Navigation path

Left navigation

Additional tools

Brussell, 10 ta' Diċembru 2012 Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea f’Jum id-Drittijiet tal-Bniedem, 10 ta' Diċembru 2012

European Council - PESC/12/520   10/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 10 ta' Diċembru 2012

(OR. en)

17549/1/12 REV 1

PRESSE 520

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea f’Jum id-Drittijiet tal-Bniedem, 10 ta' Diċembru 2012

Illum, l-10 ta’ Diċembru, niċċelebraw Jum id-Drittijiet tal-Bniedem. Id-difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt huma l-element prinċipali li jikkaratterizza r-relazzjonijiet esterni tal-UE.

Din is-sena nħarsu lura lejn sena produttiva għall-UE fid-drittijiet tal-bniedem. L-UE adottat Strateġija tad-Drittijiet tal-Bniedem biex issaħħaħ l-effettività u l-konsistenza tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-attivitajiet kollha tagħha. Ħtarna l-ewwel Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, is-Sur Stavros Lambrinidis, biex nippromovu d-drittijiet tal-bniedem permezz tad-djalogu mal-pajjiżi terzi kif ukoll mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali. L-UE ngħatat ukoll il-Premju Nobel għall-Paċi f’Ottubru 2012 b’rikonoxximent tal-ħidma tagħha għar-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li għenet sabiex testendi ż-żona ta’ paċi u stabbiltà fil-kontinent kollu. Huwa xieraq li l-preżentazzjoni ta’ dan il-premju prestiġjuż issir fil-jum taċ-ċelebrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

It-tema ta’ Jum id-Drittijiet tal-Bniedem ta’ din is-sena hi l-inklużjoni u d-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika. Hi tema partikolarment f’waqtha fid-dawl tat-tranżizzjonijiet għad-demokrazija li qed naraw madwar id-dinja kollha. Numru ta’ pajjiżi fil-viċinat tagħna bħat-Tuneżija, il-Libja u l-Eġittu organizzaw b'suċċess elezzjonijiet demokratiċi fis-sena li għaddiet, li ppermetta lil bosta ċittadini li jivvotaw b’mod ħieles għall-ewwel darba u tahom opportunità jipparteċipaw fid-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-futur tagħhom. Dan il-moviment lejn id-demokrazija deher ukoll iktar lil hinn. Wara deċennji ta’ repressjoni interna, fl-aħħar qed iseħħu bidliet drammatiċi f’Burma/Myanmar. Fis-Somalja, ilqajna l-adozzjoni ta’ Kostituzzjoni proviżorja ġdida u fis-Sjerra Leone, l-elezzjonijiet reċenti saru f’ambjent trankwill.

Madankollu, għad irid isir ħafna biex jiġu appoġġati dawk li jissograw ħajjithom biex jappoġġaw dawk il-valuri fundamentali li jemmnu fihom u bit-tama ta’ futur aħjar għalihom u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Li jsiru l-elezzjonijiet huwa biss l-ewwel pass lejn demokrazija soda fejn irabbu l-għeruq id-drittijiet tal-bniedem. Id-drittijiet iridu jagħmlu parti integrali mis-soċjetà permezz tal-liġi, iżda wkoll fil-prattika ta’ kuljum. L-UE hi konxja minn sforzi mġedda minn diversi gvernijiet biex iżidu r-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet leġittimi ta’ NGOs – speċjalment iżda mhux esklużivament dawk li jirċievi finanzjament estern. L-UE hi impenjata tappoġġa l-ħidma vitali tas-soċjetà ċivili. F'dan il-kuntest, ġie stabbilit Fond Ewropew għad-Demokrazija bħala espressjoni unika konkreta tal-impenn tal-UE li tappoġġa d-demokrazija fil-Viċinat u lil hinn minnu.

Nemmnu li kulħadd għandu jkun ħieles jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ parteċipazzjoni indaqs. Nisa u żgħażagħ kienu minn ta’ quddiem ta’ bosta movimenti demokratiċi li osservajna din is-sena u kienu ta’ ispirazzjoni għan-nies madwar id-dinja kollha. Nies b’diżabilitajiet għadhom jaffrontaw ostakoli biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja pubblika, u dan irid jiġi indirizzat. L-UE hi impenjata taħdem mal-gvernijiet madwar id-dinja kollha, permezz ta’ organizzazzjonijiet multilaterali u internazzjonali u fi spirtu ta’ sħubija ġenwina mas-soċjetà ċivili biex jiġu appoġġatti demokraziji ġodda u jiġi żgurat li d-dritt għal inklużjoni u parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika jistgħu jsiru realtà konkreta għal kulħadd.

Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja*, il-Pajjiżi Kandidati t-Turkija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, l-Islanda+ u s-Serbja*, il-Pajjiżi tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u l-kandidati potenzjali l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja, jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.

* Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

+ L-Islanda għadha membru tal-EFTA u taż-Żona Ekonomika Ewropea.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website