Navigation path

Left navigation

Additional tools

UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 10 ta' Settembru 2012

(OR. en)

13600/1/12 REV 1

PRESSE 374

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea dwar it-tmiem tat-transizzjoni fis-Somalja

L-Unjoni Ewropea tifraħ lil Hassan Sheikh Mohamoud talli ġie elett bħala l-President il-ġdid tas-Somalja.

Dan il-jum hu wieħed sinifikanti fl-istorja tas-Somalja. Wara tmien snin mill-istabbiliment tal-Istituzzjonijiet Federali Transizzjonali, it-transizzjoni ġiet fi tmiemha bl-elezzjoni tal-President mill-Parlament Federali l-ġdid. L-UE tilqa' l-prospetti li ġġib magħha din l-okkażjoni għas-Somalja fir-rigward ta' paċi, prosperità u stabbiltà dejjiema lill-miljuni ta' persuni li bagħtew tul is-snin minħabba kunflitt li ġibed fit-tul. L-adozzjoni ta' Kostituzzjoni Proviżorja ġdida timmarka b'mod partikolari l-bidu ta' era demokratika ġdida fis-Somalja.

Għad hemm issa ħafna xogħol xi jsir. L-Istituzzjonijiet Federali ġodda jridu jiffinalizzaw l-elementi pendenti ewlenin tal-Kostituzzjoni Proviżorja u jibdew jaħdmu fuq sforzi ta' stabilizzazzjoni fl-oqsma aċċessibbli kollha fil-pajjiż, it-tnejn li huma kruċjali għall-futur ta' Somalja ġdida u vijabbli. Il-poplu tas-Somalja jrid jiġi assigurat li ser ikun hemm governanza tajba, trasparenza u kontabbiltà, ġustizzja u rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tiegħu, inkluża l-libertà ta' reliġjon. Fuq kollox, l-Istituzzjonijiet Federali l-ġodda jridu jilħqu lis-Somali mil-livelli kollha tas-soċjetà filwaqt li jfittxu b'mod urġenti li jiksbu rikonċiljazzjoni u żvilupp wara aktar minn għoxrin sena ta' kunflitt. L-UE tħeġġeġ lit-tmexxija Somala biex tagħti bidu għal dan il-proċess, filwaqt li taġixxi b'integrità u fl-interess tal-poplu Somalu.

L-UE tistenna b'interess il-pjan ta' ħidma tal-Gvern il-ġdid, u tissottolinja l-ħtieġa urġenti għal mekkaniżmu li jiggarantixxi l-użu tajjeb tar-riżorsi finanzjarji. L-UE tieħu din l-opportunità biex tassigura lill-poplu Somalu bl-appoġġ kontinwu tagħha. F'dan il-qafas, l-UE tappoġġa lill-AMISOM fil-missjoni tagħha biex toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp tal-forzi tas-sigurtà Somali u tikkontribwixxi għall-bini tagħhom permezz tal-impenn tal-PSDK (EUTM u EUCAP Nestor)

Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja*, il-Pajjiżi Kandidati dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, l-Islanda+ u s-Serbja*, il-Pajjiżi tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u l-kandidati potenzjali l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein, membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja u l-Ġeorġja, jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.

* Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

+ L-Islanda tibqa' membru tal-EFTA u taż-Żona Ekonomika Ewropea.


Side Bar