Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Perspettiva kredibbli ta' tkabbir kif ukoll impenn imsaħħaħ tal-UE għall-Balkani tal-Punent

Brussell, is-6ta' frar 2018

Il-Kummissjoni Ewropea għaliex qed tadotta l-istrateġija?

Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017, il-President Jean-Claude Juncker afferma mill-ġdid il-futur Ewropew tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent: “Jekk irridu aktar stabbiltà fil-viċinat tagħna, allura għandna nżommu perspettiva ta' tkabbir kredibbli għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent". Kif qal il-President: “L-Unjoni Ewropea se tkun numerikament akbar minn 27. Fin-negozjati, il-kandidati għall-adeżjoni għandhom jagħtu l-ogħla prijorità lill-istat tad-dritt, lill-ġustizzja u lid-drittijiet fundamentali". Il-prospett ta' sħubija mal-UE bbażat fuq il-mertu għall-Balkani tal-Punent hu fl-interess politiku, tas-sigurtà u ekonomiku proprju tal-Unjoni, hu investiment ġeostrateġiku f'Unjoni stabbli, b'saħħitha u magħquda msejsa fuq valuri komuni. L-Istrateġija timmira li toħloq ritmu mġedded ta' riforma fir-reġjun biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin speċifiċi li jaffaċċaw il-Balkani tal-Punent. Hija ttejjeb ukoll l-appoġġ tal-UE għall-isforzi li qed isiru mill-Balkani tal-Punent fil-perkorsi Ewropej tagħhom, permezz ta' finanzjament u riżorsi addizzjonali. Fis-17 ta' Mejju, se jsir Summit tal-Balkani tal-Punent f'Sofija fejn il-Mexxejja tal-UE se jkomplu d-diskussjonijiet u l-impenn mal-kontropartijiet tagħhom tal-Balkani tal-Punent.

Il-politika ta' tkabbir tal-UE trid tkun parti integrali minn strateġija akbar biex l-Unjoni tissaħħaħ sal-2025. L-Istrateġija hija parti minn Pjan Direzzjonali usa' għal Unjoni Demokratika Aktar Maqgħuda, aktar Qawwija u aktar Demokratika skont liema l-Kummissjoni tressaq inizjattivi mmirati biex itejbu l-qafas demokratiku, istituzzjonali u ta' politika għall-Unjoni tal-2025. L-Unjoni tagħna trid tkun aktar b'saħħitha, aktar soda u aktar effiċjenti qabel ma tkun tista' tikber.

X'hemm ġdid fl-Istrateġija?

L-Istrateġija tippreżenta l-essenza nnifisha tal-isfidi li l-Balkani tal-Punent jaffaċċaw fil-perkorsi Ewropej tagħhom. Dak li hemm ġdid hu l-inkoraġġiment qawwi u mġedded għas-sieħba biex jindirizzaw ir-riformi meħtieġa u tagħti direzzjoni dwar il-passi meħtieġa sabiex javvanzaw mill-aktar fis possibbli fil-perkorsi lejn l-adeżjoni mal-UE. Għas-Serbja u l-Montenegro – fejn diġà sar progress fit-taħditiet tal-adeżjoni – hija tistabbilixxi l-passi indikattivi meħtieġa biex jitlesta l-proċess ta' adeżjoni f'perspettiva tal-2025. Barra minn hekk, permezz ta' inizjattivi ewlenin f'sitt oqsma prinċipali, l-Istrateġija ttejjeb b'mod sinifikanti l-impenn tal-UE mas-sieħba tagħna tal-Balkani tal-Punent. Hija tistabbilixxi l-viżjoni tagħna għal futur konġunt u kif dan jista' jinkiseb.

Il-Kummissjoni qed tibdel il-politika ta' tkabbir tagħha?

L-Istrateġija tispjega b'mod ċar li l-bieb tal-UE huwa miftuħ għal aktar adeżjonijiet f'każijiet meta, u biss ladarba, il-pajjiżi rispettivi jkunu ssodisfaw il-kriterji. Il-Kummissjoni mhijiex qed tibdel il-politika ta' tkabbir tagħha: il-proċess hu u jibqa' bbażat fuq il-mertu. Kull pajjiż se jiġi vvalutat abbażi tal-kisbiet proprji tiegħu.

L-Istrateġija kif se titqiegħed fil-prattika?

Il-perspettiva tat-tkabbir tal-Balkani tal-Punent tinsab l-ewwel u qabel kollox f'idejn il-pajjiżi nfushom. Huma jridu jaġixxu b'determinazzjoni u jirdoppjaw l-isforzi tagħhom b'mod urġenti, jindirizzaw riformi vitali – speċjalment fil-qasam tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali – u jlestu t-trasformazzjoni politika, ekonomika u soċjali tagħhom. Min-naħa tagħha, l-UE se tkun qed taġġorna l-politiki tagħha biex tappoġġa aħjar il-proċess ta' trasformazzjoni fir-reġjun. L-Istrateġija tistabbilixxi Pjan ta' Azzjoni b'sitt inizjattivi ewlenin konkreti mmirati lejn oqsma speċifiċi ta' interess komuni: l-istat tad-dritt, is-sigurtà u l-migrazzjoni, l-iżvilupp soċjoekonomiku, it-trasport u l-konnettività enerġetika, l-aġenda diġitali, ir-rikonċiljazzjoni u relazzjonijiet tajbin ta' viċinat. Huma previsti azzjonijiet konkreti f'dawn l-oqsma bejn l-2018 u l-2020.

X'inhuma s-sitt inizjattivi ewlenin?

L-inizjattivi ewlenin jappoġġaw it-trasformazzjoni tal-Balkani tal-Punent f'għadd ta' oqsma speċifiċi fejn il-kooperazzjoni rinforzata hija ta' interess reċiproku. Huma previsti azzjonijiet konkreti bejn l-2018 u l-2020 għas-sitt oqsma li ġew identifikati. Hawnhekk insibu ftit eżempji: 

  • Stat tad-dritt: L-espansjoni ta' Pjanijiet ta' Azzjoni dettaljati għall-allinjament ma' standard tal-UE għall-Balkani tal-Punent kollha. Titjib fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riformi, inkluż permezz ta' missjonijiet konsultattivi ġodda.
  • Sigurtà u migrazzjoni: Żieda fil-kooperazzjoni konġunta fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti u titjib fis-sigurtà tal-fruntieri u l-ġestjoni tal-migrazzjoni bl-appoġġ tal-istrumenti u l-għarfien tal-UE. Titjib fil-koordinazzjoni mal-aġenziji tal-UE rigward is-sigurtà tal-fruntieri u l-ġestjoni tal-migrazzjoni.
  • Żvilupp soċjoekonomiku: Tisħiħ fil-provvista ta' garanziji għal investiment privat, appoġġ lin-negozji l-ġodda u l-SMEs u aktar faċilitazzjoni tal-kummerċ. Żieda fl-enfasi fuq l-impjiegi u l-politiki soċjali, b'aktar assistenza finanzjarja biex tappoġġa lis-settur soċjali, b'mod partikolari l-edukazzjoni u s-saħħa. Il-finanzjament taħt Erasmus+ se jiġi rdoppjat.
  • Trasport u konnettività enerġetika: Inizjattivi fir-reġjun u mal-UE inkluż appoġġ ġdid għall-investiment. L-espansjoni tal-Unjoni tal-Enerġija tal-UE fir-reġjun.
  • Aġenda Diġitali: Twaqqif ta' pjan direzzjonali biex jonqsu l-ispejjeż tar-roaming, appoġġ għall-użu tal-broadboand u tal-Gvern elettroniku, l-Akkwist elettroniku, is-Saħħa elettronika u l-ħiliet diġitali.
  • Rikonċiljazzjoni u relazzjonijiet tajbin ta' viċinat: Appoġġ għall-ġlieda kontra l-impunità u l-ġustizzja tranżitorja, inkluż permezz ta' Kummissjoni Reġjonali biex tistabbilixxi l-fatti dwar id-delitti tal-gwerra. Żieda fil-kooperazzjoni fl-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport; promozzjoni tal-wirt kulturali u programm ta' Ewropa Kreattiva.

L-inizjattivi ewlenin il-ġodda kif se jiġu implimentati? L-appoġġ finanzjarju għall-Balkani tal-Punent se jiżdied?

Sabiex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin ġodda taħt din l-istrateġija, il-Kummissjoni tipproponi li żżid il-finanzjament attwali għall-Balkani tal-Punent sal-2020 taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni minbarra l-EUR1,07 biljun li diġà huma previsti għar-reġjun għall-2018. Se tkun meħtieġa żieda fil-finanzjament għal investimenti importanti, b'mod partikolari fl-infrastruttura, kemm jekk fit-trasport, fl-enerġija, kif ukoll fil-qasam diġitali. Fir-rebbiegħa, se jkun stabbilit grupp ta' koordinazzjoni ddedikat biex jiżgura l-implimentazzjoni tal-inizjattivi.

X'inhuma r-riformi prijoritarji għall-Balkani tal-Punent biex isostnu l-perspettiva ta' tkabbir kredibbli?

L-aktar kwistjoni urġenti għall-Balkani tal-Punent qed tindirizza riformi fil-qasam tal-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-governanza tajba u biex dawn jaħdmu flimkien għar-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat. Ir-reġjun irid iħaddan dawn il-valuri fundamentali tal-UE b'mod ferm aktar b'saħħtu u kredibbli. In-nuqqas ta' ħarsien tagħhom huwa wkoll ta' deterrent għall-investiment u n-negozju. It-tieni nett, l-ekonomiji tar-reġjun iridu jissaħħu. Huma għadhom mhux kompetittivi, hemm interferenza politika żejda mhux dovuta u settur privat mhux żviluppat li jaffettwa t-tkabbir u l-impjiegi b'mod partikolari għaż-żgħażagħ tar-reġjun. It-tielet nett, għad hemm tilwim bilaterali bejn il-pajjiżi fir-reġjun li għad irid jiġi solvut. L-UE mhijiex se taċċetta li jiġi importat dan it-tilwim bl-instabbiltà li jista' jinvolvi. Iridu jinstabu u jiġu implimentati soluzzjonijiet definittivi u vinkolanti għal tilwim mal-viċinat qabel ma pajjiż jaderixxi.

L-UE timpenja ruħha għall-2025 bħala data ta' adeżjoni għall-pajjiżi ġodda?

Is-sena 2025 mhijiex data fissa għall-adeżjoni u lanqas ma hija data fil-mira. Hija tindika perspettiva ta' żmien possibbli, li tirrifletti impenn Ewropew qawwi għal perspettiva ta' tkabbir kredibbli għall-Balkani tal-Punent. Sa dik id-data, l-UE jista' jkollha aktar minn 27 Membru. In-negozjati tal-adeżjoni mal-Montenegro u s-Serbja diġà jinsabu fi stadju avvanzat. Permezz ta' rieda politika qawwija, it-twettiq ta' riformi reali u sostnuti, u soluzzjonijiet definittivi għal tilwim mal-viċinat, huma jistgħu potenzjalment ikunu lesti għas-sħubija minn perspettiva tal-2025. Din il-perspettiva hija ambizzjuża ferm. Jekk tinkisibx se jiddependi għal kollox fuq il-merti u r-riżultati oġġettivi ta' kull pajjiż.

L-Istrateġija tapplika biss għal “dawk fuq quddiem nett” jiġifieri s-Serbja u l-Montenegro, mingħajr ma tinkludi r-reġjun kollu?

L-Istrateġija tkopri r-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent. Fil-preżent, il-Montenegro u s-Serbja huma l-uniċi kandidati involuti f'negozjati tal-adeżjoni u għalhekk huma identifikati bħala dawk li attwalment jinsabu fuq quddiem nett. L-Istrateġija tistabbilixxi illustrazzjoni indikattiva tal-passi meħtieġa għall-Montenegro u s-Serbja biex ilestu l-proċess ta' adeżjoni f'perspettiva possibli tal-2025. Iżda l-Istrateġija tiddikjara b'mod ċar li pajjiżi oħra jistgħu jilħquhom jew jaqbżu lil xulxin skont il-progress oġġettiv miksub.

Għalhekk, il-Montenegro u s-Serbja se jingħaqdu mal-UE fl-2025?

L-iskeda taż-żmien se tibqa' f'idejn iż-żewġ pajjiżi u se tiddependi fuq il-merti oġġettivi tagħhom stess. Il-perspettiva possibbli tal-2025 hija ambizzjuża. Hija tirrikjedi rieda politika b'saħħitha u l-kisba ta' riżultati sostanzjali u konkreti. Jeħtieġ li l-Montenegro jikseb riżultati konkreti speċjalment fil-qasam tal-istat tad-dritt u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-krminalità organizzata. Għas-Serbja, hija meħtieġa rieda b'saħħitha u konsistenti biex jintlaħaq kunsens dwar ir-riformi sostantivi meħtieġa fl-istat tad-dritt, u fl-ekonomija, biex tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni. Din jeħtieġ li tkun mirfuda b'normalizzazzjoni komprensiva tar-relazzjonijiet mal-Kosovo. Sabiex titwettaq il-perspettiva ambizzjuża tal-2025, se jkun hemm bżonn li jiġi konkluż u implimentat ftehim komprensiv legalment vinkolanti dwar in-normalizzazzjoni.

In-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja hija kundizzjoni għas-Serbja biex tavvanza fil-perkors tagħha lejn l-UE?

Il-progress fil-perkorsi Ewropej kemm tas-Serbja kif ukoll tal-Kosovo huwa marbut sew mal-progress fin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom. Mingħajr in-normalizzazzjoni effettiva u komprensiva tar-relazzjonijiet Belgrad-Pristina permezz ta' Djalogu ffaċilitat mill-UE ma jistax ikun hemm stabbiltà dejjiema fir-reġjun. Ftehim ta' normalizzazzjoni komprensiv u legalment vinkolanti huwa urġenti u kruċjali sabiex is-Serbja u l-Kosovo jkunu jistgħu javvanzaw fil-perkors Ewropew tagħhom.

L-Istrateġija x'qed toffri lill-pajjiżi li ma ġewx “immarkati” bħala dawk li jinsabu fuq quddiem nett? X'inhuma l-prospetti tagħhom li jingħaqdu mal-UE? Se jkollhom trattament differenti u anqas konsiderazzjoni mill-Kummissjoni?

Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent għandhom iċ-ċans li jimxu 'l quddiem fil-perkorsi Ewropej rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni tivvaluta l-pajjiżi kollha b'mod ġust u oġġettiv fuq il-bażi tal-merti tagħhom u bil-veloċità li biha jiksbu progress. Bħala l-uniċi pajjiżi fir-reġjun li qed jinnegozjaw fil-preżent, il-Montenegro u s-Serbja huma dawk li bħalissa jinsabu fuq quddiem nett fil-proċess. Madankollu, pajjiżi oħra jistgħu jilħquhom jew jaqbżu lil xulxin skont il-progress oġġettiv imwettaq. L-Albanija u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qed jagħmlu progress sinifikanti fil-perkors Ewropew tagħhom u l-Kummissjoni tinsab lesta li tħejji rakkomandazzjonijiet biex tiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni, abbażi tal-kundizzjonijiet issodisfati. Il-Kummissjoni se tibda tħejji Opinjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Bożnija-Ħerzegovina wara li tirċievi tweġibiet komprensivi u kompluti għall-Kwestjonarju tagħha. Permezz ta' sforz u ta' impenn konsistenti, il-Bożnija-Ħerzegovina tista' ssir kandidat għall-adeżjoni. Il-Kosovo għandu opportunità għal progress sostenibbli permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u li javvanza fil-perkors Ewropew tiegħu ladarba ċ-ċirkostanzi oġġettivi jkunu jippermettu dan.

X'jiġri jekk l-Istati Membri futuri jimblokkaw pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent milli jingħaqdu?

Dawk li jinsabu fuq quddiem nett fil-perkors tal-UE għandhom interess strateġiku li jappoġġaw, u mhux iħassru, l-aspirazzjonijiet tal-ġirien tagħhom. Il-pajjiżi tar-reġjun huma interdipendenti u se jagħmlu progress aktar malajr jekk jgħinu lil xulxin matul il-proċess. Il-pajjiżi kollha jridu joqogħdu lura milli jagħmlu użu ħażin minn kwistjonijiet pendenti fil-proċess ta' adeżjoni tal-UE. Permezz tal-istrateġija l-ġdida, il-Kummissjoni tirrakkomanda li jrid ikun hemm fis-seħħ arranġamenti speċjali u impenji irrevokabbli biex jiżguraw li Stati Membri ġodda ma jkunux f'pożizzjoni li jimblokkaw l-adeżjoni ta' kandidati oħra tal-Balkani tal-Punent.

MEMO/18/562

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar