Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

L-Iżvilupp Reġjonali u l-Politika ta' Koeżjoni wara l-2020: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Strasburgu, id-29ta' mejju 2018

L-Iżvilupp Reġjonali u l-Politika ta' Koeżjoni wara l-2020: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Ara IP/18/3885

  1. Politika ta' Koeżjoni modernizzata għar-reġjuni kollha

Il-Kummissjoni qed tipproponi li timmodernizza l-Politika ta' Koeżjoni. L-għan huwa li jiżdiedu l-konverġenza ekonomika u soċjali filwaqt li r-reġjuni kollha jiġu megħjuna jisfruttaw bis-sħiħ il-globalizzazzjoni u jgħammruhom bl-għodda t-tajba għal tkabbir b'saħħtu u dejjiem. Ir-reġjuni kollha jibqgħu eliġibbli għall-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni fl-Ewropa, fuq il-bażi ta' tliet kategoriji: reġjuni anqas żviluppati, reġjuni fi tranżizzjoni u reġjuni aktar żviluppati.

X'inhuma l-prijoritajiet il-ġodda ta' investiment tal-Politika ta' Koeżjoni?

Minn 11-il “objettiv tematiku” fil-perjodu 2014-2020, il-Politika ta' Koeżjoni l-ġdida issa se tiffoka r-riżorsi tagħha fuq ħames objettivi ta' politika, li fihom l-UE tinsab fl-aħjar post biex twassal:

1) Ewropa aktar Intelliġenti, permezz tal-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, it-trasformazzjoni ekonomika u l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji;

2) Ewropa aktar ekoloġika u ħielsa mill-karbonju, li timplimenta l-Ftehim ta' Pariġi u tinvesti fit-tranżizzjoni tal-enerġija, fir-rinnovabbli u fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

3) Ewropa aktar Konnessa, b'netwerks ta' trasport u diġitali strateġiċi;

4) Ewropa aktar Soċjali, li twassal fuq il- Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u li tappoġġa impjiegi ta' kwalità, edukazzjoni, ħiliet, inklużjoni soċjali u aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa;

5) Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini, bl-appoġġ ta' strateġiji ta' tkabbir immexxija lokalment u żvilupp urban sostenibbli madwar l-UE.

Il-maġġoranza tal-investimenti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni se jiffukaw fuq l-ewwel żewġ objettivi: Ewropa aktar Intelliġenti Ewropa u Ewropa aktar Ekoloġika. L-Istati Membri se jinvestu minn 65 % sa 85 % tal-allokazzjonijiet tagħhom permezz taż-żewġ fondi għal dawn il-prijoritajiet, skont il-ġid relattiv tagħhom.

Il-“konċentrazzjoni tematika”, jiġifieri t-tqassim tar-riżorsi minn objettivi ta' politika, mhux se tkompli ssir f'livell reġjonali, iżda f'livell nazzjonali. Dan se jippermetti aktar flessibbiltà fit-tfassil ta' programmi individwali ta' fondi tal-UE biex jiġu adattati aħjar skont il-ħtiġijiet reġjonali speċifiċi.

F'konformità mal-impenn tal-Kummissjoni ppreżentat fil-proposta tagħha għall-baġit tal-UE li jmiss fuq perjodu twil, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni għandhom jgħinu l-kisba tal-mira tal-baġit kollu ta' mill-anqas 25 % tan-nefqa tal-UE li tikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika. Il-prestazzjoni tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni” lejn dan l-għan se tiġi segwita.

Kif se jiġu allokati l-fondi?

Il-metodu ta' allokazzjoni ġdida għall-fondi jibni fuq il-'Formula ta' Berlin” li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fl-1999, li tinvolvi metodi ta' kalkolu differenti għat-tliet kategoriji differenti ta' reġjuni (reġjuni inqas żviluppati, reġjuni fi tranżizzjoni u reġjuni aktar żviluppati).

Din il-metodoloġija tqis id-differenza bejn il-PDG per capita ta' reġjun u l-medja tal-UE, biex tirrifletti l-prosperità reġjonali. Hija tinkludi wkoll sfidi soċjali, ekonomiċi u territorjali, bħall-qgħad, id-densità baxxa tal-popolazzjoni u għar-reġjuni l-aktar żviluppati, l-livelli edukattivi. Il-metodu diġà ġie modifikat fil-perjodi ta' programmar suċċessivi biex jirrifletti l-evoluzzjoni tal-koeżjoni soċjali u ekonomika fl-Ewropa.

Illum il-Kummissjoni qed tipproponi modifika ta' dan il-metodu, biex tirrifletti kif evolvew id-disparitajiet matul is-snin li għaddew, tibqa' timmira r-riżorsi għal reġjuni li l-aktar jeħtieġu li jlaħħqumal-bqija tal-UE u tiżgura trattament ġust għal kulħadd.

Is-sistema ta' allokazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni għalhekk hija xi ftit modifikata biex tiffoka aktar riżorsi fi Stati Membri anqas żviluppati u tagħti aktar appoġġ finanzjarju lil reġjuni li qed jaffaċċjaw tranżizzjoni industrijali. Din għadha bbażata b'mod predominanti fuq PDG per capita iżda tinkludi wkoll kriterji ġodda għall-kategoriji kollha ta' reġjuni - qgħad fost iż-żgħażagħ, livell ta' edukazzjoni baxx, tibdil fil-klima u l-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti - biex jirriflettu aħjar is-sitwazzjoni soċjoekonomika reali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tipproponi ‘xibka ta' sikurezza' biex tevita bidliet ħesrem fl-allokazzjonijiet tal-Istati Membri.

Fir-rigward tal-Fond ta' Koeżjoni, il-metodu jibqa l-istess: L-Istati Membri li l-ING per capita tagħhom hija taħt id-90 % tal-medja tal-UE se jibbenefikaw mill-Fond ta' Koeżjoni.

  1. Qafas aktar sempliċi u aktar flessibbli tal-Politika ta' Koeżjoni

Is-simplifikazzjoni kienet il-prinċipju gwida tal-Kummissjoni fit-tħejjija tar-regoli l-ġodda tal-politika ta' koeżjoni għall-2027-2021. Kmieni fil-mandat tagħha, fl-2015, il-Kummissjoni Juncker inkarigat Grupp ta' Livell Għolita' esperti indipendenti biex jippreżenta proposti konkreti biex jiġi ssimplifikat l-aċċess għal u l-użu ta' fondi tal-UE, anki bi tħejjija tal-qafas ta' wara l-2020.

Reġgħet ġiet enfasizzata l-ħtieġa għal inqas regoli, regoli iqsar u aktar ċari fid-dokument ta' riflessjonital-Kummissjoni ta' Ġunju 2017 dwar il-futur tal-finanzi tal-UE u din ġiet ikkonfermata miċ-ċittadini tal-UE f'konsultazzjoni pubblika li saret f'Jannar 2018 – 80 % ta' dawk li wieġbu jitolbu għal regoli anqas kumplessi u anqas burokrazija għall-benefiċjarji tal-fondi tal-UE.

Rigward il-flessibbiltà, il-migrazzjoni u l-kriżi tar-rifuġjati fl-2015, iżda wkoll minħabba diżastri naturali aktar frekwenti, għamluha ovvja li r-regoli tal-Politika ta' Koeżjoni jinħtieġ li jippermettu reazzjonijiet aktar rapidi u effiċjenti għal avvenimenti mhux mistennija.

Għalfejn hemm bżonn ġabra unika tar-regoli għal seba' fondi differenti?

Il-frammentazzjoni tar-regoli li jirregolaw il-fondi differenti tal-UE implimentati fi sħubija mal-Istati Membri (“ġestjoni kondiviża”) kkumplikat ħajjet l-awtoritajiet ta' ġestjoni ta' programmi u skoraġġixxiet lill-intrapriżi u lill-imprendituri milli japplikaw għal sorsi differenti ta' finanzjament tal-UE.

Il-Kummissjoni issa qed tipproponi ġabra unika waħda għal seba' fondi tal-UE implimentati f'ġestjoni kondiviża: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew+, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument tal-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viża.

Regolamenti speċifiċi se jżidu ċerti dispożizzjonijiet meħtieġa biex jaqdu l-partikolaritajiet ta' fondi individwali, sabiex jittieħed kont tar-raġunament differenti, gruppi fil-mira u l-metodi ta' implimentazzjoni tagħhom.

Din il-ġabra unika tar-regoli se tagħmel il-ħajja aktar faċli kemm għal maniġers tal-programmi kif ukoll għall-benefiċjarji. Dan se jiffaċilita wkoll is-sinerġiji, pereżempju bejn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew + fil-kuntest ta' pjanijiet ta' żvilupp integrat tal-bliet, għar-riġenerazzjoni ta' żoni urbani deprivati.

Il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, flimkien ma' fondi tal-politika ta' koeżjoni, jistgħu jiffinanzjaw l-istrateġiji ta' integrazzjoni lokali għall-migranti u għal dawk li jfittxu l-ażil; filwaqt li l-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni se jiffoka fuq il-ħtiġijiet fil-qosor immedjat mal-wasla (pereżempju l-akkoljenza u l-kura tas-saħħa), il-fondi tal-politika ta' koeżjoni jistgħu jappoġġaw l-integrazzjoni soċjali u professjonali fit-tul.

Barra minn hekk, dispożizzjonijiet ġodda jippermettu wkoll sinerġiji aktar sempliċi ma' strumenti oħrajn mill-baġit tal-UE, bħal pereżempju l-Politika Agrikola Komuni, il-programm ta' innovazzjoni Orizzont Ewropa, l-istrument tal-UE tal-mobbiltà tat-tagħlim ta' Erasmus + u LIFE, il-programm ta' azzjoni ambjentali u klimatika.

B'liema mod se tagħmlu l-ħajja tan-negozji ż-żgħar li jibbenefikaw mill-fondi tal-UE aktar faċli?

Billi jkun hemm aktar “Għażliet ta' Spejjeż Simplifikati” disponibbli. Dan ifisser li l-benefiċjarji ma jkollhomx aktar bżonn jippreżentaw kull fattura jew rċevuta tal-paga iżda jistgħu jużaw estimi, bħal tariffi jew prezzijiet fissi għal ċerti kategoriji ta' spejjeż jew għal spejjeż għall-persunal u ta' negozju ieħor bħall-assigurazzjoni jew il-kera. Huma jistgħu wkoll jiġu rimborżati fuq il-bażi tar-riżultati li jiksbu.

Kif jiġu ssimplifikati l-proċeduri ta' awditu u kontroll?

1) Fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni, ma jkunx hemm bżonn li jiġi ripetut il-proċess ta' deżinjazzjoni li jieħu ħafna ħin tal-awtoritajiet responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni bħal fil-perjodu 2014-2020. L-Istati Membri jistgħu jaqilbu s-sistema ta' implimentazzjoni eżistenti.

2) Għal programmi b'sistema ta' ġestjoni u kontroll li taħdem sew u b'rekord tajjeb (jiġifieri rata baxxa ta' żbalji), il-Kummissjoni tipproponi li wieħed jiddependi aktar fuq proċeduri ta' kontroll nazzjonali fis-seħħ.

3) Il-prinċipju ta' awditu uniku huwa estiż. Dan ifisser li l-benefiċjarji tal-fondi bħal negozji żgħar u imprendituri jinħtieġ li jkunu soġġetti biss għal checkrather wieħed minflok diversi awditi li potenzjalment ma jkunux ikkoordinati bis-sħiħ.

Kif se tiżguraw ir-regolarità tal-infiq, b'anqas kontrolli?

Il-proposta tal-Kummissjoni għar-regoli futuri tal-Politika ta' Koeżjoni għandha l-għan li tilħaq bilanċ tajjeb bejn ir-responsabbiltà, is-simplifikazzjoni u l-prestazzjoni. Anki bi proċeduri eħfef, il-Kummissjoni se tkompli jkollha regoli stretti ħafna għal ġestjoni tajba tal-fondi tal-UE.

L-awtoritajiet nazzjonali se jkunu meħtieġa li jistabbilixxu l-istrateġiji ta' awditu tagħhom stess. Barra minn hekk, xorta se jkun hemm arranġament tal-awditjar minimu bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għal skopijiet ta' assigurazzjoni.

B'liema mod huwa aktar flessibbli l-qafas il-ġdid?

1) Permezz ta' rieżami ta' nofs it-terminu

Meta jkunu adottati l-programmi għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027, huma biss l-allokazzjonijiet li jikkorrispondu għas-snin 2021-2024 li se jiġu assenjati għal prijoritajiet. L-allokazzjonijiet għas-sentejn li fadal - 2026 u 2027 - se jiġu allokati wara rieżami fil-fond ta' nofs it-terminu fl-2024, li jwassal għal programmar mill-ġdid korrispondenti fl-2025. L-Istati Membri se jirrevedu l-programmi filwaqt li jqisu erba' elementi:

  • L-isfidi identifikati fir-Rakkomandazzjonijiiet Speċifiċi għall-Pajjiżi rilevanti adottati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fl-2023 u l-2024;
  • Is-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-Istat Membru jew ir-reġjun ikkonċernat;
  • Il-progress li sar lejn l-istadji importanti tal-qafas ta' prestazzjoni tal-programmi;
  • Ir-riżultat tal-aġġustament tekniku, eżerċizzju li se jsir fl-2024 u li se jwassal għal reviżjoni tal-Politika ta' Koeżjoni nazzjonali bbażata fuq l-aktar statistika reċenti.

2) Bil-possibbiltà ta' trasferiment ta' flus minn prijorità waħda għal oħra fil-programm tal-fondi ta' l-UE, mingħajr il-ħtieġa ta' approvazzjoni formali tal-Kummissjoni. Il-limitu ta' tali trasferiment huwa ffissat għal 5 % tal-baġit tal-prijorità.

3) Dispożizzjoni speċifika f'każ ta' diżastru naturali, li permezz tagħha se jkun possibbli li jiġi mobilizzat il-finanzjament bħala avveniment ta' jum wieħed.

  1. Dimensjoni territorjali approfondita biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet reġjonali speċifiċi

Kif tista' l-Politika ta' Koeżjoni tappoġġa aħjar il-ħtiġijiet reġjonali speċifiċi?

Ħafna mill-isfidi kbar fl-10 snin li ġejjin — il-ġlieda kontra l-esklużjoni, it-tibdil fil-klima jew l-integrazzjoni tal-migranti — se jiġu indirizzati fil-bliet u ż-żoni metropolitani. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qed tipproponi li tkompli tissaħħaħ id-dimensjoni urbana tal-Politika ta' Koeżjoni.

Sitta fil-mija mill-pakkett tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jiġi allokat għal investimenti fi żvilupp urban sostenibblI fil-livell nazzjonali. Il-qafas 2021-2027 joħloq ukoll l-Inizjattiva Urbana Ewropea, strument ġdid għall-kooperazzjoni bejn il-bliet, l-innovazzjoni u l-bini tal-kapaċità tul il-prijoritajiet tematiċi kollha tal-Aġenda Urbana għall-UE (l-integrazzjoni tal-migranti, l-akkomodazzjoni, il-kwalità tal-arja, il-faqar urban jew it-tranżizzjoni tal-enerġija, fost oħrajn).

Barra minn hekk, f'konformità mal-ħames objettiv tal-Politika ta' Koeżjoni, "Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini", il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa strateġiji ta' tkabbir immexxija lokalment fil-livell li huwa l-aktar viċin iċ-ċittadini.

Dawn l-istrateġiji lokali, fil-forma tal-“Investimenti Territorjali Integrati” u “Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità” eżistenti jinħtieġ li jiġu żviluppati u approvati minn awtoritajiet territorjali jew lokali responsabbli, li jinħtieġ li jkunu aktar involuti jew responsabbli għas-selezzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE. “Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità” jinħtieġ li jipprovdi spinta għal bidla strutturali u l-kapaċità tal-innovazzjoni lokali.

Kif tista' l-Politika ta' Koeżjoni tappoġġa aktar il-kooperazzjoni transfruntiera?

L-ewwel u qabel kollox, fil-perjodu 2021-2027, il-kooperazzjoni interreġjonali u transfruntiera se tiġi ffaċilitata mill-possibilità l-ġdida, skont il-ħames objettivi ta' politika kollha, għal reġjun biex juża parti mill-allokazzjoni tiegħu stess biex jiffinanzja proġetti jkunu fejn ikunu fl-Ewropa, b'mod konġunt ma' reġjuni oħra. Sa ċertu punt, din hija l-introduzzjoni tal-valur miżjud tal-programmi ‘Interreg' fil-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni.

Sadanittant, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jkompli jiffinanzja programmi "Interreg" speċifiċi. In-novitajiet ewlenin għall-perjodu 2021-2027 huma:

1) Iffukar aktar b'saħħtu fuq kooperazzjoni istituzzjonali u servizzi pubbliċi konġunti

Mad-EUR 9.5 biljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jiġu allokati għal programmi Interreg fil-perjodu 2021-2027. Ir-riżorsi se jkunu ffukati aktar fuq il-fruntieri fuq l-art bejn l-Istati Membri fejn hemm ħafna interazzjoni transfruntiera. L-investimenti Interreg se jappoġġaw aktar kooperazzjoni istituzzjonali u jgħinu fl-iżvilupp ta' servizzi konġunti ta' interess pubbliku.

Biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta' aktar minn 150 miljun ċittadin li jgħixu fir-reġjuni mal-fruntiera, il-Kummissjoni qed tipproponi li jitneħħew l-ostakli transfruntieri li fadal billi jsir possibbli, fuq bażi volontarja u miftiehma mill-awtoritajiet kompetenti inkarigati, biex ir-regoli ta' Stat Membru wieħed japplikaw għal Stati Membri ġirien għal proġett speċifiku jew għal azzjoni limitata fiż-żmien. Dan pereżempju jista' jgħin it-twettiq ta' aktar infrastruttura transfruntiera tat-trasport jew ta' faċilitajiet tal-kura tas-saħħa.

2) Ħolqien ta' raggruppamenti ta' innovazzjoni Pan-Ewropej

Barra l-possibbiltà l-ġdida għar-reġjuni biex jiżviluppaw flimkien proġetti konġunti permezz tal-programmi tagħhom stess, ir-Regoli ta' Koeżjoni tal-2021-2027 joħolqu l-"Investimenti ta' Innovazzjoni Interreġjonali",għodda ispirata mis-suċċess tal-Inizjattiva Vanguardu l-azzjoni pilota dwar sħubijiet ta' innovazzjoni Interreġjonali tal-2014-2020.

Reġjuni bi “speċjalizzazzjoni intelliġenti” li taqbel se jingħataw aktar appoġġ finanzjarju biex jaħdmu flimkien u jinvolvu aktar lil dawk li jfasslu l-politika, riċerkaturi, negozji u atturi oħra fl-innovazzjoni. L-għan huwa li jiżdiedu proġetti interreġjonali “bankabbli” li jistgħu joħolqu katini ta' valur Ewropej f'setturi ta' prijorità bħall-big data, il-bijoekonomija, l-effiċjenza tar-riżorsi, il-mobbiltà konnessa jew il-manifattura avvanzata.

Il-Kummissjoni se tkompli l-programm PEACE?

Għal aktar minn 20 sena, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali pprovda wkoll finanzjament speċifiku għal programmi transfruntiera li jappoġġaw il-paċi u r-rikonċiljazzjoni fit-Tramuntana tal-Irlanda u fir-Reġjun tal-Fruntiera tal-Irlanda. Il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi li dawn il-programmi jitkomplew, fuq il-bażi tal-istrutturi ta' ġestjoni eżistenti tagħhom. Programm PEACE+ ġdid, li jintegra l-programm Interreg li jkopri l-Irlanda ta' Fuq u r-reġjuni mal-fruntiera tal-Irlanda, se jikkontribwixxi wkoll għall-istabbiltà soċjali u ekonomika f'dawn ir-reġjuni.

Ir-Reġjuni ultraperiferiċi se jibqgħu jirċievu appoġġ speċjali?

L-UE se tkompli tipprovdi appoġġ speċjali lid-disa' reġjuni ultraperiferiċi (l-Azores, il-Gżejjer Kanarji, il-Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Madeira, Martinique, Mayotte, Réunion, u Saint Martin), biex tgħinhom jindirizzaw l-isfidi territorjali, ekonomiċi u soċjali speċifiċi tagħhom.

F'konformità mal-Istrateġija l-ġdida għar-Reġjuni ultraperiferiċi ppreżentata f'Ottubru 2017, dawn ir-reġjuni se jingħataw il-mezzi biex jiżviluppaw l-assi tagħhom, bħalma huma t-tkabbir blu, ix-xjenzi spazjali u l-enerġiji rinnovabbli, u biex jitgawdew il-benefiċċji tal-globalizzazzjoni.

1) Huma se jkomplu jirċievu allokazzjoni addizzjonali tal-fondi tal-UE [1]. *

2) Huma se jingħataw flessibbiltà akbar fit-tqassim tar-riżorsi minn objettivi ta' politika (“konċentrazzjoni tematika”).

3), ir-reġjuni ultraperiferiċi se jirċievu appoġġ speċjali ġdid skont il-programmi Interreg 2021-2027 biex japprofondixxu l-integrazzjoni tagħhom fl-ispazju reġjonali tagħhom u jintensifikaw il-kooperazzjoni bejniethom jew ma' pajjiżi terzi u sħab ġirien.

  1. Rabta msaħħa mas-Semestru Ewropew u l-governanza ekonomika tal-Unjoni

Għal investimenti tal-UE li jkun effiċjenti u għal kull euro li jintefaq fil-post biex jinkisbu r-riżultati, huwa meħtieġ qafas makroekonomiku sod, kif ukoll ambjent favorevoli għan-negozju. Fil-perjodu baġitarju 2014-2020, il-Politika ta' Koeżjoni diġà tappoġġa riformi strutturali u politiki ekonomiċi sodi. L-ewwel nett, permezz ta' “kundizzjonalitajiet ex ante”, li huma prekundizzjonijiet li l-Istati Membri kellhom jissodisfaw sbiex jirċievu finanzjament, u t-tieni permezz ta' kundizzjonalità makroekonomika li tgħaqqad il-politika ma' mekkaniżmi ewlenin ta' governanza ekonomika tal-UE.

Fil-proposta tal-Kummissjoni għall-politika ta' koeżjoni futura, din ir-rabta hija msaħħa aktar. Dan se jikkontribwixxi għal ambjent favorevoli għat-tkabbir fl-Ewropa, għalhekk l-investimenti tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jagħtu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Hija se tiżgura wkol komplementarjetà u koordinazzjoni sħiħa mal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi l-ġdid u msaħħaħ.

X'inhuma l-kundizzjonijiet li jippermettu?

Il-“kundizzjonijiet li jippermettu” jkomplu l-approċċ tal-kundizzjonalitajiet ex ante introdotti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020. Hemm madwar 20 kundizzjoni proposta, li jikkorrispondu għal madwar nofs in-numru ta' kundizzjonalitajiet fil-perjodu preċedenti. Dawn ikopru oqsma tematiċi simili bħal fil-perjodu 2014-2020 bħall-effiċjenza fl-enerġija, u għadhom jinkludu strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti biex jiggwidaw l-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Hemm ukoll erba' kundizzjonijiet ta' abilitazzjoni orizzontali fil-qasam tal-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u rigward l-applikazzjoni tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Persuni b'Diżabbiltà.

Il-proċeduri marbuta mal-kundizzjonijiet li jippermettu huma simili iżda aktar sempliċi; pereżempju ma hemm l-ebda pjan ta' azzjoni obbligatorju li għandu jiġi ppreżentat f'każ ta' nuqqas ta' twettiq. Madankollu, l-Istati Membri mhux se jkunu jistgħu jibagħtu pretensjonijiet għall-pagament għall-Kummissjoni għal proġetti ffinanzjati mill-UE relatati ma' prekundizzjonijiet mhux issodisfati. L-issodisfar tagħhom jeħtieġ li jiġi rispettat matul il-perijodu kollu.

Kif hija msaħħa r-rabta mas-Semestru Ewropew u l-governanza ekonomika tal-Unjoni?

Ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż tas-Semestru Ewropew se jiġu kkunsidrati darbtejn matul il-perjodu ta' bejn l-2021 u l-2027: l-ewwel darba bħala pjan direzzjonali għall-ipprogrammar tal-fondi u t-tfassil tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni, fil-bidu tal-2021-2027.

Imbagħad, l-aktar Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż riċenti se jiggwidaw ukoll rieżami ta' nofs it-terminu tal-programmi fl-2024, biex jaġġustaw għal sfidi ġodda jew persistenti. Matul il-perjodu, l-Istati Membri għandhom b'mod regolari jippreżentaw il-progress tagħhom fl-implimentar tal-programmi lill-Kummissjoni, bħala appoġġ tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi.

Il-kundizzjonalità makroekonomika hija miżmuma biex jiġi żgurat li l-investimenti tal-UE joperaw f'ambjent fiskali sod. Meta Stat Membru jonqos milli jieħu azzjoni effettiva jew korrettiva fil-kuntest ta' mekkaniżmi ta' governanza ekonomika tal-UE ewlenin (il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv, il-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv) jew jonqos milli jimplimenta l-miżuri meħtieġa minn programm ta' appoġġ għall-istabbiltà, il-Kummissjoni għandha tipproponi lill-Kunsill biex jissospendi b'mod parzjali jew totali tal-impenji jew pagamenti għal programm jew aktar ta' Stat Membru. Madankollu, il-Kummissjoni tista', f'ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali jew wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat, tirrakkomanda li l-Kunsill iħassar is-sospensjoni.

  1. Ġestjoni finanzjarja effiċjenti u r-regoli msaħħa għal prestazzjoni aħjar tal-investimenti tal-UE

Esperjenza mill-passat uriet l-importanza li tingħata spinta qawwija lill-investimenti fil-post fil-ħin, u li jinżamm il-pass tal-implimentazzjoni rapida. Dan biex il-proġetti ffinanzjati mill-UE jkunu jistgħu jwasslu riżultati għaċ-ċittadini malajr kemm jista' jkun.

Barra minn hekk, fil-perjodu 2014-2020, it-tnedija tal-Pjattaforma tad-Data Miftuħa ta' Koeżjoni wasslet għal livell ġdid ta' trasparenza u responsabbiltà fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE. Iċ-ċittadini setgħu jsegwu l-evoluzzjoni għall-għażla tal-proġetti u r-rati ta' ħlas, kif ukoll il-progress tal-investimenti tal-UE fir-rigward ta' miri stabbiliti minn qabel. Fl-2021-2027, rekwiżiti ġodda ta' rappurtar għall-Istati Membri se jippermettiu liċ-ċittadini jsegwu l-progress kważi f'ħin reali.

Il-Kummissjoni kif se timmonitorja l-prestazzjoni u l-progress tal-investiment?

Ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu dettaljata hawn fuq se tqis il-progress fil-ksib tal-objettivi stabbiliti għal kull programm fil-bidu tal-perjodu, u jekk ikun meħtieġ tista' twassal għal xi programmar mill-ġdid.

Barra minn hekk, ir-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni huma ssostitwiti b'reviżjoni annwali, fil-forma ta' djalogu politiku bejn l-awtoritajiet tal-programm u l-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ewlenin tal-implimentazzjoni u l-prestazzjoni. L-Istati Membri għandhom jibagħtu data dwar l-implimentazzjoni lill-Kummissjoni kull xahrejn, li se tittella' fuq il-Pjattaforma ta' Data Miftuħa tal-Fondi ta' Koeżjoni u b'hekk issir disponibbli għaċ-ċittadini.

X'inhuma r-regoli l-ġodda f'termini ta' diżimpenji?

Diżimpenn tfisser li jekk somma impenjata għal programm ma ġietx allegata minn Stat Membru wara ċertu perjodu ta' żmien - jiġifieri l-ebda fatturi ma waslet għand il-Kummissjoni biex ikopru dan l-ammont — dawn il-flus ma tibqax disponibbli għall-programm u jerġgħu lura fil-baġit tal-UE. Dan il-mekkaniżmu huwa mfassal biex jiżgura implimentazzjoni effiċjenti u rapida tal-programmi.

Il-qafas il-ġdid jinkludi ritorn lejn ir-regola ta' n+2 (snin) kif imqabbel mar-regola ta' n+3 applikabbli fl-2014-2020. Dan se jsir b'mod gradwali biex ikun żgurat spazju adegwat għal aġġustament filwaqt li jwassal għal ġestjoni finanzjarja aktar stretta.

L-arranġament ta' kontra l-qlib u kontinwità, bil-possibbiltà ta' introduzzjoni gradwali tal-proġetti tal-2014-2020 fil-perjodu l-ġdid, se jibdew malajr il-perjodu ta' programmazzjoni, li jagħmilha aktar faċli biex jiġu ġestiti programmi b'suċċess kontra r-regola ta' diżimpenn.

Għall-istess għan, tnaqqsu wkoll l-ammonti ta' prefinanzjament u issa se jammontaw għal 5 % tar-riżorsi tal-programm li għandhom jitħallsu kull sena, ħlief għall-2027, l-aħħar sena tal-perjodu l-ġdid ta' finanzjament.

Għal aktar informazzjoni:

Testi legali u skedi informattivi

 

 

[1] Aktar minn EUR 1.6 biljun fi prezzijiet attwali mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jkunu allokati għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u għal dawk tat-Tramuntana b'popolazzjoni baxxa. * [aġġornat fis-06/06/2018 f' 11.00]

 

MEMO/18/3866

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar