Navigation path

Left navigation

Additional tools

Brussell, 21 ta' Marzu 2013 Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f’isem l-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali, 21 ta’ Marzu 2013

European Council - PESC/13/128   21/03/2013

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO GA

UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 21 ta' Marzu 2013

(OR. en)

7763/13

PRESSE 128

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f’isem l-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali, 21 ta’ Marzu 2013

Il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali huwa tfakkira annwali li għandna naġixxu b’mod iktar determinat biex naffrontaw kull forma ta’ intolleranza, razziżmu, ksenofobija u tipi oħra ta’ diskriminazzjoni. Fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika, il-perikli ta’ żieda fir-razziżmu u l-ksenofobija, imsaħħa parzjalment biż-żieda fil-qagħad, u inċertezza dwar il-futur, huma reali ħafna. Huwa f’dan iż-żmien iebes li l-impenn tagħna li niġġieldu kontra r-razziżmu għandu jkun bla waqfien.

L-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Bil-għan li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni fid-dinja kollha, l-UE tikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha rilevanti, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti u l-mekkaniżmi speċjali tagħha, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. F’dan il-kuntest, l-UE tibqa’ impenjata li timplimenta l-għanijiet u l-objettivi ddefiniti mill-Konferenza Dinjija kontra r-Razziżmu, id-Diskriminazzjoni Razzjali u l-Ksenofobija u intolleranza relatata.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tipprojbixxi espliċitament kull forma ta’ diskriminazzjoni. Barra minn hekk, permezz tal-Qafas Strateġiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat fl-2012, l-UE ttenni l-impenn tagħha li tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni, fost oħrajn, għal raġunijiet ta’ razza.

F’dan il-jum, l-UE għal darba oħra titlob lill-istati kollha li għadhom ma għamlux dan, biex isiru parti għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali. L-istati għandhom jieħdu miżuri determinati u effettivi fil-livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali biex jipprevjenu u jtemmu din il-pjaga.”

Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja*, il-Pajjiżi Kandidati t-Turkija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, l-Islanda+ u s-Serbja*, il-Pajjiżi tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u kandidati potenzjali l-Albanija u l-Bosnja-Ħerżegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja, jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.

* Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

+ L-Islanda għadha membru tal-EFTA u taż-Żona Ekonomika Ewropea.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website