Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

L-Istat tal-Unjoni Ewropea 2018: Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex jintemmu l-bidliet staġonali tal-arloġġ

Strasburgu, it-12ta' settembru 2018

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex jintemmu l-bidliet staġonali tal-arloġġ

Strixxun

Għaliex il-ħin tas-sajf/tax-xitwa huwa armonizzat fil-livell tal-UE?

Ħafna mill-Istati Membri tal-UE għandhom tradizzjoni twila tal-arranġamenti tal-ħin tas-sajf, li bosta minnhom imorru lura għall-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija jew għall-kriżi taż-żejt fis-sebgħinijiet. Storikament, l-Istati Membri introduċew il-bidliet fl-arloġġ biex jiffrankaw l-enerġija (l-aktar faħam għall-produzzjoni tal-elettriku) u biex jiġu jaqblu mal-pajjiżi ġirien tagħhom. Madankollu, id-data li fiha kienu jinbidlu l-arloġġi kienet tkun differenti f'pajjiżi differenti. Dan kien sors ta' problemi fis-suq intern, b'mod partikolari għas-setturi tat-trasport u tal-enerġija, li kienu jirriżultaw minn applikazzjoni mhux ikkoordinata ta' bidliet fl-arloġġ (jiem diverġenti) matul is-sena. Il-miżuri Ewropej ġew introdotti gradwalment biex jarmonizzaw id-data tal-bidla, sakemm wasslu għad-Direttiva 2000/84/KE, attwalment fis-seħħ.

X'inhi s-sitwazzjoni fil-bqija tad-dinja?

Madwar id-dinja, l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf huma osservati f'madwar 60 pajjiż, l-aktar fl-Amerka ta' Fuq u fl-Oċeanja. Għadd li qed jiżdied ta' ġirien jew ta' sħab kummerċjali tal-UE għażlu jew li ma japplikawx l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf jew li jabolixxuhom: Dawn l-eżempji jinkludu l-Iżlanda, iċ-Ċina (1991-), ir-Russja (2011-), il-Belarussja (2011-) u l-aktar reċenti t-Turkija (2016-).

Għalfejn il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta din il-proposta?

Il-Kummissjoni poġġiet l-arranġamenti dwar il-ħin tas-sajf fuq l-aġenda politika għaliex il-Kummissjoni Juncker wegħdet li tieħu azzjoni kbira fuq il-kwistjonijiet il-kbar, filwaqt li tħalli f'idejn l-Istati Membri li jieħdu d-deċiżjonijiet fejn jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jeħduhom. Wara valutazzjoni tal-arranġament attwali dwar il-bidliet staġonali tal-arloġġ, fejn ir-regolament tal-UE jimponi l-bidliet fl-arloġġ kull sitt xhur, il-Kummissjoni kkonkludiet li, filwaqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni, l-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeċiedu jekk iridux iżommu l-ħin permanenti tas-sajf jew tax-xitwa.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni qieset għadd ta' elementi, bħal pereżempju, il-vot mill-Parlament Ewropew ta' riżoluzzjoni dwar dan is-suġġett fi Frar 2018, it-talbiet minn ċerti Stati Membri tal-UE, analiżi tal-evidenza disponibbli kif ukoll konsultazzjoni pubblika li saret mill-Kummissjoni bejn l-4 ta' Lulju u s-16 ta' Awwissu 2018. Din il-konsultazzjoni rċeviet 4.6 miljun tweġiba mit-28 Stat Membru kollha, l-akbar għadd ta' tweġibiet li qatt irċeviet il-Kummissjoni fi kwalunkwe konsultazzjoni pubblika. Skont ir-riżultati finali, 84 % ta' dawk li wieġbu kienu favur li jitneħħew il-bidliet staġonali tal-arloġġ. Dawn l-elementi kollha wasslu lill-Kummissjoni biex illum tipproponi li l-bidliet staġonali tal-arloġġ ma jibqgħux isiru, filwaqt li jinżamm approċċ ikkoordinat sabiex jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tas-Suq Intern.

X'qiegħda tipproponi l-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li jintemmu l-bidliet tal-arloġġ ta' darbtejn fis-sena fl-UE fl-2019. Dan iġib fit-tmiem il-prattika tal-bdil tal-arloġġ b'siegħa 'l quddiem f'Marzu u b'siegħa lura f'Ottubru. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe frammentazzjoni fis-suq intern, l-Istati Membri se jkollhom jiddeċiedu jekk iridux iżommu l-ħin permanenti tas-sajf jew tax-xitwa. Huma se jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bid-deċiżjoni tagħhom. Wara dan, mhux ser ikunu jistgħu japplikaw il-bidliet staġonali fl-arloġġ. L-Istati Membri se jibqgħu ħielsa li jiddeċiedu liema żona tal-ħin għandha tapplika fit-territorji tagħhom.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi ħin permanenti tas-sajf/tax-xitwa fl-Unjoni Ewropea kollha?

Le. Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hija li jintemmu l-bidliet staġonali tal-arloġġ b'mod ikkordinat. Id-deċiżjoni li jiġi applikat il-ħin permanenti tas-sajf jew tax-xitwa se tittieħed minn kull Stat Membru. Hemm xewqa li l-Istati Membri jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-ħin standard li kull wieħed minnhom se japplika mill-2019 'il quddiem b'mod ikkoordinat.

Għaliex xi Stati Membri ma jistgħux jibqgħu japplikaw il-bidliet staġonali tal-arloġġ jekk jixtiequ jagħmlu dan?

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hija li jintemmu b'mod ikkoordinat il-bidliet staġonali tal-arloġġ fl-Unjoni Ewropea kollha. Fi kliem ieħor, l-Istati Membri mhux se jżommu l-arranġamenti nazzjonali tal-bidliet staġonali tal-arloġġ. L-għan huwa li jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u jiġu evitati interruzzjonijiet b'xi azzjoni mhux ikkoordinata. Dan jinkludi interruzzjoni potenzjali fl-iskedar tal-operazzjonijiet tat-trasport u l-funzjonament tas-sistemi ta' informazzjoni u komunikazzjoni, spejjeż ogħla għall-kummerċ transfruntier, jew produttività aktar baxxa għall-oġġetti u s-servizzi. Reġim armonizzat kontinwu — fejn l-Istati Membri kollha jġibu fit-tmiem il-bidliet tal-arloġġ ta' darbtejn fis-sena — huwa għalhekk essenzjali.

Kif u meta se tiġi implimentata l-bidla proposta?

Biex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel, skont il-proposta tal-Kummissjoni kull Stat Membru se jinnotifika sa April 2019 jekk għandux il-ħsieb li japplika l-ħin permanenti tas-sajf jew tax-xitwa. Dan għandu jiġi bbażat fuq koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, fuq konsultazzjonijiet u valutazzjonijiet possibbli fil-livell nazzjonali u Ewropew.

L-aħħar bidla obbligatorja għall-ħin tas-sajf se ssir nhar il-Ħadd, il-31 ta' Marzu 2019. Wara dan, l-Istati Membri li jixtiequ jerġgħu lura b'mod permanenti għall-ħin tax-xitwa xorta jkunu jistgħu jagħmlu l-aħħar bidla staġonali tal-arloġġ nhar il-Ħadd, is-27 ta' Ottubru 2019. Wara dik id-data, il-bidliet staġonali mhux se jibqgħu possibbli.

Din il-kronoloġija hija bil-kundizzjoni li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw il-proposta tal-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn Marzu 2019.

X'se jkunu l-benefiċċji meta jintemmu l-arranġamenti attwali għall-bdil tal-arloġġi?

Iċ-ċittadini mhux se jkollhom għalfejn iħabblu rashom aktar dwar l-aġġustament tal-arloġġi tagħhom. Il-bidliet kienu sors ta' konfużjoni, peress li mhux minnu nnifsu evidenti meta u f'liema direzzjoni l-arloġġi għandhom jinbidlu. Dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika indikaw ukoll impatti negattivi fuq is-saħħa, aktar inċidenti fit-toroq u nuqqas ta' ffrankar tal-enerġija bħala motivazzjonijiet biex jintemm il-bdil tal-arloġġ. Meta tintemm din is-sistema, il-ġisem tal-bniedem ukoll ma jibqax ikollu jadatta għat-tibdil fil-ħin.

Dan ser ikun ta' benefiċċju għan-negozji peress li ma jkollhomx bżonn jaġġustaw ruħhom għall-bidliet fl-arloġġ. L-arranġamenti l-ġodda se jiffaċilitaw l-ippjanar fis-setturi tal-enerġija u t-trasport (pereżempju, għall-ferroviji ta' matul il-lejl) u jissimplifikaw l-applikazzjonijiet ibbażati fuq il-ħin. Minkejja li l-iffrankar ġenerali tal-enerġija kien wieħed mill-motivazzjonijiet ewlenin tal-arranġamenti attwali, l-evidenza tissuġġerixxi li llum l-iffrankar tal-enerġija mit-tibdil tal-arloġġi huwa limitat.

Liema żoni tal-ħin se japplikaw fl-UE?

Bħalissa hemm tliet żoni tal-ħin standard fl-UE: Il-Ħin tal-Ewropa tal-Punent (l-Irlanda, il-Portugall, ir-Renju Unit), il-Ħin tal-Ewropa Ċentrali (17-il Stat Membru) u l-Ħin tal-Ewropa tal-Lvant (il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija). L-Istati Membri li jagħżlu li jżommu l-ħin permanenti tas-sajf awtomatikament se jiċċaqalqu għaż-żona tal-ħin li jmiss (il-ħin standard + siegħa). Barra minn hekk, l-Istati Membri se jibqgħu liberi li jagħmlu bidliet fil-ħin standard tagħhom li ma jkunux marbuta ma' bidliet staġonali. Il-proposta tipprevedi li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bi kwalunkwe bidla li ssir fiż-żona tal-ħin 6-il xahar bil-quddiem — biex tippermetti li jsir kwalunkwe aġġustament għal sistemi bbażati fuq il-ħin.

Dwar xiex kienet il-konsultazzjoni pubblika?

Il-parteċipanti ġew mistiedna jaqsmu l-esperjenzi ġenerali tagħhom tal-bdil tal-arloġġ, il-preferenza tagħhom bejn iż-żewġ alternattivi (is-sistema tibqa' kif inhi jew titneħħa għall-UE kollha), u l-fehma tagħhom dwar jekk il-bdil attwali għandux jitneħħa għalkollox, u jekk jippreferux li jżommu l-ħin tas-sajf jew inkella l-ħin tax-xitwa. Iċ-ċittadini Ewropej u l-partijiet ikkonċernati ġew mistiedna jaqsmu l-fehmiet tagħhom billi jimlew dan il-kwestjonarju online (disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE) bejn l-4 ta' Lulju u s-16 ta' Awwissu.

Fejn nista' nikkonsulta r-riżultati finali tal-konsultazzjoni?

Din il-konsultazzjoni online rċeviet 4.6 miljun tweġiba mit-28 Stat Membru kollha, l-akbar għadd ta' tweġibiet li qatt irċeviet il-Kummissjoni fi kwalunkwe konsultazzjoni pubblika. 84 % ta' dawk li wieġbu qalu li huma favur li tintemm il-bidla tal-arloġġ ta' darbtejn fis-sena. Sar rapport fil-qosor aktar dettaljat u ġie tradott fil-lingwi kollha tal-UE. Huwa disponibbli hawnhekk.

Aktar informazzjoni

Is-sit web dwar l-Istat tal-Unjoni Ewropea 2018 https://ec.europa.eu/commission/priorities/state-union-speeches/state-union-2018_mt

Is-subpaġna dwar il-Bidliet Staġonali tal-Arloġġ https://ec.europa.eu/commission/priorities/state-union-speeches/state-union-2018/state-union-2018-changes-summertime_mt

Stqarrija għall-istampa: L-Istat tal-Unjoni 2018: Il-Kummissjoni tipproponi li jintemmu l-bidliet staġonali tal-arloġġ

Ir-rapport finali tal-konsultazzjoni pubblika

MEMO/18/5641

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar