Navigation path

Left navigation

Additional tools

UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 12 ta' Frar 2013

6326/1/13 REV 1

PRESSE 52

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton,

f'isem l-Unjoni Ewropea

dwar it-test nukleari mir-RDPK

L-UE tikkundanna bl-aktar termini b'saħħithom possibbli t-test nukleari reċenti tar-RDPK aktar kmieni llum - pass ieħor fi programm li ilhu għaddej biex tiġi żviluppata kapaċità ta' armi nukleari - u tħeġġeġ lir-RDPK biex iżomm lura minn azzjonijiet provokattivi oħra.

Dan it-test nukleari huwa sfida ovvja għar-reġim globali dwar in-nonproliferazzjoni u ksur sfaċċat tal-obbligi internazzjonali tar-RDPK li ma tippoduċix jew ma tittestjax armi nukleari, b'mod partikolari skont ir-Riżoluzzjonijiet 1718, 1874 u 2087 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

Fil-fatt, dan jikkostitwixxi theddida serja għal paċi dejjiema fil-Peninsula Koreana u għas-sigurtà u l-istabbiltà kemm reġjonali kif ukoll dawk internazzjonali fl-Asja tal-Grigal. Ir-Riżoluzzjoni 2087 tal-KSNU, adottata unanimament ix-xahar li għadda, tiċċara aktar id-determinazzjoni tal-komunità internazzjonali li tieħu azzjoni sinifikanti fil-każ ta' test nukleari, li jwassal għal aktar iżolazzjoni tar-RDPK. L-UE tibqa' kkonċernata bil-kwistjoni u ser taħdem ma' sħab ewlenin u l-komunità internazzjonali usa' biex tibni risposta b'saħħitha u unifikata bil-għan li turi lir-RDPK li hemm konsegwenzi għall-ksur kontinwu tagħha tar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU. Għal darba oħra, inħeġġu lir-RDPK biex tabbanduna l-programm ta' armi nukleari tagħha, inkluż il-programm tagħha ta' arrikkiment tal-uranju, b'mod sħiħ, verifikabbli u irreversibbli.

L-UE tħeġġeġ bil-qawwi lir-RDPK biex tinvolvi ruħha fi djalogu mal-komunità internazzjonali, inkluż fil-qafas tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet li għandhom iwasslu għal stabbiltà reġjonali.

"Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja*, il-Pajjiżi Kandidati t-Turkija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, l-Islanda+ u s-Serbja*, il-Pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u kandidat potenzjali l-Albanija u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorgja jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.

* Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

+ L-Islanda tibqa' membru tal-EFTA u taż-Żona Ekonomika Ewropea."

_____________________


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website