Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u tweġibiet: Il-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima spjegati

Brussell, it-18ta' gunju 2019

X'inhuma l-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs)?

Il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) huma l-ewwel għodod integrati ta' ppjanar ta' nofs it-terminu li l-Istati Membri qatt kellhom iħejju fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija u partikolarment il-miri miftiehma tal-UE dwar l-enerġija u l-klima għall-2030. L-NECPs jiddeskrivu kif kull Stat Membru qed jippjana li jikkontribwixxi għall-ksib tal-objettivi komuni tal-Unjoni tal-Enerġija.

L-NECPs iridu jsegwu struttura vinkolanti stabbilita mir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika biex tiġi żgurata l-komparabbiltà u l-konsistenza politika filwaqt li jiġi promoss dibattitu Ewropew wiesa' dwar il-prijoritajiet tal-enerġija u l-klima. Għaldaqstant, l-NECPs jirriflettu l-loġika tal-ħames dimensjonijiet tal-Unjoni tal-Enerġija. L-effiċjenza enerġetika l-ewwel; suq tal-enerġija intern kompletament integrat; id-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija; is-sigurtà, is-solidarjetà u l-fiduċja tal-enerġija, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività. Għal kull dimensjoni, l-Istati Membri huma meħtieġa jinkludu l-miri, l-objettivi u/jew il-kontributi kif ukoll il-politiki u l-miżuri għall-ksib tal-għanijiet nazzjonali. L-NECPs iridu jkunu msejsa fuq analiżi soda li tikkunsidra l-impatt mistenni tal-politiki u l-miżuri proposti. L-NECPs iridu jiġu diskussi wkoll kemm mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali kif ukoll mal-Istati Membri ġirien. L-NECPs huma għodod essenzjali għal tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u jipprovdu ċertezza fl-investiment għall-industrija tal-Ewropa.

L-Istati Membri kollha tal-UE kellhom jinnotifikaw l-abbozzi tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tagħhom (NECPs) sal-31 ta' Diċembru 2018. L-iskadenza biex jintbagħtu l-pjanijiet finali hija stabbilita għall-31 ta' Diċembru 2019. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-lum u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huma parti minn proċess iterattiv mal-Istati Membri li se jiżgura li l-verżjonijiet finali tal-NECPs ikunu dettaljati, robusti u ambizzjużi biżżejjed.

X'adottat il-Kummissjoni llum? X'inhu l-messaġġ ewlieni li l-Kummissjoni qed twassal lill-Istati Membri llum?

Bil-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tal-lum, il-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tal-ewwel abbozzi tal-Pjanijiet Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) li qatt saru u timmira li tappoġġa lill-Istati Membri fil-finalizzazzjoni ta' dawk il-pjanijiet sa tmiem l-2019. L-objettiv huwa li jiġu stabbiliti l-istrumenti xierqa tal-ippjanar, li jingħata appoġġ lill-Istati Membri u li l-Unjoni tkun tista' tilħaq kollettivament l-objettivi tagħha tal-Unjoni tal-Enerġija fil-ħames dimensjonijiet kollha, u b'mod partikolari l-miri tal-enerġija u tal-klima għall-2030.

Il-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet jitolbu lill-Istati Membri jtejbu l-abbozzi tal-pjanijiet tagħhom f'diversi modi:

  • Rigward il-kontributi dwar l-effiċjenza enerġetika u s-sorsi rinnovabbli, xi Stati Membri qed jintalbu jżidu l-isforzi u jisfruttaw aħjar il-potenzjal nazzjonali tagħhom filwaqt li oħrajn jeħtieġ li jikkonfermaw l-objettivi tagħhom li huma diġà ambizzjużi.
  • L-Istati Membri huma wkoll mitluba li jistabbilixxu objettivi li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, li jkunu realistiċi u li jkunu marbutin ma' skeda ta' żmien fil-ħames dimensjonijiet kollha.
  • Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma mitluba wkoll biex jissostanzjaw aktar il-ksib tal-miri u l-kontributi nazzjonali tagħhom b'politiki u miżuri addizzjonali aktar konkreti, u dan għad-dimensjonijiet kollha.

Dan huwa l-ewwel eżerċizzju ta' dan it-tip u, matul ix-xhur li għaddew, l-Istati Membri ħadmu b'mod kostruttiv mal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tgħinhom itejbu l-verżjonijiet finali tal-NECPs tagħhom u biex jieħdu kont dovut tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tippromwovi dibattitu inklużiv dwar l-NECPs, tappoġġa l-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri u tipprovdi assistenza teknika meta tintalab.

Il-miri tal-2030 għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika huma fir-riskju li ma jintlaħqux?

Kif inhuma bħalissa, l-abbozzi tal-NECPs ma joffrux biżżejjed kontributi, la għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u lanqas għall-effiċjenza enerġetika. Għas-sorsi rinnovabbli, id-distakk jista' saħansitra jkun daqs 1.6 punti perċentwali. Għall-effiċjenza enerġetika, id-distakk jista' saħansitra jkun daqs 6.2 punti perċentwali (jekk jitqies il-konsum tal-enerġija primarja) jew 6 punti perċentwali (jekk jitqies il-konsum tal-enerġija finali).

L-aħbar it-tajba hi li l-Istati Membri issa għandhom sitt xhur biex jgħollu l-livell ta' ambizzjoni nazzjonali tagħhom. L-għan komuni tagħna huwa li niżguraw li s-somma tal-kontributi nazzjonali kif ippreżentata fl-NECPs finali tikkorrispondi mill-inqas għal-livell tal-miri miftiehma tal-UE (32 % għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli; 32.5 % għall-effiċjenza enerġetika).

Dawn il-pjanijiet kif jaffettwaw l-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi?

Skont il-Ftehim ta' Pariġi, l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet domestiċi ta' gassijiet b'effett ta' serra b'mill-inqas 40 % sal-2030, meta mqabbel mal-1990. Abbażi tal-miżuri ppjanati jew tal-ambizzjonijiet nazzjonali ddikjarati ta' tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra inklużi fl-abbozz tal-pjanijiet nazzjonali għall-klima u l-enerġija (u permezz ta' suppożizzjonijiet konservattivi għall-pajjiżi fejn dan mhuwiex disponibbli), huwa stmat li t-tnaqqis kumplessiv tal-gassijiet b'effett ta' serra għall-UE huwa konformi mal-mira tat-tnaqqis ta' -40 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra għall-2030, meta mqabbel mal-1990.

Bl-implimentazzjoni sħiħa tal-miri adottati għall-2030 għall-klima, l-enerġija u l-mobbiltà nadifa, nistgħu nistennew saħansitra li nnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra b'madwar 45 % fl-2030, meta mqabbel mal-1990. Madankollu, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni turi li l-livell ta' ambizzjoni fl-abbozzi tal-NECPs għadu mhux se jwassalna f'dak il-punt.

Kemm qed jagħmlu progress l-Istati Membri fil-ksib tal-miri nazzjonali tagħhom għall-gassijiet b'effett ta' serra għall-emissjonijiet mhux koperti mis-Skema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet?

L-Istati Membri qed jippjanaw politiki addizzjonali biex jiksbu l-miri nazzjonali vinkolanti tagħhom għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra li mhumiex koperti mill-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS). Jekk jittieħdu f'daqqa, dawn diġà jnaqqsu l-emissjonijiet bi 28 % fl-2030, meta mqabbel mal-2005. Dan jirrappreżenta progress sinifikanti meta mqabbel mal-projezzjonijiet ta' qabel, iżda xorta jħalli distakk għall-UE sħiħa ta' 2 punt perċentwali fir-rigward tal-mira ta' -30 % miftiehma bħala l-kontribut minimu tas-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS.

Il-miri tal-Istati Membri jvarjaw bejn tnaqqis ta' żero u 40 %. L-Istati Membri għandhom flessibbiltà sinifikanti dwar kif jistgħu jilħqu l-miri. Il-miżuri domestiċi jiffukaw b'mod partikolari fuq is-setturi tal-bini u tat-trasport. Xi Stati Membri jipprevedu li se jużaw trasferimenti bejn l-Istati Membri jew li jużaw ċertu ammont ta' assorbimenti addizzjonali tal-emissjonijiet fis-setturi tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija.

Dawn il-pjanijiet kif jaffettwaw l-istrateġija fit-tul tal-UE dwar in-newtralità tal-klima għall-2050?

Il-Kummissjoni pproponiet li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050. Il-Parlament Ewropew diġà approva din l-ambizzjoni, filwaqt li l-Kunsill għadu qed jiddiskuti l-kwistjoni.

Skont ir-Regolament dwar il-Governanza, l-Istati Membri iridu wkoll jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali fit-tul tagħhom sa Jannar 2020. Kemm l-NECPs kif ukoll l-istrateġiji fit-tul jeħtieġ li jiġu żviluppati b'mod kumplimentari, biex ikun hemm konsistenza mal-miri għall-2030 u l-objettivi fit-tul. Sadanittant, aktar minn nofs l-abbozzi tal-NECPs diġà jinkludu objettivi jew ambizzjonijiet għall-2050, għalkemm b'livelli differenti ta' dettall.

Dan kif se jaffettwa liċ-ċittadini u lill-konsumaturi Ewropej?

Din il-valutazzjoni hija pass kruċjali fid-dawl tal-finalizzazzjoni ta' NECPs solidi, robusti, kompluti u affidabbli. Min-naħa tagħhom, dawn il-pjanijiet se jkunu essenzjali biex jinkisbu l-miri ambizzjużi għall-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika. Bil-koordinazzjoni tal-politiki u tal-miżuri u bl-indirizzar tal-ħtiġijiet identifikati għall-investiment u l-innovazzjoni, l-NECPs se jippromwovu ċ-ċertezza tal-investiment u r-riformi strutturali filwaqt li jixprunaw it-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa. L-NECPs se jkollhom ukoll rwol kruċjali fil-promozzjoni tat-trasformazzjoni kosteffettiva tal-bażi industrijali tagħna lejn industrija newtrali għall-klima, ċirkolari u sostenibbli, li tibbenefika lis-soċjetà u lill-pjaneta b'mod ugwali. Fl-aħħar nett, NECPs kredibbli jippermettu lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhux membri tal-UE dwar il-prijoritajiet tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-abbozzi tal-NECPs toffri għarfien uniku dwar id-direzzjoni li mexjin fiha l-objettivi tal-Istati Membri għall-enerġija u l-klima. Ir-rakkomandazzjonijiet joffru bażi komuni, solida u komparabbli li s-soċjetà ċivili tista' tuża biex tinvolvi ruħha aktar fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-isfidi komuni u l-prijoritajiet fit-tul tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija u tal-klima.

Din il-valutazzjoni se toffri elementi addizzjonali biex tidderieġi l-konsultazzjonijiet pubbliċi, id-djalogi f'diversi livelli u l-proċessi ta' kooperazzjoni reġjonali li ġejjin, kif previst mir-Regolament dwar il-Governanza.

X'inhu l-qafas leġiżlattiv għall-NECPs?

Ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika (ir-Regolament dwar il-Governanza) daħal fis-seħħ fl-24 ta' Diċembru 2018 Ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-politiki dwar l-enerġija u l-klima fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha.

L-Istati Membri għandhom juru fl-NECP tagħhom kif se jikkontribwixxu għall-ksib tal-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija, b'mod partikolari l-objettivi tal-UE dwar l-enerġija u l-klima għall-2030. Dawk jinkludu l-miri tal-UE ta' mill-inqas 32 % għall-enerġija rinnovabbli u mill-inqas 32.5 % għall-effiċjenza enerġetika kif stabbilit mid-Direttiva riveduta dwar l-Effiċjenza Enerġetika u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli li daħlu fis-seħħ tard fl-2018.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Is-sitt xhur li jmiss — sa tmiem l-2019 — se jkunu kruċjali biex jiġu ffinalizzati l-NECPs. Il-Kummissjoni issa qed tappella lill-Istati Membri biex itejbu l-NECPs tagħhom fuq il-bażi tal-Komunikazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tal-lum.

Sabiex jiġi żgurat li l-NECPs finali ppreżentati sa tmiem l-2019 jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha u jilħqu l-miri ambizzjużi tal-UE għall-2030, il-Kummissjoni qed tistieden lill-Kunsill jiftaħ dibattitu dwar il-prijoritajiet ewlenin identifikati minn din il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet biex jiġi żgurat li l-NECPs finali jkun fihom livell adegwat ta' ambizzjoni.

Sabiex jiġi massimizzat l-impatt tal-iskambji li ġejjin, il-Komunikazzjoni identifikat [seba'] prijoritajiet ewlenin sabiex jiġu strutturati l-iskambji futuri: Li negħlbu d-distakki kollha fl-“ambizzjoni” u l-politika għall-2030; li jiġu involuti l-ministeri rilevanti kollha fil-livell nazzjonali; li jkun hemm l-aħjar kooperazzjoni possibbli mal-Istati Membri ġirien; li l-NECPs jintużaw għall-appoġġ tal-industrija, tal-kompetittività u tal-innovazzjoni; l-attirar tal-investiment u l-identifikazzjoni tal-opportunitajiet ta' finanzjament; li d-dimensjoni soċjali tiġi integrata bis-sħiħ; li jiġu kkunsidrati l-objettivi fuq żmien twil u viżjoni fit-tul.

 

 

MEMO/19/2997

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar