Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà wara l-2020: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Brussell, il-11ta' gunju 2018

Il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal baġit għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà għall-perjodu tal-baġit tal-UE 2021-2027.

MEMO/18/4035

X'inhu l-objettiv tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Is-solidarjetà hija valur komuni fl-Unjoni Ewropea, li nsibuha fost iċ-ċittadini u l-Istati Membri tagħha u fl-azzjonijiet tagħha kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll 'il barra minnha.

Kif qal il-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016, li matulu ħabbar il-ħolqien tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà: “Ta' spiss nuru solidarjetà iktar faċilment meta ffaċċjati b'emerġenzi. Meta l-għoljiet Portugiżi kienu qed jaqbdu, kienu ajruplani Taljani li tfew in-nirien. Meta għargħar qatgħu l-provvista tad-dawl fir-Rumanija, kienu ġeneraturi Żvediżi li reġgħu xegħlu d-dawl. Meta eluf ta' refuġjati waslu fuq ix-xtut Griegi, kienu tined Slovakki li pprovdew kenn. Fl-istess spirtu, il-Kummissjoni llum qed tipproponi li twaqqaf Korp ta' Solidarjetà Ewropea.”

L-għan tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà huwa li ż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità jieħdu sehem f'firxa ta' attivitajiet ta' solidarjetà li jindirizzaw sitwazzjonijiet ta' sfida madwar l-UE u barra minnha permezz tal-volontarjat, traineeships u impjiegi. Il-parteċipazzjoni hi ta' benefiċċju mhux biss għall-iżvilupp personali taż-żgħażagħ, l-involviment attiv fis-soċjetà u l-impjegabbiltà tagħhom, iżda tgħin ukoll lill-komunitajiet fil-bżonn u tassisti lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi, lill-korpi pubbliċi u lill-kumpaniji fl-isforzi tagħhom biex ilaħħqu mal-isfidi tas-soċjetà u ma' ħtiġijiet mhux issodisfati oħrajn.

X'hemm ġdid f'din il-proposta, meta mqabbla mal-bażi legali li tirregola l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà sal-2020?

Skont il-proposta l-ġdida, il-Korp ta' Solidarjetà se jsir punt ta' dħul uniku għaż-żgħażagħ li jixtiequ jimpenjaw ruħhom, billi se jintegra l-iskema Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE. Din l-iskema se żżid opportunitajiet ġodda ta' volontarjat f'operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja f'pajjiżi mhux tal-UE fejn isiru attivitajiet u operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja. Dan se joħloq punt ta' dħul uniku għaż-żgħażagħ li jixtiequ jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' solidarjetà fl-UE jew barra minnha.

X'baġit se jkollu l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li tistabbilixxi baġit ġenerali ta' €1.26 biljun fi prezzijiet kurrenti għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2027. Dan jippermetti lil madwar 350,000 żagħżugħ u żagħżugħa biex jipparteċipaw bejn l-2021 u l-2027, minbarra 100,000 parteċipant li l-Kummissjoni għandha l-għan li tappoġġa sa tmiem l-2020.

Min jista' jirreġistra għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà?

Il-kriterji ta' eliġibbiltà għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw se jibqgħu l-istess: Kull min għandu bejn 17 u 30 sena, li huwa ċittadin ta' pajjiż parteċipanti jew li jgħix legalment fih jista' jirreġistra għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. L-età minima għall-parteċipazzjoni f'waħda mill-attivitajiet tal-Korp hi ta' 18-il sena.

Iż-żgħażagħ li jirreġistraw għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jridu jaċċettaw l-Istqarrija tal-Missjoni u l-Prinċipji tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Ir-reġistrazzjoni hija faċli u tista' ssir permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ fil-paġna web iddedikata. Dawk li mhumiex ċittadini ta' Stat Membru tal-UE mhux bilfors ikollhom id-drittijiet jew il-permessi kollha meħtieġa biex jgħixu f'pajjiż ieħor tal-UE biex jipparteċipaw. Hija l-organizzazzjoni parteċipanti li għandha r-responsabbiltà tiżgura li jkun hemm id-drittijiet u l-permessi għal kull persuna li tkun tixtieq tqabbad f'waħda mill-attivitajiet tal-Korp.

Fejn se jsiru l-attivitajiet?

Illum diġà, l-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jkunu implimentati fl-Unjoni Ewropea kollha; l-attivitajiet ta' volontarjat se jilħqu wkoll lil pajjiżi oħra fiż-Żona Ekonomika Ewropea u pajjiżi fil-fażi ta' qabel l-adeżjoni u pajjiżi ġirien.

Għall-perjodu baġitarju 2021 – 2027 il-Kummissjoni qed tipproponi firxa ġeografika usa' għall-attivitajiet tal-volontarjat u miżuri ta' akkumpanjament, inklużi attivitajiet ta' volontarjat biex jappoġġaw operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja. Dawn se jsiru f'pajjiżi mhux tal-UE li jirċievu Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp. Iż-żgħażagħ mhux se jinvolvu ruħhom f'għajnuna ta' emerġenza professjonali jew f'kompiti perikolużi u mhux se jkunu parti minn attivitajiet f'pajjiżi milquta minn kunflitt armat għaddej.

Ir-reġistrazzjoni tiggarantixxi l-parteċipazzjoni f'attività?

Iż-żgħażagħ kollha rreġistrati jistgħu jieħdu sehem f'taħriġ ġenerali online u f'attivitajiet li jsaħħu l-komunità online jew fil-komunitajiet lokali tagħhom. Madankollu, ir-reġistrazzjoni ma tiggarantixxix il-ħila li jipparteċipaw f'attività. Dan jiddependi mill-baġit, mid-disponibbiltà tal-proġetti u mill-interessi speċifiċi tal-kandidati.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni mressqa f'Mejju 2017 biex il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jkollu qafas legali u baġit tiegħu stess, il-programm se jipprevedi wkoll proġetti ta' solidarjetà li jippermettu liż-żgħażagħ li jkunu rreġistraw biex jieħdu l-inizjattiva u jimplimentaw l-ideat tagħhom marbutin mas-solidarjetà fil-livell lokali, minflok ma joqogħdu jistennew li jiġu offruti opportunità minn organizzazzjoni.

X'inhuma r-rekwiżiti għall-organizzazzjonijiet?

Hawnhekk ukoll ir-rekwiżiti se jibqgħu l-istess. L-organizzazzjonijiet parteċipanti se jiġu vvalutati b'attenzjoni (mill-Aġenziji Nazzjonali li jimplimentaw il-programm Erasmus jew mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, skont il-profil tagħhom). U dawn għandhom jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw il-prinċipji u l-objettivi tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà. Dan ifisser li huma jimpenjaw ruħhom li jrawmu l-iżvilupp personali u professjonali tal-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, li jiżguraw kundizzjonijiet sikuri u deċenti u li jipprovdu biżżejjed taħriġ u appoġġ biex jagħtu lill-parteċipanti l-ħiliet meħtieġa biex iwettqu l-attività tagħhom. L-organizzazzjonijiet attivi li joffru opportunitajiet fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jkollhom jiksbu tikketta ġdida ta' kwalità.

Kif jaħdem il-proċess ta' tqabbil?

Meta ż-żgħażagħ jirreġistraw għall-Korp Ewropew ta' Solidarjetà permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, minbarra li jipprovdu informazzjoni dwar l-edukazzjoni tagħhom u l-esperjenza ta' xogħol u l-interessi personali, huma jkunu jistgħu wkoll jipprovdu aktar informazzjoni: jindikaw liema tip ta' attivitajiet jixtiequ jkunu involuti fihom, f'liema pajjiżi jixtiequ jmorru u meta dawn ikunu disponibbli. Huma jistgħu jagħżlu bejn tipi ta' attivitajiet differenti u jistgħu jgħidu f'liema oqsma speċifiċi ta' solidarjetà jixtiequ jkunu involuti.

Meta jkunu qed jirreġistraw, iż-żgħażagħ jistgħu jgħidu wkoll x'esperjenza u x'għarfien partikulari se jġibu magħhom fil-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, pereżempju fix-xogħol mar-refuġjati, mat-tfal, mal-anzjani jew mal-persuni b'diżabbiltà, fit-tagħlim, fil-midja, fil-mużika, fl-arti, fil-bini jew fil-kostruzzjoni, fl-inġinerija, fil-ġestjoni tal-proġetti jew f'oqsma oħrajn.

L-organizzazzjonijiet se jkollhom il-possibbiltà jagħżlu l-kandidati li jkollhom il-motivazzjoni, l-interessi u l-ħiliet li jkunu jikkorrispondu l-iktar mal-bżonnijiet tagħhom. Minbarra li jikkonsultaw u jwieġbu għall-avviżi ta' postijiet battala fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, il-parteċipanti jistgħu japplikaw għalihom jew jaċċettaw jew jirrifjutaw kull offerta li tista' tagħmlilhom xi organizzazzjoni.

Xi spejjeż se jkopru t-tipi differenti ta' attivitajiet?

Għal voluntier, se jkunu koperti l-ispejjeż tal-għajxien bħall-ikel, l-akkomodazzjoni u l-flus fil-but, sa ammont li ma jaqbiżx €155 fix-xahar, kif ukoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-assigurazzjoni.

L-impjiegi se jissejsu fuq kuntratt ta' impjieg u l-pagi għalihom se jiġu stabbiliti skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-ftehimiet kollettivi nazzjonali li jkunu fis-seħħ fil-pajjiż fejn isir ix-xogħol.

It-traineeships se jissejsu fuq ftehim bil-miktub u l-ħlas għalihom se jsir mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita lill-parteċipant. It-traineeships offruti fil-kuntest tal-Korp se jkunu skont il-prinċipji deskritti fil-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships.

Minbarra r-rimunerazzjoni, huwa previst ukoll appoġġ finanzjarju għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar kemm għall-impjiegi kif ukoll għat-traineeships.

Huwa previst ukoll pagament supplimentari għaż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati biex ikopri kull spiża addizzjonali li jista' jkollhom. Il-Korp se jkopri wkoll ċerti spejjeż li jġarrbu l-organizzazzjonijiet parteċipanti. Dan jista' jinkludi kontribut finanzjarju għal taħriġ speċifiku u għal attivitajiet ta' kkowċjar.

L-organizzazzjonijiet jistgħu jitolbu lill-parteċipanti jħallsuhom talli jqabbduhom jaħdmu fi proġett magħhom?

Le, l-ebda individwu jew entità ma tista' titlob lill-parteċipanti jħallsu jew jagħtu kontribut finanzjarju talli jkunu ntgħażlu biex jieħdu sehem fi proġett.

U xi ngħidu dwar il-kopertura tal-assigurazzjoni u tas-sigurtà soċjali?

Il-proposta tipprevedi li l-parteċipanti jirċievu assigurazzjoni kumplimentari tas-saħħa u tal-inċidenti għall-ispejjeż marbutin mal-assigurazzjoni li ma jkunux koperti diġà bil-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea jew bi skemi oħrajn tal-assigurazzjoni li fihom jistgħu jkunu rreġistrati l-parteċipanti.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-impjiegi u t-traineeships u d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali marbuta magħhom, japplikaw ċerti speċifiċitajiet skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-ftehimiet kollettivi nazzjonali li jkunu fis-seħħ fil-pajjiż fejn issir l-attività.

Se jingħata appoġġ lingwistiku?

Iva. Il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà li jaċċettaw offerta għal attività barra minn pajjiżhom se jkollhom aċċess għal kors tal-lingwa online li jippermettilhom jivvalutaw il-kompetenzi tagħhom fil-lingwa barranija li se jkunu qed jużaw waqt l-attività tagħhom barra mill-pajjiż u jtejbuhom.

X'tip ta' ċertifikat se jirċievu l-parteċipanti?

Il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jirċievu ċ-ċertifikat tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà meta jkunu lestew l-attività tagħhom. Barra minn hekk, għodod bħall-Youthpass u l-Europass se jintużaw biex jidentifikaw u jiddokumentaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba matul l-attività.

 

MEMO/18/4032

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar