Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur għal Marzu: id-deċiżjonijiet ewlenin

Brussell, it-8ta' marzu 2018

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett tagħha ta' kull xahar tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem “il-Kummissjoni”) qiegħda tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri li ma qdewx l-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qed jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qed tagħlaq ukoll 161 każ li fihom il-kwistjonijiet mal-Istati Membri kkonċernati ġew solvuti mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli għaddejja bil-proċedura.

Għal aktar tagħrif dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-MEMO/12/12 sħiħa. Għal aktar dettalji dwar id-deċiżjonijiet meħuda, ikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet ta' ksur.

 

1. Il-Baġit u r-Riżorsi Umani

(Għal aktar tagħrif: Alexander Winterstein - tel.: +32 229 93265)

Ittra ta' intimazzjoni

Baġit tal-UE: Il-Kummissjoni tinsisti mar-RENJU UNIT biex ipoġġi d-dazji doganali għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lir-Renju Unit minħabba li qed jirrifjuta li jpoġġi d-dazji doganali għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE, kif rikjest mil-liġi tal-UE. Rapport tal-OLAF tal-2017 jindika li l-importaturi fir-Renju Unit evitaw ammont kbir ta' dazji doganali billi użaw fatturi fittizji u foloz u dikjarazzjonijiet mhux korretti tal-valur doganali fl-importazzjoni. Spezzjonijiet oħrajn tal-Kummissjoni żvelaw żieda kbira tal-iskala ta' dik l-iskema ta' frodi bis-sottovalutazzjoni li kienet qed topera permezz tal-hub fir-Renju Unit bejn l-2011 u l-2017. Minkejja li kien infurmat bir-riskji tal-frodi relatat mal-importazzjoni tat-tessuti u taż-żraben li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina mill-2007, u minkejja li ntalab jieħu miżuri xierqa għall-kontroll tar-riskji, ir-Renju Unit naqas milli jieħu azzjoni biex jevita l-frodi. Il-Kummissjoni tikkalkula li l-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-UE mir-Renju Unit irriżulta f'telf għall-baġit tal-UE li jammonta għal EUR 2.7 biljun (li minn dawn jitneħħew il-kostijiet tal-ġbir) matul il-perjodu bejn Novembru 2011 u Diċembru 2017. Barra minn hekk, ir-Renju Unit kiser ukoll il-leġiżlazzjoni dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud tal-UE, u dan wassal għal telf potenzjali fil-baġit tal-UE. Ir-Renju Unit huwa responsabbli għall-konsegwenzi finanzjarji tal-ksur tiegħu tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

 

2. L-Azzjoni Klimatika

(Għal aktar tagħrif: Anna-Kaisa Itkonen - tel.: +32 229 56186, Nicole Bockstaller – tel.: +32 229 52589)

Opinjonijiet motivati

Il-kwalità tal-karburanti: il-Kummissjoni tħeġġeġ lil 10 Stati Membri biex jittrasponu r-regoli għall-kalkolu u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra tal-karburanti

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Awstrija, lill-Belġju, lil Ċipru, lir-Repubblika Ċeka, lill-Finlandja, lill-Greċja, lil-Latvja, lir-Rumanija, lil Spanja, u lir-Renju Unit għan-nuqqas tagħhom li jittrasponu r-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-karburanti tad-diżil u tal-petrol (Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/652) fil-liġi nazzjonali tagħhom. Id-Direttiva tistabbilixxi regoli għall-kalkolu u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra tal-karburanti u enerġija oħra minn sorsi mhux bijoloġiċi. Ir-regolament tal-UE għandu l-għan li jikseb rappurtar preċiż biżżejjed, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta l-prestazzjoni tal-fornituri tal-karburanti fl-issodisfar tal-obbligi tagħhom skont id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti (id-Direttiva 98/70/KE). Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti għandha l-għan li tikseb mill-inqas tnaqqis ta' 6 % tal-intensità tal-gassijiet b'effett serra tal-karburanti u l-enerġija pprovduti sa tmiem l-2020. Il-metodu tal-kalkolu għandu wkoll il-vantaġġ li jnaqqas il-piż amministrattiv tal-fornituri u tal-Istati Membri. L-Istati Membri kellhom sal-21 ta' April 2017 biex jimplimentaw ir-regoli tal-UE dwar il-kalkolu u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra fil-liġi nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni diġà kienet bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil dawn l-Istati Membri f'Mejju 2017. Jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jeħdux azzjoni fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tal-opinjoni motivata, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

 

3. Il-Kompetizzjoni

(Għal aktar tagħrif: Ricardo Cardoso - tel.: +32 229 80100, Maria Sarantopoulou – tel.: +32 229 13740)

Għeluq ta' każijiet

L-antitrust: il-Kummissjoni tagħlaq il-proċeduri ta' ksur għal 18-il Stat Membru li ttrasponu d-Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust fil-liġi nazzjonali

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tagħlaq il-proċeduri ta' ksur kontra l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja u r-Renju Unit minħabba li issa ttrasponu d-Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust (id-Direttiva 2014/104/UE) fil-liġi nazzjonali. Din id-Direttiva tgħin liċ-ċittadini u lill-kumpaniji jitolbu kumpens għad-danni jekk ikunu vittmi ta' ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust, bħal kartelli jew abbużi ta' pożizzjonijiet dominanti fis-suq. Tagħti wkoll lill-vittmi aċċess eħfef għall-evidenza li jeħtieġu biex jagħtu prova tad-danni li ġarrbu kif ukoll aktar żmien biex iressqu l-pretensjonijiet tagħhom. Id-Direttiva dwar l-azzjonijiet għad-danni tal-antitrust hija għalhekk parti essenzjali mill-infurzar tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni. L-Istati Membri kienu obbligati jittrasponuha fil-liġi nazzjonali tagħhom sas-27 ta' Diċembru 2016. Seba' Stati Membri ttrasponuha sad-data ta' skadenza. Wara l-ftuħ tal-proċeduri ta' ksur, 18-il Stat Membru ttrasponu d-Direttiva fl-2017. Il-Bulgarija nnotifikat it-traspożizzjoni kmieni fl-2018 u l-valutazzjoni tal-kompletezza tal-miżuri ta' traspożizzjoni għadha għaddejja. Fl-2018, il-Kummissjoni se tipproċedi għall-verifika tal-konformità tat-traspożizzjonijiet nazzjonali u tisdieden liż-żewġ Stati Membri l-oħra (il-Greċja u l-Portugall) biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li d-Direttiva tkun implimentata bis-sħiħ.

 

4. L-Enerġija

(Għal aktar tagħrif: Anna-Kaisa Itkonen - tel.: +32 229 56186, Nicole Bockstaller – tel.: +32 229 52589)

Opinjoni motivata

L-effiċjenza enerġetika: il-Kummissjoni titlob lil SPANJA biex tittrasponi b'mod korrett il-leġiżlazzjoni tal-UE

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja biex titlob formalment it-traspożizzjoni korretta fil-liġi nazzjonali tar-rekwiżiti għall-arloġġi individwali f'bini b'aktar minn appartament wieħed stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (id-Direttiva 2012/27/UE). Id-Direttiva tirrikjedi l-installazzjoni ta' arloġġi tat-tisħin u tal-ilma sħun għall-bini b'aktar minn apparatment wieħed - fejn ikun teknikament fattibbli u kosteffiċjenti - għall-bini eżistenti kollu, filwaqt li l-miżuri ta' traspożizzjoni nazzjonali jimponu dan ir-rekwiżit biss fir-rigward tal-bini ġdid (mibni wara l-2007). Kienet intbagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja f'Ottubru 2017 u l-Kummissjoni issa pproċediet għall-pass li jmiss fil-proċedura ta' ksur. Spanja għandha xahrejn żmien biex tikkonforma mal-opinjoni motivata; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq l-Istat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Ittri ta' intimazzjoni

L-effiċjenza enerġetika: il-Kummissjoni tinsisti mal-GREĊJA biex tittrasponi b'mod korrett ir-regoli tal-UE

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja biex titlob formalment l-adozzjoni u n-notifika tal-istrateġija fit-tul aġġornata għar-rinnovazzjoni tal-bini kummerċjali u residenzjali, kif rikjest mid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (id-Direttiva 2012/27/UE). Id-data ta' skadenza stabbilita mid-Direttiva għan-notifika tal-istrateġija aġġornata għar-rinnovazzjoni tal-bini kienet it-30 ta' April 2017. Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tistabbilixxi rekwiżiti għall-iffrankar tal-enerġija għall-bini fil-pajjiżi tal-UE. Dan jinkludi li l-binjiet tal-gvern ċentrali jsiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jiġu stabbiliti pjanijiet nazzjonali għar-rinnovazzjoni tal-istokk kollu tal-bini. L-istrateġiji fit-tul għar-rinnovazzjoni juru kif l-Istati Membri qed jippjanaw li jrawmu l-investiment fir-rinnovazzjoni tal-bini residenzjali u kummerċjali. Issa l-Greċja għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Il-provvista tal-gass: il-Kummissjoni titlob lill-POLONJA biex tittrasponi b'mod korrett ir-regoli tal-UE

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja minħabba li naqset li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-UE tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass (ir-Regolament (UE) 2017/1938). Il-leġiżlazzjoni tal-Polonja timponi obbligu għall-ħżin tal-gass fuq l-impriżi li jimportaw il-gass fil-Polonja. Il-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat l-obbligu permezz tal-ħżin tal-gass barra mill-pajjiż fil-prattika jagħmlu ħżin bħal dan inqas attraenti u aktar diffiċli milli jekk il-gass jinħażen fil-Polonja. Filwaqt li ċerti obbligi għas-sigurtà tal-provvista huma possibbli skont ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, dawn huma soġġetti għall-konformità ma' għadd ta' kundizzjonijiet, bħal pereżempju li ma jgħawġux il-kompetizzjoni mingħajr bżonn jew li ma jostakolawx il-funzjonament tas-suq intern. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-obbligu Pollakk għall-ħżin tal-gass mhuwiex kompatibbli mal-miżuri tal-UE għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass. Ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti li jridu jiġu rispettati mill-Istati Membri kollha sabiex jiġi evitat tfixkil potenzjali fil-provvista fl-UE u biex jiġu indirizzati jekk iseħħu. Issa l-Polonja għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

5. L-ambjent

(Għal aktar tagħrif: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Iris Petsa – tel.: +32 229 93321)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

L-iskart industrijali: il-Kummissjoni tressaq lill-KROAZJA quddiem il-Qorti minħabba li naqset milli tipproteġi liċ-ċittadini mill-iskart industrijali fil-miżbla ta' Biljane Donje

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Kroazja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li naqset li tiżgura livell xieraq ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent fis-sit “Crno brdo” f'Biljane Donje, ħdejn il-belt ta' Benkovac, inqas minn 50 metru 'l bogħod mid-djar. L-iskart kellu jiġi ġestit skont ir-regoli tal-UE dwar l-iskart (id-Direttiva Qafasdwar l-iskart tal-UE, id-Direttiva 2008/98/KE) sa mhux aktar tard minn tmiem l-2015. Għalkemm il-Kroazja impenjat ruħha li tindirizza din is-sitwazzjoni f'diversi okkażjonijiet, għadu ma sarx progress reali. Għal kważi erba' snin, l-iskart industrijali mormi fil-miżbla illegali ta' “Crno brdo” ma tneħħiex u ma ġiex ġestit kif suppost, u hemm ir-riskju li jikkontamina l-ilma ta' taħt l-art u l-arja. Il-post bħalissa qed jintuża bħala depożitorju ta' ammont kbir ta' residwu tal-produzzjoni tal-ipproċessar tal-ferromanganiż u tas-silikomanganiż. Peress li l-awtoritajiet Kroati naqsu milli jikklassifikaw dak il-materjal bħala skart b'mod konformi mad-Direttiva, madwar 140,000 tunnellata ta' dan l-aggregat tal-ġebla potenzjalment ta' ħsara huma ddepożitati direttament fuq il-ħamrija, u huma theddida għall-abitanti lokali u għall-ambjent. Skont il-liġi tal-UE, il-Kroazja kellha tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni tal-ilma ta' taħt l-art u għall-prevenzjoni tad-dispersjoni tal-partikuli li jagħmlu l-ħsara permezz tal-arja. Il-Kummissjoni Ewropea fetħet il-proċeduri ta' ksur kontra l-Kroazja f'Marzu 2015, u bagħtet opinjoni motivata f'Novembru 2016. Peress li għadu ma sarx progress fl-iżgurar ta' ġestjoni tal-iskart kif suppost f'Biljane Donje li tiggarantixxi li l-iskart ma jkunx ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Kroazja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal aktar tagħrif, irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

Il-Kummissjoni tressaq lill-FINLANDJA quddiem il-Qorti minħabba l-kaċċa fir-rebbiegħa tal-għasafar selvaġġi

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet tressaq lill-Finlandja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE għall-kaċċa illegali fir-rebbiegħa tal-edreduni rġiel fil-provinċja ta' Åland. Skont id-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE), il-qtil tal-għasafar selvaġġi huwa pprojbit, iżda l-kaċċa ta' xi speċijiet, bħal pereżempju l-edreduni (Somateria mollissima), hija permessa sakemm din ma ssirx matul l-istaġun tar-riproduzzjoni jew tal-passa tar-rebbiegħa, jew sakemm il-kundizzjonijiet għal eċezzjoni mill-projbizzjoni tal-kaċċa jkunu ssodisfati. L-awtoritajiet kompetenti għadhom jippermettu l-prattika tal-kaċċa fir-rebbiegħa tal-edreduni rġiel fil-Provinċja ta' Åland. Id-Direttiva dwar l-Għasafar tipprojbixxi kwalunkwe kaċċa ta' għasafar migratorji matul l-istaġun tat-trobbija jew matul l-istadji differenti tar-riproduzzjoni. Huwa possibbli li jkun hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, il-kundizzjonijiet għall-eċċezzjonijiet mhumiex issodisfati fil-Finlandja. Il-popolazzjoni tal-edreduni mhijiex f'livell sodisfaċenti. Skont l-aktar valutazzjonijiet tal-popolazzjoni reċenti, l-ispeċi qed tonqos kemm fl-UE kif ukoll fil-Finlandja. Barra minn hekk, il-kwota tal-kaċċa taqbeż l-ammont awtorizzat ta' 1 % ta' mortalità annwali ta' edreduni fil-Provinċja ta' Åland. F'Diċembru 2005, il-Qorti kienet diġà ddeċidiet fis-sentenza tagħha (C-344/03) li l-Finlandja kienet naqset milli taqdi l-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar l-Għasafar minħabba l-kaċċa tal-edreduni fir-rebbiegħa, fost speċijiet oħrajn fil-provinċja ta' Åland. Il-prattiki kkundannati waqfu iżda reġgħu bdew fil-Provinċja ta' Åland fl-2011 u kien għalhekk li l-Kummissjoni fetħet il-proċeduri ta' ksur dwar din il-kwistjoni f'Novembru 2012. F'Diċembru 2016, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata, biex tħeġġeġ lill-Finlandja twaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa ta' edreduni rġiel fil-Provinċja ta' Åland. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti fil-Provinċja ta' Åland iddeċidew li jiftħu staġun ġdid tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-edreduni rġiel f'April 2017. Għal aktar tagħrif, irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

Il-Kummissjoni tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti minħabba li ma wettqitx rieżami u aġġornament tal-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċir tax-Xmara tagħha fil-Gżejjer Kanarji

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li ma wettqitx rieżami u aġġornament tal-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċir tax-Xmara għas-seba' distretti tal-baċir tax-xmara fil-Gżejjer Kanarji (El Hierro, Fuerteventura, Gran Canaria, La Gomera, La Palma, Lanzarote u Tenerife). Il-Pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċir tax-xmara huma l-bażi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE). Dawn il-Pjanijiet jipprovdu ħarsa ġenerali komprensiva fuq il-kwistjonijiet ewlenin għal kull distrett tal-baċir tax-xmara u jenħtieġ li jinkludu l-miżuri speċifiċi meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-kwalità ambjentali. Spanja kellha twettaq rieżami u aġġornament tal-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċir tax-Xmara fit-territorju tagħha sat-22 ta' Diċembru 2015 u tinforma lill-Kummissjoni dwar dawn il-miżuri sat-22 ta' Marzu 2016. L-awtoritajiet Spanjoli naqsu wkoll milli jiżguraw il-konformità mal-obbligi dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni pubblika għall-istabbiliment ta' dawn il-pjanijiet. Il-Kummissjoni insistiet kemm-il darba ma' Spanja biex taqdi l-obbligi tagħha: l-ewwel nett, billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni f'April 2017 u t-tieni nett, billi ħarġet opinjoni motivata - f'Ottubru 2017. Għal aktar tagħrif, irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

Opinjonijiet motivati

Id-Direttiva dwar il-Ħabitats: il-Kummissjoni titlob lill-GREĊJA biex tirrispetta bis-sħiħ ir-regoli tan-natura

Il-Kummissjoni Ewropea tinsisti mal-Greċja biex tirrispetta l-obbligi skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE) għall-protezzjoni tal-ħabitats naturali u tal-ispeċijiet inklużi fin-netwerk Natura 2000. L-Istati Membri għandhom jaħtru s-Siti ta' Importanza Komunitarja (SCIs) elenkati mill-UE bħala Żoni Speċjali ta' Konservazzjoni (SACs). Għandhom jistabbilixxu wkoll prijoritajiet u objettivi ta' konservazzjoni kif ukoll il-miżuri meħtieġa għall-konservazzjoni sabiex iżommu jew jerġgħu jġibu l-ispeċijiet u l-ħabitats preżenti f'kundizzjoni favorevoli. Dawn il-passi jridu jitwettqu fi żmien sitt snin wara l-inklużjoni ta' dawn is-siti fil-lista tal-UE bħala SCIs. Filwaqt li l-Greċja ħatret formalment il-239 sit kollha tagħha bħala SACs, ma stabbilixxiet la prijoritajiet u objettivi ta' konservazzjoni u lanqas il-miżuri metħieġa għall-konservazzjoni għal dawn is-siti. Bħala parti minn azzjoni ta' infurzar orizzontali kontra bosta Stati Membri, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata oħra lill-Greċja. Issa għandha xahrejn biex twieġeb. Jekk ma tweġibx, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

L-Impatt ambjentali: il-Kummissjoni tinsisti mal-FINLANDJA, mal-LUSSEMBURGU u mar-RUMANIJA biex jippromulgaw bis-sħiħ ir-regoli l-ġodda tal-UE fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-Kummissjoni titlob lill-Finlandja, lil-Lussemburgu u lir-Rumanija biex jadattaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom biex jieħdu kont tal-emendi li saru lid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (id-Direttiva 2014/52/UE). L-għan ta' din id-Direttiva huwa li tiżgura li titwettaq valutazzjoni tal-impatt xierqa għall-proġetti qabel ma jiġu approvati. Il-Kummissjoni Ewropea fetħet il-proċeduri ta' ksur kontra t-tliet Stati Membri f'Lulju 2017. Id-dispożizzjonijiet neqsin għadhom ma ġewx inkorporati bis-sħiħ fil-liġi Lussemburgiża minħabba li l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-valutazzjoni tal-impatt qed tiġi riveduta bħalissa. Fir-rigward tal-Finlandja, għalkemm il-parti kontinentali ttrasponiet id-Direttiva, il-Gżira Åland għadha trid tintroduċi l-emendi meħtieġa fil-leġiżlazzjoni tagħha. Fir-Rumanija, il-leġiżlazzjoni qed titfassal bħalissa sabiex id-Direttiva tiġi traposta bis-sħiħ. Billi l-Finlandja, il-Lussemburgu u r-Rumanija għadhom ma ppromulgawx bis-sħiħ ir-regoli tal-UE fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata. Jekk l-Istati Membri kkonċernati ma jeħdux azzjoni fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tal-opinjoni motivata, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Opinjoni motivata u ittra ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tinsisti mal-IRLANDA u ma' SPANJA biex jaġixxu fuq il-protezzjoni kontra l-għargħar

Il-Kummissjoni qed titlob lill-Irlanda u lil Spanja biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Għargħar (id-Direttiva 2007/60/KE). Id-Direttiva għandha l-għan li tnaqqas u timmaniġġja r-riskji li joħloq l-għargħar għas-saħħa tal-bniedem, għall-ambjent u għall-attività ekonomika. Skont il-liġi tal-UE, l-Istati Membri kellhom ilestu u jippubblikaw il-pjanijiet tal-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar, u jinnotifikawhom lill-Kummissjoni sat-22 ta' Marzu 2016. F'April 2017, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-awtoritajiet Irlandiżi minħabba n-nuqqas tagħhom li jlestu, jippubblikaw u jikkomunikaw il-pjanijiet tal-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar għal seba' distretti tal-baċir tax-xmara. Billi l-Irlanda għadha ma nnotifikatx dawn il-pjanijiet, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata. L-Irlanda għandha xahrejn biex twieġeb. Barra minn hekk, illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Spanja minħabba li l-awtoritajiet Spanjoli naqsu milli jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-pjanijiet tal-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar għad-distretti tal-baċir tax-xmara ta' Katalonja u l-Gżejjer Kanarji. Spanja għandha xahrejn biex twieġeb ukoll.

Ittri ta' intimazzjoni

L-iskart: il-Kummissjoni titlob lill-POLONJA biex tippromulga b'mod korrett ir-regoli dwar l-iskart

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja minħabba n-nuqqas tagħha li tittrasponi b'mod korrett għadd ta' dispożizzjonijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE). Il-liġi tal-UE tinkludi miri għar-riutilizzazzjoni u għar-riċiklaġġ għall-iskart tal-kostruzzjoni u tad-demolizzjoni, u rekwiżiti dwar l-iskart perikoluż u l-kontenut tal-pjanijiet dwar il-ġestjoni tal-iskart. L-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart hija essenzjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Il-Polonja issa għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

6. L-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

(Għal aktar tagħrif: Vanessa Mock – tel.: +32 229 56194, Letizia Lupini - tel.: +32 229 51958)

Għeluq ta' każijiet:

Is-servizzi finanzjarji: il-Kummissjoni għalqet sitt każijiet minħabba li l-Istati Membri nnotifikaw it-traspożizzjoni tar-regoli tal-Kummissjoni dwar il-kreditu ipotekarju

Il-Kummissjoni tilqa' t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju (id-Direttiva 2014/17/UE) mill-Kroazja, mir-Repubblika Ċeka, mid-Danimarka, mill-Finlandja, mill-Greċja, u mil-Lussemburgu. Id-Direttiva hija ta' benefiċċju għall-konsumaturi u għandha l-għan li toħloq suq tal-kreditu ipotekarju fl-UE kollha b'livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur. Id-dispożizzjonijiet ewlenin jinkludu - regoli ta' kondotta għall-fornituri, inkluż obbligu biex tiġi vvalutata l-affidabbiltà kreditizja tal-konsumaturi u biex jiġu żvelati r-rekwiżiti ta' informazzjoni, kompetenza u għarfien għall-persunal, dispożizzjonijiet fir-rigward ta' ċerti aspetti tal-kreditu ipotekarju, bħal pereżempju l-ħlas lura antiċipat, is-self f'munita barranija, il-prattiki ta' rbit, l-edukazzjoni finanzjarja, l-evalwazzjoni tal-proprjetà u l-arretrati u l-bejgħ furzat. Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċeduri ta' ksur li kienu miftuħa għal dawn l-Istati Membri f'Mejju 2016.

 

7. Is-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs

(Għal aktar tagħrif: Lucia Caudet – tel.: +32 229 56182, Maud Noyon – tel.: +32 229 80379)

Opinjoni motivata

Il-moviment liberu tal-merkanzija: il-Kummissjoni tinsisti mal-UNGERIJA biex tieqaf tirrestrinġi l-marġnijiet ta' qligħ tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti agrikoli u tal-ikel

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija abbażi tal-fatt li r-regoli nazzjonali dwar il-bejgħ bl-imnut tal-prodotti agrikoli u tal-ikel huma inkompatibbli mal-liġi tal-UE. Skont il-liġi Ungeriża, il-bejjiegħa bl-imnut huma obbligati li japplikaw l-istess marġnijiet ta' qligħ għall-prodotti agrikoli u tal-ikel domestiċi u importati. Dan jista' jiskoraġġixxi l-bejgħ ta' prodotti agrikoli u tal-ikel importati meta mqabbla ma' dawk domestiċi, minħabba li jista' jagħmilha aktar diffiċli għall-importaturi u għall-bejjiegħa bl-imnut biex joffru l-prodotti importati, li normalment ikunu inqas magħrufa fost il-konsumaturi domestiċi, bi prezzijiet aktar attraenti. Fi Frar 2017, il-Kummissjoni fetħet il-proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni. Il-Kummissjoni qajmet tħassib li dawn ir-regoli jmorru kontra l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija (l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, TFUE)u jdgħajfu l-formazzjoni libera tal-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti agrikoli fuq il-bażi ta' kompetizzjoni ġusta (ir-Regolament tal-UE Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli). Billi l-awtoritajiet Ungeriżi għadhom isostnu l-pożizzjoni tagħhom, il-Kummissjoni issa ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata. Jekk l-Ungerija ma tieħux azzjoni fi żmien xahrejn mid-data tal-wasla tal-opinjoni motivata, il-każ jista' jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Ittra ta' intimazzjoni

L-apparat ta' pressjoni: il-Kummissjoni titlob lin-Netherlands biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lin-Netherlands biex titlobhom iwettqu traspożizzjoni korretta tad-Direttiva dwar l-apparat ta' pressjoni (id-Direttiva 2014/68/UE). Id-Direttiva tkopri firxa wiesgħa ta' tagħmir industrijali, bħal pereżempju l-kompressuri u l-exchangers tas-sħana, kif ukoll prodotti tal-konsumaturi bħal pereżempju l-fire extinguishers u l-pressure cookers. Hija ttejjeb il-kwalità u s-sikurezza tal-apparat ta' pressjoni, tiċċara r-responsabbiltajiet għall-manifatturi, għall-importaturi u għad-distributuri u ttejjeb is-superviżjoni tat-tali prodotti minn korpi ta' valutazzjoni tal-konformità. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li n-Netherlands estendew il-kamp ta' applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni għal ċerti installazzjonijiet li ma tapplikax għalihom. Ir-regoli Olandiżi jimminaw l-implimentazzjoni korretta, uniformi u effiċjenti tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha billi jimponu dawn l-obbligi addizzjonali fuq il-manifatturi – u finalment jimminaw ukoll il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku. Issa n-Netherlands għandhom xahrejn biex jindirizzaw l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

8. Il-Ġustizzja, il-Konsumaturi u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

(Għal aktar tagħrif: Christian Wigand – tel.: +32 229 62253, Melanie Voin - tel.: +32 229 58659)

Opinjonijiet motivati

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus: il-Kummissjoni tinsisti mal-Irlanda u s-Slovakkja biex jittrasponu r-regoli tal-UE

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Irlanda u lis-Slovakkja dwar it-traspożizzjoni parzjali tagħhom tar-raba' Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (id-Direttiva (UE) 2015/849). Din id-Direttiva ssaħħaħ ir-regoli attwali u tagħmel il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu aktar effettiva. Dawn ir-regoli tal-UE jtejbu wkoll it-trasparenza biex tipprevjeni l-evitar tat-taxxa. L-Istati Membri kollha kellhom jittrasponu din id-Direttiva sas-26 ta' Ġunju 2017. L-Irlanda u s-Slovakkja għamlu notifika parzjali fir-rigward ta' din id-Direttiva, iżda f'dawn iż-żewġ pajjiżi l-liġijiet ewlenin li jittrasponu din id-Direttiva għadhom fil-proċess leġiżlattiv nazzjonali. L-Irlanda u s-Slovakkja għandhom xahrejn biex jaqdu l-obbligi tagħhom; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Bħalissa hemm proċeduri ta' ksur miftuħa kontra 20 Stat Membru fir-rigward tan-nuqqas ta' traspożizzjoni tagħhom tal-aktar regoli reċenti tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus, 10 minnhom huma fl-istadju tal-ittra ta' intimazzjoni, filwaqt li 10 Stati Membri rċevew opinjoni motivata (tmienja f'Diċembru li għadda, u tnejn oħra f'Marzu 2018). Sadanittant, għadd ta' Stati Membri adottaw u nnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom. Bħalissa l-Kummissjoni qed tivvaluta l-kompletezza tan-notifiki tal-Istati Membri u se tiddeċiedi dwar il-passi ta' segwitu xierqa fi żmien debitu.

 

9. Il-Mobbiltà u t-Trasport

(Għal aktar tagħrif: Enrico Brivio – tel.: +32 229 56172, Alexis Perier - tel.: +32 229 69143)

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Is-sigurtà tal-avjazzjoni: il-Kummissjoni tressaq lill-KROAZJA quddiem il-Qorti minħabba li naqset milli taġġorna l-leġiżlazzjoni nazzjonali

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Kroazja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE minħabba li naqset milli timplimenta xi wħud mir-regoli komuni Ewropej fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni (ir-Regolament (KE) Nru 300/2008). Din hija kwistjoni ta' natura amministrattiva li mhijiex marbuta ma' nuqqasijiet fis-sigurtà. Dan ir-Regolament jobbliga lill-Istati Membri biex jaġġornaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni b'mod regolari. Din il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi l-istrutturi organizzattivi, ir-responsabbiltajiet u l-mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-attivitajiet fl-ajruporti nazzjonali, fir-rigward tal-linji tal-ajru u fir-rigward ta' entitajiet marbuta mas-sigurtà tal-avjazzjoni. Dan biex jiġi żgurat li kwalunkwe kwistjoni ta' sigurtà tiġi skoperta u korretta malajr. Madankollu, u minkejja bosta talbiet mill-Kummissjoni, il-Kroazja għadha ma aġġornatx formalment il-leġiżlazzjoni rilevanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Għal aktar tagħrif, irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

Opinjonijiet motivati

It-trasport bit-triq: il-Kummissjoni titlob lil tliet Stati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet massimi ta' ċerti vetturi tat-triq

Illum il-Kummissjoni talbet lill-Ġermanja, lill-Polonja u lis-Slovenja biex jittrasponu bis-sħiħ fil-liġi nazzjonali r-regoli aġġornati Ewropej dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet massimi ta' ċerti vetturi tat-triq (id-Direttiva 2015/719/UE). Dawn ir-regoli, li jikkonċernaw it-traffiku internazzjonali, jaqdu rwol importanti għall-funzjonament tas-suq intern u tal-moviment liberu tal-merkanzija fl-Ewropa. Fost l-oħrajn, id-Direttiva ddaħħal derogi għall-vetturi tqal tal-merkanzija b'rendiment ajrudinamiku mtejjeb, jew għal dawk li jaħdmu b'karburanti alternattivi. Dan biex ma jiġix ippenalizzat l-użu ta' vetturi aktar nodfa, li jistgħu jkunu itwal jew itqal mill-vetturi konvenzjonali. Din id-Direttiva kellha tkun implimentata mill-Istati Membri sas-7 ta' Mejju 2017. L-Istati Membri kollha kkonċernati issa għandhom xahrejn biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva; inkella, il-Kummissjoni tista' tressaq dawn il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Ittri ta' intimazzjoni

Is-sigurtà tal-avjazzjoni: il-Kummissjoni tinsisti mal-GREĊJA biex timmonitorja kif xieraq l-implimentazzjoni tal-istandards tas-sigurtà tal-avjazzjoni

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja minħabba li naqset li tikkonforma ma' xi wħud mir-regoli komuni Ewropej fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 18/2010). Spezzjoni tal-Kummissjoni tal-awtorità xierqa tal-avjazzjoni ċivili Griega wriet li l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-istandards tas-sigurtà tal-avjazzjoni fit-territorju Grieg ma kinux immonitorjati regolarment. Issa l-Greċja għandha xahrejn biex twieġeb għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Liċenzja tas-Sewqan: il-Kummissjoni titlob lil erba' Stati Membri biex japplikaw b'mod korrett ir-regoli komuni tal-UE

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Ġermanja, lill-Italja, lil-Latvja u lin-Netherlands biex tħeġġiġhom jikkonformaw mar-regoli komuni Ewropej dwar il-liċenzji tas-sewqan (id-Direttiva 2006/126/KE kif emendata). L-Anness I tad-Direttiva jiddetermina kif ir-restrizzjonijiet għal-liċenzja (eż. il-ħtieġa li persuna tilbes nuċċali) u informazzjoni addizzjonali oħra jenħtieġ li jiġu murija fuq il-liċenzja. Madankollu, il-miżuri nazzjonali fil-Ġermanja, fl-Italja, fil-Latvja u fin-Netherlands imorru kontra xi wħud minn dawn ir-rekwiżiti. L-erba' Stati Membri issa għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

Is-sikurezza fit-toroq: il-Kummissjoni tfakkar lin-Netherlands bl-obbligu tagħhom ta' rappurtar

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tfakkar lin-Netherlands bl-obbligu tagħhom ta' rappurtar skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ispezzjoni teknika tal-ġenb tat-triq tal-vetturi kummerċjali (id-Direttiva 2000/30/KE). Id-Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull sentejn sett ta' dejta miġbura u relatata mal-ispezzjoni teknika tal-ġenb tat-triq tal-vettura kummerċjali (xarabanks, trakkijiet u trejlers tqal). L-Istati Membri kellhom iressqu r-rapporti dwar il-perjodu 2015-2016 sal-31 ta' Marzu 2017. Minkejja sforzi kontinwi biex jinkiseb ir-rapport, in-Netherlands ma kkonformawx mal-obbligu. Issa n-Netherlands għandhom xahrejn biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni; inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

10. It-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali

(Għal aktar tagħrif: Vanessa Mock – tel.: +32 229 56194, Patrick Mc Cullough – tel.: +32 229 87183)

Ittri ta' intimazzjoni

It-Tassazzjoni: il-Kummissjoni titlob lill-BULGARIJA biex tbiddel ir-regoli tagħha dwar il-VAT għall-kumpaniji li jinnegozjaw fil-karburanti u għall-użu mhux kummerċjali tal-assi tal-kumpaniji

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Bulgarija biex titlob li r-regoli tagħha dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jinġiebu konformi mal-liġi tal-UE. Każ wieħed jinvolvi l-fatt li l-kumpaniji żgħar li jinnegozjaw fil-karburanti bħalissa huma obbligati li jipprovdu ammonti eċċessivi ta' flus minn qabel sabiex jiggarantixxu li huma kapaċi jħallsu l-kont tal-VAT tagħhom. Il-kumpaniji kbar iridu biss jiddepożitaw garanzija ta' ammont ugwali għall-VAT dovuta għat-tranżazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali mhijiex kompatibbli mar-regoli tal-UE (id-Direttiva tal-VAT, id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE) u mal-libertà ta' intrapriża (l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE). B'mod separat, il-Bulgarija qed tintalab li tbiddel ir-regoli tagħha dwar kif tiġi kkalkolata l-VAT dovuta meta l-kapital operatorju jintuża għal skopijiet privati jew mhux kummerċjali u meta l-kapital operatorju jiġi ttrasferit fi Stat Membru ieħor. Jekk l-Bulgarija ma tiħux azzjoni dwar dawn iż-żewġ talbiet fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Bulgari.

It-Tassazzjoni: il-Kummissjoni titlob lill-ĠERMANJA biex tallinja r-regoli tagħha mal-liġi tal-UE fir-rigward ta' skema tal-VAT għad-dispożizzjoni tal-bdiewa

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha ta' skema speċifika tal-VAT għall-bdiewa. Ir-regoli tal-UE (id-Direttiva tal-VAT) jippermettu lill-Istati Membri japplikaw skema tal-VAT b'rata fissa għall-bdiewa. F'din l-iskema, il-bdiewa jimponu lill-klijenti tagħhom ħlas ta' ammont standard – jew “kumpens b'rata fissa” - għall-prodotti u s-servizzi agrikoli tagħhom, minflok japplikaw ir-regoli normali tal-VAT. Min-naħa tagħhom, dawk il-bdiewa ma jistgħux jitolbu kumpens tal-VAT li jkunu diġà ħallsu. L-iskema hija maħsuba biex tintuża mill-bdiewa li x'aktarx jesperjenzaw diffikultajiet amministrattivi meta jsegwu r-regoli normali tal-VAT. Madankollu, il-Ġermanja tapplika l-iskema b'rata fissa awtomatikament lill-bdiewa kollha, inklużi l-proprjetarji ta' azjendi agrikoli kbar li ma jkollhomx diffikultajiet bħal dawn. Barra minn hekk, skont iċ-ċifri mill-Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar Ġermaniża (bil-Ġermaniż: Bundesrechnungshof), jekk tingħata r-rata fissa lill-bdiewa b'dan il-mod dan jista' jwassal għal kumpens żejjed għall-VAT fuq ix-xiri li jkunu ħallsu. Dan mhuwiex permess skont ir-regoli tal-UE u jiġġenera tgħawwiġ kbir tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Jekk il-Ġermanja ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Ġermaniżi.

Il-VAT fuq il-jottijiet: il-Kummissjoni tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra ĊIPRU, il-GREĊJA u MALTA

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil Ċipru, lill-Greċja u lil Malta minħabba li ma imponux l-ammont korrett ta' Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) fuq il-provvista tal-jottijiet. Din il-kwistjoni tista' tiġġenera tagħwiġ kbir tal-kompetizzjoni u kienet suġġett li ssemma ħafna fil-kxif tal-informazzjoni dwar il-“Paradise Papers” is-sena l-oħra. Fid-dettall, il-proċeduri ta' ksur li nfetħu llum jikkonċernaw: bażi mnaqqsa tal-VAT għall-kiri tal-jottijiet – skema ġenerali tal-VAT ipprovduta minn Ċipru, il-Greċja u Malta. Ir-regoli attwali tal-UE dwar il-VAT jippermettu lill-Istati Membri li ma jintaxxawx il-provvista ta' servizz meta l-użu effettiv u t-tgawdija tal-prodott ikun barra mill-UE, iżda ma jippermettux tnaqqis ġenerali b'rata fissa mingħajr il-prova tal-post tal-użu reali. Malta, Ċipru u l-Greċja stabbilixxew linji gwida li skonthom aktar ma tkun kbira d-dgħajsa, inqas ma jitqies li l-kiri jseħħ fl-ilmijiet tal-UE, regola li tnaqqas ħafna r-rata tal-VAT applikabbli. It-tassazzjoni mhux korretta f'Ċipru u Malta ta' xiri ta' jottijiet permezz ta' dak li huwa magħruf bħala “kiri b'opzjoni ta' xiri”. Il-liġijiet Ċiprijotti u Maltin bħalissa jikklassifikaw il-kiri ta' jott bħala provvista ta' servizz minflok prodott. Dan jirriżulta fil-fatt li l-VAT qed tiġi imposta biss bir-rata standard fuq ammont żgħir tal-prezz tal-kost reali tal-inġenju ladarba l-jott jinxtara, u l-bqija tiġi ntaxxata bħala l-provvista ta' servizz u b'rata mnaqqsa ħafna. It-tliet Stati Membri issa għandhom xahrejn biex jirrispondu għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. Jekk ma jiħdux azzjoni f'dawn ix-xahrejn, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet tagħhom. Għal aktar tagħrif, irreferi għall-verżjoni sħiħa tal-istqarrija għall-istampa.

It-Tassazzjoni: il-Kummissjoni titlob lill-POLONJA biex tallinja r-regoli tagħha mal-liġi tal-UE fir-rigward tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tal-enerġija

Illum il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja fir-rigward ta' eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għall-gass u għall-prodotti tal-faħam li bħalissa qed tiġi estiża għan-negozji kollha li jikkunsmaw ħafna enerġija li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (EU ETS). Ir-regoli tal-UE (id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE) jeħtieġu li n-negozji li jibbenefikaw mit-tali eżenzjonijiet minħabba li tejbu l-effiċjenza tal-enerġija jew ambjentali tagħhom, imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ mill-istrumenti vinkolanti tal-UE bħal pereżempju l-EU ETS. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Pollakka ma tesiġix tali livell ta' effiċjenza fl-enerġija u l-approċċ tagħha joħloq tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Jekk il-Polonja ma tiħux azzjoni fix-xahrejn li ġejjin, il-Kummissjoni tista' tibgħat opinjoni motivata lill-awtoritajiet Pollakki.

MEMO/18/1444

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar