Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u tweġibiet: id-dħul fis-seħħ tal-verżjoni aġġornata tal-Istatut dwar l-Imblukkar

Brussell, is-6ta' awissu 2018

X'inhu l-Istatut dwar l-Imblukkar?

L-UE introduċiet l-Istatut dwar l-Imblukkar fl-1996 (ir-Regolament 96/2271) bħala tweġiba għal-leġiżlazzjoni dwar sanzjonijiet extraterritorjali tal-Istati Uniti. Għandu l-għan li jiġġieled l-effetti tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fuq operaturi ekonomiċi tal-UE involuti f'attività legali ma' pajjiżi terzi. L-Istatut dwar l-Imblukkar jikkostitwixxi kisba importanti fir-rigward ta' azzjoni unifikata tal-UE kontra leġiżlazzjoni extraterritorjali ta' pajjiżi terzi.

Kif jaħdem l-Istatut dwar l-Imblukkar?

L-Istatut dwar l-Imblukkar japplika fir-rigward tal-leġiżlazzjoni extraterritorjali msemmija fl-Anness tiegħu (“il-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata”).

Dan jimpedixxi lil residenti u kumpaniji mill-UE (“operaturi”) milli jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata sakemm ma jiġux awtorizzati jagħmlu dan b'mod eċċezzjonali mill-Kummissjoni; jippermetti lill-operaturi mill-UE jirkupraw danni mġarrba minn tali leġiżlazzjoni mingħand il-persuni jew l-entitajiet li jikkawżawhom; u jħassar l-effett fl-UE ta' kwalunkwe deċiżjoni ta' qorti barranija bbażata fuq tali leġiżlazzjoni.

L-operaturi mill-UE jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea - fi żmien 30 jum minn meta jiksbu l-informazzjoni - dwar kull attività li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata li taffettwa l-interessi ekonomiċi jew finanzjarji tagħhom.

Għaliex l-Istatut dwar l-Imblukkar ġie aġġornat?

L-aġġornament irriżulta mid-deċiżjoni unilaterali tal-Istati Uniti tat-8 ta' Mejju 2018 li jerġgħu jiġu imposti sanzjonijiet kontra l-Iran (wara perjodi ta' rallentament ta' 90 u 180 jum, jiġifieri s-6 ta' Awwissu 2018 u l-4 ta' Novembru 2018), simultanjament mal-irtirar tal-Istati Uniti mill-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK), miftiehem fl-2015 bejn l-Iran, fuq in-naħa l-waħda, u ċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, l-Unjoni Ewropea, ir-Russja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, fuq in-naħa l-oħra. Uħud mis-sanzjonijiet li reġgħu ġew imposti għandhom effetti extraterritorjali li potenzjalment jistgħu jolqtu lil operaturi mill-UE li jkunu qegħdin jagħmlu negozju leġittimu mal-Iran.

X'emendi ddaħħlu fl-Istatut dwar l-Imblukkar?

L-UE emendat l-anness tal-Istatut dwar l-Imblukkar billi fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu żiedet il-lista ta' sanzjonijiet extraterritorjali tal-Istati Uniti fuq l-Iran li qed jerġgħu jiġu imposti mill-Istati Uniti.

L-emenda ser issir permezz ta' Regolament Delegat tal-Kummissjoni, li ġie addottat mill-Kummissjoni fis-6 ta' Ġunju 2018 u li, matul il-perjodu ta' skrutinju ta' xahrejn previst għal dan il-għan, ma rċieva l-ebda oġġezzjoni la mill-Kunsill u lanqas mill-Parlament Ewropew. Ir-Regolament Delegat ser jiġi ppubblikat u jidħol fis-seħħ fis-7 ta' Awwissu.

X'tip ta' danni jistgħu jiġu kkumpensati lill-operaturi mill-UE?

Skont l-Istatut dwar l-Imblukkar, l-operaturi tal-UE jistgħu jirkupraw “kwalunkwe dannu, inkluż l-ispejjeż legali, ikkawżati bl-applikazzjoni tal-liġijiet speċifikati fl-Anness tiegħu jew minn azzjonijiet ibbażati fuqu jew li jirriżultaw minnu”.

Mingħand min jista' jintalab kumpens għal danni mġarrba mill-operaturi mill-UE?

Skont l-Istatut dwar l-Imblukkar, l-operaturi mill-UE jistgħu jirkupraw id-danni mingħand “il-persuna fiżika jew ġuridika jew mingħand kwalunkwe entità oħra li tkun ikkawżat id-danni jew mingħand kwalunkwe persuna li tkun topera f'isimhom jew bħala intermedjarju tagħhom”.

Kif tista' titressaq talba ta' kumpens għal danni mġarrba minn operaturi mill-UE?

Din l-azzjoni tista' titressaq quddiem qorti tal-Istati Membri u l-irkupru jista' jieħu s-sura ta' qbid u bejgħ tal-assi tal-persuna li tkun ikkawżat id-danni, jew ir-rappreżentanti u l-intermedjarji tagħha. Bħal fil-każ ta' kwalunkwe litigazzjoni għad-danni, hija fil-kompetenza tal-imħallef li jivvaluta l-merti tal-każ jew ir-rabta ta' kawżalità.

Min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Istatut dwar l-Imblukkar?

L-implimentazzjoni tal-Istatut dwar l-Imblukkar, inkluż id-deċiżjoni dwar sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi għal ksur possibbli hija kompetenza tal-Istati Membri. L-Istati Membri huma wkoll responsabbli mill-infurzar ta' dawn is-sanzjonijiet.

X'inhu r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea?

Il-Kummissjoni Ewropea għandha diversi rwoli: tikkompila informazzjoni minn operaturi mill-UE dwar każijiet possibbli fejn tiġi applikata l-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata; iżżomm kuntatt mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE dwar każijiet bħal dawn fil-ġuriżdizzjoni tagħhom; tirċievi notifiki mill-Istati Membri u tiskambja informazzjoni magħhom dwar il-miżuri meħuda skont l-Istatut dwar l-Imblukkar u aspetti rilevanti oħra.

F'każijiet eċċezzjonali l-Kummissjoni tista' wkoll tawtorizza operatur mill-UE li jikkonforma totalment jew parzjalment mal-leġiżlazzjoni extraterritorjali elenkata fil-każ li n-nuqqas ta' konformità jkun ta' theddida għall-interessi tal-operatur jew tal-Unjoni Ewropea. F'dan kollu l-Kummissjoni hija assistita minn Kumitat dwar il-Leġiżlazzjoni Extraterritorjali magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri.

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni li jinkludi l-kriterji dwar il-bażi li fuqha l-Kummissjoni ser tivvaluta tali talbiet għal awtorizzazzjoni ser jiġi ppubblikat fis-7 ta' Awwissu wkoll, wara li kiseb l-appoġġ sħiħ tal-Kumitat.

Għal aktar informazzjoni

Stqarrija għall-istampa: Tidħol fis-seħħ il-verżjoni aġġornata tal-Statut dwar l-Imblukkar f'appoġġ tal-ftehim nukleari mal-Iran

MEMO/18/4786

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar