Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Fond Soċjali u l-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-perjodu 2021-2027

Brussell, it-30ta' mejju 2018

Il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)

IP/18/3923

X'hemm ġdid fir-Regolament dwar l-FSE+?

Matul l-aħħar sittin snin, il-Fond Soċjali Ewropew kien l-istrument finanzjarju ewlieni tal-UE għall-investiment fin-nies, biex jgħinuhom jiksbu impjieg aħjar u jiżgura opportunitajiet tax-xogħol aktar ġusti għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

Bl-istess spirtu tal-Fond Soċjali Ewropew eżistenti, il-Fond Soċjali Ewropew Plus se jkun l-istrument finanzjarju ewlieni tal-UE li jinvesti fin-nies, xprun importanti li jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali, itejjeb il-ġustizzja soċjali u jżid il-kompetittività mal-Ewropa kollha. Fil-ġejjieni, il-prijoritajiet tal-Fond Soċjali Ewropew Plus se jkunu allinjati ferm aktar mill-qrib mar-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tal-pajjiżi mogħtija fis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika, u se jkunu mmirati biex il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jitħaddmu fil-prattika.

Ir-Regolament dwar l-FSE+ hu amalgamazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew (l-FSE), l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (il-FEAD), il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-Programm tas-Saħħa tal-UE. Hu pass kbir biex ir-regoli eżistenti ta' Fondi differenti jiġu razzjonalizzati u ssimplifikati, u biex jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-komponenti differenti tal-Fond ħalli jkun żgurat impatt aħjar.

X'paragun hemm bejn il-baġit futur tal-FSE+ u l-baġit tal-Fond attwali?

Għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni tipproponi li l-FSE+ jiġi allokat €101.2 biljun bi prezzijiet attwali mill-baġit tal-UE. B'hekk is-sehem tal-Fond Soċjali Ewropew Plus mill-baġit ġenerali tal-Politika ta' Koeżjoni jiżdied minn sehem reali ta' 23 % tal-Fondi Strutturali kif inhu bħalissa għal 27 %.

Kemm hu l-ammont ta' finanzjament allokat għal kull komponent tal-FSE+?

Iċ-ċifra ġenerali hi €101.2 biljun li tinkludi €100 biljun għall-FSE+ b'ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri. Mill-anqas 25 % ta' dan l-ammont se jiġu allokati biex titrawwem l-inklużjoni soċjali u mill-anqas 4 % għall-ġlieda kontra l-privazzjoni materjali ħalli jiġu segwiti l-prijoritajiet u l-attivitajiet tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn attwali. Minbarra dan, l-Istati Membri b'rata ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) ogħla mill-medja tal-Unjoni fl-2019 se jkollhom iwarrbu mill-anqas 10 % tal-parti tagħhom b'ġestjoni kondiviża mill-allokazzjonijiet tal-FSE+ biex jappoġġaw l-impjiegi taż-żgħażagħ. Il-€1.2 biljun li jifdal għandhom ġestjoni diretta: Il-fergħa tal-impjiegi u l-innovazzjoni soċjali għandha €761 miljun u l-fergħa tas-saħħa għandha €413-il miljun. Dawn iż-żewġ friegħi se jipprovdu mezz li jittestja soluzzjonijiet innovattivi b'approċċ transfruntier, pereżempju biex jappoġġa l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa u jgħin lill-Istati Membri għas-sistemi tas-saħħa tal-ġejjieni.

X'inhuma l-għanijiet tal-FSE+?

L-għan ewlieni tal-ESF+ hu li jikkontribwixxi għal Ewropa aktar soċjali u biex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jitwettaq fil-prattika, anki ħalli jgħin għal konverġenza soċjali u ekonomika 'l fuq madwar l-UE kollha. Il-finanzjament tal-FSE+ se jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi kif definiti fis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika u għall-għan ġenerali ta' tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli wara l-2020 (il-miri tal-iżvilupp sostenibbli tal-Nazzjonijiet Uniti) fosthom li jkun żgurat livell għoli ta' saħħa tal-bniedem. Din l-inizjattiva se tgħin biex jittejbu l-opportunitajiet tal-impjiegi, jogħla l-livell tal-għejxien, teħfief il-mobbiltà tax-xogħol u toktor il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

L-FSE+ se jinvesti fi tliet oqsma ewlenin: (1) l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja; (2) l-effikaċja tas-swieq tax-xogħol u l-aċċess ugwali għal impjiegi ta' kwalità; (3) l-inklużjoni soċjali, is-saħħa u l-ġlieda kontra l-faqar.

L-FSE+ kif se jappoġġa eżattament l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali?

Għalhekk, ir-Regolament dwar l-FSE+ joħloq rabta diretta bejn l-għanijiet tal-FSE+ u t-tliet kapitli tal-Pilastru: 1) opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol (inkluż għal sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità u inklużivi), 2), kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u 3) il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali Il-programmi tal-FSE+ se jkollhom jirriflettu dawn il-prijoritajiet bi qbil mal-prinċipju tal-Pilastru. Il-prijoritajiet speċifiċi għall-pajjiżi se jiġu diskussi fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet u l-analiżi mogħtija fis-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika. Id-definizzjoni ta' dawn il-prijoritajiet għandha ssir b'mod inklussiv għax il-proposta tal-FSE+ għandha l-għan li jissaħħu s-sħubijiet. Il-Fond ser jippromwovu l-involviment tal-partijiet konċernati kollha tul l-istadji differenti tal-implimentazzjoni tiegħu, inklużi awtoritajiet pubbliċi, sħab ekonomiċi u soċjali, u korpi rilevanti li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili u korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, id-drittijiet fundamentali, id-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà, l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni. L-Istati Membri huma mistennija jallokaw ammont xieraq ta' riżorsi tal-FSE+ f'kull programm tat-tiswir tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Kif se tissaħħaħ ir-rabta bejn l-FSE+ u l-proċess tas-Semestru Ewropew?

Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi rabta ferm aktar diretta bejn is-Semestru Ewropew u l-investimenti tal-FSE+ milli rnexxielu jikseb il-Fond Soċjali Ewropew fis-seħħ bħalissa. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li ġew adottati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u xi sfidi politiċi ewlenin oħrajn li identifikaw il-Kummissjoni u l-Istati Membri flimkien se jkunu l-punt tat-tluq tal-programmazzjoni tal-FSE+, u l-Istati Membri se jkollhom jallokaw biżżejjed riżorsi tal-FSE+ biex jindirizzaw dawn l-isfidi u r-rakkomandazzjonijiet.

Se jkun hemm żewġ fażijiet għad-definizzjoni tal-prijoritajiet biex ikun żgurat li l-investimenti jkunu allinjati sew mal-isfidi ta' politika speċifiċi għall-pajjiżi: L-Istati Membri se jagħmlu dan darba fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni, u darba oħra waqt ir-reviżjoni nofsana tal-programmi operattivi. Il-monitoraġġ se jsir bħala parti miċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew.

L-FSE+ kif se jissimplifika l-ġestjoni u l-ħlas tal-fondi?

Se ssir bidla importanti biex l-awtoritajiet u l-implimentaturi tal-proġetti tal-FSE jsibuha eħfef biex jirrappurtaw u jindikaw l-ispejjeż. Ir-Regolament dwar l-FSE+ se jwessa' b'mod notevoli l-użu tal-alternattivi ssimplifikati għar-rimborż tal-ispejjeż lill-Istati Membri abbażi ta' ammonti f'daqqa jew spejjeż standard miftiehma minn qabel mal-Istati Membri, ħalli tiġi indirizzata l-ħtieġa għal simplifikazzjoni u enfasi fuq il-kisba tar-riżultati. Meta għal xi awtoritajiet nazzjonali, ikun diffiċli li wieħed jasal għal prezz medju, pereżempju fil-kuntest ta' programm ta' taħriġ ġdid, il-Kummissjoni se tipproponi prezz medju għal xi miżuri standard bħat-taħriġ, abbażi tad-dejta mingħand l-Istati Membri kollha filwaqt li jitqiesu l-kuntesti nazzjonali. Il-Kummissjoni se tirrimborża lura ammont speċifikat lil kull Stat Membru ladarba l-miżura tat-taħriġ tkun intemmet b'suċċess.
Barra minn hekk, ir-Regolament dwar l-FSE+ juża wkoll l-alternattiva l-ġdida li r-rimborż lill-Istati Membri jsir skont il-kisba tar-riżultati jew tal-kundizzjonijiet.

Minbarra dan, ir-rekwiżiti tal-monitoraġġ u r-rappurtar se jonqsu b'mod sinifikanti, u r-rekwiżiti tal-ġbir tad-dejta se jiġu ssimplifikati.

L-FSE+ kif se jiżgura appoġġ lill-gruppi żvantaġġati u lill-aktar persuni fil-bżonn?

Bir-regoli proposti, mill-inqas 25 % tal-FSE+ se jkunu allokati għall-iżvilupp tal-inklużjoni soċjali. Il-gruppi żvantaġġati, fosthom il-persuni inattivi u qiegħda għal żmien twil, it-tfal, il-komunitajiet marġinalizzati bħar-Roma, l-aktar persuni fil-bżonn u l-persuni li mhumiex ċittadini tal-UE ġew identifikati b'mod speċifiku fil-qafas tal-politika tal-inklużjoni tal-FSE+.

L-FSE+ se jintegra l-appoġġ lill-aktar persuni fil-bżonn, li bħalissa qed jingħata permezz tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD), fil-forma ta' għajnuna alimentari, assistenza materjali bażika u miżuri ta' akkumpanjament. Fil-livell tal-Unjoni, mill-inqas 4 % tar-riżorsi tal-FSE+ b'ġestjoni kondiviża għandhom jappoġġaw lill-aktar persuni fil-bżonn.

Fil-kuntest regolatorju attwali, il-proġetti tal-FEAD u tal-FSE ta' spiss jitmexxew b'mod separat, u r-rekwiżiti tal-proġetti jkunu jvarjaw. Iżda l-evidenza turi li jekk jingħaqdu ż-żewġ fondi flimkien, ikun jista' jitħaddem approċċ politiku aktar strateġiku, tissaħħaħ ir-rabta bejn l-appoġġ għall-assistenza materjali (permezz tal-FEAD) u l-appoġġ soċjali komprensiv u l-attivazzjoni professjonali (permezz tal-FSE). Il-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar bejn il-proġetti tal-FEAD u tal-FSE ġiet enfasizzata mill-partijiet konċernati tal-FEAD infushom.

Madankollu, l-amalgamazzjoni mhix se taffettwa r-regoli applikabbli għall-appoġġ tal-aċċess lill-aktar persuni fil-bżonn. Il-fergħa tal-FEAD se tibqa' tgawdi minn regoli aktar sempliċi biex ikun żgurat li l-fond jibqa' aċċessibbli għal firxa usa' ta' benefiċjarji, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet mhux governattivi żgħar.

L-FSE+ se jibqa' jagħti appoġġ immirat għall-impjiegi taż-żgħażagħ?

Il-proposta tal-Kummissjoni tibni fuq il-kisbiet tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, li hi l-istrument finanzjarju ewlieni maħsub biex tiġi implimentata l-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Sa mill-2013 'l hawn, irreġistraw madwar 18-il miljun żagħżugħ u żagħżugħa, u 11-il miljun irċevew offerta ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, taħriġ jew apprendistat. Bħalissa, iż-żgħażagħ qiegħda naqsu bi 2.2 miljun, u hemm 1.4 miljun żagħżugħ u żagħżugħa li m'għadhomx mingħajr impjieg, edukazzjoni jew taħriġ.

Biez aktar żgħażagħ jaqbdu t-triq tas-suċċess, il-proposta attwali għandha l-għan li tiżgura li l-Istati Membri li għandhom rati għoljin ta' żgħażagħ barra mill-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ (NEET) se jkollhom jallokaw mill-inqas 10 % tar-riżorsi tal-FSE+ għall-azzjonijiet taż-żgħażagħ. Dawn jistgħu jkunu azzjonijiet immirati li jappoġġaw l-impjiegi taż-żgħażagħ, b'mod partikolari fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-iskemi nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Dan jissimplifika wħud mir-rekwiżiti ta' programmazzjoni ħalli teħfief l-implimentazzjoni fil-prattika għall-awtoritajiet u l-benefiċjarji. Barra minn hekk, kull Stat Membru se jkun jista' jalloka finanzjament addizzjonali biex jappoġġa l-impjiegi taż-żgħażagħ meta dan ikun meqjus bħala sfida fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi.

X'se jkun ir-rwol tal-FSE+ għall-integrazzjoni tal-persuni li mhumiex ċittadini tal-UE?

Il-Kummissjoni hi impenjata li tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri biex jintegraw fit-tul lill-persuni preżenti legalment li mhumiex ċittadini tal-UE. L-FSE+ se jappoġġa l-integrazzjoni soċjoekonomika aktar fit-tul ta' dawn il-persuni li mhumiex ċittadini tal-UE permezz ta' miżuri li jnaqqsu l-faqar, jippromwovu l-inklużjoni soċjali u s-saħħa, u jitħabtu kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi. L-FSE+ se jagħmel dan b'mod kumplimentari għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (l-AMIF), li se jkopri l-ħtiġijiet fi żmien qasir.

Mill-2014 'l hawn naqas l-għadd ta' persuni li mhumiex ċittadini tal-UE li waslu fl-UE, b'mod partikolari l-għadd ta' rifuġjati.[1] L-evidenza turi li l-migranti qed isibu bosta xkiel biex jidħlu fis-suq tax-xogħol meta mqabbla maċ-ċittadini tal-UE. Għalhekk hemm bżonn isir aktar investiment fl-integrazzjoni tal-migranti. Bħala l-istrument ewlieni tal-Unjoni li jinvesti fin-nies, tkun xi tkun in-nazzjonalità jew iċ-ċittadinanza tagħhom, l-FSE+ hi l-għodda xierqa biex tiġi indirizzata din il-ħtieġa.

Il-proposta għal Regolament tinkludi għan speċifiku dwar l-integrazzjoni tal-persuni li mhumiex ċittadini tal-UE kif ukoll indikatur tal-monitoraġġ.

Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni li ġie adottat dan l-aħħar, kif se jaffettwa lill-FSE+?

Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) jistabbilixxi l-qafas għal ħafna mill-Fondi b'ġestjoni kondiviża, inkluż l-FSE+.

Il-bidliet fir-regoli skont ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni li se jaffettwaw tajjeb lill-FSE+ huma:

  • Hu ppjanat li tiżdied il-flessibbiltà tul il-perjodu ta' seba' snin sal-2025. L-allokazzjonijiet għall-aħħar sentejn se jsiru skont reviżjoni nofsana; Il-kontenut tal-programmi se jkun aktar razzjonalizzat u strateġiku, pereżempju b'mudell komuni tal-programmi għall-FSE+, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni.
  • Tissokta t-trażmissjoni elettronika tad-dejta li qed tnaqqas ferm il-piż amministrattiv;
  • Il-kompiti u r-responsabilitajiet ta' entitajiet differenti fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll huma stabbiliti b'mod aktar ċar;
  • Inqas piż amministrattiv permezz ta' tnaqqis sinifikanti fl-għadd ta' kontrolli u verifiki, filwaqt li jibqgħu fis-seħħ il-miżuri li jevitaw l-użu ħażin possibbli tal-fondi.

L-FSE+ kif se jinteraġixxi ma' strumenti oħra tal-UE li jinvestu fin-nies?

Biex il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jitwettaq fil-prattika, l-FSE+ se jaħdem flimkien ma' fondi rilevanti oħra fl-intestatura tal-Koeżjoni u l-Valuri tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (il-QFP) 2021-2027. Anki l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni se jibqgħu jwieżnu l-infrastruttura soċjali, u l-programm Erasmus+ se jgħin biex jappoġġa l-ħiliet, it-titjib fil-ħiliet, u l-kompetenzi diġitali. Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà se jibqa' jinvesti fl-iżvilupp personali u tal-ħiliet tan-nies billi jipprovdi opportunitajiet professjonali u tal-volontarjat.

Minbarra dawn, l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali se jkollu l-appoġġ ta' bosta strumenti u programmi f'intestaturi oħra bħal Orizzont Ewropa, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali jew il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, biex iżidu l-isforzi tal-FSE+. L-FSE+ se jaħdem ukoll b'mod kumplimentari ma' strumenti oħra tal-UE li jagħtu appoġġ lit-twettiq ta' riformi strutturali, fosthom l-Għodda għat-Twettiq ta' Riformi.

Il-Fond ta' Investiment InvestEU li ġie ssimplifikat se jipprovdi finanzjament ta' €15.2-il biljun, fosthom €4 biljun għall-investiment soċjali u l-iżvilupp tal-ħiliet permezz ta' tieqa apposta li tixħet enfasi fuq l-intrapriżi soċjali u l-mikrointrapriżi tal-persuni żvantaġġati. Dan se jieħu post l-assi attwali tal-Mikrofinanzjament u l-Intrapriża Soċjali fi ħdan il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI).

Fl-aħħar nett, l-FSE+ u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) se jibqgħu jikkumplimentaw lil xulxin, hekk kif l-FSE+ se jissokta jappoġġa miżuri preventivi u antiċipatorji, filwaqt li l-FEG se jibqa' Fond reattiv ta' emerġenza barra mill-QFP f'każ ta' ristrutturar sinifikanti.

L-FSE+, kif se jappoġġa l-investimenti fis-saħħa?

Il-programm tas-Saħħa tal-UE se jiġi integrat fl-FSE+, u l-prijoritajiet tiegħu se jiġu allinjati mal-prinċipju tal-politiki tas-saħħa pubblika skont il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

Il-Programm tas-Saħħa tal-UE diġà qed jikkontribwixxi għall-effikaċja, l-aċċessibbiltà u r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri, u diġà qed jiffaċilita l-aċċess għal kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura għaċ-ċittadini tal-Unjoni u jappoġġa l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u jtejjeb il-koperazzjoni transfruntiera. Pereżempju, skont il-Programm tas-Saħħa, twaqqfu 24 Netwerk Ewropew ta' Referenza biex jgħinu lil 27 sa 36 miljun persuni li jsofru minn mard rari.

Il-fergħa tas-saħħa se ssaħħaħ ir-reżiljenza u l-mobbiltà taċ-ċittadini u tgħin billi tħeġġeġ l-istili ta' ħajja sana b'mod li tikkumplimenta l-azzjoni tal-FSE+. Dan kollu minħabba li jonqsu l-inugwaljanzi tas-saħħa fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom, iċ-ċittadini jitħarsu minn theddid transfruntier serju tas-saħħa u jiġu sostnuti l-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni mill-mard.

X'inhuma l-għanijiet ewlenin tal-fergħa tas-saħħa?

Il-fergħa tas-saħħa tal-programm FSE+ għandha l-għan li tappoġġa u tikkumplimenta l-isforzi tal-Istati Membri biex jintlaħqu l-għanijiet li ġejjin:

  • Jissaħħu t-tħejjija għall-kriżi, il-ġestjoni u r-rispons fl-UE ħalli ċ-ċittadini jitħarsu mit-theddid transfruntier tas-saħħa.
  • Tingħata aktar setgħa lis-sistemi tas-saħħa permezz ta' investiment fil-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni mill-mard u billi tkun appoġġata t-trasformazzjoni diġitali tas-saħħa u l-kura; l-iżvilupp ta' sistema tal-informazzjoni tal-UE dwar is-saħħa li tkun sostenibbli; u l-proċessi nazzjonali ta' riforma għal sistemi tas-saħħa aktar effettivi, aċċessibbli u reżiljenti.
  • Jingħata appoġġ lil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa fl-oqsma ta': il-prodotti mediċinali; it-tagħmir mediku; il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA); is-sustanzi ta' oriġini umana (SoHO); it-tabakk; il-kura tas-saħħa transfruntiera; u appoġġ lill-kumitati xjentifiċi tal-Kummissjoni dwar “is-Sikurezza tal-Konsumaturi” u dwar “is-Saħħa, l-Ambjent u r-Riskji Emerġenti”;
  • Appoġġ lill-ħidma integrata għan-Netwerks Ewropej ta' Referenza (ERNs); u l-iżvilupp tal-koperazzjoni dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA) bi tħejjija għal regoli armonizzati ġodda; u l-implimentazzjoni tal-aqwa prattiki li jappoġġaw l-innovazzjoni strutturali, b'mod partikolari fis-saħħa pubblika.

X'inhuma l-għanijiet tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) wara l-2020?

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) hu espressjoni konkreta tas-solidarjetà tal-UE mal-ħaddiema Ewropej li jkunu tilfu l-impjieg. Sa mit-tnedija tiegħu fl-2007, il-Fond immobilizza €611-il miljun b'mod immirat għal 147,000 ħaddiem mogħtija s-sensja u żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs). Il-finanzjament mill-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu l-għan li jtejjeb il-ħiliet u l-impjegabbiltà ta' dawn il-ħaddiema u jiffaċilita t-titjib ġenerali fil-ħiliet tal-ħaddiema Ewropej, ħalli jiżgura li ħadd ma jinqata' lura u jgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja biex isibu impjieg ieħor.

X'hemm ġdid għall-FEG bil-baġit tal-UE li jmiss?

Bħalissa l-ħaddiema ssensjati jistgħu jiksbu appoġġ biss mill-FEG meta s-sensji jiġru minħabba xi bidla fix-xejriet kummerċjali jew minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika. Bil-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit tal-UE li jmiss, hemm firxa usa' ta' avvenimenti ta' ristruttar sinifikanti li huma eliġibbli għall-finanzjament. Dan jiżgura li l-Fond ikun flessibbli biżżejjed biex iwieġeb għall-isfidi ekonomiċi tal-lum jew futuri, fosthom l-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, u li jsir aktar inklużiv.

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tnaqqas il-limitu tal-ħaddiema spostati minn 500 għal 250 biex ikunu eliġibbli. F'ħafna reġjuni, l-intrapriżi kbar ħafna ma jeżistux, iżda l-avvenimenti ta' ristrutturar li jinvolvu għadd iżgħar ta' sensji jħallu impatt sinifikanti ħafna f'dawk ir-reġjuni.

Fl-aħħar nett, ir-rata ta' kofinanzjament tal-Fond, li bħalissa hija ta' 60 %, se tiġi allinjata mal-ogħla rati ta' kofinanzjament tal-FSE+ għal Stat Membru partikolari. Ħafna drabi, dan ikun ifisser li l-UE tikkofinanzja sehem akbar mill-ispiża totali.

Kemm hu allokat finanzjament għall-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni?

Il-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni se jibqa' wieħed mill-istrumenti speċjali biex l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi għal ċirkostanzi mhux previsti. Għalhekk dan mhux parti tal-limiti baġitarji tal-qafas finanzjarju pluriennali. L-ammont massimu li jista' juża l-FEG għall-perjodu 2021-2027 hu madwar €1.6 biljun (bi prezzijiet attwali), jiġifieri medja ta' €225 miljun kull sena meta mqabbel ma' medja ta' €170 miljun kull sena kif inhu bħalissa.

 

[1] Skont il-Eurostat, bejn l-2015 u l-2017, madwar 3.1 miljun ċittadin ta' pajjiżi terzi applikaw għall-ażil (applikazzjonijiet tal-ewwel darba) fl-Unjoni Ewropea, li minnhom 1.4 miljun (45 %) kisbu protezzjoni internazzjonali. Dan l-ammont ma jinkludix il-minorenni mhux akkumpanjati. Sors: http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Asylum_statistics

 

 

MEMO/18/3922

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar