Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet frekwenti dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew

Brussell, is-7ta' awissu 2018

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Fit-8 ta' Ġunju 2017, 20 Stat Membru tal-UE laħqu ftehim politiku dwar it-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ġdid fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa. Ir-Regolament li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ġie adottat mill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tat-12 ta' Ottubru 2017 u daħal fis-seħħ fl-20 ta' Novembru 2017.

Fl-1 ta' Awwissu 2018, il-Kummissjoni kkonfermat il-parteċipazzjoni tan-Netherlands fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).

Illum (is-7 ta' Awwissu 2018), il-Kummissjoni kkonfermat lil Malta bħala t-22 Stat Membru tal-UE li ngħaqad mal-UPPE.*

X'inhu l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkun uffiċċju indipendenti u deċentralizzat tal-prosekutur tal-Unjoni Ewropea bil-kompetenza li jinvestiga, iwettaq prosekuzzjonijiet u jressaq quddiem il-ġustizzja reati kontra l-baġit tal-UE, bħal frodi, korruzzjoni jew frodi transfruntiera tal-VAT li jaqbżu l-10 miljun euro.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jopera bħala uffiċċju fl-Istati Membri parteċipanti kollha u se jgħaqqad flimkien l-isforzi Ewropej u dawk nazzjonali tal-infurzar tal-liġi f'approċċ unifikat, mingħajr intoppi u effiċjenti.

Għaliex għandna bżonn ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

Illum, l-interessi finanzjarji tal-UE mhumiex imħarsa biżżejjed u l-frodi transfruntiera tal-VAT jikkostitwixxu telf importanti għall-baġits nazzjonali.

L-ewwel nett, il-korpi eżistenti tal-UE – l-OLAF (Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi), il-Eurojust (Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali) u l-Europol (Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija) – ma jistgħux iwettqu investigazzjonijiet kriminali jew prosekuzzjoni ta' każijiet ta' frodi. L-OLAF jista' jirreferi r-riżultati tal-investigazzjonijiet amministrattivi tiegħu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss, li wara jiddeċiedu b'mod indipendenti jekk jibdewx proċedimenti kriminali jew le fuq il-bażi tas-sejbiet tal-OLAF.

It-tieni, l-isforzi għall-infurzar tal-liġi nazzjonali huma frammentati bejn l-Istati Membri differenti, li mhux dejjem jieħdu l-azzjoni meħtieġa biex jindirizzaw reati kontra l-baġit tal-UE. Illum, madwar 50 % tar-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji trasferiti mill-OLAF lejn l-awtoritajiet ta' prosekuzzjoni nazzjonali jwasslu għal akkuża. Ir-rati ta' akkużi jvarjaw b'mod konsiderevoli fost l-Istati Membri.

It-tielet, l-għadd baxx ta' prosekuzzjonijiet huwa akkumpanjat b'rati baxxi ta' rkupru tal-ammonti li jintilfu minħabba l-frodi. Il-frodaturi għad-dannu tal-baġit tal-UE jew li jwettqu frodi kumplessi tal-VAT, li kull sena jqumu tal-inqas EUR 50 biljun ta' dħul minn baġits nazzjonali, jafu li għandhom ċans tajjeb li jżommu r-rikavati tar-reati tagħhom, filwaqt li jistrieħu fuq in-nuqqas ta' sforzi konsistenti ta' infurzar fl-UE.

X'se jkunu l-karatteristiċi ewlenin tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkun uffiċċju indipendenti u speċjalizzat ħafna. Il-Prosekuturi tal-Uffiċċju se jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom fl-Istati Membri parteċipanti kollha b'mod koordinat, filwaqt li jiskambjaw l-informazzjoni malajr u jgħaqqdu l-isforzi biex jiżguraw investigazzjonijiet koordinati, l-iffriżar jew il-qbid rapidu tal-assi u, fejn meħtieġ, talba għal arrest ta' kriminali suspettati, dan kollu fi ħdan strateġija tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni komuni Ewropea.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se juża l-kapaċitajiet tal-Istati Membri u se jiġbor l-għarfien espert f'oqsma bħall-analiżi tar-reati, it-taxxa, il-kontabbiltà jew l-IT u jiggarantixxi kanali ta' komunikazzjoni bla xkiel mingħajr ebda ostaklu tal-lingwa. L-investigaturi tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se joperaw permezz ta' proċeduri bla xkiel bħala uffiċċju uniku, li jmorru lil hinn mill-kooperazzjoni ad hoc bejn awtoritajiet nazzjonali differenti fuq bażi ta' każ b'każ.

Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkollu l-“istampa sħiħa” tas-sitwazzjoni u b'hekk jidentifika u jsegwi iktar faċilment il-frodi u reati oħra.

Kif se tkun tidher l-istruttura tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkollu Uffiċċju mibni fuq żewġ livelli: il-livell ċentrali u l-livell nazzjonali. Il-livell ċentrali se jikkonsisisti mill-Kap Prosekutur Ewropew, 21 Prosekutur Ewropew (wieħed għal kull Stat Membru), tnejn minnhom bħala Deputati tal-Kap Prosekutur Ewropew, Direttur Amministrattiv u persunal tekniku u investigattiv iddedikat. Il-livell deċentralizat se jikkonsisti fi Prosekuturi Delegati Ewropej li se jkunu jinsabu fl-Istati Membri parteċipanti. Il-livell ċentrali se jissorvelja l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet imwettqa fil-livell nazzjonali.

Kif se jaħdmu l-Prosekuturi Delegati Ewropej?

Il-Prosekuturi Delegati Ewropej se jkunu parti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Bħala regola, se jkunu l-Prosekuturi Delegati Ewropej li jwettqu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni fl-Istati Membri tagħhom, filwaqt li jaħdmu id f'id mal-korpi nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u japplikaw id-dritt nazzjonali. L-azzjonijiet tagħhom se jiġu kkoordinati mill-uffiċċju ċentrali mmexxi mill-Kap Prosekutur Ewropew li se jiżgura koerenza u effiċjenza fl-Istati Membri parteċipanti kollha.

Din l-istruttura deċentralizzata tagħmel l-għarfien espert nazzjonali direttament aċċessibbli għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, bħall-għarfien fil-fond tas-sistema ġudizzjarja nazzjonali, l-għarfien tal-lingwa lokali, l-integrazzjoni fl-istruttura tal-prosekuzzjoni lokali, il-prassi lokali fl-immaniġġar tal-każijiet tal-qorti, eċċ.

Il-Prosekuturi Delegati Ewropej jistgħu jkomplu bil-funzjonijiet tagħhom bħala prosekuturi nazzjonali ("kariga doppja"). Madankollu, meta jaġixxu taħt il-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, il-Prosekuturi Delegati se jkunu kompletament indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali ta' prosekuzzjoni tagħhom.

Kif se jinħatru l-Prosekuturi fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

Il-Kap Prosekutur Ewropew u l-Prosekuturi Ewropej se jinħatru minn bord tal-għażla. Għal din ir-raġuni, fil-31 ta' Lulju 2018 il-Kummissjoni pproponiet Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra tal-membri tal-bord. Il-kompitu ewlieni tal-bord tal-għażla se jkun li jfassal lista mqassra ta' kandidati għall-pożizzjoni ta' Kap Prosekutur Ewropew u li jivvaluta l-kwalifiki tal-kandidati għal Prosekuturi Ewropej qabel il-ħatra tagħhom mill-Kunsill.

Tnax-il persuna se jkunu fuq il-bord. Huma se jkunu kollha ħadmu bħala ex membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, ex membri nazzjonali tal-Eurojust, membri tal-qrati supremi nazzjonali jew prosekuturi u avukati ta' livell għoli. Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-bord, il-Kummissjoni kkunsidrat il-ħtieġa għal bilanċ ġeografiku, bilanċ bejn is-sessi u rappreżentazzjoni dovuta tas-sistemi legali tal-istati Membri li jipparteċipaw fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.

Wara l-adozzjoni ta' din il-proposta, il-Kunsill huwa mistenni jiddiskuti u jadotta d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill li jaħtar il-membri tal-bord tal-għażla. Fuq din il-bażi, il-bord tal-għażla huwa previst li jibda l-funzjonijiet tiegħu f'Ottubru 2018. Il-bord tal-għażla huwa mistenni jwettaq il-kompiti tiegħu rigward il-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew u tal-Prosekuturi Ewropej sa tmiem l-2019.

X'inhi l-bażi ġuridika tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

It-Trattat ta' Lisbona jpoġġi enfażi partikolari fuq il-ġlieda kontra reati finanzjarji u ekonomiċi serji b'dimensjoni transfruntiera. Il-bażi ġuridika u r-regoli għat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huma stipulati fl-Artikolu 86 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jiddikjara:

"Sabiex jiġġieled ir-reati kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali, jista' jistabbilixxi Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mill-Eurojust."

L-Artikolu 86 tat-TFUE jipprevedi wkoll il-possibbiltà li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġi stabbilit fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa, jekk grupp ta' mill-inqas 9 Stati Membri Ewropej ikunu jixtiequ jagħmlu dan.

L-UPPE se jkun kompetenti għal reati li jaffettwaw il-baġit tal-Unjoni, kif definit fid-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (Direttiva PIF), li ġiet adottata fil-5 ta' Lulju 2017.

X'inhi l-kooperazzjoni msaħħa u jagħmel sens li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġi stabbilit fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa?

Il-kooperazzjoni msaħħa hija proċedura fejn tal-inqas disa' Stati Membri jaqblu li jikkollaboraw u jistabbilixxu kooperazzjoni mill-qrib f'qasam speċifiku. Din il-proċedura ġiet applikata fl-oqsma tal-liġi tad-divorzju, il-patenti u r-reġimi tal-proprjetà.

Mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, 22 Stat Membru jridu jgħaqqdu flimkien l-forzi tagħhom u jsaħħu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkun attur ewlieni fil-ġlieda kontra r-reati kontra l-baġit tal-UE. Dan se jkun pass ewlieni 'l quddiem għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

L-Istati Membri mhux parteċipanti se jkunu jistgħu jingħaqdu mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fi stadju iktar tard.

Liema Stati Membri se jifformaw parti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

Fit-8 ta' Ġunju 2017, 20 Stat Membru laħqu approċċ ġenerali dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa. Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-qafas tal-kooperazzjoni msaħħa ġie adottat mill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tat-12 ta' Ottubru 2017 u daħal fis-seħħ fl-20 ta' Novembru 2017. L-Istati Membri li jipparteċipaw mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u s-Slovenja.

Fl-1 ta' Awwissu 2018, in-Netherlands saru l-21 Stat Membru li jipparteċipa fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Illum, il-Kummissjoni kkonfermat lil Malta bħala t-22 Stat Membru biex tipparteċipa fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.*

F'dan l-istadju, mhux l-Istati Membri kollha jixtiequ jipparteċipaw fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, iżda dawn l-Istat Membri mhux parteċipanti jistgħu jissieħbu fi kwalunkwe żmien wara l-adozzjoni tar-Regolament.

Għaliex il-frodi ma għandhiex tiġi miġġielda direttament mill-Istati Membri?

Attwalment, l-awtoritajiet nazzjonali biss jistgħu jwettqu investigazzjonijiet kriminali u prosekuzzjoni ta' frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Imma s-setgħat tagħhom jieqfu mal-fruntieri nazzjonali. Bosta drabi r-reati kontra l-baġit tal-UE huma kumplessi. Dawn jinvolvu bosta atturi, skemi ta' frodi kkomplikati u elaborati, diversi pajjiżi u ġuriżdizzjonijiet nazzjonali differenti. Barra minn hekk, investigazzjonijiet li jkunu ta' suċċess dwar frodi jeħtieġu fehim fil-fond tal-qafas ġuridiku u amministrattiv rilevanti.

Kooperazzjoni effettiva bejn l-Istati Membri hija diffiċli minħabba s-sistemi differenti tad-dritt kriminali, ġuriżdizzjoni mhux ċara, proċeduri ta' assistenza legali diffiċli ħafna u li jieħdu wisq ħin, problemi tal-lingwa, nuqqas ta' riżorsi u prijoritajiet differenti.

Dan jista' jirriżulta biex il-frodi kontra l-baġit tal-UE, f'livell nazzjonali, jitqies bħala li jieħu ħafna ħin u li juża għadd kbir ta' persunal. Bħala riżultat, jista' jkun li frodi bħal dawn lanqas biss jiġu indirizzati jew li l-każijiet jitwaqqgħu hekk kif jibdew jidhru xi diffikultajiet. F'ċerti każijiet, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jiddeċiedu li jinvestigaw biss il-parti nazzjonali "tagħhom" tar-reat, u ma jqisux l-implikazzjonijiet ħafna usa' ta' skema ta' frodi internazzjonali.

X'se jinbidel taħt l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jopera bħala uffiċċju uniku fl-Istati Membri parteċipanti kollha u mhux se jkollu għalfejn jiddependi fuq strumenti tradizzjonali tad-dritt tal-UE għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Stati Membri differenti.

Se jiġbor flimkien l-għarfien espert u l-esperjenza u jopera bħala uffiċċju uniku fl-Istati Membri parteċipanti kollha. Se jkun jista' jaġixxi malajr bejn il-fruntieri nazzjonali, mingħajr il-ħtieġa ta' proċedimenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja fit-tul. Se jippermetti wkoll politika ta' prosekuzzjoni komuni, li ġġib fi tmiemu l-approċċ frammentat attwali.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jegħleb in-nuqqasijiet attwali u jindirizza l-frodi li jinvolvu fondi tal-UE ta' iktar minn EUR 10 000, kif ukoll każijiet kumplessi ta' frodi transfruntiera tal-VAT, li jinvolvu dannu iktar minn EUR 10 miljun.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew huwa mistenni jwassal għal prosekuzzjonijiet b'iktar suċċess u rkupru aħjar tal-flus miksuba bi frodi.

Kif se tiġi żgurata l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

L-ewwel nett, ir-Regolament jistipola li l-persunal tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandu jaġixxi fl-interess tal-Unjoni in ġenerali u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minn xi istanza minn barra. Dan jiżgura li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni u l-Istati Membri jirrispettaw l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u ma jipprovawx jinfluwenzawh fl-eżerċizzji tal-ħidmiet tiegħu.

It-tieni, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkun strutturalment indipendenti għax mhuwiex se jkun integrat f'istituzzjoni jew f'servizz ieħor tal-UE.

It-tielet, il-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew se sseħħ wara sejħa miftuħa għal kandidati u se ssir mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Bord magħmul minn ex membri tal-Qorti tal-Ġustizzja, membri tal-qrati supremi, servizzi tal-prosekuzzjoni pubblika u/jew avukati b'kompetenza rikonoxxuta se jgħin biex ifassal lista mqassra tal-kandidati. Il-mandat tiegħu huwa limitat għal seba' snin u mhuwiex rinnovabbli biex b'hekk jiġi żgurat li l-Kap Prosekutur Ewropew ma joperax bil-ħsibijiet li jerġa' jinħatar. Il-Prosekutur Pubbliku Ewropew jista' jitkeċċa biss permezz ta' deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, wara applikazzjoni mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni.

Ir-raba', fir-rigward tal-Prosekuturi Delegati Ewropej, ir-Regolament jiżgura li l-prosekuturi nazzjonali li jinħatru biex jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għandhom ikunu kompletament indipendenti minn awtoritajiet ta' prosekuzzjoni nazzjonali.

X'jiġri rigward id-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati?

Huwa importanti li jissaħħu s-salvagwardji ġuridiċi li jħarsu l-individwi u lill-kumpaniji affettwati mill-investigazzjonijiet jew mill-prosekuzzjonijiet fl-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament jinkludi sett b'saħħtu u komprensiv ta' salvagwardji proċedurali, li se jiżguraw li d-drittijiet tas-suspettati u tal-persuni l-oħrajn involuti fl-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġu mħarsa kemm mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE kif ukoll mid-drittijiet ta' difiża nazzjonali.

Ir-Regolament jiżgura li l-persuna suspettata jkollha d-drittijiet kollha mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-UE u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dawn id-drittijiet huma elenkati b'mod espliċitu, u jinkludu d-drittijiet għal:

  • interpretazzjoni u traduzzjoni,
  • informazzjoni u aċċess għall-materjali tal-każ,
  • aċċess għal avukat u li l-persuna tikkomunika ma' persuni terzi u li dawn jiġu infurmati fil-każ ta' detenzjoni,
  • il-persuna tibqa' siekta u titqies innoċenti,
  • għajnuna legali,
  • preżentazzjoni tal-evidenza, ħatra tal-esperti u smigħ tax-xhieda.

Barra minn hekk, il-persuna suspettata għandha d-drittijiet tad-difiża mogħtija mid-dritt nazzjonali li jirregola l-proċedura.

X'se jkun ir-rwol tal-Eurojust ladarba jiġi stabbilit l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew?

Il-Eurojust tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni u ta' prosekuzzjoni biex jikkooperaw u jikkoordinaw f'madwar 1,500 każ transfruntier fis-sena. Hija għenet biex tibni fiduċja reċiproka u biex tegħleb id-diversità tas-sistemi u tat-tradizzjonijiet ġurdiċi. Madankollu, il-Eurojust ma għandhiex kompetenza li twettaq investigazzjonijiet kriminali jew twettaq prosekuzzjoni ta' każijiet ta' frodi. Fl-2013, il-Kummissjoni pproponiet riforma tal-Eurojust bil-għan li tkompli ttejjeb il-funzjonament ġenerali tagħha u li tippermetti lill-Kulleġġ u lill-Membri Nazzjonali tagħha jiffokaw fuq il-kompiti operazzjonali tagħhom, jiġifieri li jikkoordinaw u jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fil-ġlieda kontra r-reati transfruntiera.

Il-Eurojust riformata se tappoġġa lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fil-ġlieda kontra l-frodi tal-baġit tal-UE. Se tgħin biex tiżgura l-koordinazjoni tal-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew mal-awtoritajiet investigattivi tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx fit-twaqqif tal-Uffiċċju. Il-Eurojust tista' tipprovdi appoġġ u riżorsi tal-amministrazzjoni tagħha lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Id-dettalji ta' dan l-arranġament jiġu stabbiliti fi ftehim bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-Eurojust.

X'se jkun ir-rwol tal-OLAF ladarba l-Prosekutur Pubbliku Ewropew jiġi stabbilit?

L-OLAF se jibqa' responsabbli għal investigazzjonijiet amministrattivi tal-irregolaritajiet li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, inklużi l-frodi, u għal kondotta ħażina tal-persunal tal-UE.

Peress li mhux l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, l-OLAF se jkompli bl-investigazzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta' Stati Membri mhux parteċipanti bl-istess mod bħalma tagħmel illum.

Fl-Istati Membri parteċipanti, f'oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UPPE, il-UPPE u l-OLAF se jeħtieġu jistabbilixxu u jżommu kooperazzjoni mill-qrib bil-għan li jiżguraw il-komplimentarjetà tal-mandati tagħhom, u li jevitaw id-duplikazzjoni. B'rabta ma' dan, l-OLAF mhu se jiftaħ l-ebda investigazzjoni amministrattiva b'mod parallel ma' investigazzjoni li tkun qed issir mill-UPPE tal-istess fatti. F'każijiet bħal dawn, il-UPPE jista' jitlob lill-OLAF li jappoġġa jew jikkomplimenta l-attività tal-UPPE. Min-naħa l-oħra, f'każijiet fejn l-UPPE mhuwiex iwettaq investigazzjoni, l-OLAF se jżomm is-setgħa tiegħu li jibda investigazzjoni amministrattivi fuq inizjattiva tiegħu stess, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-UPPE, u l-UPPE se jkun jista' jipprovdi informazzjoni rilevanti lill-OLAF biex dan jikkonsidra azzjoni amministrattiva xierqa.

Fit-23 ta' Mejju 2018, il-Kummissjoni pproponiet li temenda r-Regolament (UE, Euratom) 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-OLAF, bil-għan li jiġi żgurat li l-OLAF isir sieħeb mill-qrib u affidabbli tal-UPPE, u li jkompli jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi biex jikkomplementa l-ħidma tal-UPPE.

Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UPPE u l-OLAF – u l-attivitajiet kontinwi tal-OLAF matul il-mandat tiegħu – se tippermetti titjib sinifikanti fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

L-Uffiċċju tal-Prosekuturi Pubbliċi Ewropew se jibda jarresta l-persuni permezz tal-forza tal-pulizija tiegħu stess?

Le. L-awtoritajiet nazzjonali biss se jkunu kapaċi li jarrestaw lil persuni għal reati fil-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Il-Prosekuturi Delegati Ewropej se jwettqu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet fl-Istati Membri parteċipanti id f'id mal-pulizija nazzjonali u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew se jkun permess biss li jagħmel talba lill-awtoritajiet ġudizzjarji biex jarrestaw suspettat jekk iqis li dan huwa assolutament meħtieġ għall-investigazzjoni tiegħu u jekk miżuri inqas intrusivi ma jistgħux jiksbu l-istess għan. Talbiet bħal dawn se jiġu vvalutati u awtorizzati fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali mill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali kompetenti.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fejn se jkollu s-sede tiegħu?

L-Uffiċċju se jkollu s-sede tiegħu fil-Lussemburgu.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew meta se jibda l-operazzjonijiet tiegħu?

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fl-20 ta' Novembru 2017, il-ħidma fuq it-twaqqif tal-Uffiċċju bdiet. Huwa ppjanat li wara fażi ta' żvilupp ta' tliet snin, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ikun jista' jibda l-funzjonijiet tiegħu fi tmiem l-2020.

 

*Aġġornament fis-07/08/2018 fl-12:00

MEMO/18/4767

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar