Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 25 ta’ Novembru 2012

(OR. en)

16771/1/12 REV 1

PRESSE 491

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa, il-25 ta' Novembru 2012

Il-vjolenza u l-abbuż jaffettwaw lin-nisa minn kull sfond kuljum. Seba’ minn għaxar nisa madwar id-dinja jirrappurtaw li esperjenzaw vjolenza fiżika xi darba f’ħajjithom. Il-vjolenza ma għandhiex fruntieri ġeografiċi, kulturali, soċjali, ekonomiċi jew edukattivi. Hija fenomenu li jaffettwa s-soċjetajiet kollha u għandha forom krudili: minn fastidju sesswali għal mutilazzjoni ġenitali femminili, żwieġ sfurzat għal qtil għall-unur. Il-vjolenza kontra n-nisa hija waħda mill-aktar ksur tad-drittijiet tal-bniedem mifrux ta’ żmienna. Ksur li jolqot lil miljuni ta’ vittmi kull sena u jikkawża uġigħ fiżiku u emozzjonali terribbli.

Aħna mhux biss għandna ngħinu biex nipprevenu l-vjolenza; iżda għandna wkoll naħdmu biex nipprovdu lin-nisa b’aċċess għal opportunitajiet ekonomiċi, nassiguraw parteċipazzjoni ugwali fil-ħajja pubblika, inħassru liġijiet u prattiċi li jkomplu jiddiskriminaw kontrihom u nassiguraw li d-djar, l-uffiċini, it-toroq u l-iskejjel huma sikuri għan-nisa u l-bniet.

L-UE għandha impenn li tkun minn ta' quddiem f'din il-ħidma. Għamilna protezzjoni kontra vjolenza bbażata fuq il-ġens, karatteristika ewlenija tal-istrateġija tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE. U ħejjejna t-triq għal aktar kooperazzjoni bejn l-UE u n-NU dwar din l-aġenda. In-nisa u l-bniet huma partikolarment fil-mira u vulnerabbli f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt. Għaldaqstant għamilniha prijorità għall-missjonijiet militari u tal-pulizija tal-UE biex jipprevjenu u jiġġieldu vjolenza bbażata fuq il-ġens. Il-missjoni tal-UE fil-Kosovo hija, pereżempju, diġà involuta fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ każijiet ta’ stupru fil-gwerra u fit-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. U l-UE qed tonfoq EUR 4 miljun biex tnaqqas il-vjolenza kontra n-nisa fl-Eġittu.

L-eliminazzjoni u l-prevenzjoni ta’ kull għamla ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet hija l-prijorità tas-57 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, li ser issir f’Marzu 2013. L-UE ser taħdem sabiex tiżgura s-suċċess tal-Kummissjoni.

Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja*, il-Pajjiżi Kandidati t-Turkija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, l-Islanda+ u s-Serbja, il-Pajjiżi tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u kandidati potenzjali l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina u l-pajjiżi tal-EFTA l-Lichtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja u l-Ġeorġja jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.

:

Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website