Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u tweġibiet: Sħubija AKP-UE ġdida wara l-2020

Brussell, it-3ta' mejju 2019

X'inhu l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou bejn il-pajjiżi tal-UE, l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku?

Il-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou huwa l-qafas legali li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-UE u 79 pajjiż fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP). Huwa wieħed mill-eqdem u l-aktar oqfsa komprensivi ta' kooperazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi. Iffirmat fis-sena 2000 għal perjodu ta' 20 sena, il-Ftehim jgħaqqad aktar minn 100 pajjiż (Stati Membri tal-UE + 79 pajjiż AKP) u jirrappreżenta aktar minn 1.5 biljun persuna.

Is-sħubija UE-AKP tiffoka fuq il-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli inklużiv għall-pajjiżi AKP u tal-UE. Is-sħubija hija maqsuma fi tliet oqsma ewlenin ta' azzjoni: il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, id-djalogu politiku u l-kummerċ.

Il-Ftehim ta' Cotonou (disponibbli fl-24 lingwa tal-UE)

Għaliex jeħtieġ li jiġi modernizzat u għaliex huwa importanti?

Id-dinja nbidlet b'mod konsiderevoli mindu l-Ftehim ta' Cotonou ġie adottat kważi 20 sena ilu. Kuntesti dinjija u reġjonali (fl-Ewropa, l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku) evolvew b'mod sinifikanti - u l-istess għamlu l-isfidi komuni dinjija li għandhom jiġu indirizzati u l-opportunitajiet li għandhom jinħatfu. Għalhekk, l-objettivi ewlenin tas-sħubija għandhom jiġu riveduti biex jiġu adattati għar-realtajiet il-ġodda. L-UE għalhekk qed tfittex ftehim politiku komprensiv, li jistabbilixxi aġenda moderna fil-kuntest tal-pjanijiet ta' direzzjoni ta' żvilupp sostenibbli miftiehma internazzjonalment (l-Aġenda 2030 tan-NU - SDGs, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, il-Ftehim ta' Pariġi, il-Kunsens il-Ġdid tal-UE dwar l-Iżvilupp, l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà eċċ.). Ix-xhur li ġejjin se jkunu kruċjali, hekk kif se nidħlu f'era ġdida fir-relazzjoni tagħna mal-pajjiżi AKP. In-negozjati se jwittu t-triq għal dinamiċi ġodda u kooperazzjoni li jmorru lil hinn mid-dimensjoni ta' żvilupp tradizzjonali.

X'inhuma l-benefiċċji potenzjali? X'tip ta' bidla se ġġib magħha era ġdida ta' relazzjonijiet bejn l-UE u l-AKP?

Il-ftehim il-ġdid jista' jġib opportunitajiet mingħajr preċedent għaliex jibni fuq it-tagħlimiet meħuda matul l-44 sena ta' kooperazzjoni, u billi nisfruttaw kemm jista' jkun il-kuntest il-ġdid. Bit-twaqqif ta' alleanza politika b'saħħitha, l-UE u s-sħab tagħha se jkunu f'pożizzjoni li jiżviluppaw soluzzjonijiet għall-isfidi ffaċċjati f'kull reġjun. Dawn jinkludu t-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol, l-iżvilupp tal-bniedem u l-paċi, kwistjonijiet ta' migrazzjoni u ta' sigurtà. Ħafna mill-isfidi tal-lum ta' dimensjoni dinjija jeħtieġu approċċ miftiehem u multilaterali, biex jinkisbu riżultati tanġibbli. Fl-2015 waqqafna koalizzjoni ta' suċċess li fl-aħħar mill-aħħar wasslet għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Dan juri li s-sħubija AKP-UE għandha s-setgħa li tipprovdi tweġibiet siewja għall-isfidi globali. Jekk aħna naħdmu flimkien, nistgħu niffurmaw maġġoranza madwar id-dinja, billi l-UE u l-pajjiżi AKP jirrappreżentaw aktar minn nofs tas-sħubija tan-NU. Flimkien, nistgħu nagħmlu differenza u nistabbilixxu aġenda dinjija f'fora internazzjonali. Skont id-direttivi tan-negozjati, il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE jinkludu:

- l-aċċellerar tal-progress lejn il-kisba tal-għanijiet tal-Aġenda 2030 tan-NU għal Żvilupp Sostenibbli u l-qerda tal-faqar fid-dimensjonijiet kollha tiegħu;

- l-avvanz ta' żvilupp ekonomiku, sostenibbli u inklużiv;

- il-bini ta' stati u soċjetajiet aktar b'saħħithom (permezz tal-paċi, is-sigurtà, il-ġustizzja u l-ġlieda kontra t-terroriżmu);

- l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat u t-tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali;

- il-promozzjoni u l-iżgurar tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba;

- il-ġestjoni tal-kwistjonijiet tal-mobilità u tal-migrazzjoni;

- l-appoġġ tat-tranżizzjoni lejn emissjonijiet baxxi ta' gassijiet b'effett ta' serra u l-iżvilupp ta' ekonomiji reżiljenti għall-klima;

- l-iżgurar tas-sostenibbiltà ambjentali u l-ġestjoni sostenibbli ta' riżorsi naturali.

Kif se jiksbu dawn l-objettivi l-UE u l-pajjiżi tal-AKP?

Permezz ta' struttura ġdida adattata aħjar għall-ħtiġijiet ta' kull reġjun. Is-sħubija l-ġdida tagħna tista' tkun għodda b'saħħitha li biha nsaħħu r-relazzjonijiet tagħna mal-pajjiżi bħala grupp, kif ukoll ma' kull “reġjun” (jiġifieri l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku) u jkun hemm iffukar fuq prijoritajiet ewlenin imfassla apposta. Dan se jippermetti wkoll l-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjoni tagħna “minn kontinent wieħed għal ieħor” mal-Afrika.

L-istruttura l-ġdida proposta tikkonsisti f'kombinazzjoni ta':

- ftehim ta' pedament komuni (li jkun fih valuri u prinċipji komuni għall-UE u l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, u l-għanijiet kumplessivi) fuq livell UE-AKP;

- tliet sħubijiet reġjonali msaħħa (bejn l-UE u l-Afrika, l-UE u l-Karibew, l-UE u l-Paċifiku), fil-forma ta' protokolli speċifiċi. Dawn it-tliet pilastri b'saħħithom u orjentati lejn l-azzjoni se jippermettu li l-atturi rilevanti jieħdu sehem fin-negozjati, il-governanza u l-implimentazzjoni tas-sħubija futura filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Dawn it-tliet “reġjuni” ser jimmaniġġjaw is-sħubijiet reġjonali flessibbli huma stess, li jipprovdu għal rwol akbar għall-organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti fl-istabbiliment u l-ġestjoni tal-isħubijiet reġjonali futuri.

X'inhuma l-prijoritajiet speċifiċi proposti lejn ir-reġjun Afrikan?

Il-prijoritajiet proposti mill-Kummissjoni Ewropea għas-sħubija UE-Afrika se jiffukaw fuq il-kisba tal-paċi u l-istabbiltà, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-mobbiltà, il-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-governanza tajba, l-isfruttar tal-opportunitajiet ekonomiċi, l-ilħuq ta' standards ta' żvilupp uman kif ukoll l-indirizzar tat-tibdil fil-klima. Il-proposta hija f'konformità sħiħa mar-riżultati tas-Summit Unjoni Afrikana-Unjoni Ewropea li seħħ f'Novembru 2017 f'Abidjan.

X'inhi r-rabta bejn is-Sħubija AKP-UE futura u l-Alleanza l-ġdida Afrikana Ewropea għall-Investiment Sostenibbli u l-Impjiegi mħabbra mill-President Juncker?

L-Alleanza Afrikana-Ewropea għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli l-ġdida għandha l-għan li tqarreb il-kontinenti tagħna billi tippromwovi żieda sostanzjali fl-investiment privat kemm mill-Ewropej kif ukoll mill-Afrikani, tgħin biex ittejjeb l-ambjent tan-negozju, tagħti spinta lill-kummerċ u l-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li tappoġġa l-edukazzjoni u l-ħiliet li jkunu ta' benefiċċju kemm għan-nies Ewropej kif ukoll għal dawk Afrikani.

Għalhekk se tikkontribwixxi għall-aġenda ekonomika tal-pilastru reġjonali Afrikan tas-Sħubija futura bejn l-AKP u l-UE li se tiġi żviluppata.

Iż-żieda fl-investiment responsabbli fl-Afrika, partikolarment f'oqsma fejn l-Unjoni Ewropea għandha valur miżjud, hija fost il-prijoritajiet ewlenin tal-UE. L-Alleanza l-ġdida Afrikana-Ewropea għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli għalhekk mhijiex inizjattiva waħidha. Hija parti minn sett usa' ta' oqfsa strateġiċi u element kruċjali biex jaslu riżultati mid-Dikjarazzjoni tas-Summit UA-UE f'Abidjan.

X'inhuma l-prijoritajiet speċifiċi proposti għar-reġjun tal-Karibew?

L-oqsma ewlenin ta' kooperazzjoni għas-sħubija reġjonali mal-Karibew jinkludu l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-vulnerabbiltà, is-sigurtà taċ-ċittadini, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp tal-bniedem u l-koeżjoni soċjali. Bl-istess mod, hemm ukoll fuq quddiem fl-aġenda it-trawwim tat-tkabbir inklużiv, l-approfondiment tal-integrazzjoni reġjonali u l-governanza tal-oċeani kif ukoll it-tnaqqis tal-effetti tad-diżastri naturali.

X'inhuma l-prijoritajiet speċifiċi proposti għar-reġjun tal-UE-Paċifiku?

L-għadd kbir ta' nazzjonijiet gżejjer u t-territorji marittimi enormi tagħhom jagħmlu l-pajjiżi tal-Paċifiku atturi importanti għall-UE fl-ittrattar tal-isfidi dinjija, b'mod partikolari fir-rigward tal-vulnerabbiltà tagħhom għal diżastri naturali u għat-tibdil fil-klima. Prijoritajiet oħra jinħtieġ li jiffokaw fuq is-sigurtà marittima, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, il-governanza tajba, id-drittijiet tal-bniedem, b'mod speċjali l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u t-tkabbir sostenibbli inklużiv.

L-organizzazzjonijiet reġjonali se jkollhom rwol fis-sħubija ta' wara l-2020?

It-tkabbir ta' korpi reġjonali kien tendenza sinifikanti sa mis-snin disgħin (90). Madwar il-pajjiżi AKP, feġġew għadd ta' organizzazzjonijiet reġjonali. Xi wħud saru atturi ewlenin fir-relazzjonijiet internazzjonali. L-Unjoni Afrikana, il-Forum tal-Gżejjer tal-Paċifiku u l-Cariforum, b'mod speċjali, saħħew ir-rwoli rispettivi tagħhom, kif ukoll l-organizzazzjonijiet subreġjonali fl-Afrika, inklużi l-ECOWAS (Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent) u l-SADC (Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika). L-UE u l-pajjiżi AKP se jkomplu jiddependu fuq sistema b'ħafna livelli ta' governanza li tippermetti li jittieħdu azzjonijiet fil-livell l-aktar xieraq (nazzjonali, reġjonali, kontinentali jew tal-AKP), f'konformità mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u l-kumplimentarjetà.

L-atturi mhux statali għandhom rwol f'dan il-ftehim?

L-UE tagħti valur lid-djalogu strutturat u hija favur approċċ ta' bosta partijiet ikkonċernati li jinkludi atturi mhux tal-istat - is-settur privat, is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali. Dawn is-sħab jinħtieġ li jkunu kapaċi jaħdmu f'ambjent favorevoli u jkollhom l-opportunità li jagħtu kontribut sinifikanti fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u dinji.

Status ta' osservatur

Il-Ftehim jinħtieġ li jinkludi dispożizzjoni li tistabbilixxi li terzi persuni, li jħaddnu l-valuri u l-prinċipji li jirfdu l-Ftehim u li jkollhom valur miżjud fit-trawwim tal-objettivi u l-prijoritajiet speċifiċi tas-Sħubija, jistgħu jingħataw status ta' osservatur.

Min se jkun in-negozjatur ewlieni tal-UE?

Il-Kap negozjatur tal-UE huwa l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica. In-negozjati jitwettqu b'kollaborazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini.

Min qiegħed jinnegozja f'isem il-grupp ta' stati tal-AKP?

Il-grupp ċentrali tan-negozjati huwa magħmul minn rappreżentanti mit-tliet reġjuni (l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku) u huwa mmexxi mill-Onor. Robert Dussey, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Kooperazzjoni u l-Integrazzjoni Afrikana ta' Togo.

Fejn qiegħdin isiru n-negozjati?

Se jsiru fl-UE u fil-pajjiżi AKP.

Kemm jinħtieġ li jdumu n-negozjati?

Il-ftehim ta' Cotonou se jiskadi fid-29 ta' Frar 2020. Għalhekk, sa dak iż-żmien, il-ftehim il-ġdid jeħtieġ li jkun kemm iffinalizzat kif ukoll approvat.

Għal kemm se jkun validu l-ftehim il-ġdid?

Se jiġi propost li s-sħubija UE-AKP tal-futur tiġi konkluża għal perjodu inizjali ta' 20 sena. Tliet snin qabel l-iskadenza tiegħu, jinħtieġ li jinbeda proċess bil-ħsieb li jerġa' jeżamina liema dispożizzjonijiet jinħtieġ li jirregolaw ir-relazzjonijiet futuri. Sakemm ma titteħidx deċiżjoni dwar it-tmiem jew l-estensjoni tal-ftehim mill-Partijiet, il-Ftehim se jiġi mġedded b'mod taċitu għal perijodu massimu ta' ħames snin, sa ma jintlaħaq qbil dwar dispożizzjonijiet jew adattamenti ġodda mill-Partijiet kollha. Jinħtieġ li l-Ftehim jinkludi wkoll klawżola ta' “rendezvous” għal reviżjoni komprensiva tal-prijoritajiet strateġiċi, wara l-iskadenza tal-Aġenda 2030 tan-NU.

Id-direttivi tan-negozjati huma pubbliċi?

Iva. Id-direttivi tan-negozjati finali huma disponibbli hawnhekk.

 

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa - Sħubija ġdida AKP-UE: In-negozjaturi ewlenin jikkonkludu b'suċċess serje ta' konsultazzjonijiet reġjonali, bil-qofol jintlaħaq fil-laqqħa tal-mexxejja Afrikani

Stqarrijan għall-istampa - Sħubija ġdida AKP-UE: L-UE tiddiskuti r-relazzjoni futuri bejn l-UE u l-Karibew

Stqarrija għall-istampa - Sħubija ġdida AKP-UE: Il-mexxejja tal-UE u tal-AKP jintensifikaw it-taħdidiet reġjonali f'Samoa

MEMO/18/5903

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar