Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Lulju: id-deċiżjonijiet ewlenin

Brussell, id-19ta' lulju 2018

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett tagħha ta' kull xahar tad-deċiżjonijiet dwar il-proċeduri ta' ksur, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) qiegħda tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri li ma qdewx l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qed jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qed tagħlaq ukoll 80 każ li fihom il-kwistjonijiet mal-Istati Membri kkonċernati ssolvew mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli għaddejja bil-proċedura.

Għal iktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-MEMO/12/12 sħiħa. Għal iktar dettalji dwar id-deċiżjonijiet kollha li ġew meħuda, ikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-proċeduri ta' ksur.

1. Is-Suq Uniku Diġitali

(Għal iktar informazzjoni: Nathalie Vandystadt – tel.: +32 229 67083, Inga Höglund – tel.: +32 229 50698)

 

Ittri ta' intimazzjoni

L-ispettru tar-radju: il-Kummissjoni titlob lill-BELĠJU jikkonforma mar-regoli tal-UE dwar l-ispettru

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju biex titlob l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli Ewropej dwar l-ispettru tar-radju abbażi tad-Deċiżjoni (UE) 2017/899 dwar is-700 MHz). Skont din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri jridu jippermettu l-użu tal-banda tal-frekwenzi 694-790 MHz (is-“700 MHz”) għall-broadband mobbli sat-30 ta' Ġunju 2020. Il-Belġju ma kkonkludiex ftehimiet ta' koordinazzjoni transfruntiera dwar il-frekwenzi mal-pajjiżi ġirien tiegħu, b'mod partikolari mal-Ġermanja u mar-Renju Unit, u b'hekk ma jikkonformax mal-obbligi tad-Deċiżjoni dwar is-700 MHz. L-iskadenza għall-adozzjoni ta' dawn il-ftehimiet kienet fi tmiem l-2017. B'konsegwenza ta' dan, l-iżvilupp tal-5G jaf jittardja fil-Belġju u fil-pajjiżi ta' madwaru. Il-konnettività tal-5G hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni, wara l-ftehim fir-rigward tar-regoli tal-ġejjieni dwar it-telekomunikazzjoni – il-Kodiċi tal-Komunikazzjoni Elettronika. Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li l-ispettru tar-radju tal-5G ikun disponibbli fl-UE kollha sal-2020. Jekk il-Belġju ma jiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata dwar din il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà fil-liġijiet nazzjonali

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil 17-il Stat Membru biex jittrasponu għalkollox l-ewwel biċċa leġiżlazzjoni tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà fil-liġijiet nazzjonali. Din id-deċiżjoni taffettwa lill-Istati Membri li ġejjin: l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Greċja, l-Irlanda, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, Spanja u l-Ungerija. L-objettiv tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (id-Direttiva dwar l-NIS; id-Direttiva (UE) 2016/1148) huwa li jinkiseb livell għoli u uniformi ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-UE permezz tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet nazzjonali fil-qasam taċ-ċibersigurtà, tiżdied il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE u jiżdiedu l-obbligi ta' rappurtar tal-inċidenti għall-operaturi ta' servizzi essenzjali u għall-fornituri ta' servizzi diġitali. L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva dwar l-NIS fil-liġijiet nazzjonali sad-9 ta' Mejju 2018 peress li daħlet fis-seħħ f'Awwissu 2016. Sa issa 11-il Stat Membru nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva u jinsabu fil-proċess ta' verifika tat-traspożizzjoni bil-ħsieb li tiġi kkonfermata t-traspożizzjoni sħiħa. L-Istati Membri l-oħra għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-intimazzjoni li bagħtet il-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

2. L-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

(Għal iktar informazzjoni: Christian Spahr – tel.: +32 229 56194, Annikky Lamp – tel.: +32 229 56151, Enda McNamara – tel.: +32 229 64976)

 

Opinjoni motivata:

il-Kummissjoni tħeġġeġ lis-SLOVENJA biex tirrispetta l-invjolabbiltà tal-arkivji tal-BĊE u biex tikkoopera b'mod sinċier fil-kuntest tas-sekwestru tal-informazzjoni mingħand il-Bank Ċentrali tas-Slovenja

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovenja għall-ksur tal-invjolabbiltà tal-arkivji tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) (il-Protokoll Nru 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, it-TFUE) u d-dmir ta' kooperazzjoni sinċiera (l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-UE, it-TUE) fil-kuntest tas-sekwestru tad-dokumenti tal-ECB li seħħ fil-Bank Ċentrali tas-Slovenja. Fis-6 ta' Lulju 2016, fil-kuntest ta' investigazzjoni nazzjonali kontra uffiċjali tal-Bank Ċentrali, l-awtoritajiet Sloveni ssekwestraw informazzjoni fil-Bank Ċentrali tas-Slovenja li kienet tinkludi dokumenti tal-BĊE u hardware tal-IT. Il-BĊE ma kien ta l-ebda awtorizzazzjoni minn qabel għas-sekwestru ta' dawn id-dokumenti. Il-Kummissjoni mhijiex sodisfatta bir-risposti pprovduti mill-awtoritajiet Sloveni għat-tentattiv tagħha li tiċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi permezz ta' ittra pilota f'Diċembru 2016 u ittra ta' intimazzjoni maħruġa f'Mejju 2017. L-opinjoni motivata ma tiddubitax mis-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali fil-qafas tal-proċeduri nazzjonali. Issa l-awtoritajiet Sloveni għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-opinjoni motivata. Il-Kummissjoni qed tibqa' wkoll f'kuntatt mill-qrib mal-BĊE fir-rigward ta' din il-kwistjoni.

 

3. L-enerġija

(Għal iktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – tel.: +32 229 56186, Nicole Bockstaller – tel.: +32 229 52589)

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Is-suq intern tal-enerġija: il-Kummissjoni tressaq lill-ĠERMANJA u lill-UNGERIJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli ma kkonformawx għalkollox mat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija

Il-Ġermanja titressaq il-Qorti fir-rigward tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija: Il-Kummissjoni qed tressaq lill-Ġermanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE sabiex tiżgura l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva dwar l-Elettriku (id-Direttiva 2009/72/KE) u tad-Direttiva dwar il-Gass (id-Direttiva 2009/73/KE). Iż-żewġ Direttivi huma parti mit-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u fihom id-dispożizzjonijiet ewlenin għall-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-enerġija. Il-Ġermanja ma żguratx ir-rispett sħiħ tar-regoli dwar is-setgħat u l-indipendenza tal-awtorità regolatorja nazzjonali. B'mod partikolari, ir-regolatur ma jgawdix diskrezzjoni sħiħa fl-istabbiliment ta' tariffi tan-netwerks u ta' termini u kundizzjonijiet oħra għall-aċċess għan-netwerks u għas-servizzi tal-ibbilanċjar, peress li fil-biċċa l-kbira ħafna elementi għall-iffissar ta' dawn it-tariffi u t-termini u l-kundizzjonijiet jiġu stabbiliti f'regolamenti dettaljati adottati mill-Gvern Federali. Barra minn hekk, il-Ġermanja ttrasponiet b'mod żbaljat fil-liġi nazzjonali diversi rekwiżiti dwar il-mudell ta' separazzjoni tal-operatur indipendenti tat-trażmissjoni (OIT). Pereżempju, ir-regoli dwar l-indipendenza tal-persunal u l-ġestjoni tal-OIT ma jirrispettawx għalkollox dawn id-Direttivi, u d-definizzjoni ta' impriża integrata vertikalment b'mod żbaljat teskludi l-attivitajiet 'il barra mill-UE. Fi Frar 2015 intbagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja, segwita minn opinjoni motivata f'April 2016. Peress li l-konformità mad-dritt tal-UE għadha mhux fis-seħħ, il-Kummissjoni trid tressaq dawn il-kwistjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti rigward il-leġiżlazzjoni tagħha dwar it-tariffi tan-netwerk tal-enerġija. Il-Kummissjoni Ewropea qed tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta tar-rekwiżiti tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija fir-rigward tat-tariffi tan-netwerks. It-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija jirrikjedi li t-tariffi applikati mill-operaturi tan-netwerks għall-użu tan-netwerks tal-elettriku u tal-gass jiġu rregolati sabiex tiġi evitata l-imġiba antikompetittiva, u jinkariga lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali bil-kompitu li jistabbilixxu dawn it-tariffi jew il-metodoloġiji tagħhom. Wara li vvalutat il-miżuri leġiżlattivi adottati mill-Ungerija fil-qasam tal-enerġija, il-Kummissjoni sabet li l-liġi Ungeriża teskludi ċerti tipi ta' kostijiet mill-kalkolu tat-tariffi tan-netwerks tal-elettriku u tal-gass, bi ksur tal-prinċipju tal-irkupru tal-kostijiet tat-tariffi previst fir-Regolamenti dwar l-Elettriku u l-Gass. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li l-Ungerija adottat emendi fil-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-enerġija li jxekklu d-dritt tal-operaturi tas-suq għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ tad-deċiżjonijiet tar-regolatur nazzjonali fir-rigward tat-tariffi tan-netwerks. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija dwar dawn il-kwistjonijiet fi Frar 2015, u żewġ opinjonijiet motivati, rispettivament f'Diċembru 2016 u f'April 2017. Peress li l-konformità mad-dritt tal-UE għadha mhux fis-seħħ, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dawn il-kwistjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Ittri ta' intimazzjoni

L-effiċjenza fl-enerġija: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil 7 Stati Membri biex jittrasponu b'mod korrett ir-regoli tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil Ċipru, lill-Irlanda, lil Malta, lin-Netherlands, lis-Slovenja, lill-Iżvezja u lir-Renju Unit talli ma ttrasponewx jew ma implimentawx b'mod korrett ċerti rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (id-Direttiva 2012/27/UE). Id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta' miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fl-Unjoni sabiex jiġi żgurat li tintlaħaq il-mira ta' 20 % fir-rigward tal-effiċjenza fl-enerġija fil-pakkett tal-UE sal-2020 u sabiex titwitta t-triq għal titjib ulterjuri fl-effiċjenza fl-enerġija lil hinn minn dik id-data. Dawn l-Istati Membri issa għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

4. L-ambjent

(Għal iktar informazzjoni: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Iris Petsa – tel.: +32 229 93321)

 

Opinjonijiet motivati

L-istorbju: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-PORTUGALL u lil SPANJA biex jadottaw mapep tal-istorbju u pjanijiet ta' azzjoni dwar l-istorbju ambjentali

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Portugall u lil Spanja biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-dritt tal-Unjoni dwar l-istorbju (id-Direttiva 2002/49/KE). Id-Direttiva dwar l-Istorbju tirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw mapep tal-istorbju li juru l-esponiment għall-istorbju fiż-żoni urbani l-kbar, bħal-linji ferrovjarji u t-toroq prinċipali, kif ukoll l-ajruporti maġġuri. Dawn il-mapep iservu bħala bażi għad-definizzjoni ta' miżuri sabiex jitnaqqas it-tniġġis akustiku. Minkejja li rċeviet l-ewwel intimazzjoni f'Settembru 2016, Spanja għadha trid tħejji mapep strateġiċi tal-istorbju u pjanijiet ta' azzjoni għal ħafna mill-agglomerazzjonijiet, mit-toroq maġġuri u mil-linji ferrovjarji maġġuri fit-territorju tagħha. Barra minn hekk, Spanja għadha ma wettqitx rieżami jew reviżjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni eżistenti għall-ajruporti maġġuri. Il-Portugall ukoll għadu ma għamilx progress minn mindu ntbagħtet l-ewwel twissija mill-Kummissjoni f'Mejju 2017. Ir-rapporti ppreżentati mill-awtoritajiet Portugiżi jikkonfermaw li ma ġewx adottati mapep strateġiċi tal-istorbju għal żewġ agglomerazzjonijiet maġġuri u għal 123 triq maġġuri, filwaqt li ma tfasslux pjanijiet ta' azzjoni għal tliet agglomerazzjonijiet, għal 60 sezzjoni ferrovjarja maġġuri u għal 466 sezzjoni ta' toroq maġġuri. Kemm Spanja u kemm il-Portugall għandhom xahrejn biex jirrispondu, u jekk ma jagħmlux dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

L-arja: il-Kummissjoni tħeġġeġ lir-RUMANIJA biex tippromulga r-regoli tal-UE dwar l-emissjonijiet industrijali

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lir-Rumanija biex tippromulga għalkollox il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi niġġiesa fl-arja minn Impjanti tal-Kombustjoni Medji (id-Direttiva (UE) 2015/2193) fil-liġi domestika tagħha. Id-Direttiva tirregola l-emissjonijiet ta' SO2, ta' NOx u tat-trab fl-arja bl-għan li jitnaqqsu dawk l-emissjonijiet u r-riskji li jistgħu jikkawżaw ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll ir-regoli għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju. L-Istati Membri kienu meħtieġa jikkomunikaw il-miżuri nazzjonali li jippromulgaw din id-Direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom sad-19 ta' Diċembru 2017. Peress li r-Rumanija ma rrispettatx l-iskadenza, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni f'Jannar 2018. Peress li r-Rumanija għadha ma kkomunikatx il-miżuri, il-Kummissjoni issa qed tibgħat opinjoni motivata. Ir-Rumanija għandha xahrejn biex tirrispondi. Fin-nuqqas ta' rispons adegwat, il-Kummissjoni tista' tressaq lir-Rumanija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

L-ilma: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil SPANJA biex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-prevenzjoni tal-għargħar

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lil Spanja biex tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Għargħar (id-Direttiva 2007/60/KE). Id-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas u ġġestixxi r-riskji tal-għargħar li jpoġġu s-saħħa, l-attivitajiet ekonomiċi u l-ambjent fil-periklu. Skont id-dritt tal-UE, l-Istati Membri kellhom ilestu u jippubblikaw il-pjanijiet ta' ġestjoni tar-riskji tal-għargħar, u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni sat-22 ta' Marzu 2016. F'Marzu 2018, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-awtoritajiet Spanjoli minħabba li ma lestewx, ma ppubblikawx u ma kkomunikawx il-pjanijiet ta' ġestjoni tagħhom tar-riskji tal-għargħar għas-seba' Distretti tal-Baċir tax-Xmara fil-Gżejjer Kanarji. Peress li Spanja għadha ma nnotifikatx dawn il-pjanijiet, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata. Spanja għandha xahrejn biex tirrispondi. Jekk Spanja ma tiħux azzjoni fi żmien xahrejn, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

Ittri ta' intimazzjoni

In-natura: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-BULGARIJA biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura

Il-Kummissjoni qed tibgħat ittra addizzjonali ta' intimazzjoni lill-Bulgarija fir-rigward ta' nuqqasijiet sistemiċi fl-implimentazzjoni tagħha tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura. Id-Direttiva tal-UE dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE) u d-Direttiva tal-UE dwar il-Ħabitats (id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE) jistabbilixxu n-netwerk ta' żoni protetti tan-Natura 2000 fl-UE kollha. Jistgħu jsiru attivitajiet ekonomiċi f'siti tan-Natura 2000, diment li ma jkun hemm l-ebda effett avvers fuq l-integrità tas-sit. Fil-Bulgarija, b'mod sistematiku ma tqisux l-impatti kumulattivi ta' pjanijiet u ta' proġetti eżistenti u awtorizzati fuq iż-żoni tan-Natura 2000, u ħafna żviluppi li jirrappreżentaw theddida maġġuri għall-objettivi ta' konservazzjoni xorta waħda ġew awtorizzati. Il-kwistjoni ġiet identifikata l-ewwel darba għaxar snin ilu, u għalkemm minn dak iż-żmien il-Bulgarija ħadet xi miżuri biex tindirizza l-kwistjoni, din il-problema strutturali tippersisti u l-Kummissjoni regolarment tirċievi lmenti dwar pjanijiet u proġetti li jiġu awtorizzati abbażi ta' valutazzjonijiet mhux adegwati, jew saħansitra fin-nuqqas ta' valutazzjonijiet xierqa. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra addizzjonali ta' intimazzjoni, fejn tagħti xahrejn lill-Bulgarija biex tirrispondi; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

L-ilma tax-xorb: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-IRLANDA biex tiżgura ilma tax-xorb sikur għaċ-ċittadini tagħha

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda talli ma qdietx l-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE) u talli ppermettiet li jinqabeż il-valur parametriku għat-Triħalometan (THMs). Id-Direttiva għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem minn effetti avversi ta' kwalunkwe kontaminazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, billi tiżgura li dan ikun tajjeb għas-saħħa u nadif. Fuq perjodu twil, l-ilma tax-xorb ipprovdut lil iktar minn 500 000 persuna fl-Irlanda kien jinkludi ammonti eċċessivi ta' Triħalometan. Din is-sustanza kimika, li tiġi ffurmata bħala prodott sekondarju b'mod predominanti meta l-kloru jintuża biex l-ilma jiġi ddiżinfettat u jsir tajjeb għax-xorb, tpoġġi s-saħħa fil-periklu. L-awtoritajiet Irlandiżi ma ħadux azzjonijiet xierqa biex inaqqsu l-valur tat-THMs u biex javżaw lill-konsumaturi dwar l-implikazzjonijiet għas-saħħa. L-Irlanda għandha xahrejn biex tirrispondi l-ittra ta' intimazzjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

L-ilma mormi: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ITALJA biex tikkonforma mar-rekwiżiti tal-UE għat-trattament tal-ilma urban mormi

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Italja biex tikkonforma mad-dritt tal-UE dwar l-ilma urban mormi u tiżgura li l-agglomerazzjonijiet umani kollha b'popolazzjoni ta' iktar minn 2 000 abitant jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi tagħhom. Skont id-dritt tal-UE (id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE), il-bliet iż-żgħar u l-kbar huma meħtieġa jistabbilixxu l-infrastruttura neċessarja sabiex jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi tagħhom. L-ilma mormi mhux ittrattat jista' jpoġġi s-saħħa tal-bniedem fil-periklu u jista' jniġġes il-lagi, ix-xmajjar, il-ħamrija, u l-ilma kostali u tal-pjan. L-Italja diġà hija soġġetta għal tliet proċeduri ta' ksur separati għal diversi każijiet ta' ksur tar-rekwiżiti tad-Direttiva, iżda valutazzjoni tal-aħħar data ppreżentata mill-Italja turi li għadd sinifikanti ta' agglomerazzjonijiet żgħar (276) ukoll ma qdewx l-obbligi ewlenin dwar il-ġbir, it-trattament u l-monitoraġġ. Fid-dawl tal-iskala ta' dawn in-nuqqasijiet, il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja. L-awtoritajiet Taljani għandhom xahrejn biex jirrispondu; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

In-natura: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-POLONJA biex tikkonforma mar-regoli dwar il-protezzjoni tan-natura

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Polonja biex tiżgura li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji adegwati għall-foresti protetti, kif meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura. Il-liġijiet tal-UE dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE) u dwar il-Ħabitats (id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE) jistabbilixxu n-Natura 2000, netwerk ta' żoni protetti fl-UE kollha kontra żviluppi li potenzjalment jistgħu jkunu ta' ħsara. Skont dawn il-liġijiet, il-pjanijiet u l-attivitajiet ta' ġestjoni tal-foresti bħalma huma l-qtugħ tas-siġar għall-injam f'żoni protetti jridu jiġu soġġetti għal valutazzjoni tal-effetti tagħhom qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni. Bidliet reċenti fil-liġi Pollakka introduċew eżenzjonijiet għall-attivitajiet tal-ġestjoni tal-foresti li jikkompromettu r-reġim meħtieġ ta' protezzjoni. Barra minn hekk, il-liġi Pollakka ma tipprovdix aċċess għall-ġustizzja fir-rigward tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti. Peress li dawn il-pjanijiet jista' jkollhom effetti sinifikanti fuq is-siti tan-Natura 2000, għaldaqstant il-pubbliku jiġi mċaħħad mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats f'dan ir-rigward. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja, u tatha xahrejn biex tirrispondi; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

L-iskart: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-POLONJA biex tiżgura l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE fir-rigward tal-vetturi li ma għadhomx jintużaw

Il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja minħabba li ma żguratx li l-vetturi jiżżarmaw u jiġu rriċiklati b'mod li jkun favur l-ambjent meta ma jkunux għadhom jintużaw bħas-soltu. Id-Direttiva dwar il-vetturi li ma għadhomx jintużaw (id-Direttiva 2000/53/KE) hija parti waħda minn sforz estensiv biex l-Ewropa tinbidel f'ekonomija ċirkolari fejn l-iskart jiġi rkuprat, jintuża mill-ġdid jew jiġi rriċiklat b'mod sistematiku. Attwalment, il-liġi Pollakka ma għandha l-ebda sanzjoni kontra min ma jirreġistrax il-vetturi importati jew min ma jinfurmax lill-awtoritajiet kompetenti bl-akkwist jew bir-rimi ta' tali vetturi. In-nuqqas ta' informazzjoni preċiża li jirriżulta qed ixekkel l-isforzi biex jiġi żgurat li l-vetturi jiġu ttrattati skont id-Direttiva. It-trattament mhux adegwat ta' vetturi li ma għadhomx jintużaw jista' jwassal għal perikli ambjentali serji, u l-immaniġġar mhux sikur tal-fluwidi tal-arja kkundizzjonata, tal-aċidu tal-batteriji, tal-partijiet tal-plastik u tat-tajers jista' jpoġġi lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent fil-periklu. Il-Polonja għandha xahrejn biex tirrispondi.

It-trattament xieraq tal-annimali: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil sitt Stati Membri biex jippromulgaw b'mod korrett miżuri dwar il-protezzjoni tal-annimali tal-laboratorji

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil sitt Stati Membri (l-Estonja, il-Ġermanja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja) rigward nuqqasijiet fil-promulgazzjoni tagħhom tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (id-Direttiva 2010/63/UE) fil-liġi nazzjonali. Id-Direttiva, li kellha tiġi ppromulgata sal-10 ta' Novembru 2012, tiżgura livell għoli ta' trattament xieraq tal-annimali, filwaqt li tissalvagwardja l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Id-Direttiva timmira wkoll li tnaqqas l-għadd ta' annimali li jintużaw fl-esperimenti, u tirrikjedi li kemm jista' jkun jintużaw alternattivi. Hemm bosta nuqqasijiet fil-liġijiet domestiċi fis-sitt Stati Membri.

Il-liġi Estonjana fiha nuqqasijiet fil-promulgazzjoni ta' iktar minn għoxrin artikolu u tliet annessi tad-Direttiva; il-liġi Ġermaniża fiha nuqqasijiet f'oqsma bħall-ispezzjonijiet, il-kompetenzi tal-persunal, u l-preżenza ta' persunal veterinarju. Il-liġi Portugiża, pereżempju, ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar l-ispezzjonijiet, u ma tiżgurax li l-proċeduri li jinvolvu wġigħ kbir jistgħu jintużaw biss b'mod proviżorju; il-liġi Rumena għadha lura fil-qasam tal-penali u fir-rigward tal-obbligu li jkun hemm persunal veterinarju fil-post; il-liġi Slovakka fiha nuqqas ta' obbligi rigward l-anesteżija, u nuqqas ta' penali effettivi u dissważivi; u l-awtoritajiet Spanjoli rrikonoxxew li hemm nuqqasijiet fil-liġi tagħhom iżda għadhom ma kkoreġuhomx fl-oqsma bħaż-żamma tar-rekords u l-klawżola ta' salvagwardja għall-użu ta' primati mhux umani. L-Istati Membri għandhom xahrejn biex jirrispondu; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

L-arja: il-Kummissjoni tħeġġeġ lir-RUMANIJA biex timplimenta r-regoli tal-UE dwar l-emissjonijiet industrijali

Il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija talli ma kkontrollatx l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit minn żewġ impjanti kbar tal-kombustjoni. Skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (id-Direttiva (UE) 2010/75), li tipproteġi liċ-ċittadini minn emissjonijiet perikolużi mill-impjanti industrijali, l-Istati Membri jridu jirrispettaw limitu massimu nazzjonali tal-emissjonijiet għat-trab u għad-diossidu tal-kubrit. L-impjanti elenkati fil-qafas ta' pjan nazzjonali tranżizzjonali jistgħu jidderogaw mil-limitu strett tal-emissjonijiet sal-2020, diment li dak il-limitu nazzjonali jibqa' jiġi rrispettat. Żewġ impjanti kbar tal-kombustjoni – Govora 2 u Deva 2 – wasslu biex l-emissjonijiet tar-Rumanija jaqbżu b'mod sinifikanti l-limiti massimi nazzjonali għad-diossidu tal-kubrit u għat-trab, b'impatti sinifikanti fuq l-ambjent u fuq is-saħħa pubblika. Peress li r-Rumanija mhux qed tieħu l-miżuri meħtieġa biex tipprevjeni li dawn il-limiti jinqabżu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur u tibgħat ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija. Ir-Rumanija għandha xahrejn biex tirrispondi; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Il-protezzjoni tan-natura: il-Kummissjoni tħeġġeġ lis-SLOVAKKJA biex tikkonforma mar-regoli dwar il-protezzjoni tan-natura

Il-Kummissjoni qed tibgħat ittra ta' intimazzjoni lis-Slovakkja talli ma pprovdietx protezzjoni adegwata għan-natura, li qed twassal biex l-għadd ta' għasafar jonqos b'mod sinifikanti. Il-liġijiet tal-UE dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE) u dwar il-Ħabitats (id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE) jistabbilixxu n-Natura 2000, netwerk ta' żoni protetti fl-UE kollha li jservu ta' salvagwardja kontra żviluppi li potenzjalment jistgħu jkunu ta' ħsara. Skont dawn il-liġijiet, il-pjanijiet u l-attivitajiet ta' ġestjoni tal-foresti bħalma huma l-qtugħ tas-siġar għall-injam f'żoni protetti jridu jiġu soġġetti għal valutazzjoni tal-effetti tagħhom qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex preżenti fil-leġiżlazzjoni Slovakka. B'riżultat ta' dan, il-popolazzjoni tas-serduq selvaġġ (Tetrao Urogallus), magħruf ukoll bħala l-faġan tal-bosk, naqset bin-nofs minn mindu s-Slovakkja ssieħbet fl-UE fl-2004. Barra minn hekk, is-Slovakkja ma adottatx il-miżuri ta' konservazzjoni speċjali meħtieġa għall-ispeċijiet fil-qafas tad-Direttiva dwar l-Għasafar, peress li l-pjanijiet ta' ġestjoni għaż-żoni inkwistjoni ma ġewx approvati. Is-Slovakkja għandha xahrejn biex tirrispondi; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Ir-responsabbiltà għal danni ambjentali: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-IŻVEZJA biex tippromulga għalkollox id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Iżvezja biex tippromulga b'mod korrett ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ambjentali fil-liġi nazzjonali tagħha, sabiex tiżgura protezzjoni suffiċjenti għaċ-ċittadini. Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (id-Direttiva 2004/35/KE) tistabbilixxi qafas ġuridiku għar-responsabbiltà ambjentali bbażat fuq il-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”, bl-għan li jiġi evitat li jsiru danni ambjentali u li dawn jiġu rrimedjati. Tali danni jinkludu danni lill-ilma, lill-ispeċijiet u lill-ħabitats protetti, u lill-ħamrija. Skont id-Direttiva, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, inklużi l-NGOs ambjentali milquta b'mod avvers jew li x'aktarx ikunu se jiġu milquta b'mod avvers minn dannu ambjentali, għandhom id-dritt li jitolbu lill-awtorità kompetenti biex tieħu azzjoni ta' rimedju. Hemm problemi fir-rigward tad-definizzjoni ta' danni bl-ilma fil-leġiżlazzjoni tal-Iżvezja, u dan ifisser li attwalment id-dannu ambjentali li jsir fl-ibħra mhuwiex soġġett għar-regoli tal-UE dwar ir-responsabbiltà ambjentali. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Iżvezja. L-Iżvezja għandha xahrejn biex tirrispondi; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Għeluq

In-nitrati: il-Kummissjoni tagħlaq il-proċedura ta' ksur kontra l-POLONJA

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tagħlaq il-proċeduri ta' ksur kontra l-Polonja talli ma ggarantietx li t-tniġġis tal-ilma min-nitrati qed jiġi indirizzat b'mod effettiv. Fl-20 ta' Novembru 2014, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddikjarat li l-Polonja ma ddeżinjatx biżżejjed żoni vulnerabbli u ma inkludietx miżuri adegwati fil-programmi ta' azzjoni kif meħtieġ skont id-Direttiva dwar in-Nitrati (id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE). Il-konformità tal-Polonja mad-Direttiva dwar in-Nitrati hija importanti b'mod partikolari biex tiġi indirizzata l-problema serja ta' tniġġis fil-Baħar Baltiku, li qed ibati minħabba livelli eċċessivi ta' nitrati. Kważi l-ilmijiet kollha tal-Polonja jispiċċaw fil-Baħar Baltiku. F'Lulju 2017, il-Polonja għaddiet Att ġdid dwar l-Ilma li estenda l-applikazzjoni tal-programm ta' azzjoni minn parti żgħira tal-pajjiż għat-territorju kollu. Il-Polonja identifikat ukoll miżuri xierqa f'programm ta' azzjoni ġdid li rrettifika l-problemi li nstabu.

 

5. L-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

(Għal iktar informazzjoni: Vanessa Mock – tel.: +32 229 56194, Letizia Lupini – tel.: +32 229 51958)

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni tissospendi t-tressiq tal-KROAZJA quddiem il-Qorti talli ma emendatx il-liġi dwar il-privatizzazzjoni tal-kumpanija tal-enerġija INA-Industrija Nafte, d.d. (INA)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tissospendi t-tressiq tal-Kroazja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fid-dawl tal-iżviluppi reċenti fil-każ. Il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li tressaq lill-Kroazja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta' Lulju 2017 talli ma allinjatx il-liġi tal-2002 dwar il-privatizzazzjoni ta' Industrija Nafte d.d. (“il-liġi INA”) mar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà tal-istabbiliment. Minn dak iż-żmien 'il hawn, l-awtoritajiet Kroati ddiskutew l-emendi meħtieġa mal-Kummissjoni sabiex il-liġi INA tiġi allinjata mar-regoli tal-UE. Dan l-aħħar, dawn ippreżentaw abbozz li jemenda l-liġi msemmija hawn fuq, li se jindirizza t-tħassib prinċipali tal-Kummissjoni, soġġett għal xi aġġustamenti ulterjuri. L-awtoritajiet Kroati ppreżentaw ukoll skeda ta' żmien għall-adozzjoni ta' dan l-abbozz li se jwassal biex tinstab soluzzjoni possibbilment qabel ma tinħareġ is-sentenza tal-Qorti. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-eżekuzzjoni tat-tressiq quddiem il-Qorti għandha tiġi sospiża, sal-adozzjoni tal-abbozz li jemenda l-liġi INA. Fin-nuqqas ta' iktar progress lejn is-soluzzjoni tal-każ fix-xhur li ġejjin, jista' jerġa' jitqies li titkompla l-proċedura ta' ksur. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

Is-swieq tat-titoli: il-Kummissjoni tressaq lis-SLOVENJA u lil SPANJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli ma ppromulgawx għalkollox ir-regoli tal-UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lis-Slovenja u lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli ma implimentawx għalkollox ir-regoli Ewropej dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (il-MiFID II) kif ukoll id-Direttiva li tissupplimenta (id-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2017/593). Dawn ir-regoli huma elementi kostitwenti kruċjali għall-funzjonament kif suppost tas-swieq tat-titoli u huma essenzjali għat-tħaddim kontinwu tas-suq uniku Ewropew. Jekk l-Istati Membri ma jittrasponux ir-regoli, l-investituri ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni mtejba tal-investituri prevista fil-qafas tal-MiFID II. Dan jinkludi s-salvagwardji tal-istrumenti finanzjarji u l-fondi tal-klijenti, l-obbligi ta' governanza tal-prodotti u r-regoli applikabbli għall-forniment jew għar-riċeviment ta' tariffi, ta' kummissjonijiet jew ta' kwalunkwe benefiċċju monetarju jew mhux monetarju. Dan iwassal ukoll biex is-swieq ikunu inqas sikuri bħala ċentri tan-negozjar u d-ditti tal-investiment ma jkollhomx għalfejn joperaw skont ir-rekwiżiti operazzjonali iktar stretti u trasparenti. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li ma jittrasponux ir-regoli ma jkunux jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet guridikament sodi għal attivitajiet li ma kinux ġew irregolati preċedentement, jew li kienu ġew irregolati b'mod differenti fil-qafas tal-MiFID I. Dan jinkludi t-tħaddim taċ-ċentri tan-negozjar, bħal pereżempju s-swieq irregolati, il-faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (MTF) u l-faċilitajiet organizzati tan-negozjar (OTF), u r-reġistrazzjoni tad-ditti tal-investiment tal-MiFID I bħala internalizzatur sistematiku. In-nuqqas ta' traspożizzjoni sħiħa ta' dawn ir-regoli tal-UE jfixkel is-suq uniku peress li dawn saru applikabbli fit-3 ta' Jannar 2018 u jikkumplementaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji (il-MiFIR). Il-“passaportar” transfruntiera ta' diversi servizzi u attivitajiet ta' investiment jaf ma jaħdimx b'mod ħarir daqs kemm jaħdem bejn l-Istati Membri li jkunu ttrasponew għalkollox il-ġabra tar-regoli tal-MiFID II. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

Is-servizzi finanzjarji: il-Kummissjoni tressaq lil SPANJA quddiem il-Qorti talli ma applikatx ir-regoli prudenzjali tal-UE għall-banek u għad-ditti tal-investiment

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli ma implimentatx għalkollox id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (id-Direttiva 2013/36/UE). Sal-lum, Spanja ma implimentatx għalkollox dawn ir-regoli tal-UE, u xi dispożizzjonijiet għadhom neqsin mil-liġi nazzjonali. Dawk jirreferu l-iktar għall-aspetti li ġejjin: ċerti setgħat u diskrezzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali b'rabta mad-ditti tal-investiment; u għall-impożizzjoni ta' penali amministrattivi jew ta' miżuri oħra applikabbli għall-istituzzjonijiet li jinsabu ħatja ta' ksur serju fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Fost id-dispożizzjonijiet neqsin hemm ukoll il-mekkaniżmi ta' żvelar ta' informazzjoni protetta f'każ ta' ksur tar-rekwiżiti kapitali, ir-regoli dwar l-integrità u l-indipendenza tal-membri tal-korp tal-ġestjoni u l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti Spanjoli li jikkuntattjaw lis-superviżur konsolidat sabiex tinkiseb l-informazzjoni, li b'hekk tagħmilha iktar diffiċli li jkun hemm kooperazzjoni superviżorja. Fl-aħħar nett, ir-regoli dwar il-governanza korporattiva huma iktar dgħajfa fi Spanja minħabba li ma ġiex traspost l-obbligu li jkun hemm korpi tal-ġestjoni tal-istituzzjonijiet li jkunu diversi u bil-ħiliet xierqa. Flimkien mar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (ir-Regolament (UE) Nru 575/2013), id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u għad-ditti tal-investiment fl-UE, filwaqt li tistipula regoli dwar l-ammont ta' kapital li l-istituzzjonijiet irid ikollhom sabiex ikopru t-telf potenzjali minħabba r-riskji li jinsabu esposti għalihom. Id-Direttiva tifformula wkoll regoli dwar l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet, dwar il-kooperazzjoni fis-superviżjoni, dwar il-ġestjoni tar-riskji, dwar il-governanza korporattiva (inkluża r-remunerazzjoni) u dwar il-bafers kapitali. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Ittri ta' intimazzjoni

Is-servizzi finanzjarji: il-Kummissjoni tħeġġeġ lir-RUMANIJA biex tallinja l-liġijiet tagħha tal-assigurazzjoni tal-vetturi mar-regoli tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija u talbitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha rigward ir-regoli nazzjonali tagħha dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi għar-responsabbiltà ta' partijiet terzi. Ir-regoli nazzjonali attwali jirrikjedu obbligu ta' notifika minn qabel għal kwalunkwe modifika maħsuba fir-rigward tal-primjums, u jimponu diversi limitazzjonijiet fuq il-modalitajiet ta' kalkolu mill-assiguraturi fir-rigward tal-primjums tagħhom. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li dawn l-obbligi jmorru kontra l-Artikoli 21 u 181 tad-Direttiva dwar Solvibbiltà II, kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti fir-rigward tal-prinċipju tal-libertà tat-tariffi. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fiha wkoll dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-assiguraturi biex joħorġu polza għal ċerti kategoriji ta' vetturi li tkun valida biss fit-territorju Rumen, u jistabbilixxu t-tariffa tal-primjum filwaqt li jqisu r-riskji relatati. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet imorru kontra l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi, li teħtieġ li l-poloz tal-assigurazzjoni tal-vetturi għar-responsabbiltà ta' partijiet terzi jkopru t-territorju kollu tal-UE abbażi ta' primjum uniku tal-assigurazzjoni. Jekk ir-Rumanija ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata dwar din il-kwistjoni.

6. Is-Suq Intern, l-Industrija, l-Imprenditorija u l-SMEs

(Għal iktar informazzjoni: Lucia Caudet – tel.: +32 229 56182, Maud Noyon – tel.: +32 229 80379)

 

Ittri ta' intimazzjoni

Il-moviment liberu tal-professjonisti: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil 27 Stat Membru biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil 27 Stat Membru (l-Istati Membri kollha għajr il-Litwanja) rigward il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-prattika tagħhom mar-regoli tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (id-Direttiva 2005/36/KE kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE). L-UE daħħlet fis-seħħ sistema moderna għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u tal-esperjenza madwar l-UE. Din tagħmilha iktar faċli għall-professjonisti li jkunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom jew jipprovdu s-servizzi tagħhom fi Stati Membri oħra biex il-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti, filwaqt li tiggarantixxi livell imtejjeb ta' protezzjoni għall-konsumaturi u għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni toqgħod b'seba' għajnejn b'mod partikolari biex tiżgura applikazzjoni koerenti ta' dawn ir-regoli għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji. L-ittri ta' intimazzjoni jkopru kwistjonijiet kruċjali għall-funzjonament tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' karta professjonali Ewropea, il-mekkaniżmu ta' twissija, il-possibbiltà ta' aċċess parzjali għal attività professjonali, il-proporzjonalità tar-rekwiżiti lingwistiċi u t-twaqqif ta' ċentri ta' assistenza. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tqajjem ukoll kwistjonijiet marbuta mat-trasparenza u mal-proporzjonalità ta' ostakli regolatorji fis-servizzi professjonali, li ssemmew parzjalment fil-Komunikazzjoni tagħha ta' Jannar 2017 dwar rakkomandazzjonijiet ta' riforma għal regolamentazzjoni fis-servizzi professjonali. L-Istati Membri kkonċernati kollha issa għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħatilhom opinjoni motivata.

L-akkwist pubbliku: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-AWSTRIJA biex tirrispetta d-dritt tal-UE f'kuntratt tat-tindif tal-iskart

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Awstrija rigward proċedura ta' sejħa għall-offerti għal kuntratt ta' servizz pubbliku għat-tindif ta' sit għall-iskart perikoluż li jinsab fid-distrett muniċipali ta' Wiener Neustadt. Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-akkwist pubbliku tirrikjedi li l-kuntratti pubbliċi kollha ta' iktar minn ċertu livell limitu jridu jgħaddu minn sejħa għall-offerti fil-livell tal-UE li tirrispetta l-prinċipji ta' trasparenza, ta' trattament ugwali u ta' nondiskriminazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li l-awtorità kontraenti (BALSA) kisret ir-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku (l-Artikoli 28, 23(2), 2 u 23(1) tad-Direttiva 2004/18/KE) b'diversi modi. Intużat proċedura nnegozjata bil-pubblikazzjoni ta' avviż minn qabel mill-awtorità kontraenti mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti; l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma ppermettewx aċċess ugwali lill-offerenti kollha; u, fl-aħħar nett, il-proġett tal-offerent rebbieħ ma ssodisfax l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi rigward ir-riċiklaġġ tat-trab tal-ħmieġ tal-metall tal-aluminju. Issa l-Awstrija għandha xahrejn biex tirrispondi għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lill-Awstrija.

L-apparat ta' pressjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ITALJA biex tiżgura l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja talli ma żguratx li t-tankijiet kollha tal-ħażna tal-Gass Likwifikat miż-Żejt (LPG) imqiegħda fis-suq jew imqiegħda fis-servizz jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Apparat ta' Pressjoni (id-Direttiva 2014/68/UE li ssostitwiet id-Direttiva 97/23/KE mid-19 ta' Lulju 2016). Skont id-dritt tal-UE, japplikaw rekwiżiti speċifiċi għat-tankijiet tal-ħażna tal-LPG skont jekk dawn jintużawx fuq l-art jew taħt l-art, minħabba l-livell differenti ta' riskji għaċ-ċittadini. L-Italja ppermettiet li xi tankijiet iktar antiki tal-ħażna tal-LPG maħsuba inizjalment biex jintużaw fuq l-art jiġu mmodifikati u jintużaw bħala tankijiet tal-ħażna tal-LPG taħt l-art. Il-Kummissjoni tqis li tali prodotti mmodifikati għandhom jitqiesu bħala prodotti differenti mit-tankijiet tal-ħażna oriġinali, u l-konformità tagħhom mar-regoli tal-UE trid tiġi vverifikata qabel ma jerġgħu jitqiegħdu fis-suq. Peress li ma għamlitx hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Italja qed tikser id-Direttiva dwar l-Apparat ta' Pressjoni. Issa l-Italja għandha xahrejn biex tirrispondi għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lill-Italja.

Il-moviment liberu tal-merkanzija: il-Kummissjoni tħeġġeġ lis-SLOVENJA biex tneħħi r-restrizzjonijiet fir-rigward tas-sistemi ta' protezzjoni mis-sajjetti

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lis-Slovenja rigward ir-restrizzjonijiet tagħha dwar l-installazzjoni u l-użu ta' kondutturi attivi tas-sajjetti ta' Emissjoni Streamer Bikrija (ESE) fil-bini fis-Slovenja. Skont il-liġi Slovena, l-installazzjoni u l-użu ta' protezzjoni attiva mis-sajjetti abbażi tal-istandards ta' pajjiż ieħor tal-UE huma permessi biss flimkien ma' installazzjonijiet li jikkonformaw mar-regoli tekniċi Sloveni, iżda mhux bħala protezzjoni unika tal-bini. Barra minn hekk, is-Slovenja tirrikjedi li l-livell ta' sikurezza għal kull installazzjoni ta' sistema attiva ta' protezzjoni mis-sajjetti jintwera anke jekk il-prodott ikun kummerċjalizzat legalment fi Stati Membri oħra. Dawn ir-rekwiżiti jirriżultaw f'ostaklu għall-importazzjoni ta' kondutturi tas-sajjetti. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dawn ir-restrizzjonijiet imorru kontra l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u qed jiksru r-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, li huwa pprojbit skont l-Artikolu 34 tat-TFUE. Issa s-Slovenja għandha xahrejn biex tirrispondi għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovenja.

Il-moviment liberu tal-merkanzija: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil SPANJA biex tneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-azzar strutturali u tal-konkos

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Spanja rigward ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet tal-azzar u strutturali u tal-konkos li jintużaw fil-kostruzzjoni. Fis-Suq Uniku, il-kummerċ fi prodotti li mhumiex soġġetti għal regoli komuni tal-UE huwa rregolat permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. Dan il-prinċipju jistipula li prodott mibjugħ legalment f'pajjiż wieħed jista' jinbiegħ fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE mingħajr bidliet jew adattamenti. Il-qafas ġuridiku Spanjol attwali ma jipprevedix xi mekkaniżmu ta' rikonoxximent tal-marki tal-kwalità mogħtija minn Stati Membri oħra, u b'hekk iwassal biex l-aċċess ta' materjali importati għas-suq Spanjol ikun iktar diffiċli. Għal dawk il-prodotti, il-marki tal-kwalità jindikaw li l-prodott jikkonforma ma' ċertu livell ta' prestazzjoni. Bl-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, il-marki mogħtija fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu rikonoxxuti wkoll fi Stat Membru ieħor, u għandhom jingħataw marka ggarantita ekwivalenti għall-istess livell ta' prestazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li l-prattika attwali fi Spanja tmur kontra r-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija (l-Artikolu 34 tat-TFUE). Issa Spanja għandha xahrejn biex tirrispondi għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja.

7. Il-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

(Għal iktar informazzjoni: Christian Wigand – tel.: +32 229 62253, Melanie Voin – tel.: +32 229 58659)

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-ksur: il-Kummissjoni tressaq lill-Greċja, lill-Irlanda u lir-Rumanija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli ma implimentawx ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus

Illum il-Kummissjoni ressqet lill-Greċja u lir-Rumanija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli ma implimentawx ir-Raba' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus fil-liġi nazzjonali tagħhom. L-Irlanda implimentat biss parti limitata ħafna mir-regoli u għaldaqstant qed titressaq ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni pproponiet li l-Qorti timponi somma f'daqqa u penali ta' kuljum sakemm it-tliet pajjiżi jieħdu l-azzjoni meħtieġa. Věra Jourová, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, stqarret: “Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jaffettwaw lill-UE kollha. Ma nistgħux nippermettu li xi pajjiż tal-UE jkun iktar dgħajjef mill-oħrajn. Il-ħasil tal-flus f'pajjiż wieħed jista' jappoġġa l-kriminalità f'pajjiż ieħor, u sikwit hekk jiġri. Għalhekk neħtieġu li l-Istati Membri kollha jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġġieldu kontra l-ħasil tal-flus, u b'hekk jinxtorbu wkoll il-fondi kriminali u terroristiċi. Se nkomplu nsegwu l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli tal-UE mill-Istati Membri mill-qrib ħafna u bħala kwistjoni prijoritarja.” L-Istati Membri kellhom sas-26 ta' Ġunju 2017 biex jittrasponu r-Raba' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Dawn ir-regoli jsaħħu r-regoli li kienu jeżistu qabel billi: isaħħu l-obbligu tal-valutazzjoni tar-riskji għall-banek, għall-avukati u għall-kontabilisti; jistabbilixxu rekwiżiti ċari ta' trasparenza dwar is-sjieda benefiċjarja għall-kumpaniji; jiffaċilitaw il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja minn Stati Membri differenti sabiex jiġu identifikati u segwiti t-trasferimenti suspettużi ta' flus għall-prevenzjoni u għall-identifikazzjoni tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu; jistabbilixxu politika koerenti fil-konfront ta' pajjiżi mhux tal-UE li ma jkollhomx regoli sodi kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; u jsaħħu s-setgħat tal-għoti ta' sanzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti. Sadanittant, fid-dawl tar-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers u tal-attakki terroristiċi fl-Ewropa, il-Kummissjoni pproponiet il-Ħames Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus sabiex tkompli ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn ir-regoli l-ġodda għandhom l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta' salvagwardji għall-flussi finanzjarji minn pajjiżi terzi b'riskju għoli, li jittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, li jinħolqu reġistri ċentralizzati tal-kontijiet bankarji, u li jiġu indirizzati r-riskji ta' finanzjament tat-terroriżmu marbuta ma' muniti virtwali u kards imħallsa minn qabel. Dawn ir-regoli l-ġodda daħlu fis-seħħ fid-9 ta' Lulju 2018 wara l-pubblikazzjoni tagħhom f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u l-Istati Membri se jkollhom jittrasponu l-Ħames Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-10 ta' Jannar 2020. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Opinjonijiet motivati

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil-LATVJA, lil MALTA u lil SPANJA biex jittrasponu għalkollox ir-Raba' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus

Illum il-Kummissjoni bagħtet opinjonijiet motivati lil-Latvja u lil Spanja, u bagħtet opinjoni motivata addizzjonali lil Malta talli ma implimentawx ir-Raba' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus fil-liġi nazzjonali. S'issa Spanja ttrasponiet ir-regoli parzjalment biss, u l-Kummissjoni sabet li t-traspożizzjoni fil-Latvja u f'Malta għadha mhix kompluta. Ir-regoli kontra l-ħasil tal-flus huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-Panama Papers u skandli oħra wrew il-ħtieġa li jkun hemm regoli iktar stretti kontra l-ħasil tal-flus. Il-lakuni fi Stat Membru wieħed ikollhom impatt fuq l-oħrajn kollha. Għalhekk, il-ġlieda effettiva kontra l-ħasil tal-flus hija waħda mill-punti ċentrali tal-approċċ tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità fl-Ewropa. L-Istati Membri kollha kellhom jimplimentaw ir-regoli tar-Raba' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus sas-26 ta' Ġunju 2017. Attwalment, hemm proċeduri ta' ksur għaddejjin kontra 20 Stat Membru: tlieta fl-istadju ta' tressiq quddiem il-qorti, disgħa fl-istadju ta' opinjonijiet motivati, u tmienja fl-istadju ta' ittri ta' intimazzjoni (ara t-tmien opinjonijiet motivati preċedenti li ntbagħtu f'Diċembru 2017, u tnejn oħra li ntbagħtu f'Marzu 2018). Sadanittant, il-maġġoranza tal-Istati Membri adottaw il-liġijiet rilevanti. Issa l-Kummissjoni qed tivverifika bir-reqqa jekk dawn il-liġijiet jimplimentawx għalkollox id-dispożizzjonijiet tar-Raba' Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus. Sadanittant, intlaħaq qbil rigward il-Ħames Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus, u d-Direttiva daħlet fis-seħħ fid-9 ta' Lulju 2018. L-Istati Membri se jkollhom jimplimentaw dawn ir-regoli l-ġodda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sal-10 ta' Jannar 2020. Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' Malta, tal-Latvja u ta' Spanja ma tkunx konformi mad-dritt tal-UE fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

8. Il-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza

(Għal iktar informazzjoni: Tove Ernst – tel.: +32 229 86764, Markus Lammert – tel.: +32 229 80423)

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Il-migrazzjoni legali: il-Kummissjoni tressaq lill-BELĠJU quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli ma pprovdiex regoli komuni għall-ħaddiema staġjonali mhux tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) talli ma implimentax għalkollox id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali (id-Direttiva 2014/36/UE). Id-Direttiva tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn tal-ħaddiema staġjonali mhux tal-UE u tiddefinixxi d-drittijiet ta' dawk il-ħaddiema staġjonali. Il-Belġju, wara li ma żammx mal-iskadenza inizjali għat-traspożizzjoni tat-30 ta' Settembru 2016, għadu ma implimentax għalkollox id-Direttiva. Id-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom japplikaw meta jiddeċiedu li jagħtu l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom lil ċittadini mhux tal-UE li jkunu jixtiequ jaħdmu fi Stat Membru tal-UE bħala ħaddiema staġjonali għal perjodi qosra (sa disa' xhur), spiss fl-agrikoltura u fit-turiżmu. Id-Direttiva tiżgura li dawn il-ħaddiema jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-ħaddiema nazzjonali fir-rigward ta' għadd ta' fatturi importanti bħall-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-paga, is-saħħa u s-sikurezza, u s-sigurtà soċjali, u tipprovdi salvagwardji li jipproteġuhom mill-isfruttament. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu għalkollox din id-Direttiva sat-30 ta' Settembru 2016. Sa dik id-data, il-Belġju kien ittraspona r-regoli l-ġodda parzjalment biss. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju f'Novembru 2016, u sussegwentement bagħtet opinjoni motivata f'Lulju 2017. Sa issa, il-Belġju għadu ma nnotifikax lill-Kummissjoni bit-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali tiegħu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Fir-rigward tat-tressiq tal-Belġju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, il-Kummissjoni qed tipproponi penali ta' kuljum ta' € 49,906.50. L-ammont tal-penali ġie kkalkulat billi ġew meqjusa s-serjetà, id-durata tal-ksur kif ukoll l-effett ta' deterrent rifless fil-kapaċità tal-Istat Membru li jħallas. Fil-każ li t-traspożizzjoni tibqa' ma tkunx lesta u l-QĠUE tikkonferma l-fehma tal-Kummissjoni, il-penali ta' kuljum tkun trid titħallas mid-data tas-sentenza jew minn data iktar tard stabbilita mill-Qorti sakemm it-traspożizzjoni titlesta. L-ammont finali tal-penali ta' kuljum jiġi deċiż mill-Qorti, iżda ma jistax jaqbeż il-proposta tal-Kummissjoni. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u ittra ta' intimazzjoni

Il-Migrazzjoni u l-Ażil: il-Kummissjoni tieħu iktar passi fil-proċeduri ta' ksur kontra l-UNGERIJA

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) talli ma allinjatx il-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-ażil u r-ritorn mad-dritt tal-UE. Barra minn hekk, illum il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija dwar leġiżlazzjoni Ungeriża ġdida li tikkriminalizza l-attivitajiet li jappoġġaw l-applikazzjonijiet għall-ażil u għar-residenza, u li tkompli tillimita d-dritt li jintalab l-ażil. Tressiq quddiem il-Qorti minħabba nuqqas ta' konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ażil u r-ritorn: il-Kummissjoni varat proċedura ta' ksur kontra l-Ungerija fir-rigward tal-liġijiet tagħha dwar l-ażil l-ewwel f'Diċembru 2015. Wara sensiela ta' skambji kemm fil-livell amministrattiv kif ukoll f'dak politiku, u wara ittra ta' intimazzjoni kumplimentari, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata f'Diċembru 2017. Wara li analizzat it-tweġiba mill-awtoritajiet Ungeriżi, il-Kummissjoni tqis li l-parti l-kbira tal-kwistjonijiet imqajma għadhom ma ġewx indirizzati, u għaldaqstant issa ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – li huwa l-aħħar stadju tal-proċedura ta' ksur. L-ittra ta' intimazzjoni dwar leġiżlazzjoni Ungeriża ġdida li tikkriminalizza l-attivitajiet li jappoġġaw l-applikazzjonijiet għall-ażil: Il-leġiżlazzjoni l-ġdida – imsemmija “Stop Soros” mill-awtoritajiet Ungeriżi – tikkriminalizza kwalunkwe assistenza offruta minn organizzazzjonijiet nazzjonali internazzjonali u mhux governamentali, jew minn kwalunkwe persuna, lil persuni li jixtiequ japplikaw għall-ażil jew għal permess tar-residenza fl-Ungerija. Il-liġijiet jinkludu wkoll miżuri li se jillimitaw il-libertajiet individwali, billi jipprevjenu lil kull min ikun soġġett għal proċeduri kriminali skont dawn il-liġijiet milli joqorbu lejn iż-żoni ta' tranżitu mal-fruntieri tal-Ungerija, fejn jinżammu l-persuni li jfittxu l-ażil. Is-sanzjonijiet ivarjaw, mill-priġunerija temporanja għal sena ħabs u l-espulsjoni mill-pajjiż. Barra minn hekk, il-liġi l-ġdida u emenda kostituzzjonali daħħlu raġunijiet ġodda biex applikazzjoni għall-ażil tiġi ddikjarata mhux ammissibbli, b'mod li jillimita d-dritt għall-ażil biss għal min jasal l-Ungerija direttament minn post fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jinsabu fil-periklu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ungerija qiegħda tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont it-Trattati tal-UE, il-liġijiet tal-UE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. L-awtoritajiet Ungeriżi għandhom xahrejn biex iwieġbu għat-tħassib tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni hija lesta li tappoġġa u tgħin lill-awtoritajiet Ungeriżi fl-indirizzar ta' din il-kwistjoni. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Ittri ta' intimazzjoni

Il-migrazzjoni legali: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-UNGERIJA biex timplimenta b'mod korrett id-Direttiva dwar ir-residenti fit-tul

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija talli eskludiet lil ċittadini mhux tal-UE bi status ta' residenti fit-tul milli jeżerċitaw il-professjoni ta' persunal veterinarju, fejn b'hekk implimentat b'mod żbaljat id-Direttiva dwar ir-residenti fit-tul (id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE). Id-Direttiva tirrikjedi li ċ-ċittadini mhux tal-UE li jkunu residenti legalment fi Stat Membru tal-UE għal minn tal-inqas ħames snin igawdu minn trattament ugwali bħaċ-ċittadini f'ċerti oqsma, inkluż l-aċċess għall-attivitajiet tal-impjiegi u tal-impjiegi għal rashom. Il-liġi Ungeriża ma tippermettix li persuni li mhumiex ċittadini tal-UE u li huma kkwalifikati bħala professjonisti veterinarji, inkluż dawk li kisbu lawrja fl-Ungerija, jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Ungerija. Issa l-Ungerija għandha xahrejn biex tirrispondi għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

Il-migrazzjoni legali: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil 17-il Stat Membru biex jimplimentaw id-Direttiva dwar l-istudenti u r-riċerkaturi mhux tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil 17-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, u l-Iżvezja) talli ma kkomunikawx il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi għalkollox id-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dħul, ir-residenza u l-mobbiltà intra-UE ta' ċittadini mhux tal-UE għall-finijiet ta' riċerka, ta' studji, ta' taħriġ, ta' volontarjat, ta' skemi ta' skambju tal-istudenti jew proġetti edukattivi, u ta' au pairing (id-Direttiva 2016/801). L-Istati Membri kellhom sat-23 ta' Mejju 2018 biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni tagħhom ma' din id-Direttiva u biex jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan kif ikun xieraq. Issa l-Istati Membri għandhom xahrejn biex jittrasponu għalkollox id-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom, inkella l-Kummissjoni tista' tikkunsidra li tindirizza opinjonijiet motivati.

L-Unjoni tas-Sigurtà: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil 14 -il Stat Membru biex jimplimentaw ir-regoli l-ġodda dwar id-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR)

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Istati Membri li ġejjin (l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja) talli ma kkomunikawx l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi għalkollox id-Direttiva dwar il-PNR (id-Direttiva 2016/681). L-Istati Membri kellhom sal-25 ta' Mejju 2018 biex jittrasponu d-Direttiva fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Id-data tal-PNR tirreferi għall-informazzjoni pprovduta mill-passiġġieri lill-linji tal-ajru meta jirriżervaw it-titjiriet u jagħmlu check-in. Tali data tista' tinkludi informazzjoni bħal pereżempju isem il-passiġġier, id-dati tal-ivvjaġġar, l-itinerarji tal-ivvjaġġar, in-numru tal-post fuq l-ajruplan, il-bagalji, id-dettalji ta' kuntatt u l-mezz ta' pagament. Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema nazzjonali għall-ġbir, għall-analiżi u għall-iskambju tad-data tal-PNR għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, b'rispett sħiħ tas-salvagwardji għall-protezzjoni tad-data. L-ipproċessar tad-data dwar il-PNR huwa għodda importanti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati serji, u b'hekk jgħin biex jiġu ttraċċati t-tendenzi suspettużi tal-ivvjaġġar u biex jiġu identifikati l-kriminali u t-terroristi potenzjali, inklużi dawk li ma jkunux magħrufa minn qabel mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi. Huwa element ewlieni tal-Aġenda Ewropea għas-Sigurtà u huwa element kostitwenti essenzjali lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina. Matul dawn l-aħħar ftit snin, il-Kummissjoni għamlet kull sforz biex tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw is-sistemi nazzjonali tal-PNR tagħhom billi pprovdiet għarfien espert u finanzjament, kif ukoll billi ffaċilitat l-iskambju tal-aqwa prattiki. Madankollu, sabiex il-qafas tal-PNR jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu, huwa kruċjali li l-Istati Membri kollha jkollhom sistemi li jaħdmu. Issa l-Istati Membri kkonċernati għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-ittra ta' intimazzjoni, u wara dak iż-żmien il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li tindirizza Opinjonijiet Motivati. Il-Kummissjoni se tkompli toffri appoġġ u gwida lil dawk l-Istati Membri li għad fadlilhom jiffinalizzaw ix-xogħol ta' implimentazzjoni.

 

9. Il-Mobbiltà u t-Trasport

(Għal iktar informazzjoni: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Alexis Perier – tel.: +32 229 69143)

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

It-trasport marittimu: il-Kummissjoni tressaq lill-IRLANDA quddiem il-Qorti talli ma implimentatx b'mod korrett il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Irlanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli ma implimentatx b'mod korrett id-dritt tal-Unjoni li jistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta' aċċidenti fit-trasport marittimu (id-Direttiva 2009/18/KE). Id-Direttiva tirrikjedi li kull Stat Membru jistabbilixxi korp investigattiv permanenti imparzjali, li għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni tiegħu, fl-istruttura ġuridika tiegħu u fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta' kwalunkwe parti li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f'kunflitt mal-kompitu inkarigat lilha. Il-Kummissjoni tinsab imħassba dwar l-indipendenza tal-membri tal-Bord għall-Investigazzjoni ta' Diżgrazzji fil-Baħar (MCIB) li ġie stabbilit skont il-liġi Irlandiża. Il-liġi Irlandiża tistipula li wieħed mill-ħames membri tal-Bord ikun is-Segretarju Ġenerali tad-Dipartiment tat-Trasport, it-Turiżmu u l-Isport (DTTAS) jew persuna nnominata mid-Dipartiment, filwaqt li membru ieħor ikun is-Servejer Ewlieni tal-Uffiċċju għall-Istħarriġ tal-Baħar (MSO). Madankollu, l-Uffiċċju għall-Istħarriġ tal-Baħar għandu funzjonijiet regolatorji, amministrattivi u ta' infurzar fir-rigward tal-vapuri, it-tagħmir tagħhom kif ukoll il-kompetenza tal-baħħara. Min-naħa l-oħra, id-Dipartiment tat-Trasport, it-Turiżmu u l-Isport huwa responsabbli, fost affarijiet oħra, għall-politika dwar is-sikurezza marittima. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-responsabbiltajiet u l-attivitajiet tad-DTTAS u tal-MSO jistgħu jkunu f'kunflitt mal-kompitu investigattiv tal-Bord għall-Investigazzjoni ta' Diżgrazzji fil-Baħar. B'hekk, il-Bord għall-Investigazzjoni ta' Diżgrazzji fil-Baħar ma għandux l-indipendenza meħtieġa minn dawk l-awtoritajiet Irlandiżi. Għal iktar informazzjoni, jekk jogħġbok irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

 

Opinjonijiet motivati

Fjuwils alternattivi: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-BULGARIJA u lill-POLONJA biex jimplimentaw għalkollox ir-regoli tal-UE dwar l-installazzjoni tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi

Illum il-Kummissjoni ħeġġet lill-Bulgarija u lill-Polonja biex jittrasponu għalkollox ir-regoli Ewropej dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (id-Direttiva 2014/94/UE). Dawn ir-regoli, li jikkonċernaw, fost l-oħrajn, standards armonizzati għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi u dispożizzjonijiet bażiċi li jippermettu l-mobbiltà elettrika, jaqdu rwol importanti għall-funzjonament tas-suq intern tal-UE. Għandhom ukoll l-għan li jnaqqsu d-dipendenza tat-trasport fuq iż-żejt u li jtaffu l-impatt ambjentali tiegħu. Dawn iż-żewġ Stati Membri kellhom jittrasponu din id-Direttiva sat-18 ta' Novembru 2016, iżda skont is-servizzi tal-Kummissjoni ma ttrasponewx ċerti dispożizzjonijiet operattivi tad-Direttiva qabel dik id-data. Issa għandhom xahrejn biex jirrispondu; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

Ittri ta' intimazzjoni

Sistemi ta' Trasport Intelliġenti: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil disa' Stati Membri biex jipprovdu servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru, lill-Ungerija, lill-Italja, lil-Litwanja, lil-Lussemburgu, lil Malta, lill-Polonja, lis-Slovakkja u lis-Slovenja talli ma qdewx l-obbligi tagħhom li jipprovdu lill-utenti b'informazzjoni minima universali u mingħajr ħlas dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq (ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni 886/2013). L-Istati Membri huma mitluba jikkomunikaw il-progress li għamlu fl-implimentazzjoni tas-servizz ta' informazzjoni u f'għadd ta' informazzjoni oħra lill-Kummissjoni mhux iktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament, u kull sena kalendarja sussegwenti. Madankollu, id-disa' Stati Membri kkonċernati għadhom ma għamlux dan. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bagħtet ukoll ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru, lill-Ungerija, lil-Litwanja, lil-Lussemburgu, lil Malta, lis-Slovakkja u lis-Slovenja talli ma qdewx l-obbligi tagħhom li jipprovdu servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali għall-UE kollha (ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni 2015/962). Sat-13 ta' Lulju 2017, l-Istati Membri kellhom jipprovdu rapport lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex jiġi stabbilit punt ta' aċċess nazzjonali u dwar il-modalitajiet tal-funzjonament tiegħu, u fejn ikun rilevanti, il-lista ta' awtostradi li ma ġewx inklużi fin-netwerk tat-toroq trans-Ewropew u ż-żoni ta' prijorità li ġew identifikati. L-Istati Membri kollha għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tadotta opinjoni motivata.

It-trasport bit-triq: il-Kummissjoni tħeġġeġ lid-DANIMARKA biex ittemm id-diskriminazzjoni tat-trasportaturi barranin u tirrispetta l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li titlob lid-Danimarka biex ma tillimitax il-parkeġġ tat-trakkijiet fiż-żoni ta' mistrieħ b'sjieda tal-istat għal massimu ta' 25 siegħa. Peress li tolqot b'mod prinċipali lit-trasportaturi mhux residenti, din il-limitazzjoni tammonta għal diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, li hija pprojbita bit-trattati tal-UE. Minħabba fiha wkoll, is-sewwieqa ma jkunux jistgħu jirrispettaw ir-regoli stretti tal-UE dwar il-perjodi ta' mistrieħ għas-sewwieqa tat-trakkijiet, li huma essenzjali biex tiġi żgurata s-sikurezza fit-toroq u biex jiġu rrispettati d-drittijiet tas-sewwieqa. Barra minn hekk, din taffettwa l-libertà tat-trasportaturi li jipprovdu s-servizzi tat-trasport (prevista bir-Regolament 1072/2009) u tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta mhux ġustifikabbli. Issa d-Danimarka għandha xahrejn biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni, u wara l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tadotta opinjoni motivata.

Il-baħħara: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil MALTA biex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Malta minħabba n-nuqqas ta' konformità tagħha mar-regoli Ewropej dwar il-livell minimu ta' taħriġ tal-baħħara (id-Direttiva 2008/106/KE, kif emendata). Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil Malta biex tieħu azzjonijiet korrettivi biex tiżgura li s-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità implimentata minn waħda mill-istituzzjonijiet approvati tagħha ta' taħriġ u ta' edukazzjoni marittimi tkopri l-korsijiet u l-programmi kollha ta' taħriġ marittimu, kif ukoll l-eżamijiet u l-valutazzjonijiet, b'mod partikolari t-taħriġ fl-użu ta' simulaturi. Issa Malta għandha xahrejn biex tikkonforma mad-dritt tal-UE; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

It-trasport bit-triq: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil 10 Stati Membri biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-kards tas-sewwieqa

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju, lil Ċipru, lill-Finlandja, lil Franza, lill-Greċja, lill-Ungerija, lil-Lussemburgu, lil Malta u lill-Iżvezja talli ma wettqux it-testijiet għall-konnessjoni mas-sistema TACHOnet, u lid-Danimarka talli ma wettqitx il-konnessjoni mat-TACHOnet skont ir-Regolament (UE) 2016/68. It-TACHOnet hija s-sistema Ewropea għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' kards tat-takografu (it-takografu huwa apparat li jirrekordja l-ħin tas-sewqan, il-pawżi, il-perjodi ta' mistrieħ kif ukoll il-perjodi ta' xogħol ieħor imwettqa minn sewwieq). Huwa għodda essenzjali biex jiżgura l-infurzar tar-regoli dwar il-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ fit-trasport bit-triq. L-objettiv ewlieni tat-TACHOnet huwa li jivverifika li ma jinħarġux żewġ kards jew iktar minn Stati Membri differenti għall-istess sewwieq. Ir-Regolament (UE) 2016/68 jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri biex iwettqu konnessjoni mat-TACHOnet skont ir-rekwiżiti tekniċi speċifiċi. Anke jekk l-Istati Membri msemmijin hawn fuq – bl-eċċezzjoni tad-Danimarka – huma konnessi mat-TACHOnet, dawn ma kinux kapaċi jwettqu b'suċċess it-testijiet preliminari li jindikaw li l-konnessjoni tissodisfa dawk ir-rekwiżiti tekniċi kollha. L-Istati Membri kkonċernati issa għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

It-trasport marittimu: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil ħames Stati Membri biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-rekwiżiti tal-istat tal-bandiera

Il-Kummissjoni ħeġġet lill-Ungerija, lill-Kroazja, lil Ċipru, lir-Repubblika Ċeka u lir-Renju Unit biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom ta' sorveljanza amministrattiva kif previst bir-regoli tal-UE dwar ir-rekwiżiti tal-istat tal-bandiera (id-Direttiva 2009/21/KE). Dawn ir-rekwiżiti jinkludu l-kontroll li l-istruttura tal-bastiment, it-tagħmir u l-ġestjoni operazzjonali jikkonformaw mar-regolamenti dwar is-sikurezza, u li l-baħħara jkunu ċċertifikati bħala kompetenti. Skont id-Direttiva, minn Ġunju 2012 kellha tiddaħħal fis-seħħ sistema ta' ġestjoni tal-kwalità, li kellha tinżamm u li kellha tiġi ċċertifikata skont l-istandards tal-kwalità internazzjonali applikabbli. Madankollu, sa issa dawn il-pajjiżi ma pprovdewx iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa tas-sistema ta' ġestjoni tal-kwalità. Fit-tul, in-nuqqas ta' kontroll sistematiku fl-amministrazzjoni u minnha, li sistema iċċertifikata għall-ġestjoni tal-kwalità għandha tappoġġa, jista' jkollu impatt negattiv fuq is-sikurezza, is-sigurtà u l-prestazzjoni ambjentali tal-flotta li ttajjar il-bandiera. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil dawn l-Istati Membri, u tathom xahrejn biex jikkonformaw mad-Direttiva; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tadotta opinjoni motivata.

Is-sikurezza fl-avjazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-UNGERIJA biex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar ir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru
Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija talli ma kkonformatx ma' wħud mir-rekwiżiti tekniċi u mill-proċeduri amministrattivi Ewropej relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru fl-avjazzjoni ċivili (ir-Regolament (UE) Nru 965/2012). Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operazzjonijiet bl-ajru bl-ajruplani, bil-ħelikopters, bil-blalen tal-arja u bil-glajders, inklużi l-ispezzjonijiet fir-rampa tal-inġenji tal-ajru tal-operaturi taħt is-sorveljanza tas-sikurezza ta' stat ieħor. Madankollu, minħabba li ma kellhiex biżżejjed persunal, l-Ungerija ma vverifikatx il-konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli għall-organizzazzjonijiet jew għat-tip ta' operazzjonijiet. L-Ungerija għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti li qajmet il-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

10. It-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali

(Għal iktar informazzjoni: Vanessa Mock – tel.: +32 229 56194, Patrick Mc Cullough – tel.: +32 229 87183)

 

Opinjonijiet Motivati

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ĠERMANJA biex tallinja l-prattika amministrattiva tagħha rigward ir-rimborż tal-VAT transfruntiera mad-dritt tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ġermanja u talbitha biex tallinja r-regoli tar-rimborż tal-VAT mal-leġiżlazzjoni tal-UE (id-Direttiva dwar il-VAT – id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE u d-Direttiva dwar ir-Rimborż – id-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE). F'xi każijiet, attwalment il-Ġermanja tirrifjuta li tagħti rimborż tal-VAT għal applikazzjonijiet minn persuni taxxabbli stabbiliti fi Stat Membru ieħor peress li tqis li l-informazzjoni pprovduta ma tkunx biżżejjed mingħajr ma tkun talbet għal informazzjoni addizzjonali mingħand l-applikant. Dan iwassal biex ir-rimborżi jiġu rrifjutati anke meta l-applikanti jissodisfaw ir-rekwiżiti sostantivi kif stabbiliti fid-dritt tal-UE. Jekk il-Ġermanja ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lin-NETHERLANDS biex ma jibqgħux jintaxxaw it-trasferimenti ta' kapital tal-pensjonijiet mill-ħaddiema mobbli

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lin-Netherlands talli qed tintaxxa t-trasferimenti ta' kapital tal-pensjonijiet mill-ħaddiema mobbli lejn tlettax-il Stat Membru tal-UE li jippermettu l-pagamenti ta' pensjonijiet minn fondi ta' pensjoni f'forom oħra għajr l-annwalitajiet. Skont id-dritt tal-UE, il-ħaddiema mobbli huma liberi li jaħdmu f'impjiegi fl-Istati Membri li jippermettu l-pagamenti sħaħ jew parzjali ta' pensjonijiet f'somma f'daqqa. Il-leġiżlazzjoni tan-Netherlands toħloq restrizzjoni tal-moviment liberu tal-ħaddiema (l-Artikolu 45 tat-TFUE), tal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi (l-Artikolu 56 tat-TFUE) u tal-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 63 tat-TFUE). Jekk in-Netherlands ma jeħdux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-PORTUGALL biex jallinja t-taxxa tal-ajruport ta' Lisbona mad-dritt tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Portugall biex it-taxxa tal-ajruport ta' Lisbona tiġi allinjata mar-regoli tal-UE. Skont il-liġi Portugiża, attwalment it-taxxa tapplika biss għall-persuni li mhumiex residenti tal-Portugall. L-applikazzjoni tat-taxxa tal-ajruport lil persuni li mhumiex residenti fil-Portugall biss tmur kontra l-Artikoli 18 u 21 tat-TFUE peress li tikkostitwixxi diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità. Jekk il-Portugall ma jiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lir-RENJU UNIT biex jallinja l-prattiki nazzjonali tiegħu rigward l-iskema ta' punt żgħir ta' kuntatt waħdieni għall-VAT mar-regoli tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lir-Renju Unit talli ma ġabarx u ma ttrażmettiex lill-Istati Membri l-oħra d-dettalji tal-kontijiet bankarji għal kull persuna taxxabbli rreġistrata għas-sistema tal-UE kollha għall-ġbir tal-VAT mill-bejgħ onlajn ta' servizzi elettroniċi (il-punt żgħir ta' kuntatt waħdieni għall-VAT). Din il-prattika tikser ir-regoli tal-UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni (ir-Regolament tal-Kunsill 904/2010 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 815/2012). Attwalment, l-Istati Membri li jkunu jridu jagħtu rimborż lil persuni taxxabbli fir-Renju Unit iridu jiġbru informazzjoni addizzjonali każ b'każ, u dan huwa ta' piż u jdewwem l-għoti tar-rimborż. Jekk ir-Renju Unit ma jiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

Ittra ta' intimazzjoni u għeluq

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ESTONJA biex temenda r-regoli tagħha dwar l-iskambju ta' informazzjoni u tagħlaq erba' każijiet dwar it-trasparenza fiskali

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Estonja u talbitha biex tallinja r-regoli tagħha dwar l-iskambju ta' ċerta informazzjoni tat-taxxa miżmuma mill-Istati Membri fir-rigward tal-persuni taxxabbli minn pajjiżi oħra tal-UE, kif previst fid-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC1 – id-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE). Attwalment, il-liġi Estonjana ma tobbligax lill-awtoritajiet tat-taxxa tagħha biex jipprovdu lill-kontrapartijiet tagħhom fi Stati Membri oħra tal-UE bl-informazzjoni mitluba. Lanqas ma teħtieġ li huma jibdew xi proċeduri tat-taxxa għall-ksib ta' tali informazzjoni fejn ikunu meħtieġa, jew jinvolvu ruħhom fi skambji spontanji ta' informazzjoni. Jekk l-Estonja ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Estonjani. Fl-istess waqt, illum il-Kummissjoni qed tagħlaq erba' każijiet separati oħra dwar it-trasparenza fiskali. Il-Kummissjoni tilqa' l-komunikazzjoni dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet antiċipati transfruntiera tat-taxxa u dwar ir-regoli li jipprovdu aċċess lill-awtoritajiet tat-taxxa għal informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus mill-Belġju skont id-dritt tal-UE (DAC3 u DAC5 – id-Direttivi tal-Kunsill 2015/2376 u 2016/2258). Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tagħlaq il-proċeduri ta' ksur kontra Ċipru u l-Italja minħabba li dawk l-Istati Membri kkomunikaw lill-Kummissjoni li wettqu t-traspożizzjoni tagħhom tar-regoli dwar l-iskambju ta' rapportar għal kull pajjiż ma' Stati Membri oħra skont id-DAC4 (id-Direttiva tal-Kunsill 2016/881) u tar-regoli li jipprovdu aċċess lill-awtoritajiet tat-taxxa għall-informazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus kif meħtieġ bid-DAC5 (id-Direttiva tal-Kunsill 2016/2258).

 

Ittri oħra ta' intimazzjoni

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-BELĠJU biex jikkonforma mar-regoli dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul mit-tfaddil

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni li permezz tagħha tħeġġeġ lill-Belġju biex jallinja r-regoli tiegħu dwar id-dħul mit-tfaddil fil-forma ta' pagamenti tal-imgħax lil residenti Belġjani b'kontijiet fil-Lussemburgu u fl-Awstrija mad-dritt tal-UE. Attwalment, il-Belġju jirrifjuta li jagħti krediti ta' taxxa għat-taxxa f'ras il-għajn imposta fil-Lussemburgu u fl-Awstrija mill-pagamenti tal-imgħax imsemmija hawn fuq. Dan ir-rifjut imur kontra d-dritt tal-UE fir-rigward tat-tassazzjoni tad-dħul mit-tfaddil fil-forma ta' pagamenti tal-imgħax (l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE). Jekk il-Belġju ma jiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Belġjani.

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-GREĊJA biex tallinja r-regoli tagħha dwar it-tnaqqis ta' telf barrani mad-dritt tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja talli ttrattat it-telf tan-negozji mġarrab domestikament u dak imġarrab fi Stat ieħor tal-UE/taż-ŻEE b'mod differenti għal finijiet tat-taxxa. Filwaqt li kemm il-profitti tan-negozji li joriġinaw domestikament u dawk li joriġinaw fi Stat ieħor tal-UE/taż-ŻEE huma soġġetti għal taxxi fil-Greċja, it-trattament ta' telf imġarrab barra mill-pajjiż huwa limitat bil-liġi Griega u bil-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet tat-taxxa Griegi. Din id-differenza fit-trattament tikkostitwixxi restrizzjoni fuq id-dritt ta' stabbiliment (l-Artikolu 49 tat-TFUE). Jekk il-Greċja ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Griegi.

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ITALJA biex tallinja r-regoli dwar il-VAT fir-rigward tal-provvista ta' servizzi relatati mal-importazzjoni tal-merkanzija mad-dritt tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja dwar il-fatt li qed iżżid kundizzjonijiet ulterjuri għall-eżenzjoni mill-VAT ta' servizzi relatati mal-importazzjoni tal-merkanzija. Attwalment, il-leġiżlazzjoni Taljana tirrikjedi li sabiex l-eżenzjoni mill-VAT tiġi applikata għal servizzi anċillari relatati mal-importazzjoni tal-merkanzija, mhux biss irid jiġi inkluż il-valur tagħhom fl-ammont taxxabbli, iżda wkoll il-VAT li tiġi imposta realment fuqhom fl-importazzjoni waqt l-istadju tad-dwana. Dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (id-Direttiva dwar il-VAT). Jekk l-Italja ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Taljani.

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-ITALJA biex ittemm tat-taxxa reġjonali fuq il-petrol għall-vetturi bil-mutur

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja li permezz tagħha talbet għall-abolizzjoni tat-taxxa reġjonali fuq il-petrol għall-vetturi bil-mutur (l-IRBA). L-IRBA tiġi imposta b'madwar żewġ ċenteżmi għal kull litru ta' petrol, meta mqabbla ma' 72 ċenteżmu għad-dazju tas-sisa impost abbażi ta' leġiżlazzjoni armonizzata tal-UE. L-IRBA ma għandhiex objettivi speċifiċi, iżda għandha biss objettivi baġitarji, u dan imur kontra d-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar id-Dazju tas-Sisa, id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE). Jekk l-Italja ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Taljani.

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil-LATVJA biex temenda r-regoli tagħha dwar it-taxxa fuq il-proprjetà immobbli f'Riga

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil-Latvja dwar ir-rekwiżiti diskriminatorji stabbiliti mill-Kunsill tal-Belt ta' Riga biex jiġu applikati rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-proprjetà immobbli. Ir-rati mnaqqsa huma applikabbli fuq proprjetà b'sjieda ta' ċittadin Latvjan jekk dan jiddikjaraha bħala residenza prinċipali. Madankollu, iċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra tal-UE u taż-ŻEE huma soġġetti għal kundizzjoni addizzjonali – iridu jkunu ddikjaraw ir-residenza fil-Latvja seba' snin qabel is-sena tat-taxxa rilevanti. Din il-kundizzjoni addizzjonali tikser il-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 63(1) tat-TFUE). Jekk il-Latvja ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Latvjani.

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lir-RENJU UNIT biex jallinja r-regoli tiegħu dwar it-taxxa fuq id-dħul mad-dritt tal-UE

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lir-Renju Unit u talbitu biex jallinja r-regoli tiegħu mad-dritt tal-UE fir-rigward tal-allowance tat-taxxa fuq id-dħul għal telf fuq id-disponiment tal-ishma. Attwalment, jistgħu jikkwalifikaw għall-allowance biss l-ishma f'kumpaniji li jwettqu l-attivitajiet tan-negozju tagħhom totalment jew prinċipalment fir-Renju Unit. Din ir-regola tiżvantaġġa lill-kontribwenti li jinvestu f'ishma kwalifikattivi ta' kumpaniji li jwettqu n-negozju tagħhom fi Stati Membri oħra tal-UE għajr ir-Renju Unit. Timponi wkoll restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 63 tat-TFUE). Jekk ir-Renju Unit ma jiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet tar-Renju Unit.

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tħeġġeġ lir-RENJU UNIT biex jallinja r-regoli tiegħu dwar l-allowance tat-taxxa għal self lill-kummerċjanti

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lir-Renju Unit fir-rigward tal-liġi nazzjonali tiegħu dwar l-allowance tat-taxxa fuq self lill-kummerċjanti. Attwalment, il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tipprevedi allowance speċifika fejn “self kwalifikattiv” ikun sar irrekuperabbli. F'dan il-każ, min isellef ikun intitolat li jagħmel talba li l-ammont tas-self għandu jitnaqqas minħabba l-obbligazzjoni tiegħu biex iħallas it-taxxa fuq il-qligħ kapitali jew it-taxxa korporattiva fuq il-qligħ taxxabbli. Madankollu, ir-regoli jagħmlu differenza bejn it-trattament tat-taxxa ta' “self irrekuperabbli” li jingħata lil residenti tar-Renju Unit u dak li jingħata lil min jissellef u ma jkunx resident tar-Renju Unit. Dan jimponi restrizzjoni mhux iġġustifikata fuq il-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 63 tat-TFUE). Jekk ir-Renju Unit ma jiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet tar-Renju Unit.

 

Għeluq

It-tassazzjoni: il-Kummissjoni tagħlaq il-każ tat-taxxa tas-suċċessjoni għall-BELĠJU

Il-Kummissjoni tilqa' l-bidliet li saru mill-Belġju fir-rigward tar-regoli dwar it-taxxa tas-suċċessjoni fir-reġjun tal-Wallonja. Issa r-regoli l-ġodda jippermettu li l-proprjetà immobbli li tinsab fil-Belġju tiġi eżentata mit-taxxa tas-suċċessjoni u jippermettu li dik il-proprjetà tintiret minn persuna deċeduta li kienet tgħix f'pajjiż ieħor fiż-ŻEE bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk għal proprjetà li tintiret minn resident Belġjan. Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq dak il-każ ta' ksur.

MEMO/18/4486

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar