuni, jelaboraw aħjar il-kontroll tal-GMOs awtorizzati.

Għadd ta' delegazzjonijiet fakkru l-importanza li tiġi kkunsidrata definizzjoni komuni dwar il-limiti ta' l-ittikkettar għaż-żrieragħ tal-GMO fil-livell Ewropew.

Barra minn hekk, xi delegazzjonijiet innotaw ix-xewqa tagħhom biex jittieħed kont ta' l-impatti soċjo-ekonomiċi tal-GMOs.

Id-delgazzjoni Franċiza esprimiet il-ħsieb tagħha li tmexxi 'l quddiem diskussjonijiet dwar dan is-suġġett matul il-Presidenza ta' l-UE li jmiss.

Il-Kunsill kellu wkoll skambju ta' fehmiet fil-laqgħa tiegħu fit-3 ta' Marzu fuq talba tad-delegazzjoni Franċiża (7128/08).

AFFARIJIET OĦRAJN

Il-Kunsill ħa nota ta' l-informazzjoni dwar il-punti li ġejjin:

Abbozz ta' regolament dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi għall-użu tqil (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (5127/08.)

Il-Presidenza pprovdiet informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali ta' din il-proposta (10094/08).

L-abbozz tar-regolament, ippreżentat mill-Kummissjoni Diċembru li għadda, huwa mmirat lejn l-istabbiliment ta' regoli armonizzati dwar il-kostruzzjoni ta' vetturi bil-mutur għall-użu tqil bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern, filwaqt li jiġi pprovdut livell għoli ta' protezzjoni ambjentali fir-rigward ta' emissjonijiet atmosferiċi.

L-eżami tal-fajl ser jitkompla matul il-Presidenza li jmiss, f'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew.

Protezzjoni ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali (6297/07)

Il-Presidenza għarrfet lill-Kunsill dwar qbil fl-ewwel qari milħuq fil-21 ta' Mejju 2008 mal-Parlament Ewropew dwa proposta għal direttiva dwar il-protezzjoni ta' l-ambjent permezz tal-liġi kriminali.

Ladarba tkun adottata formalment miż-żewġ Istituzzjonijiet, id-Direttiva ser tistabbilixxi sett minimu ta' mġiba li għandu jiġi kkunsidrat bħala reati kriminali madwar l-UE kollha meta tkun kontra l-liġi u mwettqa intenzjonalment jew mill-inqas b'negliġenza serja. L-inċitament, l-għajnuna u l-kompliċità ta' tali mġiba ser tiġi kkunsidrata bl-istess mod bħala reat kriminali.

Laqgħat tal-Konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika u tal-protokoll ta' Cartagena dwar il-bijosigurtà (Bonn, 12 sat-30 ta' Mejju 2008)

Il-Kunsill ħa nota ta' l-informazzjoni mogħtija mill-Presidenza (10274/08) u mill-Kummissjoni (10274/08 ADD1) dwar l-eżitu tad-disa' laqgħa ordinarja tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 9) għall-Konvenzjoni dwar id-diversità bijoloġika (CBD) u tar-raba' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-protokoll ta' Cartagena dwar il-bijosigurtà (COP-MOP 4).

Laqgħa tal-Konvenzjoni dwar il-valutazzjoni ta' l-impatt ambjentali f'kuntest transkonfinali (Bucharest, 19-21 ta' Mejju 2008)

Id-delegazzjoni Rumena infurmat lill-Kunsill dwar ir-raba' laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-valutazzjoni ta' l-impatt ambjentali f'kuntest transkonfinali (10218/08).

Progress taħt ir-road map ta' Bali

Il-Kunsill ħa nota ta' l-informazzjoni mill-Presidenza u l-Kummissjoni (10207/08) dwar is-sitwazzjoni internazzjonali attwali rigwad il-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali għal proċess ta' negozjati inklussiv lejn ftehim globali u komprensiv dwar ir-reġim tal-klima post-2012 sa tmiem l-2009.

Eżitu tal-Konferenza "It-tnaqqis tad-differenzi" (Portorož, 14-16 ta' Mejju 2008) (9930/08)

Il-Kunsill ħa nota ta' l-eżitu ta' din il-konferenza fejn intlaħqu konklużjonijiet fi tliet oqsma prinċipali. L-ewwel, il-ħtieġa għal azzjoni urġenti biex jitrażżan il-bdil ambjentali rapidu, li tinvolvi bidla fundamentali fil-politika ekonomika u soċjali dwar l-iżvilupp u l-ippjanar. It-tieni, l-ambjent għandu jitpoġġa fil-qalba tat-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi bl-impenn ta' istituzzjonijiet privati u pubbliċi, kif ukoll it-titjib ta' l-integrazzjoni u l-konnessjonijiet madwar l-attivitajiet u s-setturi kollha. It-tielet, it-titjib tal-komunikazzjoni bejn ix-xjenzati, dawk li jfasslu l-politika, il-politiċi u s-soċjetà kummerċjali u ċivili huwa importanti għall-esplojtazzjoni soċjali u ekonomika sħiħa ta' l-informazzjoni pubblika u d-data, għall-iffaċilitar ta' ekonomija ġdida wiesgħa eko-kummerċjali u biex id-dinja li qed tiżviluppa tkun persważa li l-mudell li ħoloq il-ġid għad-dinja żviluppata mhux sostenibbli għalhekk hija meħtieġa triq differenti għall-futur.

Programm ta' azzjoni għall-implimentazzjoni ta' l-aġenda Territorjali ta' l-UE

Il-Kunsill ħa nota ta' l-informazzjoni pprovduta mill-Presidenza Slovena dwar il-bidu ta' l-implimentazzjoni ta' l-Aġenda Territorjali ta' l-UE u l-ewwel programm ta' azzjoni tagħha (9932/1/08).

Produzzjoni u konsum sostenibbli

Il-Kummissjoni tat informazzjoni dwar it-tħejjijiet li għaddejjin tal-Pjan ta' Azzjoni dwar il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli.

PUNTI OĦRAJN APPROVATI

AMBJENT

Esportazzjoni u importazzjoni ta' kimiki perikolużi

Il-Kunsill adotta regolament dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' kimiki perikolużi bil-ħsieb tat-titjib tal-protezzjoni tas-saħħa umana u l-ambjent fil-livell internazzjonali u partikolarment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (3604/08).

Ir-regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta' ċerti kimiki minn u għall-UE. Huwa jimplimenta wkoll il-Konvenzjoni ta' Rotterdam dwar il-proċedura ta' kunsens informat minn qabel għal ċerti kimiki u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali.

Ir-regolament jipprovdi għal tliet proċeduri differenti li għandhom jiġu applikati mill-esportaturi u l-awtoritajiet nazzjonali, skond l-istatus tal-kimika rispettiva:

  • il-proċedura ta' notifika għall-esportazzjoni għandha tiġi applikata għal kimiki perikolużi li huma pprojbiti jew ristretti severament fl-UE iżda ma jikkwalifikawx għal notifika għall-Konvenzjoni;
  • il-ħtieġa għal kunsens espliċitu tal-pajjiż importatur qabel kwalunkwe esportazzjoni tapplika għal kimiki perikolużi li jikkwalifikaw għal notifika iżda għadhom mhumiex soġġetti għall-Konvenzjoni u
  • il-Konvenzjoni sħiħa qabel m'għandha tiġi applikata proċedura ta' kunsens informat għal kimiki perikolużi soġġetta għall-Konvenzjoni. S'issa, huma koperti 39 kimika iżda l-għadd mistenni jiżdied.

Ir-regolament ġie adottat fl-ewwel qari skond il-proċedura ta' kodeċiżjoni tal-Parlament-KUNSILL.

Balieni

Il-Kunsill adotta deċiżjoni li tistabbilixxi pożizzjoni Komunitarja bil-ħsieb li jiġu ppreservati miżuri ta' konservazzjoni għall-balieni, li għandha tiġi deċiża fil-laqgħa li jmiss tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC).

L-IWC hija l-organizzazzjoni kompetenti rigward il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta' stokkijiet ta' balieni fil-livell globali. Hija ġiet imwaqqfa mill-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni, iffirmata fl-1946.

Attwalment, wieħed u għoxrien Stat Membru ta' l-UE huma partijiet għall-IWC[2]. Il-Komunità Ewropea għandha status ta' osservatur fl-IWC.

Is-sittin laqgħa ta' l-IWC għandha ssir f'Santiago, iċ-Ċili f'Ġunju 2008.

Il-kaċċa kummerċjali għall-balieni ġiet sospiża fl-1986 bħala riżultat ta' moratorju miftiehem mill-maġġoranza tal-pajjiżi rapprażentati fl-IWC.

IS-SUQ INTERN

Approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur

Il-Kunsill iddeċieda li ma jopponix l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' regolament u direttiva li jimplimentaw u jemendaw regoli dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward ta' emissjonijiet minn vetturi ħfief tal-passiġġieri u dawk kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar tiswija u manutenzjoni ta' vetturi.

Skond il-proċedua regolatorja bi skrutinju ta' l-UE, il-Kunsill jista' jopponi l-adozzjni ta' atti legali mill-Kummissjoni, waqt li jiġġustifika l-oppożizzjoni tiegħu billi jindika li:

  • il-miżuri proposti jeċċedu s-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fl-istrument legali bażiku, jew
  • huma mhumiex kompatibbli ma' l-għan jew il-kontenut ta' l-istrument bażiku, jew
  • huma ma jirrispettawx il-prinċipji ta' sussidjarjetà jew proporzjonalità.

Dan jimplika li, sakemm il-Parlament Ewropew jopponihom, il-Kummissjoni tista' tadotta l-atti legali proposti.


[1] http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/07/st11/st11483.en07.pdf

[2] L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit.


Side Bar