Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-2824 Laqgha tal-Kunsill
Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni
Relazzjonijiet esterni

Conseil de l'Europe - PRES/07/227   15/10/2007

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT PL SK SL

[Graphic in PDF & Word format]




KUNSILL TA'
L-UNJONI EWROPEA

MT
C/07/227
13720/07 (Presse 227)
(OR. en)
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA
L-2824 Laqgha tal-Kunsill
Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni
Relazzjonijiet esterni
Lussemburgu, 15-16 ta’ Ottubru 2007
President Is-Sur Luís AMADO
Ministru ta' l-Istat, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin tal-Portugall
* Xi punti ta' relazzjonijiet esterni ġew adottati mingħajr dibattitu fil-laqgħa dwar Affarijiet Ġenerali (13900/07).
Riżultati Prinċipali tal-Kunsill
L-UE tikkundanna bil-qawwa l-attakk brutali fuq dimostranti fil-Burma/il-Mjanmar. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali serja u b'solidarjetà mal-poplu tal-Burma/il-Mjanmar, il-Kunsill iqies meħtieġ li tiżdied il-pressjoni diretta fuq ir-reġim permezz ta' miżuri aktar qawwijin kif ukoll miżuri restrittivi addizzjonali fuq l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet u l-investimenti fis-setturi taz-zkuk u l-injam u t-tħaffir fil-minjieri għall- metalli, minerali, ġebel prezzjuż u semi-prezzjuż. Għalhekk hija ser tadotta pakkett ta' miżuri li ma jagħmlux ħsara lill-popolazzjoni ġenerali iżda li jimmiraw lil dawk responsabbli għall-attakk vjolenti u l-istaġnar politiku ġenerali fil-pajjiż. L-UE hija lesta biex tirrevedi, temenda jew tirrinforza dawn il-miżuri, fid-dawl ta' żviluppi fil-post u r-riżultati tal-Missjoni ta' uffiċji tajba tal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Gambari. Il-Kunsill talab lill-korpi rilevanti biex jelaboraw miżuri restrittivi ulterjuri, inkluż projbizzjoni dwar investimenti ġodda.Il-Kunsill esprima d-determinazzjoni tiegħu biex jassisti aktar lill-poplu tal-Burma/il-Mjanmar fil-mixja tiegħu lejn id-demokrazija, is-sigurtà u l-prosperità.
Il-Kunsill irreveda s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan u esprima tħassib kostanti serju. Fl-istess ħin laqa' xi passi pożittivi. Huwa ddeċieda li jġedded l-embargo fuq l-armi u r-restrizzjonijiet fuq il-viża għal 12-il xahar. Bil-ħsieb li jħeġġeġ lill-awtoritajiet Uzbeki biex jieħdu passi pożittivi biex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-Kunsill iddeċieda li r-restrizzjonijiet fuq il-viża ma jkunux japplikaw għal perijodu ta' sitt xhur, meta l-Kunsill ser jirrevedi jekk l-awtoritajiet Uzbeki għamlux progress lejn ir-rispett ta' serje ta' kondizzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż aċċess mingħajr ostakoli għal priġunieri, l-operat ta' NGOs mingħajr restrizzjoniieit u r-rilaxx tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem.
Il-Kunsill iddeċieda li l-UE ser twettaq operazzjoni militari li tgħaqqad fiċ-Ċad tal-Lvant u fil-Grigal tar-Repubblika Ċentru Afrikana (UEFOR RCHAD/RCA )fil-qafas tal-politika Ewropea ta' sigurtà u ta' difiża Ewropea. Dan isegwi l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1778(2007), li tapprova l-iżvilupp fiċ-Ċad u l-CAR ta' preżenza multidimensjonali u tawtorizza l-UE biex tipprovdi l-element militari. Billi jindirizza d-dimensjoni reġjonali tal-kriżi fid-Darfur, l-iskjerament ta' l-UEFOR TCHAD/RCA u l-missjoni tal-pulizija tan-NU, flimkien ma' l-UNAMID fis-Sudan, huwa pass kruċjali biex tiġi ffaċilitata soluzzjoni fit-tul għall-konflitt fid-Darfur.
Il-Kunsill laqa' l-firma tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tal-Ftehim Interim mal-Montenegro bħala pass importanti tal-pajjiż fi triqtu lejn l-UE. Il-Laqgħat kienu ffirmaatti fil-15 ta' Ottubru fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill:
Dwar il-Libja, il-Kunsill esprima s-sodisfazzjon tiegħu bil-konklużjoni tal-każ tal-persunal mediku Bulgaru f'rabta ma' l-infezzjoni bl-HIV-AIDS f'Bengażi. Waqt li għaraf il-potenzjal ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Libja f'bosta oqsma ta' interess komuni, il-Kunsill qabel li l-UE u l-Libja għandhom mill-iktar fis possibbli jiftħu diskussjonijiet dwar ftehim kwadru UE-Libja li jinkludi oqsma ta' interess reċiproku, bħad-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni fost oħrajn, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' direttivi ta' negozjar għal dan l-għan skond il-prinċipji fundamentali li jispiraw il-politika barranija ta' l-Unjoni Ewropea.

WERREJ1

PARTEĊIPANTI 5

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

RELAZZJONIJIET MAR-RUSSJA 7

UZBEKISTAN - Konklużjonijiet tal-Kunsill 8

IĊ-ĊAD/IR-REPUBBLIKA ĊENTRU-AFRIKANA/SUDAN - Konklużjonijiet tal-Kunsill 10

IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-KONGO 13

BURMA/MJANMAR - Konklużjonijiet tal-Kunsill 14

IRAN - Konklużjonijiet tal-Kunsill 17

ŻIMBABWE 19

RELAZZJONIJIET MAL-BALKANI TAL-PUNENT - Konklużjonijiet tal-Kunsill 20

LIBJA - Konklużjonijiet tal-Kunsill 22

IRAQ - Konklużjonijiet tal-Kunsill 23

LVANT NOFSANI 26

Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani - Konklużjonijiet tal-Kunsill 26

Libanu - Konklużjonijiet tal-Kunsill 27

AFFARIJIET OĦRAJN 29

Relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi AKP 29

AVVENIMENTI FIL-MARĠINI TAL-KUNSILL 30

L-iffirmar tal-FSA u tal-ftehim interim mal-Montenegro 30

Laqgħat ma' l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja 30

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

none

PARTEĊIPANTI

Il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea kienu rappreżentati kif ġej:

Belġju:

Is-Sur Karel DE GUCHT Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Bulgarija:

Is-Sur Ivailo KALFIN Deputat Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Repubblika Ċeka:

Is-Sur Alexandr VONDRA Deputat Prim Ministru responsabbli għall-Affarijiet Ewropej

Is-Sur Karel SCHWARZENBERG Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Danimarka:

Is-Sur Per Stig MøLLER Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Ġermanja:

Is-Sur Frank-Walter STEINMEIER Ministeru Federali ta' l-Affarijiet Barranin

Estonja:

Is-Sur Urmas PAET Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Irlanda:

Is-Sur Dermot AHERN Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Greċja:

Is-Sinjura Dora BAKOYANNI Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Is-Sur Ioannis VALINAKIS Segretarju ta' l-Istat għall-Affarijiet Barranin

Spanja:

Is-Sur Miguel Ángel MORATINOS Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni

Franza:

Is-Sur Bernard KOUCHNER Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u Ewropej

Italja:

Is-Sur Massimo D'ALEMA Deputat Prim Ministru, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Ċipru:

Is-Sinjura Erato KOZAKOU-MARCOULLIS Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Latvja:

Is-Sur Artis PABRIKS Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Litwanja:

Is-Sur Petras VAITIEKŪNAS Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Lussemburgu:

Is-Sur Jean ASSELBORN Deputat Prim Ministru, Ministru responsabbli għall-Affarijiet Barranin u l-Immigrazzjoni

Ungerija:

Is-Sinjura Kinga GÖNCZ Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Malta:

Is-Sur Richard CACHIA CARUANA Rappreżentant Permanenti

Olanda:

Is-Sur Maxime VERHAGEN Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Is-Sur Frans TIMMERMANS Ministru ta' l-Affarijiet Ewropej

Awstrija:

Is-Sinjura Ursula PLASSNIK Ministru Federali ta' l-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali

Polonja:

Is-Sinjura Anna Elżbieta FOTYGA Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Portugall:

Is-Sur Luís AMADO Ministro de Estado, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Is-Sur Manuel LOBO ANTUNES Segretarju ta' l-Istat ta' l-Affarijiet Ewropej, marbut mal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin

Rumanija:

Is-Sur Adrian CIOROIANU Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Slovenja:

Is-Sur Dimitrij RUPEL Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Slovakkja:

Is-Sur Ján KUBIŠ Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Finlandja:

Is-Sur Ilkka KANERVA Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Is-Sinjura Astrid THORS Ministru tal-Migrazzjoni u l-Affarijiet Ewropej

Svezja:

Is-Sur Carl BILDT Ministru ta' l-Affarijiet Barranin

Is-Sinjura Cecilia MALMSTRÖM Ministru ta' l-Affarijiet Ewropej

Renju Unit:

Is-Sur David MILIBAND Segretarju ta' l-Istat għall-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth

Is-Sur Jim MURPHY Ministru ta' l-Istat għall-Ewropa

Kummissjoni:

Is-Sur Olli REHN Membru

Is-Sur Louis MICHEL Membru

Is-Sinjura Benita FERRERO-WALDNER Membru

Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill:

Is-Sur Javier SOLANA Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-PESK

PUNTI LI ĠEW DISKUSSI

RELAZZJONIJIET MAR-RUSSJA

Il-Kunsill iddiskuta t-tħejjijiet għas-summit UE-Russja li ser isir f'Mafra, il-Portugall fis-26 ta' Ottubru, l-20 wieħed li ser isir skond il-Ftehim ta’ Partenarjat u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja.

L-aġenda għas-summit hija mistennija li tinkludi s-sitwazzjoni fl-UE u fir-Russja; mill-progress dwar l-erba' "spazji komuni" ta' l-UE-Russja[1] u perspettivi futuri għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; u kwistjonijiet internazzjonali u reġjonali, li jinkludu l-Kosovo, il-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, l-Iran, l-Afganistan u l-Moldova.

Id-diskussjonijiet huma mistennija li jinkoraġġixxu l-isforzi kontinwi li jgħinu biex tinstab soluzzjoni għall-projbizzjonijiet ta' l-importazzjonijiet Pollakki sabiex jippermettu li jibdew negozjati dwar ftehim qafas ġdid għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja.

UZBEKISTAN - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. Il-Kunsill jibqa' mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uzbekistan u f'dan is-sens ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu mniżżla fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill preċedenti.

2. Il-Kunsill jilqa' r-rieda li kibret ta' l-awtoritajiet Uzbeki li jipparteċipaw fi djalogu ma' l-UE, u l-iżviluppi pożittivi li seħħew fir-relazzjonijiet UE-Uzbekistan matul din is-sena: iż-żamma ta' żewġ ċikli ta' taħditiet esperti dwar il-ġrajjiet f'Andijan u l-ewwel ċiklu ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Uzbekistan; l-impenn mill-awtoritajiet Uzbeki biex ikomplu dan id-djalogu fuq bażi regolari; u r-rilaxx kundizzjonali tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem is-Sinjura Niazova u s-Sinjura Turaeva. Il-Kunsill jilqa' t-tneħħija riċenti tal-piena tal-mewt fl-Uzbekistan u l-introduzzjoni tal-habeas corpus fil-liġi Uzbeka u jħares 'il quddiem għall-implimentazzjon ta' dawn il-miżuri.

3. Il-Kunsill itenni x-xewqa tiegħu li jmexxi djalogu komprensiv ma' l-Uzbekistan f'numru ta' oqsma. Huwa jħares 'il quddiem għal aktar kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' l-UE dwar l-Asja Ċentrali, li għandha tipprovdi spinta ġdida għar-relazzjonijiet ta' l-UE ma' l-Uzbekistan. L-UE hija lesta li tiżviluppa djalogu politiku sostanzjali u li ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' l-Uzbekistan fl-oqsma kollha identifikati fl-Istrateġija, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, ir-riforma ġudizzjarja u tal-ħabs, l-edukazzjoni, ir-riforma kummerċjali u ekonomika, l-enerġija, il-bidla fil-klima u l-ġestjoni ta’ l-ilma u s-sigurtà, kif ukoll kwistjoniet internazzjonali importanti.

4. Il-Kunsill jappella lill-awtoritajiet Uzbeki biex jagħmlu aktar progress fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa jħeġġeġ lill-Uzbekistan biex jimplimenta b'mod sħiħ l-obbligi internazzjonali tiegħu li jirrelataw mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari, biex ikun permess aċċess sħiħ mingħajr ostakoli għal priġunieri minn korpi rilevanti; biex jikkomunika b'mod effettiv mar-Relaturi Speċjali tan-NU għall-Uzbekistan; biex iħalli lill-NGOs kollha, inkluż il-Human Rights Watch, joperaw fl-Uzbekistan; biex jirrilaxxa lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mid-detenzjoni u jtemm il-molestja tagħhom; biex jikkomunika b'mod pożittiv dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-Kumitat ta' Kooperazzjoni EU-Uzbekistan li ġej. Ir-riforma tal-ġudikatura u l-infurzar tal-liġi mill-pulizija għandhom jitkomplew. Il-progress lejn dawn l-għanijiet għandu jkun evalwat fuq il-bażi ta' rapport mill-Kapijiet tal-Missjonijiet, li għandu jinkludi valutazzjoni ta' l-elezzjonijiet Presidenzjali li ġejjin.

5. Il-Kunsill iddeċieda li jġedded għal perijodu ta' 12-il xahar l-embargo fuq l-armi stabbilit fil-Pożizzjoni Komuni 2006/787/PESK u r-restrizzjonijiet fuq il-viża għall-individwi elenkati fl-anness tal-Pożizzjoni Komuni 2007/338/PESK. Bil-għan li jħeġġeġ lill-awtoritajiet Uzbeki biex jieħdu passi pożittivi biex itejbu s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u b'kont meħud ta' l-impenji tagħhom, il-Kunsill iddeċieda li r-restrizzjonijiet fuq il-viża ma jkunux japplikaw għal perijodu ta' sitt xhur, meta l-Kunsill ser jirrevedi jekk l-awtoritajiet Uzbeki għamlux progress lejn ir-rispett tal-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 ta' dawn il-Konklużjonijiet. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li japplika r-restrizzjonijiet fuq il-viża aktar qabel jekk meħtieġ, fid-dawl ta' l-azzjonijiet ta' l-awtoritajiet Uzbeki fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa lest ukoll li jirtira l-miżuri ristrettivi kollha ladarba l-Uzbekistan jissodisfa l-kondizzjonijiet imniżżlin f'dawn il-konklużjonijiet tal-Kunsill u f'dawk ta' qabel. Il-Kunsill lest ukoll jgħin lill-Uzbekistan biex jissodisfa dawn l-objettivi."

IĊ-ĊAD/IR-REPUBBLIKA ĊENTRU-AFRIKANA/SUDAN - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. L-UE tappoġġa bil-kbir l-isforzi kontinwi tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-Unjoni Afrikana (UA) biex isolvu l-kunflitt fid-Darfur f'approċċ komprensiv u reġjonali. Wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1778 (2007), li tapprova l-iskjerament fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana ta' preżenza multidimensjonali u tawtorizza lill-UE biex tipprovdi element militarji tagħha, l-UE ser twettaq operazzjoni militari li tgħaqqad fiċ-Ċad tal-Lvant u fil-Grigal tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR TCHAD/RCA) fil-qafas tal-Politika Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiza, għal perijodu ta' sena mid-data li fiha l-kapaċità operattiva inizjali tagħha tiġi dikjarata. Dan l-iskjerament intlaqa' kemm mill-gvernijiet taċ-Ċad kif ukoll mir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Billi jindirizza d-dimensjoni reġjonali tal-kriżi fid-Darfur, l-iskjerament ta' l-UEFOR TCHAD/RCA u l-missjoni tal-pulizija tan-NU, flimkien ma' l-UNAMID fis-Sudan, huwa pass kruċjali biex tiġi ffaċilitata soluzzjoni fit-tul għall-konflitt fid-Darfur.

2. Il-Kunsill jilqa' l-ħatra tal-Logutenent Ġenerali (IE) Patrick Nash bħala l-Kmandant ta' l-Operazzjoni u l-Brigadier Ġenerali (FR) Jean-Philippe Ganascia bħala l-Kmandant tal-Forza. Il-Kwartier Ġenerali ta' l-Operazzjoni ta' l-UEFOR RCHAD/RCA ser ikunu jinsabu f'Mont Valérien (Franza). Il-Kunsill jissottolinja r-rieda tiegħu li jimpenja l-mezzi meħtieġa, sabiex jippermetti lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni biex iwettaq il-mandat tiegħu bil-forzi u l-kapaċitajiet meħtieġa.

3. L-iskjerament ta' l-EUFOR TCHAD/RCA huwa espressjoni konkreta ta' l-impenn ta' l-UE biex taħdem attivament għat-titjib tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fiċ-Ċad tal-Lvant u fil-Grigal tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, billi tikkontribwixxi għall-protezzjoni tar-refuġjati u l-persuni spostati internament, tiffaċilita l-għoti ta' għajnuna umanitarja, tgħin fil-ħolqien tal-kondizzjonijiet għall-persuni spostati biex jirritornaw lejn il-postijiet ta' oriġini tagħhom b'mod volontarju, kif ukoll billi tikkontribwixxi biex tiżgura s-sigurtà u l-libertà ta' ħidma tal-MINURCAT. L-EUFOR TCHAD/RCA ser jitwettaq f'konsultazzjoni ma' l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati. L-operazzjoni ser titwettaq b'indipendenza, imparzjalità u newtralità sħiħa. L-ippjanar ta' l-operazzjoni ser ikompli jseħħ b'kooperazzjoni sħiħa man-NU u f'konsutlazzjoni ma' l-imsieħba Afrikani. Kontributuri potenzjali minn pajjiżi terzi qed jiġu kkonsultati wkoll.

4. L-istabbiliment ta' l-EUFOR TCHAD/RCA jifforma parti minn sforz komprensiv ta' l-UE biex jissaħħaħ l-appoġġ għar-refuġjati u l-persuni spostati fiċ-Ċad u r-Repubblika Ċentru-Afrikana, inkluż permezz ta' għajnuna umanitarja kontinwa għaż-żewġ pajjiżi u l-finanzjament ta' xogħol sostanzjali ta' riabilitazzjoni u rikostruzzjoni fiż-żoni ta' ritorn għall-persuni spostati. F'dan il-kuntest, il-Kunsill jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timplimenta programmi ta' transizzjoni ta' rkupru u riabilitazzjoni, li jkopru attivitajiet orjentatati għar-rikonċiljazzjoni, appoġġ għar-ritorn volontarju tal-persuni spostati internament u għar-riabilitazzjoni fil-postijiet ta' oriġini tagħhom, u appoġġ għall-governanza lokali. Fiċ-Ċad, il-Kummissjoni ser tikkontribwixxi sostanzjalment għall-programm tan-NU għall-istabbiliment tal-Forza tal-Pulizija tan-NU, li ser tħarreġ u tgħammar lill-uffiċjali tal-pulizija taċ-Ċad kif ukoll tiskjerahom fil-kampijiet tar-refuġjati u tal-persuni spostati internament fiċ-Ċad tal-Lvant.

5. Il-Kunsill iħeġġeġ lill-Istati kollha fir-reġjun, b'mod partikolari s-Sudan, iċ-Ċad u r-Repubblika Ċentru-Afrikana, biex jaħdmu sabiex jippromwovu l-istabbiltà reġjonali u jiżguraw is-sigurtà tul il-fruntieri komuni tagħhom, u b'mod partikolari biex jirrispettaw l-impenn tagħhom li ma jappoġġawx movimenti ribelli li joperaw mit-territorju tagħhom kontra wieħed mill-pajjiżi l-oħrajn. Bl-istess mod, l-UE tappella lis-Sudan u liċ-Ċad biex jintensifikaw l-isforzi sabiex jinnormalizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom, skond il-ftehim ta' Tripoli u ta' Riyadh. L-UE tilqa' r-rwol kostruttiv ta' partijiet reġjonali oħrajn inklużi l-Libja u l-Għarabja Sawdija, u tħeġġihom ikomplu sejrin hekk. Il-Kunsill jappella wkoll lill-istati fir-reġjun biex jippromwovu l-paċi interna u r-rikonċiljazzjoni. F'dan ir-rigward, huwa jilqa' l-iżviluppi reċenti dwar id-djalogu politiku intern fiċ-Ċad u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex isegwu l-proċess demokratiku.

6. Il-Kunsill ifakkar li l-paċi sostenibbli tkun possibbli biss meta jintlaħaq b'suċċess arranġament politiku b'mod ġenerali aċċettabbli fid-Darfur għas-Sudan. Sabiex is-Sudan ikollu l-paċi u jibqa' magħqud, il-Ftehim Komprensiv għall-Paċi (FKP) jeħtieġ li jkun implimentat bis-sħiħ. Filwaqt li jinnota l-progress miksub s'issa, il-Kunsill jinnota bi tħassib li l-implimentazzjoni ta' xi dispożizzjonijiet ta' l-FKP ġew ripetutament posposti u jħeġġeġ lill-partijiet biex ikabbru l-isforzi tagħhom sabiex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tagħhom. F'dan ir-rigward, il-Kunsill huwa mħasseb serjament dwar id-dikjarazzjoni reċenti mill-SPLM biex iwaqqaf il-parteċipazzjoni tiegħu fil-Gvern ta' Unità Nazzjonali u jappella lill-partijiet kollha biex jissoktaw fl-implimentazzjoni tal-FKP, li huwa ta' importanza fundamentali għall-futur tas-Sudan.

7. Il-Kunsill jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar u jikkundanna b'saħħa l-livelli ta' vjolenza li qed jiżdiedu fid-Darfur, u b'mod partikolari l-attakk tal-biża' fuq il-Forzi ta' l-UA għaż-żamma tal-paċi f'Haskanita, li sussegwentement ġiet maħruqa u ssakkeġġjata. Il-Kunsill jitlob lill-partijiet kollha biex iwaqqfu l-vjolenza kollha u jikkommettu ruħhom għal waqfien inkondizzjonat, effettiv u verifikabbli ta' l-ostilitajiet bħala kondizzjoni neċessarja biex il-proċess politiku jirnexxi. Hija lesta li tikkunsidra miżuri ulterjuri, b'mod partikolari fil-qafas tan-NU, għall-iżgurar ta' kunsinni umanitarji u tal-protezzjoni taċ-ċivili. Fir-rigward tal-qtil tal-membri tal-forzi għaż-żamma tal-paċi ta' l-UA, il-Kunsill jappella lill-Kummissjoni għall-Waqfien mill-Ġlied biex tinvestiga l-attakk bis-sħiħ u biex tagħmel mezz li dawk li huma responsabbli jwieġbu għal għemilhom. Dan l-inċident jenfasizza wkoll il-bżonn għal skjerament urġenti tal-pakkett ta' appoġġ tan-NU għall-AMIS u għall-ANAMID. Waqt li esprima l-apprezzament tiegħu għall-kontributi kollha li ġew imwiegħda lill-UNAMID, il-Kunsill jappella għal aċċellerazzjoni ta' l-isforzi attwali għal dan il-għan, u b'mod partikolari jħeġġeġ lill-gvern Sudaniż biex jagħti l-kollaborazzjoni sħiħa tiegħu lin-NU u lill-UA biex jiżguraw li l-UNAMID ikun skjerat kemm jista' jkun malajr. Il-Kunsill itenni d-disponibbiltà tiegħu li jikkunsidra aktar miżuri, b'mod partikolari fil-qafas tan-NU, kontra kwanunkwe parti li tostakola l-implimentazzjoni tal-pakkett ta' appoġġ tan-NU u l-iskjerament ta' l-UNAMID.

8. Il-Kunsill jilqa' l-eżitu tal-Laqgħa ta' Livell Għoli dwar id-Darfur li saret fi New York fil-21 ta' Settembru bħala espressjoni ta' l-impenn kondiviż tal-komunità internazzjonali biex taħdem lejn paċi dejjiema fid-Darfur. Huwa jtenni l-appoġġ tiegħu għall-medjazzjoni taħt il-patroċinju tan-NU u l-UA u jistenna bil-ħerqa l-bidu tat-taħditiet fis-27 ta' Ottubru. L-UE tikkonferma d-disponibbiltà tagħha li tipprovdi kull appoġġ possibbli għat-taħditiet, inkluż permezz ta' kontributi għall-Fond Fiduċjarju, u tilqa' wkoll l-impenji li diġà saru mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Konformi mar-Riżoluzzjoni 1591 tal-Kunsill ta' Sigurtà, il-Kunsill ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li kwalunkwe parti li tonqos milli taħdem b'mod kostruttiv fil-proċess ta' paċi għandha tiġi kkonsidrata bħala ostakolu għall-paċi u li huwa ser jippromwovi aktar miżuri xierqa kontriha, b'mod partikolari fil-qafas tan-NU.

*

* *

Il-Kunsill adotta azzjoni konġunta dwar Operazzjoni EUFOR TCHAD/RCA.

L-operazzjoni ser tkopri perijodu ta' sena.

Il-Logutenent Ġenerali Patrick NASH (Irlanda) inħatar Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE. Il-Brigadier Ġenerali Jean-Philippe GANASCIA nħatar il-Kmandant tal-Forza ta' l-UE.

Il-Kwartieri Ġenerali ta' l-Operazzjoni ta' l-UE ser ikunu f'Mont Valérien (Franza).

IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TAL-KONGO

Il-Kunsill iddiskuta l-iżviluppi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fid-dawl tad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Lvant tal-pajjiż, b'mod partikolari fil-Kivu tat-Tramuntana.

Fil-15 ta' Ottubru, il-Presidenza, f'dikjarazzjoni f'isem l-UE (ara dokument 13949/07) esprimiet tħassib serju dwar il-kontinwazzjoni tal-vjolenza u l-instabbiltà hemm hekk. Hija appellat lill-partijiet kollha involuti biex iwaqqfu l-ġlied minnufih sabiex jipprevjenu eskalazzjoni militari u biex jevitaw deterjorazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni umanitarja fil-post.

BURMA/MJANMAR - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. L-UE tikkundanna bil-qawwa l-attakk brutali fuq dimostranti fil-Burma/il-Mjanmar. Hija tfakkar fid-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħha fejn hija ħeġġet lill-awtoritajiet Burmiżi biex jeżerċitaw trażżin fil-konfront tal-protesti paċifiċi. L-UE jiddispjaċiha li dawn l-appelli ġew injorati u jiddispjaċiha li l-arresti tkomplew matul dawn l-aħħar jiem.

2. L-UE titlob li l-awtoritajiet iwaqqfu immedjatament ir-ripressjoni u l-intimidazzjoni vjolenti kollha u li jirrilaxxaw lil dawk kollha arrestati sa minn nofs Awissu, kif ukoll lil Daw Aung San Suu Kyi u lill-priġunieri politiċi l-oħrajn kollha.

3. L-UE tilqa' d-dikjarazzjoni Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-11 ta' Ottubru dwar il-Burma/il-Mjanmar. L-UE tappoġġa bil-qawwa l-azzjonijiet min-NU, b'mod partikolari tal-missjoni ta' bon offiċji tal-Mibgħut Speċjali tan-NU Ibrahim Gambari. L-UE tappoġġa l-impenn attiv ulterjuri tan-NU, inkluż mill-Kunsill ta' Sigurtà. L-UE tistenna bil-ħerqa żjara ġdida mill-Mibgħut Speċjali fil-ġimgħat li ġejjin.

4. L-UE tilqa' s-sessjoni speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-adozzjoni b'kunsens ta' Riżoluzzjoni li tikkundanna bil-qawwa r-ripressjoni vjolenta kontinwa u li tħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burma/il-Mjanmar biex jiżguraw rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

5. L-UE tappella wkoll lill-gvern biex jiżvela informazzjoni dwar fejn jinsabu dawk arrestati sa minn nofs Awissu u biex jippermetti lill-aġenziji internazzjonali aċċess għalihom. L-UE tappella wkoll għal investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali dwar l-imwiet forst id-dimostranti kif ukoll dwar ksur ieħor serju u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, u biex dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom. F'dan ir-rigward, l-UE tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jikkooperaw bis-sħiħ mar-Relatur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Mjanmar, Sergio Pinheiro, inkluż permezz tal-faċilitazzjoni urġenti ta' żjara tiegħu fil-Burma/il-Mjanmar.

6. F'konformità mad-dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-25 ta' Settembru u fid-dawl tas-serjetà tas-sitwazzjoni attwali u b'solidarjetà mal-poplu tal-Burma/il-Mjanmar, l-UE tqis meħtieġ li żżid pressjoni diretta fuq ir-reġim permezz ta' miżuri iżjed qawwija kif ukoll il-miżuri restrittivi addizzjonali li ġejjin: projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta' tagħmir għas-settur taz-zkuk u l-injam u għas-settur tat-tħaffir fil-minjieri għal metalli, minerali, ġebel prezzjuż u semi prezzjuż; projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta' prodotti tas-setturi msemmija hawn fuq; u projbizzjoni fuq l-investiment f'dawn is-setturi. Għalhekk hija ser tadotta pakkett ta' miżuri li ma jagħmlux ħsara lill-popolazzjoni ġenerali iżda li jimmiraw lil dawk responsabbli għall-attakk vjolenti u l-istaġnar politiku ġenerali fil-pajjiż. L-UE hija lesta biex tirrevedi, temenda jew tirrinforza dawn il-miżuri, fid-dawl ta' żviluppi fil-post u r-riżultati tal-Missjoni ta' Bon Offiċji tal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Burma/il-Mjanmar is-Sur Ibrahim Gambari. Il-Kunsill jitlob lill-korpi rilevanti biex jelaboraw miżuri restrittivi ulterjuri, inkluż projbizzjoni dwar investimenti ġodda.

7. L-UE tikkonferma l-kontinwazzjoni tal-programmi ta' għajnuna umanitarja sostanzjali tagħha mmirati lejn il-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli tal-Burma/il-Mjanmar u r-refuġjati Burmiżi fil-pajjiżi ġirien. L-UE hija lesta li żżid din l-assistenza, soġġetta għal aktar valutazzjonijiet tas-sitwazzjoni umanitarja. F'dan il-kuntest, l-UE tħeġġeġ lill-gvern biex iħalli toroq miftuħa għall-għoti ta' assistenza u tappella lill-awtoritajiet biex jikkooperaw ma' atturi internazzjonali f'dan ir-rigward.

8. L-UE tilqa' l-kundanna unanima ta' l-iżviluppi u l-isforzi mill-ASEAN u l-ġirien tal-Burma/il-Mjanmar biex jinfluwenzaw b'mod pożittiv lill-awtoritajiet Burmiżi. Minħabba li s-sitwazzjoni teħtieġ impenn sostnut tan-NU u l-appoġġ tal-komunità internazzjonali u ta' l-atturi reġjonali kollha, l-UE tinkoraġġixxi lill-ġirien kollha tal-Burma biex iżommu pressjoni għal proċess ta' riforma parteċipatorju sħiħ u kredibbli.

9. L-UE tħeġġeġ lill-awtoritajiet Burmiżi biex jirrikonoxxu li r-ritorn għas-sitwazzjoni ta' qabel id-dimostrazzjonijiet riċenti hija kemm inaċċettabbli kif ukoll insostenibbli. Huwa biss proċess ġenwin ta' riforma u rikonċiljazzjoni interna bl-involviment ta' l-oppożizzjoni li jista' jwassal għal stabbiltà, demokrazija u prosperità fil-pajjiż. L-UE tappoġġa passi lejn proċess inklużiv tali li jwassal lejn id-demokrazija, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.

10. L-UE għal darb'oħra tesprimi r-rieda tagħha li tassisti lill-Burma/il-Mjanmar fil-proċess ta' transizzjoni tagħha. L-UE jiddispjaċiha li l-Gvern Burmiż s'issa għamel dan impossibbli. Jekk is-sitwazzjoni titjieb, l-UE hija lesta li tirrevedi l-miżuri restrittivi, li timpenja ruħha mal-Burma fl-iżvilupp tagħha u li ssib oqsma ġodda ta' kooperazzjoni.

11. L-UE hija determinata li tassisti aktar lill-poplu tal-Burma/il-Mjanmar fil-mixja tiegħu lejn id-demokrazija, is-sigurtà u l-prosperità."

IRAN - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. Il-Kunsill itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża. Il-Kunsill afferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-isforzi biex tinstab soluzzjoni negozjata għal terminu twil għall-kwistjoni nukleari Iranjana. Il-Kunsill ta l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tar-Rappreżentant Għoli f'isem l-UE u l-komunità internazzjonali biex iħeġġeġ l-Iran jerġa' lura għal taħdidiet dwar arranġamenti għal perijodu fit-tul

2. Il-Kunsill issottolinja l-impenn kontinwu tiegħu għall-pakkett komprensiv propost lil-Iran f' Ġunju 2006. Dan il-pakkett, fost bosta elementi, jafferma mill-ġdid id-dritt ta' l-Iran biex jiżviluppa enerġija nukleari f'konformità ma' l-obbligi tiegħu taħt l-NPT u nkluda appoġġ attiv biex jinbnew Reatturi ta' l-Enerġija b'Ilma Ħafif bl-użu ta' teknoloġija l-iżjed avvanzata. L-Iran għadu jista' jagħżel li jerġa' jidħol f'negozjati fuq dik il-bażi, skond l-approċċ fuq żewġ binarji.

3. Il-Kunsill laqa' l-ftehim bejn l-Iran u l-IAEA biex ikunu risolti l-kwistjonijiet kollha dwar l-attivitajiet nukleari tal-passat ta' l-Iran u nnota li implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-pjan ta' ħidma IAEA mill-Iran, kif interpretat mir-rapport tad-Direttur Ġenerali, tikkostitwixxi pass sinfikanti 'l quddiem. Kif iddikjarat fir-rapport tad-Direttur Ġenerali ta' l-IAEA, kunfidenza fin-natura esklussivament paċifika tal-programm nukleari ta' l-Iran teħtieġ li l-Aġenzija tkun tista' tipprovdi assigurtajiet dwar in-nuqqas ta' materjal nukleari u attivitajiet mhux iddikjarati, permezz ta' l-implimentazzjoni tal-Protokoll Addizzjonali u miżuri ta' trasparenza meħtieġa. Il-Kunsill ħeġġeġ l-Iran biex jimplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Komprensiv ta' Salvagwardja, inkluż l-arranġamenti sussidjarji tiegħu, jimplimenta l-Protokoll Addizzjonali sar-rataifika tiegħu, u jipprovdi lill-Aġenzija l-informazzjoni kollha u l-kooperazzjoni mitluba. Barra minn dan, il-Kunsill esprima t-tama tiegħu li d-Direttur Ġenerali ta' l-IAEA jkun jista' juri, fir-rapport tiegħu f' Novembru, eżit pożittiv ta' l-isforzi tiegħu skond il-ħtiġiet tal-pjan ta' ħidma miftiehem ma' l-Iran.

4. Il-Kunsill iddispjaċih li l-Iran ma kkonformax mas-sejħa unanima tal-komunità internazzjonali biex tiġi sospiża l-attività kollha relatata ma' l-arrikkiment u ma aċċettax l-offertà ta' negozjar. Il-Kunsill afferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għar-Riżoluzzjonijiet 1696, 1737 u 1747 tal-Kunsill tas-Sigurtà u ssottolinja li l-Kunsill tas-Sigurtà kien esprima l -intenzjoni tiegħu fir-Riżoluzzjonijiet 1737 u 1747 li jadotta miżuri xierqa ulterjuri taħt l-Artikolu 41, il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU jekk l-Iran jerġa' jonqos milli jissospendi l-attivitajiet tiegħu ta' arrikkiment. Il-Kunsill laqa' d-dikjarazzjoni tat-28 ta' Settembru mill-Ministri Barranin ta' Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, iċ-Ċina, ir-Russja u l-Istati Uniti bl-appoġġ tar-Rappreżentant Għoli ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill qabel li l-UE ser tikkunsidra liema miżuri addizzjonali ser tieħu sabiex ikun appoġġat il-proċess tan-NU u l-objettivi kondiviżi tal-komunità internazzjonali, u stieden lill-korpi rilevanti tal-Kunsill biex jipprovdu konsulenza f'waqtha."

ŻIMBABWE

Waqt l-ikel, il-ministri ddiskutew is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe, fuq il-bażi ta' preżentazzjoni mill-Ministru Luis Amado wara ż-żjara riċenti tiegħu fl-Afrika ta' Isfel. Il-Ministri esprimew tħassib dwar id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni f'termini kemm ekonomiċi kif ukoll umanitarji.

RELAZZJONIJIET MAL-BALKANI TAL-PUNENT - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"MONTENEGRO

Il-Kunsill laqa' l-firma tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tal-Ftehim Interim mal-Montenegro bħala pass importanti tal-pajjiż fi triqtu lejn l-UE. Huwa stenna bil-ħerqa l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni mal-Montenegro permezz ta' qafas komprensiv mogħti b'dawn il-ftehim u l-mekkaniżmi l-oħrajn tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Il-Kunsill enfasizza l-importanza li l-Montenegro jistabbilixxi rekord sostenibbli u effettiv fl-implimentazzjoni ta' dawn il-Ftehim. Huwa ħeġġeġ lill-Montenegro biex ikompli bl-aġenda ta' riforma tiegħu u appella lill-forzi politiċi kollha biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex iħaffu dak il-proċess. Huwa ħeġġeġ lill-Montenegro biex jintensifika l-isforzi tiegħu dwar il-prijoritajiet imniżżlin fis-Sħubija Ewropea. Huwa enfasizza, partikolarment, l-importanza ta' azzjoni determinata u progress sostenibbli ulterjuri fit-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u fil-qasam ta' l-istat tad-dritt, inkluża l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, kif ukoll l-istabbiliment ta' ġudikatura indipendenti u responsabbli.

Il-Kunsill issottolinja wkoll l-importanza li, fil-mument ġust u bi spirtu ta' kunsens, tiġi adottata Kostituzzjoni li tikkonforma ma' l-istandards internazzjonali u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja tiegħu.

BOSNJA U ĦERZEGOVINA

Il-Kunsill esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu lir-RGħ/RSUE Miroslav Lajcak, u l-isforzi tiegħu għall-avvanz tar-riformi li huma essenzjali biex il-Bosnja-Ħerzegovina timxi 'l quddiem, partikolarment ir-riforma tal-pulizija. Il-Kunsill tenna li qbil dwar ir-riforma tal-pulizija skond it-tliet prinċipji ta' l-UE tibqa' l-prijorità prinċipali u waħda mill-kondizzjonijiet meħtieġa għal aktar progress lejn Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-Unjoni Ewropea.

Il-Kunsill iddispjaċih għall-fatt li mhux il-mexxejja politiċi kollha tal-Bosnja u l-Ħerzegovina wrew rieda biex jaslu għall-qbil abbażi tat-tliet prinċipji ta' l-UE. Il-Kunsill innota xi żviluppi reċenti f'termini ta' impenn politiku u ħeġġeġ lill-mexxejja politiċi tal-pajjiż biex juru responsabbiltà rigward il-poplu tal-Bosnja u l-Ħerzegovina u x-xewqa tagħhom li javvanza lejn l-UE.

Il-Kunsill ħa nota tal-laqgħa li jmiss tal-PIC fit-30 u l-31 ta' Ottubru 2007 bħala l-opportunità li jmiss biex il-komunità internazzjonali tanalizza s-sitwazzjoni fil-Bosnja u l-Ħerzegovina.

Il-Kunsill tenna l-ħtieġa li l-Bosnja u l-Ħerzegovina jissodisfaw l-erba' kondizzjonijiet kollha għall-konklużjoni tan-negozjati għal Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif imniżżel fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2005.

Il-Kunsill ikkonferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-perspettiva Ewropea tal-Bosnja u l-Ħerzegovina. Filwaqt li fakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, huwa afferma mill-ġdid li l-pass ta' progress fit-triq lejn l-UE jiddependi mill-merti tal-pajjiż innifsu.

KOSOVO

Il-Kunsill esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-proċess tat-Trojka u r-Rappreżentant ta' l-UE fih, l-Ambaxxatur Wolfgang Ischinger. Il-Kunsill laqa' l-pass intensiv ta' attività u l-atmosfera kostruttiva ta' l-ewwel rawnd ta' taħditiet. Filwaqt li jinnota li l-proċess tat-Trojka ser jiġi konkluż mill-Grupp ta' Kuntatt li jirrapporta lis-Segretarju Ġenerali tan-NU sa l-10 ta' Diċembru, il-Kunsill ħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jimpenjaw ruħhom fin-negozjati li baqa' bi kreattività, awdaċja u bi spirtu ta' kompromess u biex jagħmlu kull sforz biex tinstab soluzzjoni negozjata għall-istatus tal-Kosovo."

*

* *

Il-Ministri ltaqgħu wkoll ma' Carla del Ponte, prosekutur ewlieni tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks Jugoslavja (ICTY), biex jiddiskutu l-kooperazzjoni ma' l-ICTY.

LIBJA - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. Il-Kunsill esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-konklużjoni tal-każ tal-persunal mediku Bulgaru f'rabta ma' l-infezzjoni bl-HIV-AIDS f'Bengażi.

2. Il-Kunsill esprima l-apprezzament sinċier tiegħu għall-isforzi magħmula minn dawk kollha involuti biex dan il-każ jintemm u għaraf l-attitudni kostruttiva ta' l-awtoritajiet Libjani.

3. Il-Kunsill tenna s-solidarjetà tiegħu mat-tfal Libjani vittmi ta' l-infezzjoni bl-HIV-AIDS f'Bengażi u kkonferma l-impenn ta' l-UE li tipprovdi assistenza medika u kura għalihom permezz tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-HIV u l-Fond Internazzjonali ta' Bengażi, abbażi ta' kontributi volontarji.

4. Il-Kunsill għaraf l-importanza tal-Libja fir-reġjun tal-Mediterran u fl-Afrika, kif ukoll il-potenzjal tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Libja f'bosta oqsma ta' interess komuni.

5. Il-Kunsill qabel li l-politika ta' impenn mal-Libja li kien iddeċieda fl-2004 għandha tissaħħaħ bil-ħsieb li jittejbu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Libja. L-objettiv ta' din il-politika ta' impenn ser ikun li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Libja jitqiegħdu f'qafas adegwat u koerenti għall-perijodu fit-tul li jieħu kont ta' l-interessi tal-Libja u ta' l-UE u l-Istati Membri tagħha.

6. Il-Kunsill qabel li l-UE u l-Libja għandhom mill-iktar fis possibbli jiftħu diskussjonijiet dwar ftehim qafas UE-Libja li ser jinkludi oqsma ta' interess reċiproku, bħad-drittijiet tal-bniedem u l-migrazzjoni fost oħrajn, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta abbozz ta' direttivi ta' negozjar għal dan l-għan skond il-prinċipji fundamentali li jispiraw il-politika barranija ta' l-Unjoni Ewropea."

IRAQ - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. L-Iraq jibqa' sfida ċentrali għall-komunità internazzjonali. Bħala attur globali maġġuri, il-Kunsill jafferma mill-ġdid l-appoġġ ta' l-UE għal Iraq sikur, stabbli, demokratiku, prosperu u magħqud u jtenni mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità, l-unità u l-integrità territorjali ta' l-Iraq.

2. L-UE ser ikompli jkollha rwol maġġuri fl-appoġġ tal-gvern Iraqin fil-ħidma tiegħu biex iġib l-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità liċ-ċittadini tiegħu kollha, inkluż permezz ta' assistenza prattika. L-UE hija impenjata li ttejjeb l-impenn politiku tagħha ma' l-Iraq u mal-ġirien tiegħu, kif ukoll li tappoġġa lin-NU u atturi internazzjonali oħrajn fl-isforzi tagħhom.

3. Il-Kunsill jilqa' bil-ħerqa l-adozzjoni unanima fl-10 ta' Awissu 2007, tar-Riżoluzzjoni 1770 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li ġġedded u testendi l-mandat ta' l-UNAMI. Il-Kunsill jafferma mill-ġdid l-appoġġ qawwi tiegħu għar-rwol ċentrali tan-NU fl-Iraq. F'dan ir-rigward huwa jifraħ lis-Sur Staffan de Mistura għall-ħatra tiegħu bħala r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Iraq u Kap ta' l-UNAMI u jassigurah l-appoġġ ta' l-UE fit-tmexxija tal-ħidma ta' l-UNAMI fl-Iraq biex jimplimenta l-mandat il-ġdid. Dan il-mandat huwa ta' l-akbar importanza għall-istabbilizzazzjoni ta' l-Iraq. Minbarra l-mandat eżistenti ta' l-UNAMI f'oqsma bħad-djalogu politiku, ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali, ir-riforma ekonomika, id-drittijiet tal-bniedem u l-Istat tad-Dritt, il-UNSCR 1770 iżżid oqsma ġodda importanti: notevolment biex tagħti pariri, tappoġġa u tassisti lill-Gvern ta' l-Iraq f'oqsma bħall-faċilitazzjoni tad-djalogu reġjonali fil-qafas tal-proċess tal-pajjiżi ġirien, l-implimentazzjoni tal-Ftehim Internazzjonali ma' l-Iraq u t-tisħiħ tal-koordinazzjoni tad-donaturi inkluż mal-Fond Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni ta' l-Iraq (IRFFI). L-UE hija impenjata attivament f'ħafna minn dawn l-oqsma u ser tkompli taħdem mill-qrib man-NU. Madankollu, it-titjib ulterjuri tas-sitwazzjoni dwar is-sigurtà ser tkun element essenzjali fl-implimentazzjoni effettiva tal-mandat ta' l-UNAMI.

4. Il-Kunsill għandu fiduċja li, abbażi tal-mandat tagħha, l-UNAMI ser tkompli tikkontribwixxi biex timpenja lill-membri kollha ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi fl-Iraq biex jipparteċipaw attivament u responsabbilment fi proċess politiku inklussiv. Huwa jappella lill-istituzzjonijiet Iraqini rilevanti biex javvanzaw fin-nomina ta' uffiċjali elettorali għall-governatorat abbażi ta' regoli li huma konformi ma' l-aħjar prattika internazzjonali għal proċess trasparenti, inklussiv, indipendenti u imparzjali. Id-deċiżjonijiet fundamentali rigward il-kisba tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali jridu jittieħdu fi spirtu ta' djalogu sinċier u li jwassal għal kunsens, jekk dawn għandhom iservu bħala l-bażi ta' futur paċifiku u prosperu għall-Iraq.

5. Il-Kunsill jilqa' l-appoġġ mill-parteċipanti fil-Laqgħa ta' Livell Għoli dwar l-Iraq fi New York, fit-22 ta' Settembru, għal rwol usa' tan-NU u għall-Ftehim Internazzjonali ma' l-Iraq.

6. Il-Kunsill jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Gvern ta' l-Iraq flimkien mal-partijiet kollha biex jagħmlu progress politiku sostanzjali dwar il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali, li hija l-qofol għal titjib sostnut tas-sigurtà, u biex titrażżan id-deterjorazzjoni tal-kondizzjonijiet umanitarji fl-Iraq, li wasslet għal stima ta' 2.2 miljun persuna spostati internament. Il-Kunsill jirrikonoxxi l-piż tqil imġarr mill-pajjiżi ġirien, partikolarment il-Ġordan u s-Sirja, iħeġġeġ lill-Gvern Iraqin biex jieħu miżuri adatti biex jassisti lir-refuġjati Iraqini u lil dawk spostati fil-pajjiż u jassigura li l-UE ser tkompli twettaq il-parti tagħha. Hija meħtieġa azzjoni umanitarja rapida mill-komunità internazzjonali u l-Gvern Iraqin jekk il-kriżi umanitarja li qed tevolvi għandha tiġi mrażżna. L-UE tfakkar ir-rwol importanti ta' l-UNHCR, l-ICRC, l-IOM, appoġġati mill-Istati Membri u l-istrumenti Komunitarji (inkluż l-ECHO), kif ukoll il-ħtieġa għal appoġġ qawwi għall-Qafas Strateġiku għal Azzjoni Umanitarja NU/OCHA fl-Iraq.

7. Il-Kunsill jappella lill-awtoritajiet Iraqini biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili. F'dan ir-rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali ta' l-Iraqini kollha, inklużi n-nisa u l-persuni li jagħmlu parti minn minoritajiet reliġjużi u etniċi, għandhom jiġu protetti u promossi. L-UE hija lesta li tkompli l-appoġġ tagħha lill-awtoritajiet Iraqini fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

8. Il-Kunsill jilqa' l-Konferenza Ministerjali tal-Pajjiżi Ġirien ta' l-Iraq li għandha ssir f'Istanbul fil-bidu ta' Novembru. Il-Kunsill jissottolinja li d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-Iraq u l-ġirien tiegħu huma kruċjali għall-kisba ta' l-istabbilizzazzjoni tar-reġjun u ta' futur paċifiku u prosperu għall-Iraq. Huwa jinkoraġġixxi lill-Iraq u l-ġirien tiegħu li jibnu fuq il-progress magħmul mill-gruppi ta' ħidma dwar l-enerġija, ir-refuġjati u s-sigurtà. L-Unjoni Ewropea ttenni mill-ġdid l-offerta tagħha li tassisti u tipprovdi kompetenza f'dan il-proċess. F'dan ir-rigward hija tilqa' l-proposta mis-Segretarju-Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon matul il-laqgħa dwar l-Iraq fi New Yort fit-22 ta' Settembru 2007, li jinħoloq mekkaniżmu ta' appoġġ ibbażat f'Bagdad biex jitjieb id-djalogu reġjonali. Fil-proċess reġjonali kif ukoll fir-relazzjonijiet bilaterali, l-UE tinkoraġġixxi lill-pajjiżi ġirien kollha biex ikollhom rwol kostruttiv fil-kontribut għall-paċi u l-istabbiltà fl-Iraq.

9. Il-Kunsill itenni mill-ġdid l-appoġġ qawwi tiegħu għall-Ftehim Internazzjonali ma' l-Iraq. Huwa jemmen li l-implimentazzjoni tal-programm ambizzjuż stabbilit fil-Ftehim ma' l-Iraq jitlob tmexxija u appartenenza Iraqini b'saħħithom u jeħtieġ l-inklussività tal-proċess tal-Ftehim, l-involviment wiesa' tal-komunità internazzjonali u l-parteċipazzjoni attiva tal-ġirien ta' l-Iraq u l-imsieħba fir-reġjun. Il-koordinazzjoni effiċjenti ta' l-isforzi tad-donaturi hija ta' l-akbar importanza. Il-Kunsill jafferma mill-ġdid ir-rieda ta' l-UE li tkompli tiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib u sħubija ma' l-Iraq - ukoll permezz ta' l-IRFFI - skond il-prijoritajiet indikati fil-Ftehim Internazzjonali u fl-Istrateġija Nazzjonali ta' l-Iraq għall-Iżvilupp.

10. Il-Kunsill jistenna bil-ħerqa li jaħdem fuq din l-aġenda li qed titmexxa 'l quddiem b'enerġija u ħeġġa mġedda u għal diskussjonijiet ulterjuri.

11. Il-Kunsill jikkundanna bil-qawwa l-attakk fit-3 ta' Ottubru fuq l-ambaxxatur Pollakk għall-Iraq, Edward Pietrzyk, li qatel mill-inqas żewġ persuni u darab serjament lill-ambaxxatur, li qed jirrappreżenta lill-Presidenza ta' l-UE fl-Iraq.

LVANT NOFSANI

Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. Il-Kunsill jilqa' bil-ħerqa l-opportunità preżenti biex isir progress dwar il-paċi bejn l-Iżrael u l-Palestina. Huwa jfaħħar l-isforzi tal-President Palestinjan Abbas u tal-Prim Ministru Iżraeljan Olmert u jħeġġiġhom jieħdu passi kuraġġużi fid-djalogu politiku tagħhom. Dan id-djalogu għandu jikseb riżultati konkreti, li jwasslu għal status finali ta' negozjati sinifikanti u għall-għan kondiviż tagħhom ta' soluzzjoni ta' żewġ stati bl-istabbiliment ta' stat Palestinjan indipendenti, demokratiku u vijabbli li jgħix maġenb l-Iżrael u l-ġirien tiegħu l-oħrajn fil-paċi u s-sigurtà.

2. Il-Kunsill jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għal-laqgħa internazzjonali li jmiss kif imniżżel fid-dikjarazzjoni tal-Kwartett tat-23 ta' Settembru 2007. Il-Kunsill qed jistenna li din il-laqgħa tkun ta' appoġġ għall-partijiet fid-diskussjonijiet u n-negozjati bilaterali tagħhom sabiex ikun hemm progress urġentement fil-kisba ta' triq li tkun ta' suċċess għal stat Palestinjan fix-Xatt tal-Punent u Gaża li jgħaqqad lill-Palestinjani kollha. Hija opportunità kruċjali għall-imsieħba reġjonali u internazzjonali biex jappoġġaw b'mod effettiv Proċess ta' Paċi komprensiv fil-Lvant Nofsani. Huwa jenfasizza r-rwol prinċipali li jieħu l-Kwartett fit-tħejjija tal-laqgħa u l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tiegħu. L-involviment wiesa' u kostruttiv mill-Istati Għarab ser ikun kruċjali. F'dan il-kuntest, l-UE tappoġġja l-azzjoni li qed tiġi promossa fir-rigward ta' l-Inizjattiva ta' Paċi Għarbija. Il-Kunsill jistieden lir-Rappreżentant Għoli ta' l-UE f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni biex jeżamina, u fejn meħtieġ, jiffoka mill-ġdid l-attivitajiet ta' l-UE bil-ħsieb li jiġi żviluppat pjan ta' azzjoni ta' l-UE li jagħti aktar appoġġ lill-partijiet fin-negozjati preżenti tagħhom u l-perijodu ta' implimentazzjoni sussegwenti.

3. Sabiex ikun ikkonsolidat il-progress li sar s'issa u biex jintlaħaq il-potenzjal tal-proċess attwali, il-Kunsill isejjaħ lill-partijiet biex jieqfu minn kwalunkwe azzjoni li thedded il-vijabbiltà ta' soluzzjoni komprensiva, ġusta u aħħarija, f'konformità mad-dritt internazzjonali. Progress fin-negozjati, aktar kooperazzjoni fuq il-post u l-bini ta' istituzzjonijiet Palestinjani għandhom ikunu proċessi li jseħħu fl-istess ħin u jirrinfurzaw lil xulxin u li jwasslu għal titjib fil-ħajja ta' kuljum tal-poplu Palestinjan. L-UE tħeġġeġ lill-partijiet jieħdu passi addizzjonali biex jissodisfaw impenji preċedenti, inklużi dawk tar-Road Map u tal-Ftehim dwar il-Moviment u l-Aċċess.

4. Il-Kunsill itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-President Abbas u l-Prim Ministru Fayyad. Il-Kunsill jendorsja l-estensjoni tal-Mekkaniżmu Temporanju Internazzjonali sal-31 ta' Diċembru, 2007 u jinsab lest li jżomm il-livelli għoljin tiegħu ta' assistenza ekonomika u umanitarja lill-Palestinjani u jenfasizza li sabiex din l-assistenza tkun effettiva fir-rigward tal-promozzjoni ta' l-iżvilupp ekonomiku, hi għandha takkumpanja proċess politiku kredibbli. L-UE ttenni s-sejħa tal-Kwartett lill-pajjiżi kollha li jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-Awtorità Palestinjana biex jagħmlu dan urġentement u timpenja ruħha li taħdem ma' msieħba biex tiffaċilita t-transizzjoni għal assistenza internazzjonali diretta kemm jista' jkun malajr. Il-Kunsill jenfasizza l-importanza tal-laqgħa tad-donaturi ta' Diċembru u jilqa' l-offerta ta' Franza biex tospitaha.

5. Il-Kunsill jappoġġja l-ħidma tar-Rappreżentant tal-Kwartett Tony Blair fejn żviluppa mal-gvern ta' l-Awtorità Palestinjana aġenda pluriennali biex jissaħħu l-istituzzjonijiet, tinħoloq klima ta' liġi u ordni u jkun promoss l-iżvilupp ekonomiku, u jistenna bil-ħerqa r-rapport tiegħu li jmiss dwar il-progress.

6. L-ingaġġar mill-ġdid u l-espansjoni ta' l-EUPOL COPPS huwa element importanti fit-titjib tas-sigurtà. Għal dan il-għan il-Kunsill jistenna li l-Iżrael jipprovdi akkreditazzjoni għal din il-missjoni mingħajr aktar dewmien.

7. Il-Kunsill itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża. Huwa jenfasizza l-importanza ta' assistenza ta' emerġenza u umanitarja bla interruzzjoni u jappella għall-forniment kontinwu tas-servizzi essenzjali. Il-Kunsill itenni s-sejħa tiegħu lill-partijiet kollha biex jaħdmu b'mod urġenti għall-ftuħ tal-punti ta' qsim għal ġo Gaża u barra minn Gaża sew għall-flussi umanitarji kif ukoll għal dawk kummerċjali. Dan huwa essenzjali biex tkun żgurata l-vijabbiltà ta' l-ekonomija Palestinjana u biex jitjiebu l-kondizzjonijiet ta' għajxien għall-poplu Palestinjan."

Libanu - Konklużjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet li ġejjin:

"1. Il-Kunsill jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-attakk b'karozza bomba li twettaq fid-19 ta' Settembru f'Bejrut, li fih tilfu ħajjithom sitt persuni inkluż il-Membru Parlamentari Antoine Ghanem. Il-Kunsill jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà li jippermetti lill-UNIIIC tassisti lill-awtoritajiet Lebaniżi fl-investigazzjoni tal-każ Ghanem.

2. Il-Kunsill jissottolinja li dan l-attentat ulterjuri ta' destabbilizzazzjoni lejliet l-elezzjonijiet Presidenzjali m'għandux jitħalla jdgħajjef d-determinazzjoni tal-poplu Lebaniż li jieħu pożizzjoni soda kontra l-vjolenza. Huwa jħeġġeġ lill-partijiet Lebaniżi kollha u lill-atturi kollha fir-reġjun biex iżommu lura minn kwalunkwe attività li tipperikola ulterjorment l-istabbiltà politika tal-Libanu.

3. Il-Kunsill qed isegwi mill-qrib il-proċess elettorali fil-Libanu u ħa nota li s-sessjoni Parlamentari biex jiġi elett President ġdid tar-Repubblika ġiet aġġornata għat-23 ta' Ottubru. Il-Kunsill qed isejjaħ għaż-żamma ta' elezzjonijiet presidenzjali ħielsa u ġusti, mingħajr indħil barrani u f'konformità ma' l-iskadenza stabbilita mill-Kostituzzjoni. Il-Kunsill jittama li fil-ġimgħat li ġejjin il-partiti Lebaniżi jilħqu soluzzjoni permezz tad-djalogu u fi spirtu ta' kunsens u b'rispett sħiħ għall-istituzzjonijiet demokratiċi u n-normi kostituzzjonali Lebaniżi, biex b'hekk jintemm l-impass politiku fin-negozjati fil-pajjiż.

4. Il-Kunsill jilqa' t-tmiem tal-kriżi kkawżata mill-militanti estremisti li għandhom l-għeruq tagħhom fil-kamp tar-refuġjati Palestinjan ta' Nahr el Bared u jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Gvern u l-Forzi Armati tal-Libanu. Il-Kunsill jilqa' wkoll l-impenn formali tal-Gvern Lebaniż li jibni l-kamp mill-ġdid u, f'dan il-kuntest, jisħaq l-importanza tal-konferenza ppresjeduta mill-Prim Ministru Siniora fl-10 ta' Settembru dwar it-tnedija tal-proġett ta' għajnuna, rkurpru u rikostruzzjoni tal-kamp, jenfasizza li huwa lest jappoġġja dawk l-isforzi u jinkuraġġixxi l-kontinwazzjoni tal-ħidma tal-Kumitat ta' Djalogu Lebaniż-Palestinjan. Il-Kunsill ifakkar l-appoġġ li l-UE dejjem tat lir-refuġjati Palestinjani fil-Libanu.

5. Il-Kunsill ifakkar dikjarazzjonijiet preċedenti u jibqa' determinat li jirrinforza s-sovranità, l-integrità territorjali, l-unità u l-indipendenza tal-Libanu, notevolment skond ir-Riżoluzzjonijiet 1559, 1680, 1701 u 1757 ta' l-UNSC. L-UE tfaħħar it-titwil ta' l-UNIFIL li saret f'Awissu li għadda u li fiha l-Istati Membri ta' l-UE huma kontributuri ewlenin. Barra minn hekk, l-UE tilqa' l-ħidma preparatorja għat-Tribunal Speċjali Internazzjonali."

AFFARIJIET OĦRAJN

Relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi AKP

Il-Kunsill ġie infurmat mill-Kummissjoni dwar negozjati mal-grupp ta' pajjiżi u reġjuni ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP) dwar ftehim ta' sħubija ekonomika (FSE).

Il-ftehim huwa maħsub li jissostitwixxi preferenzi kummerċjali li jinvolvu tariffi doganali aktar baxxi mogħtija mill-UE lill-AKP. Il-preferenzi kummerċjali jmorru kontra r-regoli tad-WTO iżda huma tollerati taħt deroga li tiskadi fl-aħħar ta' l-2007. In-negozjati dwar il-FSE, li bdew fl-2002, għandhom għalhekk jiġu konklużi sa l-aħħar tas-sena.

AVVENIMENTI FIL-MARĠINI TAL-KUNSILL

L-iffirmar tal-FSA u tal-ftehim interim mal-Montenegro

Ftehim ta' stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni (FSA) ftehim interim bejn l-UE u l-Montenegro ġie ffirmat fil-15 ta' Ottubru fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill. Il-Kunsill laqa' l-iffirmar bħala pass importanti fil-mixja tal-Montenegro lejn l-UE (ara konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Balkani tal-Punent, paġna 20.). Dan il-pass kien possibbli wara konsultazzjonijiet biex jingħelbu diffikultajiet marbuta ma' l-ortografija ta' l-euro fl-alfabett Ċirilliku. Dwar din il-kwistjoni, il-Kunsill adotta d-dikjarazzjoni li ġejja:

"Fid-dawl ta' l-urġenza ta' l-iffirmar tal-Ftehim SAA bejn il-Montenegro u l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jiddikjara li fil-verżjoni Bulgara tal-Ftehim bejn il-Montenegro u l-Unjoni Ewropea intużat "EUR" peress li għad hemm diverġenza ta' fehmiet dwar kif għandha ssir it-trasliterazzjoni tal-kelma (b'ittri Latini) "EURO" fl-alfabet Ċirilliku. Dan m'għandu bl-ebda mod ikun preċedent għal kwalunkwe att legali ieħor ta' l-Unjoni Ewropea. Għandha tittieħed deċiżjoni kemm jista' jkun malajr sabiex tissolva din il-problema teknika-lingwistika, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Madrid ta' Diċembru 1995".

Laqgħat ma' l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja

Saru l-laqgħat li ġejjin:

  • It-8 laqgħa tal-kunsill ta' kooperazzjoni UE-Armenja
  • It-8 laqgħa tal-kunsill ta' kooperazzjoni UE-Ażerbajġan
  • It-8 laqgħa tal-kunsill ta' kooperazzjoni UE-Ġeorġja

PUNTI OĦRAJN LI ĠEW APPROVATI

Ara l-istqarrija għall-istampa 13900/07.


[1] Spazju komuni ekonomiku, spazju komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, spazju komuni ta’ sigurtà barranija, spazju komuni ta’ riċerka u edukazzjoni, inklużi aspetti kulturali.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site