Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 19 ta' April 2012

(OR. en)

8955/1/12 REV 1

PRESSE 162

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli f'isem l-Unjoni Ewropea: L-UE tappoġġa ċ-Ċentru Konġunt ta' Operazzjonijiet għall-ġlieda kontra l-Lord's Resistance Army ta' Kony

L-Unjoni Ewropea (UE) tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi internazzjonali biex tintemm il-kampanja ta' terrur li ilha għaddejja minn Joseph Kony u l-Lord's Resistance Army L-UE tappoġġa l-Inizjattiva ta' Kooperazzjoni Reġjonali tal-Unjoni Afrikana biex issaħħaħ l-isforzi reġjonali għall-ġlieda kontra l-LRA. Hija qed tagħti għajnuna finanzjarja lill-Uffiċċju tal-Mibgħut Speċjali tal-Unjoni Afrikana għall-kwistjonijiet tal-LRA u l-ħolqien ta' Ċentru Konġunt ta' Operazzjonijiet biex it-Task Force Reġjonali ta' 5,000 ruħ minn Uganda, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u s-Sudan t'Isfel ikunu jistgħu jieħdu azzjoni malajr u b'mod effettiv konra l-LRA.

L-UE tat għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet milquta mill-attivitajiet tal-LRA, kif ukoll għajnuna bilaterali lill-erba' pajjiżi milquta mil-LRA: biex jiġu mħeġġu diżerzjonijiet mil-LRA, jitħarsu l-irħula, jissaħħaħ l-istat tad-dritt u tittejjeb il-governanza, u tingħata għajnuna fir-ritorn u fl-appoġġ tar-refuġjati mill-attivitajiet tal-LRA. Bħala ko-president tal-Grupp ta' Ħidma Internazzjonali dwar l-LRA, l-UE hija minn ta' quddiem fl-isforzi diplomatiċi biex il-kwistjoni tal-LRA tinżamm fuq l-aġenda internazzjonali. L-UE tikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-atroċitajiet imwettqa mil-Lord's Resistance Army u tappella għall-arrest ta' Joseph Kony u mexxejja oħra tal-LRA akkużati mill-Qorti Kriminali Internazzjonali. L-UE tieħu impenn li tibqa' involuta sa ma din il-pjaga tkun fl-aħħar tneħħiet.

Il-Pajjiż Aderenti l-Kroazja*, il-Pajjiżi Kandidati t-Turkija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja*, il-Montenegro*, l-Islanda+ u s-Serbja*, il-Pajjiżi tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u l-kandidati potenzjali l-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja u l-Ġeorġja jaderixxu ma' din id-dikjarazzjoni.

*Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

+L-Islanda tibqa' membru tal-EFTA u taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Noti għall-edituri

L-UE tat l-għajnuna bilaterali segwenti lill-erba' pajjiżi affettwati mil-LRA:

  • - L-Istati Membri tal-UE taw kontributi sinifikanti lil programmi biex iħeġġu diżerzjonijiet mil-LRA u jipprovdu sistemi radjofoniċi ta' twissija bikrija biex jipproteġu lill-irħula.

  • L-UE u l-Istati Membri tagħha qed jimplimentaw għadd ta' programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp fil-pajjiżi affettwati mil-LRA, li għandhom l-għan li jsaħħu l-istat tad-dritt, jibnu l-kapaċità ta' governanza lokali u jintegraw mill-ġdid membri preċedenti tal-LRA fil-komunitajiet ta' darhom.

  • - Fin-naħa ta' fuq tal-Uganda, l-UE appoġġat programm ta' żvilupp wara l-kunflitt ta' €87.6 million fuq ħames snin, li għen biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn ta' ħafna mir-refuġjati minħabba l-attivitajiet tal-LRA.

Bħala parti mill-programm tagħha ta' għajnuna umanitarja fir-reġjun, l-UE tipprovdi għall-ħtiġijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet li bħalissa huma affettwati mil-LRA. L-UE tat kontribuzzjoni ta' €9 miljun għal dan il-għan fl-2011.

L-UE tappoġġa approċċ ta' bosta aspetti u ħeġġet lin-NU u l-UA jiżviluppaw strateġija komprensiva għall-ġlieda kontra l-attivitajiet tal-LRA.


Side Bar