Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet: limiti massimi fuq it-telefonati u l-SMS internazzjonali fl-UE

Brussell, it-13ta' mejju 2019

Sa liema punt se jiswew inqas it-telefonati u l-SMS minn pajjiż tal-UE għal ieħor bis-saħħa tar-regoli l-ġodda tal-UE dwar it-telekomunikazzjonijiet?

Mill-15 ta' Mejju 2019, il-prezzijiet tat-telefonati permezz tal-linja fissa u tal-mowbajl jew l-SMS minn pajjiż tal-UE għal ieħor se jkunu limitati għal 19-il ċenteżmu l-minuta (+VAT) u 6 ċenteżmi għal kull SMS (+VAT). Dan il-prezz ma jinkludix il-VAT, u din tvarja skont l-Istat Membru tal-UE tal-operatur minn fejn issir it-telefonata (ir-rati tal-VAT tal-Istati Membri Ewropej ivarjaw bejn 17 % u 27 %). Ara r-rati tal-VAT fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Eżempju: Maria tgħix l-Italja u t-tifla tagħha taħdem fil-Belġju. Normalment iċċempel lit-tifla tagħha għal madwar sagħtejn fix-xahar. It-telefonata mil-linja fissa u bl-użu ta' pjan nazzjonali Taljan tiswa €0.89 il-minuta, jiġifieri Maria tonfoq madwar €105 kull xahar biex iċċempel lit-tifla tagħha. Bir-regoli l-ġodda, Maria se tibda tħallas massimu ta' €0.23 (inkluża l-VAT) il-minuta, jiġifieri massimu ta' €27 għall-istess ħin ta' telefonati. Dan huwa erba' darbiet inqas minn qabel, jiġifieri ffrankar totali ta' €78 kull xahar.

 

X'inhi d-differenza bejn it-telefonati internazzjonali u r-roaming?

Ir-roaming ifisser li inti tkun qed tuża l-mowbajl tiegħek meta tkun qed tivvjaġġa f'pajjiż ieħor. Mill-15 ta' Ġunju 2017, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jużaw ir-roaming bi prezzijiet nazzjonali meta jkunu qed jivvjaġġaw fl-UE. In-nies jistgħu jużaw il-mowbajls tagħhom barra minn pajjiżhom mingħajr spejjeż żejda. Dan il-prinċipju roam-like-at-home huwa validu għat-telefonati u l-SMS kollha kif ukoll għall-użu tad-data: it-tariffi li japplikaw jibqgħu l-istess bħal li kieku l-persuna qiegħda d-dar. Lil hinn minn użu ġust tas-servizzi tar-roaming bi prezz nazzjonali, jistgħu jiġu applikati ħlasijiet addizzjonali biex jiġi evitat l-użu abbużiv tas-servizzi tar-roaming. Tista' ssib aktar informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet eżatti hawn.

It-telefonati u l-SMS internazzjonali (l-hekk imsejħa komunikazzjonijiet intra-UE) ifissru li l-konsumaturi jċemplu numru tat-telefown ta' pajjiż ieħor tal-UE b'mowbajl nazzjonali jew minn linja fissa filwaqt li jkunu d-dar. Innota li malli jkunu barra pajjiżhom, it-telefonati tagħhom isiru telefonati bir-roaming, soġġetti għar-regoli tal-UE dwar ir-roaming, li jfisser li jitħallsu bħala telefonata nazzjonali, anki jekk ikunu qed iċemplu numru tat-telefown ta' Stat Membru ieħor.

Eżempju: Marcin jgħix il-Polonja u għandu mowbajl ma' operatur Pollakk. Meta jkun qed jivvjaġġa fil-Belġju jkun qed juża r-roaming: bis-saħħa tal-prinċipju roam-like-at-home, it-tariffa tat-telefonati kollha tiegħu lejn il-Polonja jew lejn Stat Membru ieħor hija l-istess bħallikieku kien fil-Polonja u qed iċempel numru Pollakk. Meta Marcin ikun id-dar u jċempel numru tat-telefown ta' pajjiż ieħor tal-UE, se jkollu jħallas massimu ta' 19-il ċenteżmu l-minuta (+VAT).

 

F'liema pajjiżi japplikaw ir-regoli l-ġodda?

Fit-28 pajjiż tal-UE kollha: L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Iżvezja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Ungerija.

Għat-telefonati u l-SMS li joriġinaw min-Norveġja, mill-Iżlanda u mil-Liechtenstein ir-regoli se jkunu applikabbli malli jkunu inkorporati fil-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea.

 

Ir-regola tapplika għal kulħadd?

Il-prezz massimu huwa limitat għall-użu personali biss, jiġifieri għall-klijenti privati. Il-klijenti kummerċjali huma esklużi minn din ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet minħabba li bosta fornituri għandhom offerti speċjali li huma partikolarment attraenti għall-klijenti kummerċjali.

 

Hemm xi limiti għall-użu tal-minuti jew tal-SMS bil-prezzijiet aktar baxxi?

Le, m'hemm l-ebda limitu.

Eżempju: Mill-Italja, Maria se tkun tista' iċċempel lit-tifla tagħha fil-Belġju kemm-il darba trid bil-prezz massimu ta' 19-il ċenteżmu l-minuta (+VAT).

 

Iċ-ċittadini tal-UE se jiġu nnotifikati bil-prezzijiet il-ġodda fil-15 ta' Mejju? Jekk iva, kif?

Iva. L-operaturi li jkunu qed joffru s-servizzi tagħhom fl-UE huma obbligati li jinnotifikaw il-prezzijiet il-ġodda. L-operaturi jistgħu jagħżlu kif jikkuntattjaw il-klijenti tagħhom (eż. b'SMS jew b'email).

 

Il-limiti tal-prezzijiet japplikaw awtomatikament jew iridu jagħmlu xi ħaġa ċ-ċittadini biex jibbenefikaw mill-prezzijiet aktar baxxi?

L-operaturi jridu joffru limiti massimi tal-prezzijiet għat-telefonati internazzjonali u għall-SMS b'mod awtomatiku. Għalhekk il-konsumaturi għandhom jibbenefikaw awtomatikament mit-tariffa l-ġdida ladarba tidħol fis-seħħ, mingħajr ebda azzjoni ulterjuri min-naħa tagħhom.

 

X'se jiġri fil-każ tas-servizzi f'pakkett? Il-limiti l-ġodda tal-prezzijiet kif se jaffettwaw dawn l-offerti?

Jekk il-konsumaturi jkollhom pakkett li jinkludi volum fiss ta' telefonati u/jew SMS internazzjonali fl-UE għal prezz fiss, il-limitu tal-prezz ma japplikax.

Madankollu, jekk il-konsumaturi jqisu li l-pakkett tagħhom ma jibqax joffri l-aħjar valur għal flushom wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-limitu tal-prezzijiet, dejjem jistgħu jaqilbu għal tariffa għal kull minuta għat-telefonati u għall-SMS intra-UE.

Eżempju: Mario għandu abbonament li jinkludi 50 minuta ta' telefonati fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, kif ukoll telefonati nazzjonali bla limitu u data nazzjonali bla limitu, għal €30. Hemm xhur meta ma jużax il-50 minuta kollha, iżda b'mod ġenerali kkalkula li l-abbonament huwa aktar ta' benefiċċju għalih għax jinkludi servizzi oħra li juża ħafna. Għal dik ir-raġuni, jista' jkompli bl-istess tariffa bħal qabel. Ma japplika l-ebda limitu fuq il-prezzijiet f'dan il-każ.

 

Hemm xi eċċezzjonijiet għal dawn il-limiti?

Taħt ċirkostanzi ta' eċċezzjoni, l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali għall-komunikazzjonijiet elettroniċi jistgħu jagħtu deroga lil operatur mir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet. Id-deroga hija eċċezzjonali u tikkonċerna lill-operaturi li huma speċjalizzati fit-telefonati internazzjonali, jew li jkollhom marġni ta' profitt baxx ħafna fuq il-prezzijiet nazzjonali.

Ir-regolatur nazzjonali responsabbli għat-telekomunikazzjonijiet għandu jkollu lista ta' fornituri, li jistgħu jingħataw l-eċċezzjoni.

 

X'benefiċċji tagħti r-riforma ġenerali tal-UE dwar it-telekomunikazzjonijiet lill-Ewropej?

Il-limiti tal-prezzijiet għat-telefonati ġewwa l-UE huma parti mir-riforma tar-regoli tat-telekomunikazzjonijiet fl-UE kollha biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u jissaħħaħ ir-rwol tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC).

Ir-regoli l-ġodda dwar it-telekomunikazzjonijiet:

- Isaħħu l-iskjerament tan-netwerks tal-5G billi jiżguraw id-disponibbiltà tal-ispettru tar-radju tal-5G sa tmiem l-2020 fl-UE u billi jipprovdu prevedibbiltà lill-operaturi għal mill-inqas 20 sena f'termini tal-liċenzjar tal-ispettru; inkluż fuq il-bażi ta' koordinazzjoni aħjar tal-assenjamenti ppjanati tal-ispettru tar-radju.

- Jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta' netwerks fissi ġodda ta' kapaċità għolja ħafna:

  • b'regoli ċari għall-koinvestimenti u bil-promozzjoni tal-kondiviżjoni tar-riskji;
  • billi jippromwovu l-kompetizzjoni sostenibbli, speċjalment fir-rigward tas-sistemi tal-wajers, il-kanali u l-kejbils fil-binjiet;
  • billi joħolqu reġim regolatorju speċifiku għall-operaturi bl-ingrossa biss (operaturi li jbigħu s-servizzi tagħhom fis-suq tal-operaturi biss u li m'għandhomx offerti bl-imnut).

- Huma ta' benefiċċju u jipproteġu lill-konsumaturi, irrispettivament minn jekk l-utenti finali jikkomunikawx permezz ta' servizzi tradizzjonali (telefonati, sms) jew ibbażati fuq il-web (Skype, WhatsApp, eċċ) billi:

  • jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess għal servizzi tal-komunikazzjoni bi prezzijiet aċċessibbli, fosthom l-aċċess għall-internet disponibbli għal kulħadd, għal servizzi bħalma huma dawk tal-gvern elettroniku, tas-servizzi bankarji online jew tat-telefonati bil-vidjo;
  • jiżguraw li t-telefonati internazzjonali ġewwa l-UE ma jiswewx aktar minn 19-il ċenteżmu l-minuta, filwaqt li jiżguraw li r-regoli l-ġodda ma joħolqux distorsjoni fil-kompetizzjoni, fl-innovazzjoni u fl-investiment;
  • jagħtu eċċess ekwivalenti lill-komunikazzjonijiet għall-utenti finali b'diżabbiltà;
  • jippromwovu trasparenza aħjar tat-tariffi u tqabbil tal-offerti kuntrattwali;
  • jiggarantixxu sigurtà aħjar kontra l-hacking, il-malwer, eċċ;
  • jipproteġu aħjar il-konsumaturi li jabbonaw għal pakketti ta' grupp ta' servizzi;
  • jagħmluha aktar faċli biex wieħed ibiddel il-fornitur tas-servizz filwaqt li jżomm l-istess numru tat-telefown, inkluż regoli għal kumpensi jekk il-proċess ma jirnexxix jew jekk idum wisq;
  • iżidu l-protezzjoni taċ-ċittadini f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, inkluż l-identifikazzjoni aktar preċiża tal-lokalizzazzjoni ta' min qed iċempel f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, l-estensjoni tal-komunikazzjonijiet ta' emerġenza għall-messaġġi u t-telefonati bil-vidjo, u l-istabbiliment ta' sistema biex jintbagħtu twissijiet pubbliċi fuq il-mowbajls. 

Għal Aktar Informazzjoni

Stqarrija għall-istampa

Regolament dwar il-BEREC

MEMO/19/2430

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar