Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 15 ta’ Frar 2013

(OR. en)

6542/1/13 REV 1

PRESSE 59

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f’isem l-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-150 anniversarju tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA)

Fl-okkażjoni tal-150 anniversarju mit-twaqqif tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA), l-Unjoni Ewropea tfaħħar u tfakkar il-ħidma bla waqfien u imprezzabbli tal-KISA fil-protezzjoni tal-ħajjiet u tad-dinjità tal-vittmi tal-kunflitt armat madwar id-dinja kollha.

Mit-twaqqif tiegħu fis-17 ta’ Frar 1863, il-KISA ħadem bla waqfien biex tipprevjeni s-sofferenza billi żviluppat, ippromoviet u saħħet id-dritt umanitarju internazzjonali, li tinsab fl-erba’ Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra tal-1949, il-Protokolli Addizzjonali tagħha u ftehimiet internazzjonali oħra kif ukoll fid-dritt internazzjonali normali, u prinċipji umanitarji universali, u billi pprovda, fi żmien ta’ kunflitt armat u emerġenzi oħra, għajnuna umanitarja lill-membri miġruba, morda u nawfragi tal-forzi armati, lill-priġunieti tal-gwerra u oħrajn miżmuma, kif ukoll liċ-ċivili. Il-ħidma tas-Salib l-Aħmar Internazzjonali u tal-Moviment tan-Nofs Qamar Aħmar, magħmul mill-KISA, il-mija u tmienja u tmenin Soċjetà Nazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar Aħmar u l-Federazzjonai Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar Aħmar, jinsab fil-qalba tal-azzjoni umanitarja internazzjonali. Il-kooperazzjoni bejn il-Kumitati Nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ Dritt Umanitarju Internazzjonali u l-KISA hija essenzjali fil-promozzjoni ta’ applikazzjoni effettiva ta’ dritt umanitarju internazzjonali.

L-Unjoni Ewropea tappoġġa bis-sħiħ il-missjoni tal-KISA, tas-Soċjetajiet Nazzjonali u tal-Federazzjoni Internazzjonali madwar id-dinja. Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja ssottolinja n-natura unika tal-mandat tal-KISA u wiegħed id-determinazzjoni tal-UE li taħdem bi sħubija mill-qrib mal-KISA. Fl-2005, l-Unjoni Ewropea adottat Linji Gwida dwar Dritt Umanitarju Internazzjonali li jikkommettu lill-UE biex tippromovi konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, filwaqt li l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, adottati mill-Kunsill f’Ġunju 2012, itennu d-determinazzjoni tal-UE li tkompli tippromovi ħarsien tad-dritt umanitarju internazzjonali, mhux l-inqas permezz ta’ kooperazzjoni mal-KISA.

Filwaqt li tiċċelebra mija u ħamsin sena ta’ azzjoni umanitarja mill-KISA, l-UE hi madankollu mħassba li għadhom jippersistu sfidi umanitarji gravi: il-popolazzjoni ċivila spiss iġorr il-piż tal-kunflitt armat jew tal-vjolenza, u għadhom jiġru ta’ spiss vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali. Il-ħidma tal-KISA għadha indispensabbli fl-indirizzar tas-sofferenza tal-bniedem. L-UE ser tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni tal-missjoni umanitarja tal-KISA madwar id-dinja u l-prinċipji fundamentali tiegħu ta’ newtralità, umanità, indipendenza u imparzjalità.

Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja*, il-Pajjiżi Kandidati dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, l-Islanda+ u s-Serbja*, il-Pajjiżi tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u l-kandidati potenzjali l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein, membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja u l-Ġeorġja, jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site