Navigation path

Left navigation

Additional tools

KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA

MT

Brussell, 3 ta’ Mejju 2011
(OR. en)

9607/1/11 REV 1

PRESSE 122

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, f'isem l-UE fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa, it-3 ta' Mejju 2011

"Il-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni hija dritt fundamentali ta' kull persuna u parti inerenti mid-dinjità tal-bniedem. Hija wkoll element fundamentali tad-demokrazija u kruċjali għaċ-ċirkolazzjoni libera tal-informazzjoni li kulħadd hu intitolat għaliha. Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Libertà tal-Istampa, l-Unjoni Ewropea tfakkar f'dawn il-prinċipji bażiċi, minquxa fil-liġi internazzjonali, u r-rwol essenzjali li jwettqu l-istampa u l-mezzi tax-xandir indipendenti u liberi. L-UE tfaħħar b'mod partikolari l-ħidma imprezzabbli tal-bosta ġurnalisti u professjonisti fil-qasam tax-xandir madwar id-dinja li b'dedikazzjoni u kuraġġ jikkontribwixxu biex tinkixef il-verità dwar ġrajjiet li jkunu qed iseħħu.

Kif juru l-ġrajjiet riċenti f'pajjiżi ġirien tal-UE, huwa grazzi mhux biss għall-impenn professjonali tal-ġurnalisti u professjonisti oħra fil-qasam tax-xandir, iżda wkoll għall-bosta bloggers privati, li d-dinja ssir taf dwar is-sitwazzjoni fil-post u l-aspirazzjonijiet tal-popli għal-libertà u l-ġustizzja soċjali. Madankollu, bosta ġurnalisti, b'mod partikolari f'żoni ta' konflitt, jiffaċċjaw periklu kontinwu biex jikkomunikaw informazzjoni minn ras il-għajn, kultant b'riskju anke għal ħajjithom. F'ħafna każijiet, jisfgħu fil-mira ta' dawk li ma jogħġobhomx il-kontenut tal-informazzjoni li jikxfu, u jiġu arrestati jew maħtufa, ittorturati jew maqtula. L-UE tappella lill-gvernijiet kollha biex josservaw in-normi internazzjonali għall-ħarsien tal-libertà tal-istampa u l-mezzi tax-xandir u biex jeħilsu bla dewmien il-ġurnalisti u l-bloggers kollha detenuti illegalment.

Iċ-ċensura u t-trattament ħażin tal-ġurnalisti huma inaċċettabbli. Sfortunatament, għad fadal wisq pajjiżi fejn l-aċċess għall-informazzjoni u l-libertà tal-ġurnaliżmu huma ristretti. L-internet u l-mezzi soċjali saru mod importanti kif titħaddem il-libertà tal-espressjoni; huma jipprovdu aċċess għall-informazzjoni mingħajr preċedenti u mod ta' komunikazzjoni bl-ikbar udjenza possibbli. Huwa għalhekk li l-UE topponi bil-qawwa kull restrizzjoni inġustifikata fuq l-internet u mezzi ġodda oħra tal-informazzjoni.

L-UE tappella lill-Istati kollha biex b'mod proattiv jippromwovu l-libertà tal-opinjoni u l-espressjoni kif ukoll il-pluraliżmu u l-indipendenza tal-mezzi tal-informazzjoni."

Il-Pajjiżi Kandidati t-Turkija, il-Kroazja*, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja* u l-Islanda+, il-Pajjiżi tal-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u l-kandidati potenzjali l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, is-Serbja, u l-pajjiżi tal-EFTA l-Liechtenstein u n-Norveġja, membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova, l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Ġeorġja jallinjaw ruħhom ma' din id-dikjarazzjoni.

* Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Montenegro għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni.

+ L-Islanda tibqa' membru tal-EFTA u taż-Żona Ekonomika Ewropea.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website