Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-Baġit tal-UE: Il-Politika Agrikola Komuni wara l-2020

Brussell, I-1ta' gunju 2018

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat proposti għal regolamenti li jimmodernizzaw u jissimplifikaw il-Politika Agrikola Komuni (PAK).

Dawn il-proposti huma għal regolament dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (mod ta' ħidma ġdid propost li jkopri l-pagamenti diretti lill-bdiewa, is-sostenn għal-iżvilupp rurali u programmi ta' sostenn settorjali), regolament dwar l-Organizzazzjoni Komuni Unika tas-Suq (OKS) u regolament orizzontali dwar il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-PAK. Dawn il-proposti jsawru l-ideat għall-futur tal-PAK, kif spjegat fil-Komunikazzjoni dwar il-Futur tal-Ikel u l-Biedja, ippreżentat mill-Kummissjoni f'Novembru 2017.

Għaliex hemm bżonn riforma tal-Politika Agrikola Komuni?

Mill-1962 ‘il hawn, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) wettqet b'suċċess l-għan oriġinali tagħha li tipprovdi sostenn lill-introjtu tal-bdiewa sabiex tiġi żgurata l-provvista ta' ikel ta' kwalità tajba, sikur u affordabbli għaċ-ċittadini Ewropej. L-adattabbiltà tal-PAK tul dan iż-żmien żgurat ir-rilevanza kontinwa tagħha. Id-dinja qiegħda tinbidel malajr, u magħha l-isfidi li qed jaffaċċjaw mhux biss il-bdiewa iżda s-soċjetà tagħna b'mod ġenerali. It-tibdil fil-klima, il-volatilità tal-prezzijiet, l-inċertezza politika u ekonomika, id-depopolizzazzjoni rurali u l-importanza dejjem tikber tal-kummerċ globali: il-bdiewa qegħdin konsistentement jadattaw għal ċirkostanzi li jinbidlu u l-leġiżlaturi jridu jiżguraw li jiġu pprovduti b'sostenn xieraq ibbażat fuq regoli ċari u ssimplifikati għaż-żmien medju u fit-tul.

Il-PAK qed tmexxi tranżizzjoni lejn agrikoltura aktar sostenibbli. Jeħtieġ li trawwem ir-reżiljenza tas-settur, u ssostni l-introjtu tal-bdiewa u l-vijabbiltà tagħhom. Trid tiżgura li l-agrikoltura taqdi r-rwol sħiħ tagħha f'dak li għandu x'jaqsam mal-ambjent u t-tibdil fil-klima u jeħtieġ li takkomoda bis-sħiħ l-innovazzjonijiet diġitali li jagħmlu xogħol il-bdiewa aktar faċli, inaqqsu l-burokrazija żejda u jippermettu t-tiġdid ġenerazzjonali. B'aktar minn 50 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f'żoni rurali, huma meħtieġa sforzi sabiex dawn l-impjiegi jibqgħu attraenti u vitali bħala spazji ħajjin f'termini ta' tkabbir u impjiegi, iżda wkoll ta' infrastruttura, mobbiltà u servizzi bażiċi. Billi tikkontribwixxi għad-dinamika ekonomika fiż-żoni rurali u l-ħajja soċjokulturali tagħhom, l-agrikoltura tal-UE għandha rwol importanti bħala ma għandha l-PAK il-ġdida, billi għandha l-għan li żżomm għaddejja l-biedja sostenibbli madwar l-Ewropa u tinvesti fl-iżvilupp taż-żoni u l-komunitajiet rurali.

Il-proposti leġiżlattivi tal-lum jintroduċi politika ssimplifikata u mmodernizzata aktar xierqa biex jintlaħqu dawn l-isfidi u objettivi.

X'baġit hemm għall-PAK 2021–2027?

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021–2027 tinkludi EUR 365 biljun għall-PAK (fi prezzijiet kurrenti). Dan jikkorrispondi għal sehem medju ta' 28.5 % tal-baġit globali tal-UE għall-perjodu 2021–2027. Minn dan l-ammont għall-PAK, EUR 265.2 biljun imorru għall-pagamenti diretti, EUR 20 biljun għal miżuri ta' sostenn tas-suq (FAEG) u EUR 78.8 biljun għall-iżvilupp rurali (FAEŻR).

EUR 10 biljun addizzjonali se jkunu disponibbli permezz tal-programm ta' riċerka tal-UE Orizzont Ewropa bħala sostenn għar-riċerka speċifika u l-innovazzjoni fl-ikel, l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-bijoekonomija.

X'inhuma l-għanijiet tal-PAK tal-futur 2021–2027?

Il-PAK tal-futur se tiffoka fuq disa' għanijiet ġenerali li jirriflettu l-interess ekonomiku, ambjentali u soċjali tal-politika:

  1. Sostenn tal-introjtu vijabbli u r-reżiljenza tal-azjendi agrikoli vijabbli fit-territorju kollu tal-UE (biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-ikel);
  2. Tissaħħaħ l-orjentazzjoni tas-suq u tiżdied il-kompetittività, fost l-oħrajn b'iffokalizzar akbar fuq ir-riċerka, it-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni;
  3. Titjib tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur;
  4. Kontribuzzjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, kif ukoll l-enerġija sostenibbli;
  5. Trawwim tal-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi naturali bħall-ilma, il-ħamrija u l-arja;
  6. Kontribuzzjoni għall-protezzjoni tal-bijodiversità, tisħiħ tas-servizzi tal-ekosistemi u preżervazzjoni tal-ħabitats u l-pajżaġġi;
  7. Jiġu attirati bdiewa żgħażagħ u jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tan-negozju f'żoni rurali;
  8. Promozzjoni tal-impjiegi, it-tkabbir, l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp lokali fiż-żoni rurali, inkluż il-bijoekonomija u l-forestrija sostenibbli;
  9. It-titjib tar-rispons tal-agrikoltura tal-UE għal domandi soċjetali dwar l-ikel u s-saħħa, inkluż ikel sikur, nutrittiv u sostenibbli, kif ukoll il-benessri tal-annimali.

It-trawwim tal-għarfien, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fl-agrikoltura huwa għan universali.

Kif mistennijn jintlaħqu dawn l-għanijiet?

Il-PAK tal-futur se tipprovdi aktar benefiċċji għaċ-ċittadini tagħna filwaqt li tissimplifika u timmodernizza b'mod sinifikanti l-mod kif taħdem il-politika, sew għall-bdiewa sew għall-Istati Membri. Aktar milli fuq ir-regoli u konformità, l-enfasi se tkun fuq ir-riżultati u l-prestazzjoni. Il-qalba minn soluzzjoni waħda għal kulħadd għal approċċ adattat għal kull pajjiż tfisser li l-politika usa' tkun eqreb dawk li jimplimentawha fil-kuntest lokali tagħhom. Dan l-approċċ se jagħti aktar libertà lil-Istati Membri jiddeċiedu kif l-aħjar jintlaħqu l-għanijiet komuni, fl-istess ħin li jwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-bdiewa tagħhom, il-komunitajiet rurali, u s-soċjetà inġenerali.

Fil-livell tal-UE, l-enfasi se tkun fuq:

  • L-iffissar ta' objettivi komuni;
  • Elenku ta' interventi neċessarji u sett komuni ta' miżuri li jistgħu jintużaw mill-Istati Membri biex jinkisbu l-għanijiet komuni;
  • Il-preżervazzjoni tas-suq uniku u kundizzjonijiet ekwi għall-bdiewa kollha madwar l-Unjoni;
  • Jiġu żgurati s-salvagwardji biex jiggarantixxu li l-politika tagħmel dak li għandha tagħmel, u;
  • L-għoti ta' sett ta' indikaturi biex jiġi vvalutat il-progress.

L-Istati Membri se jkunu jistgħu jfasslu għodod skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, li jistabbilixxu kif biħsiebhom jagħmlu dan fi Pjan Strateġiku komprensiv tal-PAK.

Dawn il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK se jistabbilixxu kif kull pajjiż jipproponi li jintlaħqu l-għanijiet ġenerali tal-PAK, filwaqt li jżommu f'moħħhom il-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu stess. Dawn ser jiddefinixxu strateġija u jispjegaw kif l-azzjonijiet taħt iż-żewġ pilastri ser jikkontribwixxu biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Il-pjanijiet se jistabbilixxu wkoll il-miri biex jintlaħqu l-objettivi; il-progress lejn il-kisba ta' dawn il-miri se tiġi vvalutata fil-livell tal-Istati Membri u vverifikata mill-Kummissjoni Ewropea f'eżerċizzju annwali ġdid ta' monitoraġġ u rieżami.

Kull Pjan Strateġiku tal-PAK se jkun jeħtieġ l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġi żgurat li jibqa' konsistenti mal-objettivi tal-UE kollha, iżomm in-natura komuni tal-politika u ma jfixkilx is-suq uniku jew iwassal għal piżijiet żejda fuq il-benefiċjarji jew l-amministrazzjonijiet.

Kif se jiġu vvalutati r-riżultati?

Sett komuni ta' indikaturi tar-riżultati se jintlaħaq qbil dwaru fil-livell tal-UE sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-bdiewa f'kull Stat Membru.

Kull sena, il-pajjiżi jippreżentaw rapport dwar il-prestazzjoni tal-Kummissjoni biex juru l-progress li għamlu, ibbażat fuq dawn l-indikaturi speċifiċi tar-riżultati. Il-Kummissjoni teżamina r-rapporti u tqis ir-rakkomandazzjonijiet għat-titjib jekk ikun meħtieġ.

Se tiġi introdotta sistema ġdida ta' sanzjonijiet u inċentivi possibbli biex ikun żgurat li jsir progress. Pereżempju, Stati Membri li jilħqu l-miri tagħhom għall-klima, l-ambjent u l-bijodiversità se jkunu eliġibbli għal premju sa 5 % tal-allokazzjoni tagħhom tal-iżvilupp rurali fi tmiem il-perjodu tal-QFP. Fl-istess ħin, meta rapport tal-prestazzjoni annwali jindika li mhux qed isir progress biżżejjed, il-Kummissjoni se tkun tista' tintervjeni biex tiżgura li l-finanzjament jiġi ffukat aħjar fuq ir-riżultati. Dan jista' jinvolvi, pereżempju, pjan ta' azzjoni speċifiku biex il-programm nazzjonali jerġa' jqum fuq saqajh, sospensjoni ta' pagamenti u/jew riprogrammar, skont in-natura tal-prestazzjoni insuffiċjenti.

Din kif tagħmilha aktar sempliċi għall-bdiewa u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? U dan kif jimmodernizzaha lill-PAK?

Il-bdiewa jafu aħjar minn ħaddieħor x'sostenn jeħtieġu biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom. Permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK il-ġdida, l-Istati Membri jistgħu jaħdmu mal-bdiewa biex jiġi determinat dak li jeħtieġ isir fil-livell nazzjonali jew reġjonali biex jissodisfaw l-objettivi maqbula tal-UE, b'aktar flessibbiltà biex jagħżlu l-miżuri l-aktar adattati biex jinkisbu r-riżultati. Il-lista ta' miżuri ġenerali maqbula fil-livell tal-UE se tiġi ssimplifikata wkoll — pereżempju, il-PAK il-ġdida tiddefinixxi tmien oqsma wiesa' ta' azzjoni fl-iżvilupp rurali (ambjent & klima; bdiewa żgħażagħ; l-għodod tal-ġestjoni tar-riskju; għarfien u informazzjoni, eċċ.) minflok il-limitu kurrenti ta' 69 miżura u submiżura. Se tkun aktar sempliċi u aktar effettiva li l-Istati Membri jkunu aktar responsabbli dwar kif l-aħjar jilħqu l-għanijiet ġenerali, milli jkun hemm approċċ uniformi preskrittiv għal kulħadd.

Il-Kummissjoni se tiffokalizza fuq l-iżgurar li s-sistemi ta' governanza f'kull Stat Membru jaħdmu b'mod effettiv, imbagħad jitħallew jiddeċiedu jekk il-proposti humiex eliġibbli għal sostenn tal-UE pjuttost milli tivverifika l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għal kull proġett individwali tal-benefiċjarju kif inhu l-każ bħalissa.

Il-PAK il-ġdida se tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda, kemm mill-bdiewa kif ukoll mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, biex jissemplifikaw ix-xogħol tagħhom. Pereżempju, se tiġi żviluppata sistema ġdida ta' monitoraġġ abbażi ta' osservazzjoni remota sistematika tal-attivitajiet agrikoli tul is-sena kollha. Dan għandu, kull meta jkun possibbli, jieħu post il-metodi tradizzjonali ta' kontroll bħall-kontrolli fuq il-post, u b'hekk jitnaqqas b'mod sinifikanti l-piż tal-kontroll. Se jiġi inkoraġġit ukoll aktar użu ta' għodod diġitali oħra bħall-applikazzjoni ġeospazjali (GSA), li tuża t-teknoloġija satellitari biex il-bdiewa jkunu jistgħu jagħmlu claims preċiżi dwar l-art tagħhom u b'hekk jonqos il-livell tal-iżbalji fid-dikjarazzjonijiet u jiġu evitati l-penali. L-applikazzjonijiet tal-bdiewa għas-sostenn dirett se jaslu mimlija minn qabel mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri b'kemm jista' jkun informazzjoni aġġornata u affidabbli, bl-użu tal-għodod eżistenti bħalma huma s-Sistema ta' Identifikazzjoni tal-Pakketti tal-Art, u dan jiffranka ammont konsiderevoli ta' ħin għall-bdiewa.

Taħt il-PAK il-ġdida, l-Istati Membri se jkunu obbligati jagħmlu disponibbli għall-bdiewa sistema ta' servizzi ta' konsulenza għall-azjendi agrikoli (FAS), li ser tkopri firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet dettaljati fir-Regolament innifsu. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn: pariri dwar ir-rekwiżiti kollhau l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti fil-livell tal-azjendi agrikoli li jirriżultaw mill-Pjan Strateġiku tal-PAK ta' kull pajjiż; kif tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali dwar l-ilma, il-pestiċidi, l-arja nadifa, eċċ; il-ġestjoni tar-riskju; u l-aċċess għall-innovazzjoni u t-teknoloġija. Dawn is-servizzi ta' konsulenza se jiġu inkorporati b'mod sħiħ fis-Sistemi usa' tal-Istati Membri tal-Għarfien Agrikolu u l-Innovazzjoni (AKIS), li jinkludu wkoll ir-riċerkaturi, l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa u partijiet interessati rilevanti oħra.

Il-bdiewa se jiġu ttrattati indaqs mal-UE kollha?

Il-qafas il-ġdid tal-PAK jipprovdi għal aktar konverġenza tal-livelli tal-pagamenti diretti fost l-Istati Membri billi jagħlaq 50 % tad-distakk bejn il-livelli ta' għajnuna tal-UE għal kull ettaru u 90 % tal-medja tal-UE. Dan jikkontribwixxi għall-impenn tal-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm distribuzzjoni aktar ġusta tal-pagamenti diretti.

Kif tista' tiġi żgurata distribuzzjoni aktar ġusta tal-pagamenti lil bdiewa u lil azjendi agrikoli ta' daqs żgħir u medju?

Il-pagamenti diretti se jibqgħu parti essenzjali tal-politika, billi l-introjtu tal-bdiewa għandu jiġi sostnut biex jitrawwem settur agrikolu reżiljenti u smart.

Il-Kummissjoni qed tipproponi tnaqqis tal-pagamenti minn €60,000 u limitu obbligatorju ‘il fuq minn €100,000 għal kull azjenda agrikola. Il-kosti lavorattivi jitqiesu għal kollox. Dan sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar ġusta tal-pagamenti.

L-ammonti liberati se jerġgħu jitqassmu fi ħdan kull Stat Membru permezz ta' pagamenti diretti redistributtivi jew bl-iżvilupp rurali, primarjament biex ikun żgurat li sehem ikbar ta' kull pajjiż tal-allokazzjoni tal-pagamenti diretti tagħhom imur għand l-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju. L-Istati Membri se jkunu jistgħu wkoll joffru lill-bdiewa żgħar somma f'daqqa fis-sena, proċedura amministrattiva ħafna iktar sempliċi fejn min jirċievi l-ħlas ma jkollux għalfejn jimla claims annwali biex jirċievi l-pagamenti annwali tiegħu. Se jkun f'idejn kull Stat Membru individwali biex jiddefinixxi kif jiġu kklassifikati l-bdiewa żgħar, peress li s-settur agrikolu ta' kull pajjiż huwa differenti.

Kull pajjiż se jkollu wkoll japplika definizzjonijiet aktar stretti biex jiżgura li l-bdiewa ġenwini biss jirċievu s-sostenn. Bħal fil-każ tal-azjendi agrikoli żgħar, id-definizzjoni preċiża se titħalla f'idejn kull Stat Membru li jiddeċidiha (suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni fil-Pjan Strateġiku tal-PAK), ibbażata fuq numru ta' fatturi bħal test tal-introjtu, inputs lavorattivi fir-razzett, il-klawżola ta' negozji u/jew l-inklużjoni tagħhom f'reġistri kummerċjali. Id-definizzjoni għandha tiżgura li l-ebda għajnuna ma tingħata lil dawk li l-attivitajiet agrikoli tagħhom jiffurmaw biss parti insinifikanti mill-attivitajiet ekonomiċi globali tagħhom jew li l-attività kummerċjali ewlenija tagħhom mhijiex agrikola. Barra minn hekk, ir-Regolament jipprevedi li d-definizzjoni miftiehma f'kull Stat Membru m'għandhiex teskludi bdiewa pluriattivi (jiġifieri dawk li huma attivi fil-biedja iżda li huma wkoll involuti f'attivitajiet mhux agrikoli barra l-azjenda tagħhom).

Kif se jgawdu l-bdiewa żgħażagħ mill-PAK tal-futur?

Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-PAK wara l-2020 hi li jinġibdu ż-żgħażagħ lejn is-settur u jiġu megħjuna jistabbilixxu lilhom innifishom bħala negozji vijabblii. Il-bdiewa żgħażagħ se jibbenefikaw minn numru ta' miżuri, xi wħud obbligatorji, oħrajn volontarji:

  • L-Istati Membri għandhom jirriżervaw mill-inqas 2 % tal-allokazzjoni nazzjonali tagħhom għal pagamenti diretti speċifikament għas-sostenn ta' bdiewa żgħażagħ li jkunu qed jistabbilixxu ruħhom fil-professjoni, jew fil-forma ta' pagament ‘top-up' minbarra s-sostenn bażiku għall-introjtu jew permezz ta' għotjiet ta' installazzjoni; il-pajjiżi huma liberi li jwarrbu somma ikbar biex jinkoraġġixxu lill-bdiewa żgħażagħ jekk jidentifikaw ħtieġa speċifika biex jagħmlu dan.
  • L-ammont massimu ta' għajnuna għall-installazzjoni ta' bdiewa żgħażagħ u negozji rurali se jiżdied għal €100,000.
  • Il-Pjan Strateġiku tal-PAK ta' kull pajjiż se jkollu jippreżenta strateġija speċifika biex jiġu attirati u sostnuti l-bdiewa żgħażagħ, inkluż kif l-għajnuna fil-livell nazzjonali u tal-UE tista' tintuża b'mod aktar konsistenti u effettiv.
  • Il-finanzjament għall-iżvilupp rurali jista' jintuża biex isostni skemi mmirati lejn it-titjib tal-aċċess għall-art u t-trasferiment tal-art, tradizzjonalment ostakolu kbir għall-lbdiewa żgħażagħ deħlin fil-professjoni. Dawn l-iskemi jistgħu jinkludu: sħubijiet tal-farms bejn ġenerazzjonijiet ta' bdiewa; servizzi tal-ippjanar ta' suċċessjoni tal-farm jew ta' tranżizzjoni; senserija għax-xiri tal-art; organizzazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali innovattivi involuti fil-promozzjoni u l-iffaċilitar ta' servizzi ta' tqabbil jew ġemellaġġ bejn bdiewa xjuħ u żgħażagħ;
  • Il-bdiewa żgħażagħ se jkomplu jibbenefikaw minn sostenn għall-investiment u trasferiment ta' għarfien/taħriġ sostnut mill-fondi għall-iżvilupp rurali.
  • L-Istati Membri se jitħallew jistabbilixxu strumenti finanzjarji li jsostnu l-kapital ta' ħidma għall-bdiewa żgħażagħ, li spiss jiffaċċjaw diffikultajiet sinifikanti ta' finanzjament minħabba l-livell għoli tal-investimenti u redditi baxx mill-azjenda fil-fażi tal-bidu. Il-Kummissjoni sejra wkoll ittejjeb il-kooperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment, speċjalment permezz tal-pjattaforma fi-compass, biex titgħallem mill-esperjenzi u l-aħjar prassi dwar skemi speċifiċi għall-bdiewa żgħażagħ.

Il-PAK il-ġdida kif sejra ssostni l-azzjoni ambjentali u klimatika?

Tlieta mid-disa' objettivi tal-PAK tal-futur se jiffokalizzaw fuq l-ambjent u l-klima – u se jkopru l-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima, ir-riżorsi naturali, il-bijodiversità, il-ħabitats u l-pajżaġġi.

Fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri se jkollhom jispjegaw kif biħsiebhom jilħqu dawn l-objettivi, u jiżguraw lill-bdiewa tagħhom jissodisfaw r-rekwiżiti kollha tagħhom fir-rigward tal-ambjent u l-klima. Għandhom juru wkoll b'mod dettaljat kif se jużaw il-finanzjamenti miż-żewġ pilastri tal-PAK biex isostnu l-istrateġija tagħhom. Se jiġi stabbiliti miri u vvalutati kull sena biex jitkejjel il-progress.

L-iżgurar ta' livell għoli ta' ambizzjoni rigward il-klima, l-ambjent u l-bijodiversità se jinkiseb b'diversi modi:

Sistema ġdida ta' “kundizzjonalità” se tgħaqqad is-sostenn kollu għall-introjtu tal-bdiewa (u pagamenti oħrajn marbutin maż-żoni u dawk ibbażati fuq l-annimali) mal-applikazzjoni ta' prattiki tal-biedja li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lill-klima. Is-sostenn magħmul kundizzjonali fuq standards imtejba huwa titjib fuq ir-regoli eżistenti fil-PAK attwali.

Sistema ġdida ta' “eko-skemi”, iffinanzjata minn allokazzjonijiet nazzjonali ta' pagamenti diretti, se tkun obbligatorja għall-Istati Membri, għalkemm il-bdiewa mhux se jkunu obbligati jingħaqdu magħhom. Dawn l-ekoskemi ser ikollhom jindirizzaw l-objettivi ambjentali u klimatiċi tal-PAK b'modi li jikkomplementaw l-għodod relevanti l-oħra disponibbli u jmorru lil hinn minn dak li diġà huwa mitlub skont ir-rekwiżiti tal-kundizzjonalità. Madankollu, huwa f'idejn kull Stat Membru li jfassalhom kif jidhirlu l-aħjar. Eżempju wieħed jista' jkun ekoskema biex tiffinanzja użu żero tal-fertilizzanti sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ilma. Il-pagamenti involuti jistgħu jiġu offruti jew bħala “top-ups” għal pagamenti diretti lill-bdiewa, jew bħala skemi awtonomi li l-valuri tal-pagament tagħhom ikunu bbażati fuq il-kosti addizzjonali u t-telf tal-introjtu tal-bdiewa.

L-Istati Membri se jkunu obbligati jiddedikaw mill-inqas 30% tal-baġit tal-iżvilupp rurali tagħhom lill-miżuri ambjentali u tal-klima. Il-finanzjament għall-iżvilupp rurali se jintuża biex isostni azzjonijiet dwar il-klima u l-ambjent, b'mod partikolari l-hekk imsejħa ‘impenji agri-ambjentali-klimatiċi” li ser jerġgħu jkunu obbligatorji għall-Istati Membri biex joffruhom, iżda volontarji għall-bdiewa. Baġits ta' żvilupp rurali jistgħu jintużaw wkoll biex jiffinanzjaw firxa ta' azzjonijiet oħra bħal trasferiment tal-għarfien, investimenti ekoloġiċi, l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni. Dan is-sostenn jista' jikkonċerna l-bdiewa, il-maniġers tal-foresti u partijiet interessati oħra f'żoni rurali.

Il-finanzjament għal miżuri relatati mal-ambjent f'żoni b'limitazzjonijiet naturali (ANCs) bħal dawk muntanjużi jew reġjuni kostali, issa se jkun b'żieda ta' 30 % ta' l-iżvilupp rurali.

F'konformità mal-impenn tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, l-azzjonijiet taħt il-PAK huma mistennija jikkontribwixxu għal 40 fil-mija tal-baġit globali tal-PAK għall-azzjoni dwar il-klima.

X'inhu r-rwol tar-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda fil-PAK tal-futur?

Il-PAK tal-futur se tinkoraġġixxi aktar investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni, u tippermetti lill-bdiewa u lill-komunitajiet rurali biex jibbenefikaw minnha. L-istrument ewlieni li jsostni l-innovazzjoni taħt il-PAK il-ġdida se jkompli jkun is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP-AGRI), b'mod partikolari permezz tas-sostenn ta' proġetti ta' innovazzjoni minn isfel 'il fuq imwettqa minn gruppi operazzjonali. L-approċċ ta' innovazzjoni tal-EIP-AGRI jiffoka fuq l-iskambju tal-għarfien, fejn l-atturi kollha jkunu involuti fil-proċess b'mod interattiv.

EUR 10 billion addizzjonali se jkunu disponibbli permezz tal-programm ta' riċerka tal-UE Orizzont Ewropa biex jiġu sostnuti r-riċerka speċifika u l-innovazzjoni fl-ikel, l-agrikoltura, l-iżvilupp rurali u l-bijoekonomija. Orizzont Ewropa se jkollu rwol kruċjali fil-koħolqien tal-għarfien meħtieġ biex jiġi mmodernizzat is-settur agrikolu. Is-sinerġiji stabbilti bejn Orizzont Ewropa (bil-proġetti transnazzjonali) u l-PAK (bil-proġetti fuq livell reġjonali / lokali u n-networks tal-PAK) se jgħinu fil-bini tal-għarfien agrikolu u s-sistema tal-innovazzjoni li għandha l-għan li taċċellera l-adozzjoni ta' prattiki innovattivi fost il-partijiet kollha involuti fiż-żoni rurali.

X'inhi Organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS)? Għaliex ċerti setturi biss huma koperti?

L-organizzazzjoni Komuni tas-Suq (OKS) tirreferi għal sett ta' regoli li jintużaw biex jiġi organizzat is-suq uniku għall-prodotti agrikoli. Dawn ir-regoli jkopru firxa wiesgħa ta' aspetti: xibka tas-sikurezza tas-suq (intervent pubbliku u għajnuna għall-ħżin privat), miżuri eċċezzjonali fil-każ ta' tfixkil tas-suq, standards tal-kummerċjalizzazzjoni, l-iskema għall-iskejjel li toffri ħalib, frott u ħaxix lit-tfal tal-iskola, dispożizzjonijiet tal-kummerċ u għadd ta' programmi operazzjonali għal sensiela ta' setturi: frott u ħaxix, l-apikultura, inbid, ħops, u żebbuġ.

Ħafna mir-Regolament dwar l-OKS se jibqa' mhux mibdul fil-PAK tal-ġejjieni bi ftit eċċezzjonijiet. Il-bidla ewlenija hija li l-programmi operazzjonali msemmija hawn fuq ser ikollhom jiġu integrati fil-Pjan Strateġiku tal-PAK ta' kull pajjiż, u l-Istati Membri ser ikollhom il-possibbiltà (jekk jaraw li meħtieġ) ifasslu programmi operazzjonali (inkella msejħa l-interventi settorjali) għal setturi oħra. Dawn jistgħu jkunu għas-setturi agrikoli kollha — kollox minn ċereali u laħam għal żrieragħ u pjanti u siġar ħajjin — imma bl-esklużjoni tal-alkoħol etiliku u t-tabakk. Stat Membru jista' jwarrab sa 3 % tal-baġit tal-Pilastru 1 għal dawn l-interventi settorjali. Dawn l-iskemi se jsostnu lill-produtturi li jingħaqdu flimkien permezz ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jieħdu azzjonijiet komuni favur l-ambjent jew jinkoraġġixxi pożizzjoni aħjar fil-katina alimentari.

Ikun hemm sostenn speċifiku għal ċerti setturi?

Ċerti setturi speċifiċi tal-prodotti li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet ser ikomplu jibbenefikaw minn sostenn addizzjonali biex itejbu l-kompetittività , is-sostenibbiltà jew il-kwalità tagħhom (magħrufa bħala sostenn akkoppjat għall-introjtu, jew sostenn akkoppjat volontarju taħt il-PAK attwali). Dawn is-setturi għandhom ikunu meqjusa bħala importanti għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali jew ambjentali.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li żżomm il-lista eżistenti tas-setturi potenzjalmet eliġibbli (fi kliem ieħor, dawk is-settur li kienu eliġibbli biex jirċievi s-sostenn volontarju akkoppjat mill-2013 ‘l hawn - l-aktar lista reċenti qiegħda hawn). Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi li testendi din il-lista biex tinkludi prodotti mhux alimentari (minbarra l-imsaġar ta' newba qasira u esklużi s-siġar) użati għall-produzzjoni ta' prodotti li għandhom il-potenzjal li jieħdu post il-fjuwils fossili.

L-Istati Membri eliġibbli jistgħu jallokaw massimu ta' 10 % tal-pagamenti diretti tagħhom lis-sostenn akkoppjat għall-introjtu. 2 % addizzjonali jistgħu jiġu allokati għas-sostenn ta' għelejjel tal-proteini.

Hemm sistema speċjali fis-seħħ għar-reġjuni l-iktar imbiegħda tal-UE?

Minħabba l-isfidi agrikoli partikolati tar-reġjuni l-aktar imbiegħda ta-UE, hemm sostenn addizzjonali disponibbli għall-bdiewa taħt il-PAK. Il-finanzjament propost għal dawn ir-reġjuni - id-dipartimenti extra-territorjali Franċiżi (Guadeloupe, il-Guiana Franċiża, Martinique, Réunion, Saint-Martin, u Mayotte), l-Ażori u Madeira, u l-Kanarji - ġie ffissat għal €627.63 miljun kull sena għall-perjodu ta' seba' snin.

Il-pagamenti diretti disponibbli għall-bdiewa fir-reġjuni l-aktar imbiegħda se jibqgħu ‘l fuq sew mil-livelli tas-sostenn imħallsa fi Stati Membri oħra.

Din iċ-ċifra ma tinkludix potenzjali ta' finanzjament addizzjonali għal dawn ir-reġjuni mill-baġit għall-iżvilupp rurali. Dan jista' jintuża biex isostni azzjonijiet li jsaħħu, jippreservaw u jtejbu l-bijodiversità fl-agrikoltura u l-forestrija, u jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku f'żoni rurali f'dawk ir-reġjuni l-aktar imbiegħda. Il-kontribuzzjoni tal-UE għal skemi ta' żvilupp rurali f'dawn iż-żoni żdiedet għal 70 %, meta mqabbla ma' madwar 40 % fi bnadi oħra.

Il-PAK il-ġdida kif se tgħin lill-bdiewa jiffaċċjaw il-kriżijiet u r-riskji?

Il-PAK attwali diġà tgħin lill-bdiewa jindirizzaw l-inċertezza tal-professjoni tagħhom, permezz ta' sostenn għall-introjtu (pagamenti diretti), miżuri tas-suq, is-sostenn għal għodod ta' ġestjoni tar-riskju, u t-taħriġ u l-investimenti taħt l-iżvilupp rurali.

Il-PAK il-ġdida żżomm dan l-approċċ, filwaqt li tintroduċi aktar titjib:

  • Id-dispożizzjonijiet attwali dwar l-intervent pubbliku, il-ħżin privat u miżuri eċċezzjonali ma jinbidlux u jibqgħu disponibbli biex ikunu sostnuti l-bdiewa tal-UE f'każ ta' bżonn.
  • L-Istati Membri fil-futur se jkollhom il-possibbiltà li jiddedikaw sa 3 % tal-allokazzjoni tal-pilastru 1 tagħhom bil-għan li jikkontribwixxu biex isostnu setturi għajr dawk (bħal frott u ħaxix, inbid jew żejt taż-żebbuġa) li diġà jibbenefikaw minn programmi settorjali. L-għan huwa li tiġi stimulata azzjoni mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi favur il-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-ġestjoni tar-riskju/tal-kriżijiet, fost oħrajn.
  • Il-prattika eżistenti tat-twarrib ta' porzjon tal-finanzjament ġenerali tal-Pilastru 1 se tinżamm biex tinħoloq ‘riżerva agrikoli', li tista' tintuża għal miżuri tas-suq u miżuri eċċezzjonali ta' sostenn. Din ir-riżerva se tkun mill-inqas total ta' EUR 400 miljun kull sena, u se jimtlew billi tiġi rriportata riżerva għall-kriżijiet mill-2020 (jiġifieri fil-qafas tal-PAK attwali u tal-QFP attwali) għalll2021; fis-snin ta' wara, fondi mhux użati se jerġgħu jiġu riportati. Minflok terġa' timtela r-riżerva mill-ġdid kull sena u l-fondi mhux użati jerġgħu jiġu allokati lill-Istati Membri, dan il-metodu ta' riport sejjer inaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv.
  • L-Istati Membri se jkollhom isostnu strumenti għall-ġestjoni tar-riskju taħt l-iżvilupp rurali biex jgħinu lill-bdiewa fil-ġestjoni tar-riskji relatati mal-introjtu u l-produzzjoni u li ma jkunux fil-kontroll tagħhom. Dan it-tip ta' sostenn, li se jkun fil-forma ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji għal premiums tal-assigurazzjoni u tal-fondi mutwi, li jinkludi kemm riskji ta' produzzjoni u ta' introjtu, se jkun obbligatorju għall-Istati Membri kollha. Is-sostenn għall-azzjonijiet differenti bħall-investimenti u t-taħriġ biex jgħinu l-bdiewa jipprevjenu r-riskji jew biex jiġu ttrattati l-konsegwenzi tagħhom isiru obbligatorji taħt l-iżvilupp rurali.
  • Pjattaforma fil-livell tal-UE dwar il-ġestjoni tar-riskju, fil-forma ta' ċentru uniku ta' diversi partijiet interessati, se tiġi stabbilita biex tgħin lill-atturi kollha involuti, mill-bdiewa u l-awtoritajiet pubbliċi sa istituzzjonijiet ta' riċerka u s-settur privat, jikkondividu l-għarfien u l-iskambju ta' esperjenza u l-aħjar prattika.
  • Ser ikun possibbli wkoll li jintużaw strumenti finanzjarji biex jiffaċilitaw l-aċċess għal kapital ta' ħdima, pereżempju biex il-bdiewa jkunu megħjuna jegħlbu nuqqas temporanju ta' likwidità kkawżat minn kriżi mhux mistennija.
  • Il-programm Orizzont 2020 se jiffinanzja riċerka dwar il-ġestjoni tar-riskju, id-diġitalizzazzjoni u l-użu intelliġenti tal-big data fl-agrikoltura, filwaqt li l-Isħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP-AGRI) tista' ssostni wkoll proġetti fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju.

II-PAK il-ġdida kif se tikkontribwixxi għall-ġejjieni taż-żoni rurali tal-UE?

B'aktar minn 50% tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f'żoni rurali, huwa importanti li jiġi żgurat li dawn l-imkejjen jibqgħu attraenti, dinamiku u sostenibbli; b'impjiegi ta' kwalità tajba, tkabbir ekonomiku, u aċċess għal infrastruttura ta' kwalità, mobbiltà u servizzi bażiċi. L-agrikoltura qiegħda fil-qalba ta' ħafna komunitajiet rurali u, permezz ta' sostenn għall-bdiewa u l-komunitajiet rurali, anki l-PAK.

Is-simplifikazzjoni tal-iżvilupp rurali, b'firxa wiesgħa ta' għanijiet stabbiliti fil-livell tal-UE u aktar flessibbiltà għall-Istati Membri biex ifasslu l-azzjonijiet tagħhom għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, se tiżgura li s-sostenn għall-iżvilupp rurali jibqa' l-istess fl-UE kollha. Iż-żieda fir-rata tal-kofinanzjament għall-Istati Membri se tippermettilhom iżommu livell ambizzjuż ta' investiment fiż-żoni rurali.

Din hija wkoll ir-raġuni għaliex fil-futur l-iffinanzjar tal-iżvilupp rurali se jkun immirat lejn fejn jista' jinġieb il-valur miżjud reali — l-iżvilupp tal-ekonomija lokali, rurali u agrikola — u fondi oħra tal-UE li jiffokalizzaw fuq proġetti kbar ta' infrastruttura, inkluż il-broadband. Element ewlieni ta' politika futura għall-iżvilupp rurali se jippromwovi l-iżvilupp ta' Rħula Smart f'żoni rurali flimkien ma' titjib tal-infrastruttura lokali.

X'inhi d-differenza bejn prezzijiet kurrenti u kostanti u liema huma verament l-iffrankar fil-baġit futur tal-PAK? Il-baġit tal-PAK kif se jitqassam bejn l-Istati Membri?

Il-Kummissjoni pprovdiet trasparenza bla preċedent billi ppreżentat għall-ewwel darba l-proposta tagħha għal baġit ġdid tal-UE ta' terminu twil għat-2 ta' Mejju bil-prezzijiet tal-2018 kemm kurrenti kif ukoll kostanti.

Il-prezzijiet kurrenti madankollu jirrappreżentaw l-ammonti reali li se jieħdu l-benefiċjarji finali mill-baġit tal-UE. Kull baġit annwali tal-UE jintlaħaq qbil dwaru fi prezzijiet kurrenti, u l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-baġit globali tal-UE fi prezzijiet kurrenti.

Din hi l-istess metodoloġija li ntużat fil-passat sabiex tesprimi l-baġit tal-PAK, u tagħmel il-proposti attwali direttament komparabbli ma' baġits preċedenti.

Prezzijiet kostanti, bl-inflazzjoni mneħħija, jintużaw sabiex jitqabblu mal-impatt ekonomiku tal-investimenti fuq perjodu ta' żmien itwal. Huwa faċli li jkun hemm qlib minn prezzijiet kostanti għall-prezzijiet kurrenti u viċe versa għaliex il-Kummissjoni tuża (u dejjem użat) bħala sostitut għar-rati ta' inflazzjoni futuri, rata ta' inflazzjoni annwali fissa ta' 2 % meta tagħmel il-kalkoli tagħha.

B'riżultat ta' dan, qed jiġ propost tnaqqis ta' madwar 5 % tal-baġit tal-PAK fi prezzijiet kurrenti ; dan huwa ekwivalenti għal tnaqqis ta' madwar 12 % fil-prezzijiet kostanti tal-2018 mingħajr l-inflazzjoni.

 

L-allokazzjonijiet għal kull Stat Membri fil-prezzijiet kurrenti — f'miljuni ta' EUR

 

Pagamenti diretti

Swieq

Żvilupp rurali

TOTAL

BE

3 399.2

3.0

470.2

3 872.4

BG

5 552.5

194.5

1 972.0

7 719.0

CZ

5 871.9

49.5

1 811.4

7 732.9

DK

5 922.9

2.1

530.7

6 455.6

DE

33 761.8

296.5

6 929.5

40 987.8

EE

1 243.3

1.0

615.1

1 859.4

IE

8 147.6

0.4

1 852.7

10 000.7

EL

14 255.9

440.0

3 567.1

18 263.1

ES

33 481.4

3 287.8

7 008.4

43 777.6

FR

50 034.5

3 809.2

8 464.8

62 308.6

HR

2 489.0

86.3

1 969.4

4 544.6

HUWA

24 921.3

2 545.5

8 892.2

36 359.0

CY

327.3

32.4

111.9

471.6

LV

2 218.7

2.3

821.2

3 042.1

LT

3 770.5

4.2

1 366.3

5 140.9

LU

224.9

0.2

86.0

311.2

HU

8 538.4

225.7

2 913.4

11 677.5

MT

31.6

0.1

85.5

117.1

NL

4 927.1

2.1

512.1

5 441.2

FI

4 653.7

102.4

3 363.3

8 119.4

PL

21 239.2

35.2

9 225.2

30 499.6

PT

4 214.4

1 168.7

3 452.5

8 835.6

RO

13 371.8

363.5

6 758.5

20 493.8

SI

903.4

38.5

715.7

1 657.6

SK

2 753.4

41.2

1 593.8

4 388.4

FIN

3 567.0

1.4

2 044.1

5 612.5

SE

4 712.5

4.1

1 480.9

6 197.4

 

L-allokazzjonijiet għal kull Stat Membri fi prezzijiet kostanti tal-2018 — f'miljuni ta' EUR

 

Pagamenti diretti

Swieq

Żvilupp rurali

TOTAL

BE

3 020.8

2.6

417.9

3 441.3

BG

4 930.2

172.8

1 752.4

6 855.4

CZ

5 218.2

44.0

1 609.7

6 871.9

DK

5 263.5

1.8

471.6

5 736.9

DE

30 003.0

263.5

6 158.0

36 424.5

EE

1 102.4

0.9

546.6

1 650.0

IE

7 240.5

0.4

1 646.4

8 887.3

EL

12 668.8

391.0

3 170.0

16 229.8

ES

29 750.3

2 921.7

6 228.2

38 900.2

FR

44 464.1

3 385.1

7 522.4

55 371.6

HR

2 207.7

76.7

1 750.1

4 034.5

IT

22 146.8

2 262.1

7 902.2

32 311.0

CY

290.8

28.8

99.5

419.1

LV

1 967.4

2.0

729.7

2 699.2

LT

3 343.9

3.7

1 214.2

4 561.7

LU

199.9

0.2

76.5

276.5

HU

7 587.8

200.6

2 589.1

10 377.4

MT

28.0

0.1

75.9

104.1

NL

4 378.5

1.8

455.0

4 835.4

FI

4 135.6

91.0

2 988.8

7 215.5

PL

18 859.5

31.3

8 198.2

27 088.9

PT

3 741.0

1 038.6

3 068.1

7 847.7

RO

11 869.7

323.0

6 006.1

18 198.8

SI

802.8

34.2

636.1

1 473.1

SK

2 444.5

36.6

1 416.3

3 897.5

FIN

3 169.0

1.2

1 816.6

4 986.8

SE

4 187.7

3.7

1 316.0

5 507.4

 

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-proposti għal tliet regolamenti għall-PAK il-ġdida 2021–2027 se jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-koleġiżlaturi mbagħad se jkunu responsabbli mit-teħid tal-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni.

Ftehim rapidu dwar il-baġit fit-tul tal-UE b'mod ġenerali, u l-proposti settorjali tagħha, huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jibdew jagħtu riżultati fuq il-post malajr kemm jista' jkun u li l-bdiewa jiġu pprovduti b'ċertezza u prevedibbiltà għan-negozji u d-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom.

Ċirkustanzi ta' dewmien simili għal dawk esperjenzati fil-bidu tal-perjodu baġitarju attwali 2014-2020 potenzjalment jistgħu jfissru li l-bdiewa u l-amministrazzjonijiet nazzjonali ma jibbenefikawx mill-burokrazija mnaqqsa, il-flessibbiltà akbar u r-riżultati aktar effettivi li se ġġib magħha l-PAK il-ġdida. Kwalunkwe dewmien fl-approvazzjoni tal-baġit tal-futur se jdewwem il-bidu ta' eluf ta' proġetti potenzjali mal-UE kollha mfassla biex isostnu lill-bdiewa u lill-komunitajiet rurali, u li jindirizzaw kwistjonijiet li jvarjaw mit-tisħiħ tal-protezzjoni ambjentali sa proġetti biex nattiraw bdiewa ġodda.

Ftehim dwar il-baġit fit-tul li jmiss fl-2019 ikun jipprovdi għal tranżizzjoni bla xkiel bejn il-baġit fit-tul attwali (2014-2020) u dak ġdid u jkun jiżgura prevedibbiltà u kontinwità tal-finanzjament għall-benefiċċju ta' kulħadd.

MEMO/18/3974

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar