Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: L-ewwel sejħa għal proposti fil-qafas tal-istruttura msaħħa l-ġdida – Mistoqsijiet u Tweġibiet

Brussell, I-10ta' awissu 2018

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-ewwel sejħa għal proposti għal sensiela ta' proġetti ġodda fil-qafas tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà bejn l-2018 u l-bidu tal-2019.

X'inhu l-ħsieb wara l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Is-solidarjetà hija valur kondiviż fl-Unjoni Ewropea, kemm fost iċ-ċittadini u l-Istati Membri tagħha kif ukoll fl-azzjoni interna u esterna tal-Unjoni. 

Kif stqarr il-President Juncker fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016, li matulu ħabbar il-ħolqien tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: “Ta' spiss nuru solidarjetà iktar faċilment meta ffaċċjati b'emerġenzi. Meta l-għoljiet Portugiżi kienu qed jaqbdu, kienu ajruplani Taljani li tfew in-nirien. Meta għargħar qatgħu l-provvista tad-dawl fir-Rumanija, kienu ġeneraturi Żvediżi li reġgħu xegħlu d-dawl. Meta eluf ta' refuġjati waslu fuq ix-xtut Griegi, kienu tined Slovakki li pprovdew kenn. Fl-istess spirtu, il-Kummissjoni llum qed tipproponi li tistabbilixxi Korp Ewropew ta' Solidarjetà.” 

L-għan tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa li ż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità jieħdu sehem f'firxa ta' attivitajiet ta' solidarjetà li jindirizzaw sitwazzjonijiet ta' sfida fl-UE kollha. Il-parteċipazzjoni f'attivitajiet ta' solidarjetà hija ta' benefiċċju mhux biss għall-iżvilupp personali taż-żgħażagħ, għall-involviment attiv tagħhom fis-soċjetà u għall-impjegabbiltà tagħhom, iżda tgħin ukoll lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi, lill-korpi pubbliċi u lill-kumpaniji fl-isforzi tagħhom biex ilaħħqu mal-isfidi tas-soċjetà u ma' sfidi oħra.

 

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għaliex kellu bżonn bażi ġuridika?

Minn mindu ġie varat f'Diċembru 2016, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà ġie implimentat fil-qafas ta' tmien programmi differenti, kull wieħed b'bażi ġuridika, b'objettivi u b'baġit tiegħu stess (il-programm Erasmus+, il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), il-programm LIFE, il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-programm għas-saħħa, il-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini”, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali). 

Bażi ġuridika awtonoma tipprovdi strument wieħed komprensiv ta' finanzjament b'sett ċar ta' objettivi. Dan jgħin biex il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jiġi kkonsolidat, billi jiżdiedu l-koerenza, l-impatt u l-kosteffettività tiegħu, u biex jinħolqu saħansitra iktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ. 

Fit-30 ta' Mejju 2017, wara konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni ressqet proposta biex il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkun mgħammar b'bażi ġuridika unika, b'mekkaniżmu ta' finanzjament tiegħu stess, u b'sett usa' ta' attivitajiet ta' solidarjetà.

 

Meta mistenni jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

F'Ġunju 2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim politiku dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex sal-2020 il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jingħata baġit u qafas ġuridiku tiegħu stess. Soġġett għal vot pożittiv tal-Parlament Ewropew waqt is-sessjoni plenarja tiegħu f'Settembru u l-adozzjoni formali fil-Kunsill, jista' jkun mistenni li l-abbozz ta' Regolament jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li dan jidħol fis-seħħ f'Ottubru 2018[1].

 

X'inhu l-baġit tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà sal-2020?

Il-baġit kumplessiv disponibbli għall-implimentazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għall-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament sal-31 ta' Diċembru 2020 se jkun ta' €375,600,000 fi prezzijiet kurrenti. Dan ikun stipulat fil-bażi ġuridika u jiggarantixxi baġit stabbli għal din l-inizjattiva għall-kumplament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali. 

L-ispejjeż għal attivitajiet ta' solidarjetà individwali jvarjaw skont it-tip u d-durata tagħhom kif ukoll skont il-pajjiż fejn dawn isiru.

 

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jkompli wara l-2020?

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkompli fil-qafas tal-baġit fit-tul li jmiss. Għal dan l-għan, fil-11 ta' Ġunju 2018, il-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà lil hinn mill-2020, fejn allokat €1.26 biljun biex madwar 350,000 żagħżugħ u żagħżugħa jkunu jistgħu jipparteċipaw f'attività ta' solidarjetà. 

 

GOVERNANZA

Liema struttura organizzattiva se tkun responsabbli għall-Korp?

Fl-ewwel fażi tiegħu (mill-2016 'il hawn), il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà ġie ffinanzjat u ġestit permezz ta' tmien programmi differenti tal-UE. Fil-qafas tal-bażi ġuridika l-ġdida tiegħu, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jiġi implimentat mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ fl-Istati Membri u mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA)

L-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+, li diġà huma responsabbli għall-ġestjoni tal-qasam taż-żgħażagħ tal-programm Erasmus+, se jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: il-valutazzjoni tat-talbiet mill-biċċa l-kbira tat-tipi ta' organizzazzjonijiet li japplikaw għal Tikketta tal-Kwalità tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, l-evalwazzjoni tat-talbiet għal finanzjament minn organizzazzjonijiet parteċipanti, l-għoti ta' taħriġ u ta' appoġġ, l-organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' netwerking, jew il-promozzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà fil-livell nazzjonali. 

Il-Kummissjoni Ewropea, appoġġata mill-EACEA, se tiġġestixxi s-servizzi orizzontali għall-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, eż. it-taħriġ onlajn, l-appoġġ lingwistiku onlajn u l-assigurazzjoni. L-Aġenzija se tattribwixxi wkoll it-Tikketta tal-Kwalità lil ċerti tipi ta' partijiet ikkonċernati (eż. in-netwerks jew il-pjattaformi Ewropej, l-awtorijiet u s-servizzi pubbliċi nazzjonali, l-organizzazzjonijiet li joffru attivitajiet immexxija bl-appoġġ ta' programmi tal-UE għajr il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li jipprovdu opportunitajiet ta' volontarjat, ta' traineeships u ta' impjiegi). 

Barra minn hekk, Ċentru tar-Riżorsi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li għadu kemm inħoloq se jagħti appoġġ lill-korpi ta' implimentazzjoni u lill-organizzazzjonijiet parteċipanti, b'mod partikolari b'rabta maċ-ċertifikazzjoni u mad-dokumentazzjoni tal-ħiliet li ż-żgħażagħ jiksbu waqt l-attivitajiet tagħhom.

 

Xi rwol se jkollhom is-servizzi għall-impjiegi?

L-atturi tas-suq tax-xogħol, bħas-servizzi pubbliċi u privati għall-impjiegi, iżda wkoll il-Kmamar tal-Kummerċ, se jkunu jistgħu jagħtu kontribut lill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà billi jgħinu lill-parteċipanti jiksbu impjieg jew traineeship fil-qasam tas-solidarjetà. L-appoġġ tagħhom se jissejjes fuq l-istrutturi eżistenti. 

Is-Servizzi Pubbliċi għall-Impjiegi b'mod partikolari għandhom ħafna informazzjoni dwar is-suq tax-xogħol, jiġifieri dwar l-aċċess għall-postijiet tax-xogħol battala, kemm f'pajjiżhom (permezz tal-bażi tad-data tagħhom stess) u kemm f'pajjiżi oħra (permezz tal-EURES). Barra minn hekk, jistgħu jgħinu biex jippromwovu l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà ma' min iħaddem u biex iħeġġu liż-żgħażagħ jirreġistraw f'dan il-Korp. Jistgħu jipprovdu wkoll appoġġ lill-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà wara l-attività tagħhom, sabiex jiżguraw li l-parteċipazzjoni tagħhom f'attività ta' solidarjetà sservihom bħala pass lejn is-suq tax-xogħol.

L-atturi tas-suq tax-xogħol, inklużi s-servizzi pubbliċi u privati għall-impjiegi, se jkunu jistgħu japplikaw, b'mod individwali jew b'mod konġunt, għal għotjiet permezz tal-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+.

 

ATTIVITAJIET

L-attivitajiet li jingħataw appoġġ se jibqgħu l-istess?

Fl-ewwel fażi tal-implimentazzjoni tiegħu (2016-2018), il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà offra liż-żgħażagħ opportunitajiet għal volontarjat, għal traineeships jew għal impjiegi individwali. 

Permezz tal-bażi ġuridika l-ġdida, minbarra li jappoġġa liż-żgħażagħ sabiex iwettqu attivitajiet ta' volontarjat għal mhux iktar minn 12-il xahar, traineeships għal perjodu ta' xahrejn sa sitt xhur, u impjiegi b'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti għal perjodu ta' tliet xhur sa 12-il xahar, il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jagħti wkoll l-opportunità lill-parteċipanti biex jistabbilixxu l-proġetti ta' solidarjetà tagħhom stess jew biex jagħmlu volontarjat bħala grupp fuq żmien qasir. 

Attenzjoni speċjali tingħata lil żgħażagħ b'inqas opportunitajiet. Sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom, ġew proposti appoġġ finanzjarju speċifiku u attivitajiet b'formati adattati. Se tkun disponibbli firxa ta' miżuri ta' appoġġ (eż. taħriġ ġenerali u tal-lingwa, assigurazzjoni, appoġġ qabel u wara l-attivitajiet ta' solidarjetà, assistenza amministrattiva) għall-parteċipanti u għall-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha.

 

X'inhuma t-timijiet ta' voluntiera?

L-attivitajiet imwettqa minn timijiet ta' voluntiera huma karatteristika ġdida tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Dawn huma attivitajiet ta' solidarjetà li jippermettu lit-timijiet ta' parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà minn pajjiżi parteċipanti differenti jagħmlu volontarjat flimkien għal perjodu ta' bejn ġimagħtejn u xahrejn. Minħabba d-durata iqsar u n-natura kollettiva tiegħu, huwa mistenni li dan il-format jiffaċilita l-inklużjoni ta' żgħażagħ b'inqas opportunitajiet fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. 

Barra minn hekk, il-format tat-timijiet ta' voluntiera se jintuża wkoll biex jintlaħqu prijoritajiet speċifiċi ta' politika, pereżempju l-protezzjoni tal-wirt kulturali Ewropew; l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi (inklużi l-applikanti għall-ażil u r-refuġjati); ir-rispons għall-isfidi ambjentali u klimatiċi, inklużi l-prevenzjoni tad-diżastri, it-tħejjija għalihom u l-irkupru minnhom (eskluż ir-rispons immedjat għad-diżastri), permezz ta' azzjoni ċentralizzata ta' “timijiet ta' voluntiera f'oqsma ta' prijorità għolja”.

 

X'inhu proġett ta' solidarjetà?

Il-proġetti ta' solidarjetà huma inizjattivi mmexxija miż-żgħażagħ, li jiġu stabbiliti u li jitwettqu minn gruppi ta' minn tal-inqas ħames parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, u li jdumu għaddejjin bejn xahrejn u tnax-il xahar. Il-parteċipanti żgħażagħ se jaqdu rwol attiv fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-ideat tagħhom stess għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali tagħhom, fi kwalunkwe qasam marbut mas-solidarjetà. Proġett ta' solidarjetà għandu jindirizza sfida speċifika fil-komunità tal-parteċipanti u għandu jwassal valur miżjud Ewropew ċar. 

Peress li l-proġetti ta' solidarjetà tipikament isiru fil-pajjiż ta' residenza tal-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, dan il-format huwa adattat ukoll għall-parteċipazzjoni ta' żgħażagħ b'inqas opportunitajiet, li jaf jiltaqgħu ma' diffikultajiet biex jinvolvu ruħhom f'attivitajiet barra minn pajjiżhom, iżda li xorta waħda jkunu jixtiequ jagħtu kontribut lis-soċjetà.

 

X'inhuma l-attivitajiet ta' netwerking?

L-għan tal-attivitajiet ta' netwerking huwa li jżidu l-kwalità tal-implimentazzjoni kumplessiva tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li jakkumpanjaw l-implimentazzjoni tiegħu u li jtejbu l-effettività, l-impatt u l-viżibbiltà tiegħu. Barra minn hekk, għandhom l-għan li joħolqu sens ta' appartenenza għall-Korp. Dawn l-attivitajiet jistgħu jkunu relatati, pereżempju mal-informazzjoni għal parteċipanti ġodda (kemm żgħażagħ u kemm organizzazzjonijiet parteċipanti potenzjali) dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, mal-fora ta' konsultazzjoni, mal-iskambju ta' prattiki tajbin jew mal-istabbiliment ta' netwerks ta' parteċipanti preċedenti.

 

Min jista' japplika?

Il-korpi pubbliċi u privati stabbiliti fi Stati Membri tal-UE jistgħu japplikaw għat-Tikketta tal-Kwalità u għal finanzjament. Barra minn hekk, gruppi ta' żgħażagħ irreġistrati fil-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jistgħu japplikaw għal finanzjament għal proġetti ta' solidarjetà. Organizzazzjonijiet mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein, min-Norveġja, mit-Turkija, mill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u minn pajjiżi sħab oħra jistgħu jipparteċipaw bħala sħab fi proġetti ta' volontarjat. Iktar informazzjoni hija disponibbli fil-Gwida tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

 

Fejn u meta jista' wieħed japplika għal din is-sejħa?

L-applikazzjonijiet għal finanzjament għal timijiet ta' voluntiera f'oqsma ta' prijorità għolja għandhom jiġu indirizzati lill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura. L-applikazzjonijiet rigward azzjonijiet oħra għandhom jiġu ppreżentati lill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż li fih tkun stabbilita l-organizzazzjoni li tapplika. 

L-organizzazzjonijiet u l-gruppi ta' żgħażagħ eliġibbli għandhom jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom mhux iktar tard mill-iskadenzi li ġejjin [qabel 12.00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell]:

 

Sħubijiet ta' Volontarjat

Is-16 ta' Ottubru 2018

Proġetti ta' Volontarjat

Is-16 ta' Ottubru 2018

Traineeships u Impjiegi

Is-16 ta' Ottubru 2018

Proġetti ta' Solidarjetà

Is-16 ta' Ottubru 2018

Timijiet ta' Voluntiera f'oqsma ta' prijorità għolja

It-18 ta' Frar 2019

 

L-applikazzjonijiet għat-Tikketta tal-Kwalità jistgħu jiġu ppreżentati fuq bażi kontinwa.

Min jista' jirreġistra għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Kull min għandu bejn 17-il sena u 30 sena, u huwa ċittadin jew resident legali ta' pajjiż parteċipanti jew ta' pajjiż sħab, jista' jirreġistra għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Sabiex jieħu sehem fi proġett ta' solidarjetà, wieħed irid ikollu minn tal-inqas 18-il sena. L-attivitajiet kollha tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huma miftuħa għal żgħażagħ u għal organizzazzjonijiet mill-pajjiżi parteċipanti (l-Istati Membri tal-UE), filwaqt li wħud mill-attivitajiet huma miftuħa wkoll għall-Pajjiżi Sħab (il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, il-pajjiżi kandidati tal-UE, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, il-Federazzjoni Russa).

Iż-żgħażagħ li jirreġistraw għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jridu jaċċettaw l-Istqarrija tal-Missjoni u l-Prinċipji tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Ir-reġistrazzjoni hija faċli u tista' ssir fuq paġna web iddedikata permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ.

 

Ir-reġistrazzjoni fil-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà tiggarantixxi offerta ta' attività ta' solidarjetà liż-żagħżugħ(a)?

Iż-żgħażagħ kollha li jirreġistraw jistgħu jieħdu sehem f'taħriġ ġenerali onlajn u fl-attivitajiet li jsaħħu l-komunità li jaf ikunu qed isiru fil-komunitajiet lokali tagħhom. Ir-reġistrazzjoni ma tiggarantix offerta ta' opportunità ta' volontarjat, ta' traineeship jew ta' impjieg liż-żagħżugħ(a). Dan jiddependi mill-baġit, mid-disponibbiltà tal-proġetti u mill-interess speċifiku ta' kull kandidat. 

L-abbozz ta' Regolament jipprevedi wkoll proġetti ta' solidarjetà, li permezz tagħhom iż-żgħażagħ li jkunu rreġistraw ikunu jistgħu jieħdu azzjoni huma stess u jimplimentaw l-ideat tagħhom għal solidarjetà fil-livell lokali, minflok ma joqogħdu jistennew li organizzazzjoni parteċipanti toffrilhom opportunità ta' volontarjat, ta' traineeship jew ta' impjieg. 

 

X'inhuma r-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet?

Se jkun hemm Tikketta tal-Kwalità fis-seħħ biex tiġi żgurata l-konformità tal-organizzazzjonijiet parteċipanti mal-prinċipji u mar-rekwiżiti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. B'mod ġenerali, il-ksib ta' Tikketta tal-Kwalità se jkun prerekwiżit għal organizzazzjoni parteċipanti fi kwalunkwe attività appoġġata mill-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (għajr proġetti ta' solidarjetà) iżda ma għandux iwassal awtomatikament għal finanzjament. 

L-ambitu tal-għoti tat-Tikketta tal-Kwalità jiddependi fuq it-tip ta' attivitajiet li l-organizzazzjoni li tapplika tixtieq tkun involuta fihom. Ikun hemm mekkaniżmi speċifiċi fis-seħħ għall-applikazzjoni għat-Tikketta tal-Kwalità, għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet u għall-għoti (jew għar-rifjut) tat-Tikketta tal-Kwalità. Jiġu pprovduti proċeduri ssimplifikati għall-organizzazzjonijiet li diġà jkunu qed jipparteċipaw fi programmi oħra tal-UE kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi. Jiġu applikati miżuri ta' tranżizzjoni għall-organizzazzjonijiet akkreditati fil-qafas tas-Servizz ta' Volontarjat Ewropew. Il-proċess ta' applikazzjoni, skont it-tip ta' organizzazzjoni, jiġi evalwat mill-Aġenziji Nazzjonali jew mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA).

 

Kif jaħdem il-proċess ta' tqabbil?

Meta ż-żgħażagħ jirreġistraw għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà permezz tal-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, minbarra li jipprovdu l-informazzjoni dwar l-edukazzjoni tagħhom, l-esperjenza tax-xogħol tagħhom u l-interessi personali tagħhom, huma jistgħu jindikaw ukoll f'liema tip ta' proġetti jixtiequ jkunu involuti, f'liema pajjiżi jixtiequ jwettqu attività ta' solidarjetà, u meta jkunu jistgħu jipparteċipaw. Jistgħu jagħżlu bejn it-tipi ta' attivitajiet (volontarjat, impjiegi, traineeships) u jistgħu jesprimu l-interess tagħhom li jkunu involuti f'oqsma speċifiċi ta' solidarjetà. 

Meta jirreġistraw, iż-żgħażagħ jistgħu jenfasizzaw ukoll x'esperjenza u x'għarfien speċifiċi jkunu se jġibu magħhom fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, pereżempju fix-xogħol mar-refuġjati, mat-tfal, mal-anzjani jew mal-persuni b'diżabbiltà, fit-tagħlim, fl-ewwel għajnuna, fil-midja, fil-mużika, fl-arti, fil-bini/fil-kostruzzjoni, fl-inġinerija, fil-ġestjoni tal-proġetti jew f'oqsma oħra. Inkella, iż-żgħażagħ jistgħu japplikaw direttament għal wieħed mill-postijiet battala ppubblikati fil-Portal tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà mill-organizzazzjonijiet parteċipanti. 

L-organizzazzjonijiet parteċipanti se jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu minn fost il-kandidati, li l-motivazzjoni, l-interessi u l-ħiliet tagħhom ikunu jikkorrispondu l-iktar mal-bżonnijiet tagħhom. Iż-żgħażagħ ikunu liberi li jaċċettaw jew li jirrifjutaw kwalunkwe offerta li ssirilhom minn xi organizzazzjoni.

 

X'inhuma l-kundizzjonijiet finanzjarji tal-parteċipazzjoni f'attività tal-Korp ta' Solidarjetà?

Iż-żgħażagħ kollha li jipparteċipaw f'attività ta' solidarjetà għandhom jirċievu kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom kif ukoll assigurazzjoni. 

Il-voluntiera jirċievu wkoll ikel u akkomodazzjoni mingħajr ħlas, kif ukoll ftit flus biex jgħaddu bihom matul id-durata tal-attività tagħhom. 

L-impjiegi jkunu bbażati fuq kuntratt ta' impjieg u r-remunerazzjoni tkun stabbilita skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-ftehimiet kollettivi nazzjonali li jkunu fis-seħħ fil-pajjiż fejn jitwettaq l-impjieg. Din ir-remunerazzjoni titħallas mill-organizzazzjoni li timpjega liż-żagħżugħ(a). Barra minn hekk, min iwettaq l-impjieg jirċievi benefiċċju tar-rilokazzjoni biex jiġi megħjun fl-ispiża biex imur jaħdem fil-pajjiż ospitanti. 

It-traineeships ikunu bbażati fuq ftehim bil-miktub u r-remunerazzjoni tingħata mill-organizzazzjoni ospitanti. It-traineeships offruti fil-qafas tal-Korp iridu jqisu l-prinċipji deskritti fil-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships. It-trainees jirċievu wkoll benefiċċju tar-rilokazzjoni.

 

L-organizzazzjonijiet jistgħu jitolbu lill-parteċipanti jħallsuhom talli jqabbduhom jaħdmu magħhom?

Le. L-ebda individwu jew entità ma jista' jitlob/tista' titlob lill-parteċipanti jħallsu miżata jew jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja talli jkunu ntgħażlu biex jipparteċipaw fi proġett tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà.

 

U xi ngħidu dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni u tas-sigurtà soċjali?

Il-parteċipanti f'attivitajiet transfruntiera se jkunu rreġistrati fis-sistema ta' assigurazzjoni tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Din se tipprovdi kopertura komplementari għad-detenturi ta' Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Ewropea u kopertura sħiħa tal-assigurazzjoni għal dawk il-parteċipanti li ma jkunux eliġibbli għall-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Ewropea mingħajr ħlas.

Fir-rigward ta' impjiegi u ta' traineeships u s-sigurtà soċjali marbuta magħhom, japplikaw ċerti speċifiċitajiet skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-ftehimiet kollettivi nazzjonali li jkunu fis-seħħ fil-pajjiż fejn jitwettqu l-attivitajiet ta' solidarjetà.

 

Se jkun hemm appoġġ lingwistiku?

Iva. Il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li jaċċettaw offerta għal attività ta' solidarjetà transfruntiera se jingħataw aċċess għal kors lingwistiku onlajn li permezz tiegħu jkunu jistgħu jivvalutaw u jtejbu l-kompetenzi tagħhom fil-lingwa barranija li se jużaw biex iwettqu l-attività tagħhom barra minn pajjiżhom.

 

X'tip ta' ċertifikat se jirċievu l-parteċipanti?

Iż-żgħażagħ kollha li jipparteċipaw f'attività tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jirċievu ċertifikat ta' parteċipazzjoni ladarba jlestu l-attività ta' solidarjetà tagħhom. Fi tmiem il-volontarjat, it-traineeship jew l-impjieg tagħhom, iż-żgħażagħ ikunu intitolati wkoll li jirċievu ċertifikat tal-Youthpass li jiddokumenta l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li kisbu waqt l-attivitajiet ta' solidarjetà.

 

[1] Is-sejħa tiġi ppubblikata soġġett għall-adozzjoni finali tar-Regolament dwar il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà mill-awtorità leġiżlattiva mingħajr modifiki sinifikanti, u soġġett għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet rilevanti ta' finanzjament.

MEMO/18/4840

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar