Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Fl-2017 se jintemm il-ħlas tar-roaming għal dawk li jivvjaġġaw fl-UE

Brussell, id-19ta' april 2017

Mistoqsijiet u tweġibiet aġġornati(*)

1. Ir-roaming fl-UE

Kif jaħdem ir-roaming fl-UE?

Meta tivvjaġġa lejn pajjiż ieħor u ċċempel, tibgħat messaġġ jew tuża l-internet bil-mowbajl tiegħek jew b'apparat ieħor li fih ikollok SIMcard ta' pajjiżek, inti tkun qiegħed tuża r-roaming. L-operatur tiegħek f'pajjiżek iħallas lill-operatur fil-pajjiż barrani biex ikun jista' juża n-netwerk tiegħu. Il-prezz li jħallsu l-operaturi lil xulxin jissejjaħ “il-prezz tar-roaming bl-ingrossa”. Dan il-prezz huwa spiża għall-operatur tal-pajjiż tal-oriġini u għalhekk ikollu impatt fuq il-kont finali tal-konsumaturi. Minħabba f'hekk, fl-istess ħin li kienet qed taħdem biex tillimita l-prezzijiet bl-imnut li jħallsu l-konsumaturi, il-Kummissjoni kienet qed taħdem biex tillimita l-prezzijiet tar-roaming bl-ingrossa fl-UE.

X'inhuma l-prezzijiet domestiċi differenti għas-servizzi mobbli fl-UE?

Ix-xejriet tal-ivvjaġġar ivarjaw fost l-Ewropej u l-ispejjeż tan-netwerks fil-pajjiżi li jżuru jvarjaw ukoll. Studju li l-Kummissjoni Ewropea għamlet dan l-aħħar juri wkoll li l-offerti bl-imnut għall-konsumaturi jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Pereżempju, fl-2016, il-prezz tal-irħas offerti ta' bix-xahar li kienu jinkludu 1 GB ta' dejta, 600 minuta ta' telefonati u 225 messaġġ kien ivarja minn EUR 60 fl-Ungerija għal EUR 8 fl-Estonja (minbarra l-VAT u kwalunkwe ħlas għall-mowbajl innifsu).

2. L-azzjoni tal-UE kontra l-ħlas tar-roaming

Il-Kummissjoni Ewropea ilha mill-2007 taħdem b'suċċess biex tnaqqas il-prezz tar-roaming għall-konsumaturi. Dan biddel l-aġir ta' ħafna Ewropej, li qabel kienu jitfu l-mowbajls tagħhom meta jkunu qed jivvjaġġaw. Fl-2013, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet leġiżlazzjoni biex ittemm il-ħlas tar-roaming għal dawk li jivvjaġġaw b'mod perjodiku fl-UE. F'Ottubru tal-2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li din il-leġiżlazzjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-15 ta' Ġunju 2015 (ara d-dettalji hawn).

Mill-15 ta' Ġunju 2017 'il quddiem, inti se tkun tista' tuża l-apparat mobbli tiegħek meta tivvjaġġa fl-UE u tħallas l-istess prezz bħal dak li tħallas meta tkun f'pajjiżek, jiġifieri se tkun tista' “tuża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek”, dejjem skont il-politiki tal-użu ġust tal-operaturi. Pereżempju, jekk ikollok kuntratt tal-mowbajl f'pajjiżek li jkun jinkludi għadd speċifiku ta' minuti għat-telefonati, għadd speċifiku ta' messaġġi u ammont speċifiku ta' dejta fix-xahar, kull telefonata u messaġġ li tagħmel u kull ammont ta' dejta li tuża meta tkun barra minn pajjiżek se jitnaqqsu minn dak l-għadd bħallikieku kont f'pajjiżek mingħajr spejjeż żejda.

Xi tnaqqis differenti kien hemm fil-prezz tar-roaming?

  • Sa mill-2007 'l hawn, l-UE rnexxielha tikseb tnaqqis ta' 92 % fil-prezz bl-imnut tat-telefonati[1].
  • Sa mill-2009 'l hawn, l-UE rnexxielha tikseb tnaqqis ta' 92 % fil-prezz bl-imnut tal-messaġġi[2].
  • Ir-roaming tad-dejta issa huwa sa 96 % irħas milli kien fl-2012 meta bdew japplikaw l-ewwel limiti fuq il-prezz bl-imnut tiegħu fl-UE[3].
  • Bejn l-2008 u l-2015, il-volum tar-roaming tad-dejta żdied b'iktar minn 100 darba. 

 

It-tariffi regolati tar-roaming li kien hemm mill-2007 sal-2016

(f'EUR minbarra l-VAT)

 

Tariffa meta wieħed jagħmel telefonata

Tariffa meta wieħed jirċievi telefonata

Tariffa għall-messaġġi

Tariffa għad-dejta

Tariffa għad-dejta

 

 

 

 

bl-ingrossa

bl-imnut

 

 

 

 

għal kull MB

għal kull MB

Fl-2007

0.49

0.24

 

 

 

Fl-2008

0.46

0.22

 

 

 

Fl-2009

0.43

0.19

0.11

1.00

 

Fl-2010

0.39

0.15

0.11

0.80

 

Fl-2011

0.35

0.11

0.11

0.50

 

Fl-2012

0.29

0.08

0.09

0.25

0.70

Fl-2013

0.24

0.07

0.08

0.15

0.45

Fl-2014

0.19

0.05

0.06

0.05

0.20

Fl-2015

0.19

0.05

0.06

0.05

0.20

Fl-2016

Il-prezz domestiku u sa 5 ċenteżmi iktar minnu

0.0114

Il-prezz domestiku u sa 2 ċenteżmi iktar minnu

0.05

Il-prezz domestiku u sa 5 ċenteżmi iktar minnu

 

X'miżuri hemm bżonn jittieħdu biex jintemmu l-ħlasijiet tar-roaming?

Meta l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ftehmu dwar il-mekkaniżmu li bih wieħed jista' juża r-roaming qisu qiegħed f'pajjiżu, huma talbu lill-Kummissjoni tiżviluppa għadd ta' miżuri ta' appoġġ biex dan ikun jista' jaħdem fil-prattika. Dawn huma l-miżuri li ġejjin:

- proposta leġiżlattiva, sal-15 ta' Ġunju 2016, biex issir riforma tas-suq tar-roaming bl-ingrossa, jiġifieri tal-prezzijiet massimi li l-operaturi jimponu fuq xulxin biex il-klijenti tar-roaming jużaw in-netwerks tagħhom. Wara l-proposta tal-Kummissjoni, fil-31 ta' Jannar 2017 il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri qablu fuq il-limiti li ġejjin għar-roaming bl-ingrossa:

  • EUR 0.032 għat-telefonati għal kull minuta mill-15 ta' Ġunju 2017 'il quddiem;
  • EUR 0.01 għal kull messaġġ mill-15 ta' Ġunju 2017 'il quddiem;
  • tnaqqis pass pass fuq ħames snin għal-limiti fuq id-dejta, li jonqsu minn EUR 7.70 għal kull GB (fil-15 ta' Ġunju 2017) għal EUR 6 għal kull GB (fl-1 ta' Jannar 2018) għal EUR 4.50 għal kull GB (fl-1 ta' Jannar 2019), għal EUR 3.50 għal kull GB (fl-1 ta' Jannar 2020), għal EUR 3 għal kull GB (fl-1 ta' Jannar 2021) u fl-aħħar nett għal EUR 2.50 għal kull GB (fl-1 ta' Jannar 2022);

- regoli dwar miżuri dwar “l-użu ġust” li l-operaturi jistgħu jieħdu biex jevitaw l-abbuż tas-sistema, bħall-bejgħ mill-ġdid b'mod sistematiku ta' SIMcards bi prezz baxx għall-użu permanenti f'pajjiżi oħrajn. Hemm bżonn tat-tali politiki dwar l-użu ġust sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi fis-swieq domestiċi jiġu affettwati ħażin;

- sistema ta' derogi eċċezzjonali u temporanji għall-operaturi li għandha tintuża biss bl-awtorizzazzjoni tar-regolatur nazzjonali f'ċirkustanzi limitati ħafna, meta t-tmiem tal-ħlas tar-roaming f'suq speċifiku jista' jwassal għal żieda fil-prezz domestiku għall-klijenti tal-operatur. Ir-regolaturi nazzjonali jistgħu jawtorizzaw l-użu ta' din id-deroga biss jekk l-operatur ikun se jkollu telf ta' 3 % jew iktar fuq ir-roaming bl-imnut mill-marġni tas-servizzi mobbli tiegħu.

3. Daqshekk ħlas tar-roaming għall-Ewropej kollha li jivvjaġġaw fl-UE

Kif se jaħdem it-tmiem tal-ħlas tar-roaming?

L-operaturi li joffru servizzi mobbli jridu joffru s-servizzi tar-roaming tagħhom lill-konsumaturi li s-soltu joqogħdu fl-Istat Membru tagħhom jew li jkollhom rabtiet stabbli miegħu bi prezzijiet domestiċi meta dawk il-klijenti jkunu qed jivvjaġġaw b'mod perjodiku fl-UE. Jekk ikun hemm bżonn, l-operaturi jistgħu jitolbu lill-klijenti tagħhom jipprovdulhom provi ta' fejn joqogħdu jew tat-tali rabtiet stabbli mal-Istat Membru kkonċernat.

Il-fornituri tar-roaming jistgħu japplikaw mekkaniżmi ġusti, raġonevoli u proporzjonati ta' kontroll ibbażati fuq indikaturi oġġettivi sabiex jidentifikaw ir-riskji li wieħed juża r-roaming qisu qiegħed f'pajjiżu b'mod anomalu meta ma jkunx qed jivvjaġġa b'mod perjodiku jew li wieħed jabbuża minn din is-sistema f'din is-sitwazzjoni.

Min se jkun kopert minn dan?

L-abbozz tar-regoli se jippermetti lill-vjaġġaturi Ewropej kollha li jużaw SIMcard li tippermetti r-roaming minn Stat Membru fejn jgħixu jew li miegħu għandhom “rabtiet stabbli” jużaw l-apparat mobbli tagħhom f'kull pajjiż ieħor tal-UE, daqslikieku kienu f'pajjiżhom. Eżempji ta' persuni li għandhom “rabtiet stabbli” ma' pajjiż fejn jaħdmu jew li fih jistudjaw jinkludu l-vjaġġaturi li jaqsmu l-fruntieri biex imorru għax-xogħol jew il-ħaddiema ppostjati xi mkien ieħor.

Hemm bżonn nirreġistra biex nuża r-roaming qisni qiegħed f'pajjiżi?

M'hemmx bżonn tirreġistra b'mod formali biex tuża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek. Mill-15 ta' Ġunju 2017, dan għandu jiġi inkluż b'mod awtomatiku fil-kuntratti tal-mowbajl tal-klijenti kollha li fihom l-operaturi joffru r-roaming. L-operaturi jistgħu jitolbu lill-konsumaturi jipprovdulhom provi li darhom (jew ir-residenza tagħhom) hija fl-Istat Membru tal-operatur li joffri s-servizzi mobbli.

Il-konsumatur jista' jipprovdi wkoll evidenza li huwa għandu rabtiet stabbli li permezz tagħhom huwa jkun b'mod frekwenti u sostanzjali fit-territorju tal-Istat Membru tal-operatur li joffri s-servizzi mobbli, bħal relazzjonijiet tax-xogħol fih jew il-fatt li jkun qed isegwi korsijiet rikorrenti universitarji fih.

Kif se titħares id-dejta personali?

Ir-regoli dwar l-użu ġust tar-roaming jeżiġu b'mod ċar lill-fornituri tar-roaming jikkonformaw mar-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-dejta. Il-Kummissjoni kkonsultat mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta u qieset il-kummenti tiegħu. L-operaturi jistgħu jużaw biss l-informazzjoni li diġà jiġbru għall-finijiet tal-ħruġ tal-fatturi biex jiċċekkjaw sa liema punt il-klijenti tagħhom ikunu qed jużaw is-servizzi mobbli u tad-dejta meta jkunu barra minn pajjiżhom meta mqabbel mal-konsum tagħhom f'pajjiżhom.

L-Ewropej xorta waħda se jkunu jistgħu jixtru SIMcards differenti fi Stati Membri differenti?

Iva. Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jkomplu jixtru kull SIMcard li jridu fl-Istat Membru tal-UE li jridu u jużaw l-internet u jċemplu b'tariffi lokali fih jew jużaw ir-roaming b'dik is-SIMcard. Madankollu, jista' jkun li huma ma jkunux jistgħu jużaw ir-roaming qishom qegħdin f'pajjiżhom jekk ma jkunux joqogħdu fil-pajjiż fejn ikunu xtraw is-SIMcard jew jekk ma jkollhomx rabtiet stabbli li permezz tagħhom ikunu b'mod frekwenti u sostanzjali f'dak il-pajjiż.

Xi rwol se jkollhom l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali?

Bħal fil-każ tar-regoli eżistenti dwar ir-roaming, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali se jimmonitorjaw u jiċċekkjaw jekk l-operaturi li joffru servizzi mobbli jkunux qed jikkonformaw mar-regoli l-ġodda jew le, u se jieħdu azzjoni jekk dawn ma jkunux qed jikkonformaw magħhom.

Hemm xi salvagwardji regolatorji?

Is-salvagwardji kontra l-abbuż huma bbażati fuq prinċipji ċari u jinkludu indikaturi u għodod li huma raġonevoli u trasparenti, li jħarsu l-privatezza u li mhumiex diskriminatorji. Sabiex fornitur tar-roaming jidentifika xi abbuż potenzjali, huwa jista' jwettaq verifiki tax-xejriet tal-użu tal-klijenti kemm fl-Istat Membru tiegħu kif ukoll fi Stati Membri oħrajn (mekkaniżmu ta' kontroll). Dan il-mekkaniżmu se jissejjes fuq l-informazzjoni li l-operaturi diġà jużaw biex joħorġu l-fatturi tal-klijenti tagħhom, abbażi tal-indikaturi ċari u trasparenti li ġejjin:

  • il-konsum tar-roaming prevalenti meta mqabbel mal-konsum domestiku U l-preżenza prevalenti fi Stati Membri oħrajn tal-UE meta mqabbla mal-preżenza fil-pajjiż nattiv (kemm il-klijent jaqbad man-netwerk tal-fornitur tar-roaming), li għandhom jiġu nnutati fuq perjodu ta' mill-inqas erba' xhur;
  • il-fatt li SIMcard partikulari li tkun tintuża l-aktar, jekk mhux biss, għar-roaming, ma tkunx qed titħaddem għal perjodu twil taż-żmien;
  • l-abbonament u l-użu sekwenzjali ta' diversi SIMcards mill-istess klijent waqt ir-roaming.

Il-fornitur tar-roaming irid javża lill-awtorità regolatorja nazzjonali dwar il-politiki tal-użu ġust tiegħu u jrid jispjegahom fid-dettall fil-kuntratti tiegħu.

L-użu tar-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek huwa maħsub għal dawk li jivvjaġġaw. Sabiex operatur jistabbilixxi li utent jista' jkun qed juża r-roaming qisu qiegħed f'pajjiżu b'mod anomalu jew ikun qed jabbuża minn din is-sistema, huwa jrid juri li dan l-abbuż ikun seħħ fuq perjodu ta' mill-inqas erba' xhur. Jekk klijent ikun qatta' iktar minn xahrejn minn erbgħa barra minn pajjiżu, u jekk f'dan iż-żmien il-klijent ikun ikkonsma iktar barra minn pajjiżu milli f'pajjiżu, l-operaturi jistgħu jibagħtu jwissu lill-klijent b'dan. Ladarba l-klijent jirċievi din it-twissija, huwa jkollu ġimagħtejn biex jiċċara s-sitwazzjoni. Jekk l-utent jibqa' jkun barra minn pajjiżu, l-operaturi jkunu jistgħu japplikaw ħlasijiet addizzjonali żgħar (li jkunu ekwivalenti għal-limiti għar-roaming bl-ingrossa).

F'każ ta' nuqqas ta' qbil, l-operatur irid jimplimenta l-proċedura tal-ilmenti. Jekk l-operatur u l-klijent jibqgħu ma jaqblux, il-klijent jista' jressaq l-ilment tiegħu quddiem l-awtorità regolatorja nazzjonali li għandha ssolvi l-każ.

Għall-iktar kuntratti kompetittivi li joffru ammont mhux limitat ta' dejta jew dejta bi prezzijiet domestiċi baxxi ħafna li huma inqas mil-limitu fuq il-prezz tar-roaming bl-ingrossa, hija prevista salvagwardja fuq il-volum tad-dejta li tista' tiġi kkunsmata waqt ir-roaming sabiex dawn l-offerti jkunu jistgħu jinżammu.

Il-fatt li se jintemmu l-ħlasijiet tar-roaming se jwassal għal żieda fil-prezzijiet domestiċi?

Minn meta ddaħħlu r-Regolamenti tal-UE biex jitnaqqsu l-ħlasijiet tar-roaming, il-prezzijiet domestiċi tas-servizzi mobbli bdew jonqsu wkoll. X'aktarx li din ix-xejra se tkompli.

L-Att ta' implimentazzjoni li l-Kummissjoni adottat f'Diċembru tal-2016 jipprovdi regoli ddettaljati dwar żewġ salvagwardji biex jiġi evitat it-tfixkil fis-swieq domestiċi li mill-bqija jista' jwassal għal żieda fil-prezzijiet: (1) regoli dwar l-użu ġust biex l-operaturi li joffru servizzi mobbli jkunu jistgħu jevitaw l-abbuż tas-servizzi tar-roaming jew l-użu anomalu tagħhom, bħar-roaming permanenti; u (2) sistema ta' derogi eċċezzjonali u temporanji għall-operaturi li għandha tintuża biss bl-awtorizzazzjoni tar-regolatur nazzjonali f'ċirkustanzi limitati ħafna, meta t-tmiem tal-ħlas tar-roaming f'suq speċifiku jista' jwassal għal żieda fil-prezz domestiku.

Fil-valutazzjoni tal-impatt li nħarġet mal-proposta biex jiġu rregolati s-swieq tar-roaming bl-ingrossa fil-15 ta' Ġunju 2016, il-Kummissjoni kkonkludiet li, bil-ħlasijiet massimi tar-roaming li pproponiet dak iż-żmien (EUR 0.04 għat-telefonati għal kull minuta, EUR 0.01 għal kull messaġġ u EUR 8.50 għal kull GB ta' dejta), il-biċċa l-kbira tal-operaturi li joffru servizzi mobbli ma kienx se jkollhom bżonn japplikaw għal din is-sistema ta' derogi eċċezzjonali u temporanji. Il-Kummissjoni tqis li l-limiti aktar baxxi għar-roaming bl-ingrossa li ntlaħaq ftehim dwarhom fil-31 ta' Jannar 2017 se jappoġġaw il-konklużjonijiet li ħarġet bihom dak iż-żmien.

 

 

(*): Dan id-dokument hu verżjoni fil-qosor tad-dokument bin-numru ta' referenza MEMO/17/885 li ġie ppubblikat fis-6 ta' April 2017.

 

 

MEMO/17/913

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar