Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 14 ta' Diċembru 2012

(OR. en)

17831/1/12 REV 1

PRESSE 535

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea dwar il-każijiet Tibetani ta' persuni li taw in-nar lilhom infushom

"L-UE tinsab profondament iddispjaċuta bin-numru dejjem jiżdied ta' Tibetani li taw in-nar lilhom infushom, bosta minnhom żgħażagħ.

Aħna ninsabu mħassba bir-restrizzjonijiet fuq l-espressjonijiet ta' identità Tibetana, li jidher li qed jagħtu l-lok għal żieda fl-iskuntentizza fir-reġjun. Filwaqt li tirrispetta l-integrità territorjali taċ-Ċina, l-UE tappella lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jindirizzaw il-kawżi profondi tal-frustrazzjoni tal-poplu Tibetan u jiżguraw li d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom kif ukoll dawk kulturali jiġu rispettati, inkluż id-dritt tagħhom li jgawdu l-kultura proprja tagħhom, li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom u li jużaw il-lingwa tagħhom.

L-UE tappoġġa bis-sħiħ id-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, is-Sinjura Navi Pillay fit-2 ta' Novembru 2012. L-UE tappella lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jirrispettaw id-drittijiet tat-Tibetani għal assemblea paċifika u għal espressjoni, biex joqogħdu lura, u biex jeħilsu lill-individwi kollha miżmuma f'detenzjoni minħabba li ħadu sehem f'dimostrazzjonijiet paċifiċi.

Aħna nħeġġu wkoll lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jippermettu aċċess liberu għaż-żoni awtonomi Tibetani kollha lid-diplomatiċi kif ukoll lill-ġurnalisti internazzjonali.

Filwaqt li tagħraf is-sens intens ta' disperazzjoni tagħhom, l-UE tappella lit-Tibetani biex iżommu lura milli jagħżlu forom estremi ta' protesta, bħall-għoti ta' ħruq lilhom infushom, u lill-komunità u l-mexxejja reliġjużi tagħhom biex jużaw l-influwenza tagħhom biex jgħinu biex jitwaqqaf dan it-telf traġiku ta' ħajjiet.

Fl-aħħar nett, l-UE tħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati biex jerġgħu jidħlu fi djalogu sinifikattiv."

Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja*, il-Pajjiżi Kandidati t-Turkija, il-Montenegro* u l-Islanda+, il-Pajjiżi tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u kandidati potenzjali l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.

* Il-Kroazja u l-Montenegro għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

+ L-Islanda għadha membru tal-EFTA u taż-Żona Ekonomika Ewropea.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website