Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar il-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi

Brussell, it-12ta' marzu 2019

X'inhi l-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi?

Il-lista tal-UE hija għodda komuni għall-Istati Membri biex jindirizzaw riskji esterni tal-abbuż tat-taxxa u l-kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa. Din ġiet stabbilita l-ewwel fl-Istrateġija Esterna tal-Kummissjoni għal Tassazzjoni Effettiva tal-2016, li rrimarkat li lista sewda waħda tal-UE tkun tiswa ħafna iktar minn għadd ta' listi nazzjonali, u jkollha effett dissważiv fuq pajjiżi terzi problematiċi. L-Istati Membri appoġġaw l-idea, u f'Diċembru 2017 qablu dwar l-ewwel lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx. Din il-lista nħolqot wara li sar skrinjar estensiv ta' 92 ġurisdizzjoni, skont kriterji ta' governanza tajba rikonoxxuti internazzjonalment. Il-pajjiżi li fl-aħħar iddaħħlu fil-lista s-sewda kienu dawk li naqsu milli jimpenjaw ruħhom sew biex jikkonformaw mal-istandards ta' governanza tajba miftiehma. Ħafna pajjiżi oħra impenjaw ruħhom li jikkonformaw mal-kriterji tal-elenkar sa ċertu żmien stabbilit (normalment sa tmiem l-2018). L-Istati Membri qablu li dawn il-pajjiżi għandhom jiġu segwiti mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta u mill-Kummissjoni, biex jiġi żgurat li dawn iwettqu l-impenji tagħhom bis-sħiħ u fil-ħin. Meta ġiet stabbilita l-iskadenza, il-Kummissjoni ntalbet tivvaluta l-progress ta' dawn il-pajjiżi, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu fuq lista aġġornata tal-UE.

X'inhuma r-riżultati ewlenin tal-proċess tal-elenkar?

Il-lista riveduta timmarka l-qofol ta' proċess twil u intensiv ta' analiżi bir-reqqa u djalogu ma' pajjiżi terzi mmexxija mill-Kummissjoni. Din tixhed ir-rwol tal-UE bħala mexxejja dinjija f'dik li hi governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Il-proċess ċar, kredibbli u trasparenti qed jagħti l-frott: minn Diċembru 2017, ħafna mill-pajjiżi li ġew skrinjati qed ibiddlu l-liġijiet nazzjonali u s-sistemi fiskali tagħhom biex jikkonformaw mal-istandards internazzjonali.

Il-proċess huwa ġust għax it-titjib qed joħroġ bid-dieher fil-lista u saħħaħ it-trasparenza peress li l-ittri ta' impenn tal-pajjiżi ġew ippubblikati online. Il-proċess tal-elenkar tal-UE ħoloq ukoll qafas għal djalogu u kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali tal-UE, biex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sistemi fiskali tagħhom u biex jiġu diskussi kwistjonijiet ta' taxxa li jkunu ta' interess reċiproku.

B'mod partikolari, il-proċess tejjeb l-istandards dinjija ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, kemm permezz tal-bidliet pożittivi introdotti minn pajjiżi terzi kif ukoll permezz tal-influwenza tiegħu fuq il-kriterji internazzjonali għall-pajjiżi b'taxxa żero.

Matul l-aħħar sena, bosta ġurisdizzjonijiet implimentaw miżuri konkreti biex isolvu l-problemi identifikati fis-sistemi fiskali tagħhom. Hemm 60 pajjiż li ħadu azzjoni dwar it-tħassib tal-Kummissjoni u ġew eliminati 'l fuq minn 100 reġim dannuż.

Il-pajjiżi b'taxxa żero daħħlu miżuri ġodda biex jiżguraw livell xieraq ta' sustanza ekonomika u skambju tal-informazzjoni.

Aktar minn 20 ġurisdizzjoni ħadu passi biex iġibu l-istandards ta' trasparenza fiskali tagħhom konformi man-normi internazzjonali, u oħrajn għandhom jagħmlu l-istess sa tmiem l-2019.

Fl-aħħar nett, bħala riżultat tal-proċess tal-UE, għexieren ta' pajjiżi għall-ewwel darba tlaqqgħu f'fora internazzjonali bħall-Forum Globali għat-trasparenza tal-OECD u l-Qafas Inklussiv tal-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (il-BEPS).

Liema pajjiżi qegħdin fil-lista aġġornata tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi, u għaliex?

Skont l-iskrinjar tal-Kummissjoni, il-Ministri llum elenkaw 15-il pajjiż fuq il-lista s-sewda. Ħamsa minnhom ma ħadu l-ebda impenn minn mindu ġiet adottata l-ewwel lista sewda fl-2017: is-Samoa Amerikana, Guam, Samoa, Trinidad u Tobago u l-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti. Tlieta oħra kienu fuq il-lista tal-2017 iżda tressqu fuq il-lista l-griża wara li impenjaw rwieħhom. Madankollu, dawn reġgħu tqiegħdu fuq il-lista s-sewda għax ma komplewx jagħmlu dan: Barbados, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Gżejjer Marshall. Seba' pajjiżi oħra tressqu minn fuq il-lista l-griża għal fuq il-lista s-sewda għall-istess raġuni: Aruba, il-Belize, Bermuda, Fiġi, l-Oman, Vanuatu u Dominica.

 

tabella

 

Hemm 34 ġurisdizzjoni oħra li diġà ħadu diversi passi pożittivi biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-proċess tal-elenkar tal-UE, iżda għandhom itemmu din il-ħidma sa tmiem l-2019 biex jevitaw li jiġu elenkati fil-lista s-sewda s-sena d-dieħla. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-progress tagħhom mill-qrib. Dawn il-pajjiżi huma: l-Albanija, Anguilla, Antigua u Barbuda, l-Armenja, l-Awstralja, il-Bahamas, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Botswana, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi, Cape Verde, il-Costa Rica, Curacao, il-Gżejjer Cayman, il-Gżejjer Cook, l-Eswatini, il-Ġordan, il-Maldivi, il-Mauritius, il-Marokk, il-Mongolja, il-Montenegro, in-Namibja, il-Maċedonja ta' Fuq, Nauru, Niue, Palau, Saint Kitts u Nevis, Santa Luċija, is-Serbja, is-Seychelles, l-Iżvizzera, it-Tajlandja, it-Turkija u l-Vjetnam.

Wara l-impenji fl-2017, ħafna pajjiżi issa wettqu r-riformi u t-titjib li wiegħdu, u mill-proċess ta' skrinjar oriġinali issa nħelsu 25 pajjiż: Andorra, il-Bahrain, il-Gżejjer Faeroe, Greenland, Grenada, Guernsey, Hong Kong, Isle of Man, il-Ġamajka, Jersey, il-Korea, Liechtenstein, il-Macao SAR, il-Malasja, Montserrat, New Caledonia, il-Panama, il-Perù, Qatar, San Marino, Saint Vincent u l-Grenadini, it-Tajwan, it-Tuneżija, il-Gżejjer Turks u Caicos, u l-Urugwaj.

Kif tinġabar il-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi?

Il-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi hija magħmula minn pajjiżi li naqsu milli jwettqu l-impenji tagħhom biex jikkonformaw mal-kriterji meħtieġa ta' governanza tajba, jew li ma impenjawx ruħhom li jagħmlu dan.

Bosta ġurisdizzjonijiet oħra impenjaw ruħhom sew biex jikkonformaw mal-kriterji ta' trasparenza u ta' tassazzjoni ġusta skont il-proċess ta' elenkar tal-UE, u għalhekk għadu għaddej il-monitoraġġ tagħhom. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-pajjiżi kellhom sal-31 ta' Diċembru 2018 biex iwettqu l-impenji tagħhom, iżda 8 pajjiżi li qed jiżviluppaw u li m'għandhomx ċentru finanzjarju, ingħataw sena oħra għal ċerti kriterji.

Il-Kummissjoni mmonitorjat il-progress tal-pajjiżi matul l-2018 u rrapportat dwar kull żvilupp ġdid lill-Istati Membri fil-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta. Ikkomunikat mill-qrib ukoll mal-OECD, filwaqt li qieset il-valutazzjonijiet tagħha għall-istandards ta' trasparenza u r-reġimi tat-taxxa tal-pajjiżi, bħala parti mill-proċess ta' monitoraġġ.

Il-Kummissjoni mbagħad kellha tivvaluta jekk il-ġurisdizzjonijiet issodisfawx l-impenji tagħhom b'mod adegwat sa tmiem l-2018. Abbażi ta' dan, il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta rrakkomanda lista aġġornata tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi, biex japprovawha l-Ministri tal-Finanzi tal-UE. 

X'inhuma l-kriterji li ntużaw fil-proċess tal-elenkar?

Il-kriterji tal-elenkar tal-UE huma allinjati ma' standards internazzjonali u jirriflettu l-istandards ta' governanza tajba li l-Istati Membri jikkonformaw magħhom. Dawn huma:

  • It-Trasparenza: Il-pajjiż għandu jikkonforma mal-istandards internazzjonali dwar l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni li tintalab. Dan għandu jkun irratifika wkoll il-konvenzjoni multilaterali tal-OECD jew iffirma ftehimiet bilaterali mal-Istati Membri kollha, biex jiffaċilita dan l-iskambju tal-informazzjoni. Sa Ġunju 2019, l-UE qed teżiġi biss tnejn mit-tliet kriterji ta' trasparenza. Wara dakinhar, il-pajjiżi se jkollhom jissodisfaw it-tliet rekwiżiti ta' trasparenza li huma biex jevitaw li jiġu elenkati fil-lista s-sewda.
  • Kompetizzjoni ġusta fil-qasam tat-taxxa: Il-pajjiż m'għandux ikollu reġimi tat-taxxa dannużi, li jmorru kontra l-prinċipji tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE jew tal-Forum tal-OECD fuq il-Prattiki dwar it-Taxxa Dannużi. Dawk li jagħżlu li ma jkollhomx jew li jkollhom rata żero ta' tassazzjoni korporattiva għandhom jiżguraw li dan ma jħeġġiġx strutturi offshore artifiċjali mingħajr attività ekonomika reali. Għalhekk għandhom jintroduċu rekwiżiti speċifiċi ta' sustanza ekonomika u miżuri ta' trasparenza.
  • L-implimentazzjoni tal-BEPS: Il-pajjiż irid ikun impenja ruħu li jimplimenta l-istandards minimi tal-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitt (il-BEPS) tal-OECD. Mill-2019, il-ġurisdizzjonijiet qed jiġu mmonitorjati dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-istandards minimi, l-ewwel permezz ta' rapport għal kull pajjiż. 

Min kien responsabbli għall-monitoraġġ tal-pajjiżi u l-aġġornament tal-lista tal-UE?

Il-proċess tal-elenkar huwa ġestit mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta għat-Tassazzjoni tal-Intrapriżi, abbażi ta' proċess intensiv ta' analiżi u djalogu mmexxi mill-Kummissjoni.

Fl-2018, il-Kummissjoni mmonitorjat il-passi li ħadu l-pajjiżi terzi biex jikkonformaw mal-impenji tagħhom tul il-proċess tal-elenkar tal-UE. Analizzat il-miżuri li ttieħdu biex jiġi żgurat li dawn ikunu konformi għalkollox, u ppreżentat rapporti regolari dwar il-progress lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta. Il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-OECD biex tiżgura li l-UE u l-ħidma internazzjonali jkunu allinjati kemm jista' jkun u biex tirċievi aġġornamenti dwar il-valutazzjoni tal-OECD ta' ċerti ġurisdizzjonijiet.

Abbażi tal-valutazzjonijiet li tipprovdi l-Kummissjoni, il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta jiddeċiedi jekk ġurisdizzjoni għandhiex tiġi elenkata jew le, u jagħmel rakkomandazzjoni lill-Ministri tal-Finanzi tal-UE.

Il-pajjiżi terzi kellhom iċ-ċans jippreżentaw il-każ tagħhom?

Iva. Il-Kummissjoni hija determinata li l-proċess tal-elenkar tal-UE jkun ġust, trasparenti u kredibbli kemm jista' jkun. Hija tat prijorità kbira biex tiżgura li l-pajjiżi rilevanti jifhmu l-proċess u li jkunu jistgħu jitolbu kjarifiki u pariri tekniċi, kull meta meħtieġ.

Matul l-2018, il-Kummissjoni kellha kuntatti estensivi mal-ġurisdizzjonijiet ikkonċernati, fuq livelli tekniċi, politiċi u diplomatiċi. Il-President tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta impenja ruħu wkoll b'mod dirett u kostruttiv mal-ġurisdizzjonijiet, f'isem l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u s-SEAE żaru ħafna mill-ġurisdizzjonijiet u r-reġjuni kkonċernati biex jagħtu lok għal djalogu wiċċ imb wiċċ dwar il-proċess tal-elenkar tal-UE.

F'kull stadju, il-ġurisdizzjonijiet kienu mħeġġa jinvolvu ruħhom mal-UE, jipprovdu kwalunkwe informazzjoni rilevanti u jitolbu l-kjarifiki meħtieġa. Kull pajjiż kellu ċ-ċans jippreżenta l-pożizzjoni tiegħu, jindirizza t-tħassib u jiddiskuti kif se jkabbar il-kooperazzjoni tiegħu mal-UE dwar kwistjonijiet ta' taxxa. Il-Kummissjoni għaddiet ir-rispons jew l-informazzjoni tal-ġurisdizzjonijiet lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, biex iservu ta' kontribut għad-deċiżjoni finali.

Għaliex kien hemm xi pajjiżi li kellhom aktar żmien biex iwettqu l-impenji tagħhom?

F'ċerti każijiet speċifiċi, l-Istati Membri qablu li jagħtu aktar żmien lill-ġurisdizzjonijiet li ma setgħux iżommu mal-iskadenza tal-2018 biex itemmu r-riformi tagħhom, b'kundizzjonijiet stretti. Dan kien il-każ għal:

  • Il-pajjiżi b'reġimi għal attivitajiet mhux mobbli ħafna, bħall-attivitajiet tal-manifattura. Il-kundizzjonijiet għal estensjoni tal-iskadenza kienu li l-ġurisdizzjoni tkun għamlet passi tanġibbli biex tniedi r-riforma u li tkun ħabbritha pubblikament b'data ċara sa meta beħsiebha twettaqha. 
  • Il-pajjiżi b'restrizzjonijiet kostituzzjonali/istituzzjonali, bħan-nuqqas ta' gvern, li waqqafhom milli jadottaw ir-riformi meħtieġa sal-iskadenza. F'dawn il-każijiet, l-iskadenza ġiet estiża biss jekk il-ġurisdizzjonijiet inkwistjoni jagħtu prova kredibbli tar-restrizzjoni kostituzzjonali tagħhom, juru abbozz ta' leġiżlazzjoni aċċettabbli u jipprovdu skeda ta' żmien ċara biex itemmu r-riformi tagħhom.

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li m'għandhomx ċentru finanzjarju diġà ngħataw perjodu ta' żmien itwal (sa tmiem l-2019) biex jonoraw l-impenji tagħhom għall-kriterji ta' trasparenza u ta' kontra l-BEPS.

X'sanzjonijiet se japplikaw għall-pajjiżi fuq il-lista s-sewda?

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni stabbiliet u pproponiet miżuri ġodda li se jiżguraw li l-lista tal-UE tħalli impatt reali.

L-ewwel nett, il-lista tal-UE issa hija marbuta mal-finanzjament tal-UE skont dispożizzjonijiet ġodda fir-Regolament Finanzjarju u fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (l-EFSD), il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (il-FEIS) u l-Mandat ta' Self Estern (l-ELM). Ma jistgħux jingħataw fondi minn dawn l-istrumenti permezz ta' entitajiet fil-pajjiżi elenkati.

It-tieni, hemm rabta diretta mal-lista tal-UE fi proposti leġiżlattivi rilevanti oħra. Pereżempju, skont ir-rekwiżiti l-ġodda tal-UE dwar it-trasparenza għall-intermedjarji, skema tat-taxxa li tgħaddi minn pajjiż elenkat fil-lista tal-UE se tkun awtomatikament notifikabbli lill-awtoritajiet tat-taxxa. Il-proposta għal rappurtar pubbliku għal kull pajjiż tinkludi wkoll rekwiżiti aktar stretti ta' rappurtar għall-kumpaniji multinazzjonali b'attivitajiet fil-ġurisdizzjonijiet elenkati. Il-Kummissjoni qed teżamina l-leġiżlazzjoni f'oqsma oħra ta' politika, biex tara fejn jistgħu jiġu introdotti konsegwenzi oħra għall-pajjiżi elenkati.

Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri qablu dwar sanzjonijiet li japplikaw fil-livell nazzjonali kontra l-ġurisdizzjonijiet elenkati. Fost l-oħrajn hemm miżuri bħal iktar monitoraġġ u awditjar, iż-żamma ta' taxxi, rekwiżiti ta' dokumentazzjoni speċjali u dispożizzjonijiet għal kontra l-abbuż. Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jaqblu malajr kemm jista' jkun fuq miżuri difensivi qawwija, vinkolanti u kkoordinati, biex il-lista tal-UE tħalli impatt ferm ikbar.

Kif jistgħu jitneħħew il-pajjiżi mil-lista tal-UE?

Pajjiż jitneħħa mil-lista ladarba jkun indirizza l-kwistjonijiet ta' tħassib għall-UE u jġib is-sistema fiskali tiegħu konformi għalkollox mal-kriterji ta' governanza tajba meħtieġa. Il-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta huwa responsabbli biex jaġġorna l-lista tal-UE u biex jirrakkomanda lill-Kunsill dwar it-tneħħija ta' pajjiżi mil-lista.

Il-lista tal-UE hija konformi mal-aġenda internazzjonali għal governanza tajba fil-qasam tat-taxxa?

Iva, il-lista tal-UE tappoġġa bis-sħiħ l-aġenda internazzjonali ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Il-kriterji tal-elenkar tal-UE jirriflettu standards maqbula internazzjonalment u l-pajjiżi kienu mħeġġa jissodisfaw dawn l-istandards biex jevitaw li jiġu elenkati. Bħala parti mill-proċess ta' monitoraġġ, l-UE qieset ukoll il-valutazzjonijiet tagħha għall-istandards ta' trasparenza u r-reġimi tat-taxxa tal-pajjiżi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu f'kuntatt mill-qrib u regolari mal-OECD matul il-proċess tal-elenkar, biex jiżguraw li l-UE u l-ħidma internazzjonali f'dan il-qasam jibqgħu kumplimentari.

L-UE u l-aġendi internazzjonali għal governanza tajba jsaħħu lil xulxin. Pereżempju, l-OECD reċentement integrat il-kriterju għall-ġurisdizzjonijiet b'taxxa żero, li ġie żviluppat għall-ewwel darba għall-proċess tal-elenkar tal-UE, fl-istandards internazzjonali ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa. Dan se jiżgura li pajjiżi mingħajr tassazzjoni korporattiva jew b'tassazzjoni korporattiva baxxa ħafna ma jagħmluhiex faċli għall-kumpaniji biex jittrasferixxu l-profitti tagħhom offshore mingħajr ebda sustanza ekonomika.

L-eżerċizzju se jiġi estiż għal aktar pajjiżi fil-futur?

Iva. Fl-2018, l-Istati Membri qablu li jestendu l-ambitu tal-proċess tal-iskrinjar u l-monitoraġġ għal-lista tal-UE. Huma ddeċidew li jibdew bil-pajjiżi tal-G20 li kienu għadhom mhux koperti, jiġifieri r-Russja, il-Messiku u l-Arġentina. Dawn il-pajjiżi se jiġu skrinjati fl-2019 biex jaraw jekk hemmx xi nuqqasijiet fis-sistemi tat-taxxa tagħhom, u se jintalbu jimpenjaw ruħhom biex jindirizzawhom jekk ikun hemm. Xi pajjiżi oħra se jiddaħħlu fl-ambitu mill-2020 'il quddiem.

Iktar informazzjoni fl-istqarrija għall-istampa.

 

MEMO/19/1629

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar