Navigation path

Left navigation

Additional tools

UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 29 ta' Novembru 2012

16079/12

PRESSE 470

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani

Illum l-Assemblea Ġenerali tan-NU ser tivvota dwar abbozz ta' riżoluzzjoni li tagħti lill-Palestina l-istatus ta' Stat Osservatur Mhux Membru fin-Nazzjonijiet Uniti. Dan jiġri fi żmien meta l-aħħar eskalazzjoni fil-konflitt li għaddej bejn l-Iżrael u l-Palestina kkawżat il-mewt ta' għadd kbir ta' ċittadini innoċenti. Dan huwa rikordju ikrah tal-ħtieġa urġenti biex nersqu lejn it-tmiem tal-konflitt. Hija biss soluzzjoni politika għall-konflitt li tista' ġġib sigurtà, paċi u prosperità dejjiema għall-Palestinjani u l-Iżraeliti. Paċi nnegozjata b'mod komprensiv, li hija interess fundamentali tal-UE, kif ukoll tal-partijiet fir-reġjun, għandha u tista' tinkiseb abbażi ta' soluzzjoni ta' żewġ stati mal-Istat tal-Iżrael u Stat tal-Palestina sovran, demokratiku, kontigwu u vijabbli, billi t-tnejn li huma jgħixu fi fruntieri miftehmin u jgawdu l-paċi u s-sigurtà.

L-UE esprimiet b'mod ripetut l-appoġġ tagħha u tixtieq li l-Palestina ssir membru sħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti bħala parti mis-soluzzjoni tal-konflitt. L-UE ħadmet ukoll b'mod konsistenti biex jiġu avvanzati l-sforzi tal-Awtorità Palestinjana fil-bini tal-istat taħt il-Prim Ministru Fayyad. Hija ser tkompli tagħmel hekk. Filwaqt li tfakkar fid-Dikjarazzjoni ta' Berlin ta' Marzu 1999, l-UE ttenni li tinsab lesta li tirrikonoxxi Stat Palestinjan, meta jkun adatt.

B'ħarsa 'l quddiem wara l-vot tal-lum, huwa importanti li l-partijiet u l-atturi kollha involuti jaħdmu għar-riżoluzzjoni tal-konflitt b'impuls determinanti u b'sens ta' urġenza. L-Unjoni Ewropea tfakkar fil-pożizzjonijiet nagħrufin sew tagħha dwar ir-rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana wara l-President Abbas, ir-riżoluzzjonijiet u s-sigurtà tal-Iżrael. L-Unjoni Ewropea tappella lill-partijiet kollha biex iwettqu azzjonijiet li jwasslu għal ambjent ta' fiduċja meħtieġ biex jiġu żgurati negozjati sinifikanti u biex ma jitwettqux azzjonijiet li jimminaw il-kredibbiltà tal-proċess. L-Unjoni Ewropea tħeġġeġ liż-żewġ naħat biex ifittxu modi kostruttivi biex jegħelbu l-ostakoli attwali għall-issoktar tan-negozjati diretti mingħajr dewmien jew prekondizzjonijiet. F'dan ir-rigward hija tilqa' d-dikjarazzjonijiet pożittivi preċedentement magħmulin mill-President Abbas u mill-Prim Ministru Netanyahu u tħeġġiġhom biex iżommu dawn l-impenji.

L-Unjoni Ewropea tafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha li parametri ċari li jiddefinixxu l-bażi għan-negozjati huma elementi ewlenin għal eżitu b'suċċess, flimkien mal-evitar ta' miżuri u atti unilaterali fit-territorju li jimminaw il-fiduċja u l-vijabbiltà ta' soluzzjoni ta' żewġ stati. L-Unjoni Ewropea tafferma mill-ġdid li mhija ser tirrikonoxxi l-ebda bidla għall-fruntieri qabel l-1967 inkluż fir-rigward ta' Ġerusalemm, ħlief bidliet maqbulin mill-partijiet u tfakkar fil-pożizzjoni tagħha dwar in-negozjati, inkluż il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin f'Diċembru 2009, f'Mejju 2012 kif ukoll id-dikjarazzjoni mogħtija f'isem l-UE fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-21 ta' April 2011.

L-Unjoni Ewropea ser taħdem b'mod attiv, fil-Kwartett u ma sħab internazzjonali, b'appoġġ għall-isforzi biex fix-xhur li ġejjin iseħħu negozjati sostantivi.

Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja, il-Pajjiżi Kandidati dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, l-Islanda u s-Serbja, il-Pajjiżi tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u l-kandidat potenzjali l-Albanija, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja, u l-Ġeorġja, jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.

:

Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

:

L-Islanda għadha membru tal-EFTA u taż-Żona Ekonomika Ewropea.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website