Navigation path

Left navigation

Additional tools

UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 26 ta' Ġunju 2012

(OR. en)

11924/12

PRESSE 299

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti b'Appoġġ għall-Vittmi tat-Tortura, is-26 ta' Ġunju 2012

Illum nixtieq nerġa' nafferma l-impenn tal-UE fil-prevenzjoni u l-eredikazzjoni tat-tortura u ta' trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti oħra u fir-riabilitazzjoni sħiħa tal-vittmi tat-tortura f'kull parti tad-dinja. Dan il-jum huwa okkażjoni biex nitkellmu b'wiċċna minn quddiem kontra dan il-ksur tal-mistħija tad-drittijiet tal-bniedem u d-dinjità tal-bniedem. It-tortura mhijiex biss traġedja għall-vittmi, hija wkoll degradanti u umiljanti għal dawk li jwettquha u għas-soċjetajiet li jittolleraw atroċità bħal din. Il-projbizzjoni assoluta tat-tortura u ta' trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti oħra hija stabbilita b'mod ċar fid-dritt internazzjonali. Ebda kultura ta' impunità mhi aċċettabbli.

Waqt li tfakkar fir-Riżoluzzjoni 66/150 adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 2011, l-UE ttenni l-kundanna tagħha, ibbażata fuq prinċipji, tal-forom kollha tat-tortura u ta' trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti oħra, inkluż permezz ta' intimidazzjoni, li huma u għandhom jibqgħu pprojbiti dejjem u kullimkien u għaldaqstant ma jistgħu qatt jiġu ġġustifikati. L-UE tappella lill-Istati kollha biex jimplimentaw b'mod sħiħ il-projbizzjoni assoluta u mhux derogabbli tat-tortura u ta' trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti oħra.

L-UE tħeġġeġ lill-Istati kollha li s'issa għadhom m'għamlux dan biex isiru parti għall-Konvenzjoni bħala prijorità, u titlob lill-Istati parti biex iqisu minn kmieni li jiffirmaw u jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni. L-UE tilqa' r-ratifika reċenti tal-OPCAT mill-Filippini, il-Mawritanja, il-Venezwela, il-Kap Verde, it-Tuneżija, it-Turkija u l-Panama. L-UE titlob ukoll lill-Istati kollha biex jistabbilixxu jew iżommu mekkaniżmi indipendenti u effettivi biex jissorveljaw il-postijiet ta' detenzjoni bil-ħsieb li jipprevjenu atti ta' tortura jew trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti oħra.

L-UE titlob ukoll lill-Istati kollha biex jadottaw approċċ sensittiv għall-ġeneru fil-ġlieda kontra t-tortura jew trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti oħra, waqt li jagħtu attenzjoni speċjali għall-vjolenza abbazi tal-ġeneru.

L-Unjoni Ewropea tilqa' u tappoġġa l-ħidma li saret min-NU, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE fil-ġlieda kontra t-tortura. Il-kooperazzjoni mill-Istati ma' mekkaniżmi internazzjonali, bħar-Relatur Speċjali tan-NU, il-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura, hija essenzjali biex is-sistema internazzjonali tagħna ta' protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem nagħmluha effettiva.

Permezz tal-finanzjament fil-livell nazzjonali u f'dak tal-UE, aħna noffru appoġġ sostanzjali lill-organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza medika, soċjali, legali u assistenza oħra lil ħafna rġiel, nisa u tfal li huma vittmi tat-tortura bil-għan li jerġgħu jiksbu s-saħħa u d-dinjità tagħhom bħala bnedmin. Aktar kmieni dan ix-xahar fl-1 ta' Ġunju l-UE għamlet sejħa ġdida għall-proposti msejħa "Il-Ġlieda kontra l-Impunità", li hija mmirata biex tappoġġa l-azzjonijiet tas-soċjetà ċivili kontra t-tortura u trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti oħra. L-ammont totali ta' sejħiet għal proġetti kontra t-tortura huwa ta' EUR 16.215-il miljun.

L-UE tieħu din l-opportunità biex tfaħħar l-isforzi persistenti ta' ħafna NGOs u individwi li jaħdmu bla heda għall-prevenzjoni tat-tortura u biex inaqqsu t-tbatija tal-vittmi, kif ukoll biex jimmobilizzaw l-opinjoni pubblika f'dan il-jum importanti fil-kalendarju tan-NU.

Irridu nibqgħu magħqudin biex ikollna dinja mingħajr tortura.

Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja*, il-Pajjiżi Kandidati t-Turkija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, l-Islanda+ u s-Serbja*, il-Pajjiżi tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u l-kandidati potenzjali l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja, jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.

* Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

+ L-Islanda tibqa' membru tal-EFTA u taż-Żona Ekonomika Ewropea.


Side Bar