Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

L-Unjoni tas-Sigurtà: Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS, European Travel Information and Authorisation System)

Strasburgu, il-5ta' lulju 2018

.

1. X'inhi l-ETIAS?

X'inhi s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS)?

F'Novembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet li tiġi stabbilita Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) biex jissaħħaħ il-kontrolli tas-sigurtà fuq dawk il-persuni li jivvjaġġaw mingħajr viża lejn l-UE, li bħalissa huma ċittadini minn aktar minn 60 pajjiż (ara l-lista kollha hawn).

L-ETIAS se tkun sistema awtomatizzata tal-IT maħluqa sabiex tidentifika kwalunkwe riskju ta' sigurtà jew ta' migrazzjoni irregolari maħluqa minn viżitaturi eżenti mill-viża li jivvjaġġaw lejn iż-żona ta' Schengen, filwaqt li fl-istess ħin jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri għall-maġġoranza vasta ta' vjaġġaturi li ma joħolqux tali riskji. Dawk iċ-ċittadini kollha mhux tal-UE li ma għandhomx bżonn viża biex jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen se jkollhom japplikaw għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar permezz tas-sistema tal-ETIAS qabel il-vjaġġ tagħhom. L-informazzjoni miġbura permezz tal-ETIAS se tippermetti, fir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, li ssir verifika minn qabel ta' riskji potenzjali ta' sigurtà jew ta' migrazzjoni irregolari.

Wara li timtela l-formola tal-applikazzjoni onlajn, is-sistema twettaq verifiki fis-sistemi ta' informazzjoni tal-UE għall-fruntieri u s-sigurtà u, fil-maġġoranza vasta tal-każijiet, toħroġ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar fi ftit minuti. L-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS se tkun kundizzjoni obbligatorja għad-dħul fiż-żona Schengen. Se tiġi vverifikata flimkien mad-dokumenti tal-ivvjaġġar mill-gwardji tal-fruntieri meta jkun qiegħed isir il-qsim tal-fruntieri tal-UE. Din il-verifika minn qabel ta' ċittadini mhux tal-UE eżenti mill-viża se tiffaċilita l-kontrolli tal-fruntieri; se jiġu evitati burokrazija u dewmien għall-vjaġġaturi meta dawn jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri; tiġi żgurata valutazzjoni tar-riskji koordinata u armonizzata ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi; kif ukoll tnaqqas b'mod sostanzjali l-għadd ta' ċaħdiet tad-dħul fil-punti ta' qsim tal-fruntiera.

X'inhi d-differenza bejn viża ta' Schengen u awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS?

L-awtorizzazzjoni tal-ETIAS mhix viża. Iċ-ċittadini ta' pajjiżi li ma għandhomx bżonn viża se jibqgħu jivvjaġġaw lejn l-UE mingħajr viża iżda se jkunu sempliċement obbligati jiksbu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar permezz tal-ETIAS qabel il-vjaġġ tagħhom. L-ETIAS se tkun sistema sempliċi, rapida u faċli għall-viżitaturi, li, f'iktar minn 95 % tal-każijiet, se twassal għal tweġiba fil-pożittiv fi ftit minuti.

Awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS ma terġax tintroduċi obbligi li jixbħu lill-viża. Ma hemmx bżonn li wieħed jirrikorri għand konsulat sabiex jagħmel applikazzjoni, ma tinħaġar l-ebda data bijometrika u tinġabar ferm anqas informazzjoni milli jsir matul proċedura tal-viża. Filwaqt li, bħala regola ġenerali, proċedura għal viża ta' Schengen tista' tieħu sa 15-il ġurnata, u f'xi każi tista' tittawwal għal 30 jew 60 ġurnata, l-applikazzjoni onlajn tal-ETIAS tieħu biss ftit minuti biex timtela. Il-validità se tkun għal perjodu ta' tliet snin, li hu perjodu b'mod sinifikanti itwal mill-validità tal-viża ta' Schengen. Awtorizzazzjoni tal-ETIAS tkun valida għal numru illimitat ta' dħul.

Awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS se tkun pass neċessarju u żgħir għall-vjaġġaturi kollha eżenti mill-viża li se jippermettilhom jevitaw il-burokrazija u d-dewmien meta dawn jippreżentaw ruħhom fil-fruntieri. L-ETIAS se tirrispetta bis-sħiħ dan l-istatus mingħajr viża; tiffaċilita l-qsim tal-fruntieri esterni ta' Schengen; u tippermetti lill-viżitaturi eżenti mill-viża li jgawdu l-istatus tagħhom bis-sħiħ.

X'inhu l-impatt tal-ETIAS fuq il-politika komuni dwar il-viżi?

Il-liberalizzazzjoni tal-viża hija għodda importanti fit-tiswir ta' sħubijiet ma' pajjiżi terzi, u biex tiżdied l-attrazzjoni tal-UE għan-negozji u għat-turiżmu. Il-verifika obbligatorja bil-quddiem u l-valutazzjonijiet ta' riskji potenzjali ta' sigurtà jew ta' migrazzjoni irregolari marbuta mal-vjaġġaturi eżenti mill-viża permezz tal-ETIAS, filwaqt li jiġi rispettat b'mod sħiħ l-istatus tagħhom ta' eżenzjoni mill-viża, se tgħin biex jiġi mħares u kkumplimentat is-suċċess tal-politika tal-UE dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. Iż-żieda ta' dan is-saff ta' informazzjoni u ta' valutazzjoni tar-riskju se jippermetti lill-viżitaturi jgawdu bis-sħiħ l-istatus tagħhom ta' eżenzjoni mill-viża, u fl-istess ħin tissaħħaħ is-sigurtà u s-sikurezza fiż-żona Schengen. Il-vjaġġaturi se jkollhom ukoll indikazzjoni bikrija tad-dħul possibbli tagħhom fiż-żona Schengen, u b'hekk ikunu jistgħu jippjanaw iż-żjara tagħhom.

Hekk kif għadhom għaddejjin id-djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża ma' pajjiżi terzi, l-ETIAS se ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE biex jiġu vvalutati u ġestiti r-riskji potenzjali ta' migrazzjoni u sigurtà filwaqt li fl-istess ħin jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri esterni ta' Schengen.

2. L-ETIAS kif se taħdem fil-prattika?

X'se jkollhom jagħmlu l-vjaġġaturi eżenti mill-viża qabel il-vjaġġ tagħhom?

Il-vjaġġaturi se jkollhom jimlew formola ta' applikazzjoni onlajn permezz ta' sit web apposta jew ta' applikazzjoni għal apparati mobbli. Biex timtela l-formola ta' applikazzjoni ma għandux ikun hemm bżonn ta' aktar minn 10 minuti u ma għandux ikun hemm bżonn xi dokumentazzjoni apparti d-dokument tal-ivvjaġġar (passaport jew xi dokument ieħor ekwivalenti). Fil-każ li wieħed ma jkunx jista' japplika (minħabba l-età, il-livell ta' litteriżmu, l-aċċess għat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-kompetenza fiha, eċċ.) jistgħu jitressqu applikazzjonijiet minn terza persuna.

Se jkun hemm bżonn li titħallas miżata ta' EUR 7 għal kull applikazzjoni, għall-applikanti kollha bejn l-etajiet ta' 18 u 70 sena. Il-metodi ta' pagament elettroniku se jqisu l-avvanzi teknoloġiċi fil-pajjiżi eżenti mill-viża sabiex ma jiġrix li ċittadini minn pajjiżi terzi eżenti mill-viża jkunu ostakolati peress li ma jkunx jista' jkollhom aċċess għal ċerti mezzi ta' pagament.

Il-proċess tal-valutazzjoni awtomatizzat jibda wara li tkun inġabret it-tariffa. Il-biċċa l-kbira tal-applikanti (mistenni li jkun aktar minn 95 % tal-każijiet kollha) se jingħataw approvazzjoni awtomatika li tiġi kkomunikata lilhom fi ftit minuti wara li jkunu ħallsu. Jekk jiġri li jkun hemm xi hit f'xi bażi ta' data mfittex jew ikun hemm eżitu mhux ċar tal-proċess awtomatiku, isir ipproċessar manwali tal-applikazzjoni minn Unità Ċentrali fil-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jew minn tim apposta fl-Istat Membru. Dan jista' jtawwal il-perjodu ta' rispons liċ-ċittadin ta' pajjiż terz eżenti mill-viża sa massimu ta' 96 siegħa. F'ċirkostanzi eċċezzjonali ħafna tista' tintalab aktar informazzjoni mill-applikanti u jista' jkun hemm bżonn ta' passi proċedurali ulterjuri, iżda fil-każijiet kollha għandha tittieħed deċiżjoni finali fi żmien erba' ġimgħat mill-applikazzjoni.

Minn madwar 5% tal-applikazzjonijiet li jipproduċu hit, huwa mistenni li bejn 3 u 4% se jirċievu deċiżjoni pożittiva wara li l-Unità Ċentrali tal-ETIAS tkun ivverifikat id-data, bil-1-2 % li jifdal jiġu trasferiti għall-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għal ipproċessar manwali. Wara d-deċiżjoni l-applikanti jingħataw tweġiba permezz tal-email b'awtorizzazzjoni tal-ivvjaġġar valida, jew inkella ġustifikazzjoni għaċ-ċaħda.

X'jiġri jekk persuna ma tkunx ingħatat awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar mill-ETIAS?

Jekk l-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tkun ġiet miċħuda, l-applikant għandu d-dritt li jappella. L-appelli jistgħu jitressqu fl-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni u skont il-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru. L-applikant jiġi infurmat dwar liema awtorità nazzjonali tkun responsabbli għall-ipproċessar u d-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni tiegħu għall-ivvjaġġar, kif ukoll jingħata informazzjoni dwar il-proċedura li għandha tkun segwita f'każ ta' appell. Jekk il-vjaġġatur iqis li t-trattament tiegħu ma kienx ġust, huwa jingħata wkoll id-dritt li jfittex rimedju jew jitlob aċċess għall-informazzjoni permezz tal-awtorità nazzjonali.

X'inhi l-validità ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-ETIAS?

Il-validità tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tkun ta' tliet snin (jew sakemm id-dokument tal-ivvjaġġar jiskadi).

X'inhuma l-obbligi għat-trasportaturi?

Qabel l-imbarkazzjoni, it-trasportaturi tal-ajru u tal-baħar, kif ukoll it-trasportaturi li jġorru gruppi fuq l-art permezz ta' kowċ se jkollhom jivverifikaw l-istatus tad-dokument tal-ivvjaġġar meħtieġ għad-dħul fiż-Żona Schengen, inkluż ir-rekwiżit li jkollhom awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida tal-ETIAS. Huwa previst perjodu ta' tranżizzjoni għat-trasportaturi li jġorru gruppi fuq l-art permezz tal-kowċ li matulu mhux se jkun obbligatorju għalihom biex jiċċekkjaw il-preżenza ta' awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida.

X'se jiġri fil-punt ta' qsim tal-fruntiera?

Mal-wasla fiż-żona ta' Schengen fil-punt tal-qsim tal-fruntiera, il-gwardja tal-fruntiera jaqra b'mod elettroniku d-data tad-dokument tal-ivvjaġġar, filwaqt li tiskatta tiftixa fil-bażijiet tad-data differenti, inkluża tfittxija fl-ETIAS fil-każ ta' vjaġġaturi eżenti mill-viża. Jekk ma jkunx hemm awtorizzazzjoni valida għall-ivvjaġġar tal-ETIAS, il-gwardja tal-fruntieri jiċħad id-dħul u jirreġistra l-vjaġġatur u ċ-ċaħda ta' dħul fis-Sistema ta' Dħul/Ħruġ.

Jekk ikun hemm awtorizzazzjoni valida għall-ivvjaġġar, isir il-proċess tal-kontroll fuq il-fruntiera u l-vjaġġatur jista' jiġi awtorizzat biex jidħol fiż-Żona ta' Schengen jekk il-kundizzjonijiet kollha tad-dħul ikunu ġew issodisfati, jew inkella jiġi miċħud l-aċċess kif previst mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tista' tiġi revokata?

Għalkemm awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar hija valida għal tliet snin, hija tista' tiġi revokata jew annullata jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ma jibqgħux japplikaw.

3. It-tnaqqis ta' lakuni fl-informazzjoni u t-tisħiħ tas-sigurtà

L-ETIAS kif se tindirizza l-lakuni ta' informazzjoni eżistenti?

Bħalissa, l-awtoritajiet tal-fruntiera u tal-infurzar tal-liġi ftit għandhom informazzjoni dwar vjaġġaturi li jkunu qegħdin jaqsmu l-fruntieri tal-UE mingħajr viża. Dan mhuwiex il-każ għal persuni li jivvjaġġaw b'viża ta' Schengen, fejn l-informazzjoni tkun tista' tiġi vverifikata billi tiġi mqabbla mill-gwardji tal-fruntiera fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS). Billi tiżgura li l-viżitaturi kollha jiġu kkontrollati qabel ma jaslu, l-ETIAS se tagħlaq lakuna importanti fl- informazzjoni. Dan se jgħin biex jiġu identifikati r-riskji potenzjali ta' sigurtà jew ta' migrazzjoni irregolari qabel ma l-vjaġġaturi eżenti mill-viża jaslu fil-fruntiera tal-UE u jiġi ssorveljat aħjar min ikun qed jaqsam il-fruntieri tal-UE.

L-ETIAS kif tikkumplimenta s-sistemi eżistenti tal-informazzjoni għall-fruntieri u s-sigurtà?

F'konformità mal-istrateġija ta' interoperabbiltà proposta fil-Komunikazzjoni dwar Sistemi ta' Informazzjoni Aktar b'Saħħithom u Aktar Intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà tas-6 ta' April 2016, l-ETIAS hi mfassla biex tkun interoperabbli ma' sistemi eżistenti, u ma' sistemi li qed jiġu żviluppati bħalissa, bħal ma hi s-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES).

Sa fejn hu possibbli u ikun fattibbli teknikament, l-ETIAS se terġa' tuża l-komponenti tal-ħardwer u s-softwer tal-EES u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħha. L-interoperabilità se tkun stabbilita wkoll ma' sistemi oħra ta' informazzjoni li għandhom jiġu kkonsultati mill-ETIAS, bħas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viza (il-VIS), id-data tal-Europol, is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS), il-Eurodac u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni ta' Rekords Kriminali (ECRIS).

Liema bażijiet ta' data jiġu ċċekkjati mill-ETIAS?

Waqt il-verifika u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata minn vjaġġaturi eżenti mill-viża, is-sistema awtomatikament tagħmel kontroverifika ta' kull applikazzjoni skont:

- is-sistemi ta' informazzjoni eżistenti tal-UE:

o is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS),

o is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Visa (VIS),

o id-data tal-Europol,

o il-bażi ta' data tal-Eurodac,

- sistemi ta' informazzjoni futuri proposti tal-UE:

o is-Sistema ta' Dħul u Ħruġ tal-UE (EES),

- bażijiet ta' data tal-Interpol:

o il-bażi ta' data tal-Interpol dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin

o il-bażi ta' data tal-Interpol dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma' Avviżi (TDAWN),

o lista ta' sorveljanza tal-ETIAS dedikata u indikaturi ta' riskju speċifiċi.

Sakemm tasal l-approvazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni għall-iskambju ta' informazzjoni dwar rekords kriminali fl-UE għal ċittadini ta' pajjiżi terzi (ECRIS-TCNs), l-ETIAS fil-futur għandha tkun tista' wkoll tfittex fil- ECRIS-TCNs.

L-ETIAS kif se ttejjeb is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE?

Billi tipprovdi informazzjoni vitali dwar is-sigurtà, il-migrazzjoni irregolari u s-saħħa pubblika, l-ETIAS ser tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jingħalqu l-lakuni ta' informazzjoni eżistenti li jolqtu s-sigurtà. Hija se tkun ta' għajnuna biex l-awtoritajiet tal-Istati Membri jidentifikaw individwi li jistgħu jkunu ta' riskju u jieħdu azzjoni qabel ma dawn jaslu fil-fruntieri esterni ta' Schengen.

B'mod aktar speċifiku, is-sistema se ttejjeb l-identifikazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin (partikularment fil-każ ta' minuri), tgħin biex tiġi indirizzata l-kriminalità transfruntiera, u b'mod ġenerali se tiffaċilita l-identifikazzjoni ta' persuni li l-preżenza tagħhom fiż-żona ta' Schengen tkun tista' toħloq theddida ta' sigurtà interna. Id-data maħżuna fl-ETIAS, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, tista' wkoll tkun disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi u l-Europol, jekk dan ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra.

L-ETIAS kif se tiżgura u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data?

Il-proposta tal-Kummissjoni tikkonforma b'mod sħiħ mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fiha s-salvagwardji kollha adegwati, filwaqt li jiġi żgurat li l-ETIAS tiġi żviluppata f'konformità mal-ogħla standards ta' protezzjoni tad-data, b'mod partikolari fejn jidħol l-aċċess għad-data, li huwa strettament limitat. Il-proposta tagħti lok għad-dritt ta' rimedju tal-individwi, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju u s-superviżjoni ta' operazzjonijiet ta' pproċessar minn awtoritajiet pubbliċi indipendenti.

Id-data personali rreġistrata fl-ETIAS mhix se tinżamm għal aktar minn kemm ikun meħtieġ għall-finijiet tagħha. Id-data għandha tkun maħżuna għal:

- il-perijodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jew,

- ħames snin mill-aħħar deċiżjoni ta' ċaħda, revoka jew annullar tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar.

Id-data tista' tinħażen għal perjodu addizzjonali ta' mhux aktar minn tliet snin wara tmiem il-perjodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar jekk l-applikant jagħti l-kunsens liberu u espliċitu tiegħu biex id-data tiegħu tinżamm għal żmien itwal. Wara l-iskadenza tal-perjodu taż-żamma tad-data, il-fajl tal-applikazzjoni u d-data personali jitħassru awtomatikament mis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS.

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u tal-Europol se jkollhom aċċess għall-ETIAS, taħt kundizzjonijiet definiti b'mod strett, għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni jew l-investigazzjoni ta' reati terroristiċi jew reati kriminali serji oħra. L-awtoritajiet maħtura u l-Europol għandhom jitolbu aċċess għall-ETIAS biss meta jkollhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li tali aċċess jgħinhom b'mod sostanzjali fit-twettiq ta' dmirijiethom.

4. L-istruttura u l-iżvilupp tal-ETIAS

Kif se tkun strutturata l-ETIAS?

L-ETIAS tkun tikkonsisti mis-Sistema ta' Informazzjoni tal-ETIAS, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS.

Is-Sistema ta' Informazzjoni tal-ETIAS se tkun tikkonsisti minn:

  • Sistema Ċentrali biex tipproċessa l-applikazzjonijiet;
  • Interfaċċa Uniformi Nazzjonali f'kull Stat Membru li tikkollega l-infrastrutturi nazzjonali mas-Sistema Ċentrali;
  • Infrastruttura ta' Komunikazzjoni sikura bejn is-Sistema Ċentrali u l-Interfaċċi Nazzjonali Uniformi;
  • sit web pubbliku u applikazzjoni mobbli għal apparati mobbli;
  • servizz ta' posta elettronika kif ukoll numru ta' għodod għall-applikanti, bħal servizz ta' kont, għodda ta' verifika u għodda għall-għoti jew l-irtirar tal-kunsens għal żamma tad-data wara l-perjodu ġenerali.

L-Unità Ċentrali tal-ETIAS se tkun stabbilita fi ħdan l-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, u tkun iġġestita minnha, u tkun parti minn qafas ta' politika u legali tagħha. L-Unità Ċentrali tal-ETIAS se taħdem fuq bażi ta' 24/7 u jkollha erba' kompiti ċentrali:

  • tiżgura li d-data maħżuna fil-fajls tal-applikazzjonijiet u d-data rreġistrata tkun korretta u aġġornata;
  • fejn meħtieġ, tivverifika l-applikazzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar fir-rigward tal-identità ta' vjaġġatur f'każ ta' hit miksuba matul il-proċess awtomatizzat;
  • tiddefinixxi, tittestja, timplimenta, tevalwa u tirrevedi l-indikaturi ta' riskju speċifiċi tar-regoli tal-iskrinjar tal-ETIAS;
  • twettaq awditjar regolari dwar il-ġestjoni tal-applikazzjonijiet u dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-iskrinjar tal-ETIAS, b'mod partikolari fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali, ir-regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data.

L-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS ikunu stabbiliti f'kull Stat Membru, u jkollhom ir-responsabbiltà primarja li jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju u jiddeċiedu dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-ivjaġġar fil-każ ta' applikazzjonijiet miċħuda mill-proċess ta' applikazzjoni awtomatizzat. L-Unitajiet Nazzjonali se jipprovdu wkoll lill-applikanti informazzjoni rigward il-proċedura li trid tiġi segwita f'każ ta' appell.

Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS, stabbilit fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, se jkollu funzjoni konsultattiva u se jiġi kkonsultat dwar id-definizzjoni, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni tal-indikaturi ta' riskju kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-lista ta' sorveljanza tal-ETIAS. Il-Bord ikun jikkonsisti minn rappreżentant minn kull Unità Nazzjonali tal-ETIAS, mill-Europol u mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Il-Bord ta' Gwida dwar id-Drittijiet Fundamentali se jkun korp konsultattiv indipendenti magħmul minn rappreżentanti tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali. Huwa jivvaluta l-impatt tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u r-regoli tal-iskrinjar fuq id-drittijiet fundamentali, u jipprovdi gwida lill-Bord tal-Iskrinjar tal-ETIAS.

X'inhi l-lista ta' sorveljanza tal-ETIAS?

L-informazzjoni pprovduta mill-applikanti għal awtorizzazzjoni tal-ETIAS tiġi kontroverifikata ma' bażijiet ta' data differenti tal-UE, inkluż il-lista ta' sorveljanza tal-ETIAS.

Il-lista ta' sorveljanza tikkonsisti minn data relatata mal-persuni li jkunu suspettati li kkommettew jew ħadu sehem f'xi reat kriminali serju jew persuni li dwarhom ikun hemm indikazzjonijiet fattwali jew bażijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li jkun se jwettqu reati terroristiċi jew atti ta' kriminalità serja oħra. Il-lista ta' sorveljanza tiġi stabbilita abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri u l-Europol.

X'se jkun ir-rwol tal-Europol?

Il-Europol, bħala ċenru ta' informazzjoni dwar is-sigurtà, jinsab f'pożizzjoni unika biex iġib flimkien informazzjoni li ma tkunx disponibbli għall-Istati Membri individwali jew f'bażijiet ta' data oħra tal-UE. Flimkien mal-Istati Membri, huwa jdaħħal data fil-lista ta' sorveljanza tal-ETIAS u jkun responsabbli biex id-data hekk imdaħħla tkun aġġornata.

L-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS se jikkonsultaw lill-Europol fil-każ li jkun hemm hit li tkun seħħet waqt l-ipproċessar awtomatizzat tal-ETIAS ta' data miżmuma mill-Europol. L-Aġenzija ser tkun involuta wkoll fid-definizzjoni tar-regoli tal-iskrinjar tal-ETIAS.

X'se jkun ir-rwol ta' eu-LISA?

L-Aġenzija għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, eu-LISA, se tiżviluppa s-Sistema ta' Informazzjoni tal-ETIAS u tiggarantixxi l-ġestjoni teknika tagħha. Fost oħrajn, l-Aġenzija se tkun responsabbli għall-ħolqien ta' sit web pubbliku kif ukoll ta' applikazzjoni għall-apparati mobbli għall-applikazzjonijiet tal-ETIAS, fejn l-applikanti se jkunu jistgħu pereżempju jivverifikaw l-istatus tal-applikazzjoni tagħhom.

Kemm se jiswa l-iżvilupp tal-ETIAS?

Sabiex tkun kemm jista' jkun effiċjenti, l-ETIAS se tibni fuq il-bażi ta' sistemi eżistenti ta' informazzjoni u tkun sinkronizzata ma' dawk li għad iridu jiġu żviluppati, pereż. is-Sistema Dħul/Ħruġ (EES). L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-EES u l-ETIAS għandhom isiru flimkien u b'mod parallel, ħaġa li tiżgura ffrankar sinifikanti fejn jidħlu t-twaqqif u l-ispejjeż operazzjonali.

L-ispiża biex tiġi żviluppata s-sistema tal-ETIAS hija stmat li tkun ta' madwar EUR 212,1 miljun u l-ispiża annwali medja ta' operazzjoni ta' madwar EUR 85 miljun. L-ETIAS se tkun finanzjarjament awtosuffiċjenti peress li l-ispejjeż annwali tal-operazzjonijiet se jiġu koperti mid-dħul mit-tariffi.

X'inhu l-ambitu territorjali tal-ETIAS?

Il-leġiżlazzjoni tal-ETIAS se tapplika għall-Istati Membri li huma parti miż-żona ta' Schengen, inklużi dawk li għadhom ma japplikawx bis-sħiħ l-acquis ta' Schengen, jiġifieri l-Kroazja, Ċipru, il-Bulgarija u r-Rumanija.

Meta se tkun lesta l-ETIAS?

L-ETIAS mistennija tkun operattiva wara tliet snin ta' żvilupp, jiġifieri kmieni fl-2021.

 

 

 

MEMO/18/4362

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar