Navigation path

Left navigation

Additional tools

UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 22 ta' Marzu 2013

(OR. en)

7804/1/13 REV 1

PRESSE 129

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentat Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-Jum Dinji u Ewropew tal-Ilma, it-22 ta' Marzu 2013

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ilma, l-Unjoni Ewropea tissottolinja li l-ilma tajjeb għax-xorb u s-sanità huma kruċjali għal ħajja f'saħħitha u dinjituża. Madankollu miljuni ta' persuni madwar id-dinja għadhom mingħajr aċċess għal ilma għax-xorb nadif u għalhekk imċaħħda minn dritt bażiku tal-bniedem. L-UE ssostni li d-dritt tal-bniedem għal ilma għax-xorb bla perikolu u s-sanità ġej mid-dritt għal livell ta' għajxien xieraq u marbut intrinsikament mad-dritt tat-tgawdija tal-ogħla livell ta’ saħħa mentali u fiżika possibbli, kif ukoll id-dritt għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.

It-tema tal-Jum Dinji tal-Ilma jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni internazzjonali. L-għajnuna sostanzjali tal-UE lil pajjiżi terzi biex itejbu l-aċċess għal ilma nadif u għas-sanità huwa kontribut ċar għal dawn l-isforzi. L-UE nefqet aktar minn EUR 2,2 biljun fuq programmi dwar l-ilma u s-sanità bejn 2007 u l-2012.

Is-sigurtà tal-ilma hija wkoll kwistjoni strateġika ta' dejjem aktar tħassib. Nuqqas dejjem akbar ta' ilma, kwalità baxxa tal-ilma, nixfiet jew għargħar aċċentwati mit-tibdil fil-klima, u l-bidliet ekonomiċi u demografiċi li jirriżultaw jista' jkollhom effett negattiv fuq il-paċi u l-istabbiltà. L-UE tinkoraġixxi bis-sħiħ approċċi transkonfinali sostenibbli u kollaborattivi għall-ġestjoni tal-ilma madwar id-dinja biex tippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-istabbiltà politika u l-paċi u s-sigurtà.

Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja*, il-Pajjiżi Kandidati dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, l-Islanda+ u s-Serbja*, il-Pajjiżi tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u kandidati potenzjali l-Albanija u l-Bosnja-Ħerżegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja, l-Azerbajġan u l-Ġeorġja, jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.

* Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

+ L-Islanda għadha membru tal-EFTA u taż-Żona Ekonomika Ewropea.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website