Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Minn Erasmus għal Erasmus+: storja ta' 30 sena

Brussell, is-26ta' jannar 2017

Il-Kummissjoni llum qed tniedi ċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mill-bidu tal-Erasmus, wieħed mill-aktar programmi tal-Unjoni Ewropea li għamlu suċċess.

Illum, il-Kummissjoni qed tippubblika wkoll ir-Rapport Annwali Erasmus+ għall-2015, li jkopri t-tieni sena ta' Erasmus+, il-programm attwali għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport 2014–2020.

Kif evolva l-Erasmus matul dawn l-aħħar 30 sena?

Il-programm Erasmus tnieda fl-1987 bħala programm ta' skambju għal studenti tal-edukazzjoni għolja. Mill-ewwel sena tiegħu, meta pparteċipaw 3,200 student minn 11-il pajjiż Ewropew (il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, l-Olanda, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit), il-programm kompla jevolvi kontinwament. Illum, l-Erasmus+ joffri firxa wiegħsa ta' opportunitajiet fl-edukazzjoni għolja, fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fl-edukazzjoni skolastika, fl-edukazzjoni għall-adulti, għaż-żgħażagħ u għall-isport. Dawn l-opportunitajiet huma miftuħa għal dawk li qed jitgħallmu, għall-edukaturi u għall-ħaddiema fl-oqsma taż-żgħażagħ. Matul dawn l-aħħar 30 sena, il-programm ta l-opportunità lil 9 miljun ruħ biex jistudjaw, jitħarrġu, iwettqu volontarjat jew jiksbu esperjenza professjonali barra mill-pajjiż. Erasmus+ għandu rabtiet aktar b'saħħithom fis-suq tax-xogħol mill-programmi predeċessuri tiegħu, u jippermetti li l-istudenti jqattgħu perjodi ta' apprendistat f'kumpaniji jew f'organizzazzjonijiet barra l-pajjiż u permezz ta' esperjenzi ta' tagħlim mhux formali li jħejju liż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol u għall-parteċipazzjoni fil-ħajja ċivika.

Erasmus+ x'sar fi 30 sena?

X'suċċċess kellu l-programm Erasmus?

Għal 30 sena, il-mobbiltà għenet biex in-nies jingħataw l-edukazzjoni, il-ħiliet u l-kompetenzi li għandhom bżonn għal ħajja indipendenti u sodisfaċenti. Tat ukoll esperjenza Ewropea lill-Ewropej kif ukoll sens ta' appartenenza għal komunità. Diversi evalwazzjonijiet u valutazzjonijiet tal-impatt enfasizzaw il-valur tal-mobbiltà. Dawn juru li meta ż-żgħażagħ Ewropej isiefru huma jkunu qed jiġu mgħammra bil-ħiliet tas-suq tax-xogħol kemm tal-lum kif ukoll ta' għada filwaqt li jtejbu l-prospetti tagħhom għal suċċess fil-karriera tagħhom. Studenti mobbli jirduppjaw iċ-ċans taħghom li jsibu impjieg sa sena wara l-gradwazzjoni meta mqabbla mal-kontropartijiet mhux mobbli tagħhom, u wieħed minn kull tliet studenti li jagħmlu apprendistati barra mill-pajjiż imbagħad jiġi offrut pożizzjoni mal-kumpanija li tkun ħaddmitu. Barra minn hekk, stħarriġiet li saru ma' parteċipanti mill-2014 lil hawn juru b'mod ċar kif l-istudenti jħarsu lejn din l-esperjenza b'mod pożittiv: 96% jgħidu li huma sodisfatti li ħadu sehem fil-programm.

X'joffri aktar l-Erasmus+ lil hinn mill-mobbiltà?

L-Erasmus+ kiber b'mod li sar ifisser ħafna aktar minn sempliċiment mobbiltà. Il-proġetti ta' kooperazzjoni huma għodda li toffri opportunità lil organizzazzjonijiet attivi fl-oqsma tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, taż-żgħażagħ u tal-isport biex jiffurmaw sħubijiet ma' xulxin, kif ukoll ma' atturi oħra bħal kumpaniji u awtoritajiet pubbliċi. Dawn il-proġetti ta' kooperazzjoni isaħħu l-kwalità u jixprunaw l-innovazzjoni, pereżempju billi jtejbu l-politiki li huma essenzjali għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Wieħed jista' jagħti ħarsa ġenerali komprensiva lejn xi proġetti tal-imgħoddi u dawk attwali hawnhekk.

L-UE kif qed tfakkar it-30 anniversarju tal-programm Erasmus?

It-30 anniversarju se jiġi ċċelebrat bi programm ta' avvenimenti ta' sena fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali, bl-appoġġ u bl-ispirazzjoni ta' persuni li ħadu sehem fl-Erasmus. Permezz ta' dawn l-avvenimenti u l-komunikazzjoni online maċ-ċittadini, il-Kummissjoni tixtieq tħeġġeġ djalogu miftuħ dwar kif tista' ssaħħaħ il-programm biex ikun jista' jikkontribwixxi għas-soċjetà Ewropea fil-futur.


Erasmus+: it-tieni sena

Ir-Rapport Annwali tal-Erasmus+ għall-2015 jagħti ħarsa ġenerali lejn il-progress miksub matul it-tieni sena tal-implimentazzjoni tal-programm u jiddeskrivi kif il-prijoritajiet tal-Erasmus+ fl-2015 ġew iffurmati skont l-iżviluppi fis-soċjetà.

X'kienu l-iżviluppi prinċipali fl-2015?

L-Erasmus+ se jkollu rwol sinifikanti fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, inkluż ta' refuġjati u migranti li jkunu għadhom kif jaslu. Il-programm issa għandu enfasi akbar fuq l-edukazzjoni tagħhom, u l-programm ta' Appoġġ Lingwistiku Online ġie estiż b'EUR 4 miljun għal benefiċċju ta' 100,000 refuġjat matul it-tliet snin li ġejjin.

Saret ukoll enfasi akbar fuq miżuri li jgħinu l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni permezz ta' azzjonijiet tal-Erasmus+. L-edukazzjoni u l-azzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom rwol ċentrali fil-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjali, fit-tisħiħ tal-fehim interkulturali u fl-iżvilupp ta' sens ta' appartenenza għal komunità. L-Erasmus+ jiffinanzja proġetti li jgħinu, pereżempju, biex dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ madwar l-Ewropa u f'reġjuni ġirien jiġu mgħammra b'ħiliet aħjar biex iwettqu l-ħidma tagħhom u li jappoġġjaw l-inklużjoni taż-żgħażagħ: fl-2015, madwar EUR 28 miljun servew ta' appoġġ għal madwar 38,000 ruħ li jaħdmu maż-żgħażagħ biex jieħdu sehem fi proġetti tal-Erasmus+.

Erasmus+ mil-lat ta' numri għall-2015

Il-mobbiltà żdiedet fl-2015?

L-azzjonijiet ta' mobbiltà komplew ikunu popolari fl-2015: l-għadd ta' applikazzjonijiet żdied b'10% meta mqabbel mas-sena ta' qabel.

B'kollox, 678,000 student u membri tal-persunal f'19,600 proġett minn kull qasam tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ irċevew appoġġ matul it-tieni sena tal-Erasmus+ b'għotjiet li jammontaw għal EUR 2.1 biljun. Dan kien l-ogħla ammont s'issa. Għall-ewwel darba, l-istituzzjonijiet Ewropej ta' edukazzjoni ogħla setgħu japplikaw għal skambji ma' istituzzjonijiet madwar id-dinja, li rriżultaw f'EUR 110 miljun f'għotjiet għal aktar minn 28,000 individwu. Barra minn hekk, twaqqfu 32 lawrja tal-Masters Konġunt Erasmus Mundus minn konsorzji internazzjonali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja matul it-tieni sena tal-Erasmus+, b'kull waħda minnhom toffri boroż ta' studju ffinanzjati mill-UE għal studenti minn madwar id-dinja.

Liema proġetti oħra relatati mal-edukazzjoni, mat-taħriġ u maż-żgħażagħ irċevew finanzjament fl-2015?

Matul it-tieni sena tiegħu, Erasmus+ iffinanzja wkoll aktar minn 1,900 proġett ta' Sħubija Strateġika madwar setturi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u taż-żgħażagħ, li ġabru flimkien madwar 11,000 organizzazzjoni fi ħdan dawn is-setturi u lil hinn minnhom. Il-proġetti jindirizzaw l-isfidi ewlenin bħalma huma l-kwalità fit-tagħlim u fit-taħriġ, l-impjegabbiltà, teknoloġiji ġodda u ħiliet diġitali u l-promozzjoni tal-inklużjoni u t-tolleranza.

Fl-2015, il-programm appoġġa wkoll 10 proġetti ġodda ta' kooperazzjoni fost istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla u intrapriżi (“alleanzi ta' għarfien”), tmien studji vokazzjonali u istituzzjonijiet ta' taħriġ ma' intrapriżi (“alleanzi tal-ħiliet settorjali”) u 279 inizjattiva għat-tisħiħ tas-sistemi tal-edukazzjoni u tal-ħidma fost iż-żgħażagħ f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp (“proġetti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet”), pereżempju fl-Asja, fl-Afrika u fl-Amerika Latina.

Il-programm, kif jappoġġja liż-żgħażagħ minn ambjenti żvantaġġjati?

L-iskambji tal-Erasmus huma miftuħa għal kull min jixtieq japplika. Il-programm iffaċilita l-aċċess għal nies li jkunu qed jiffaċċjaw ostakli relatati mas-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, mad-diżabbiltà, mal-istatus soċjali, mad-distanzi ġeografiċi jew mas-saħħa, f'konformità mal-għan tiegħu li jippromwovi l-ekwità u l-inklużjoni. Attwalment dawn jirrappreżentaw madwar 10% tal-parteċipanti mobbli. L-Erasmus+ jipprevedi finanzjament addizzjonali ta' bejn EUR 100 u EUR 200 fix-xahar għal applikanti li ġejjin minn sfond żvantaġġjat abbażi ta' kriterji nazzjonali. Diġà qed joffri għotjiet addizzjonali lil aktar minn 39,000 student żvantaġġjat. Fil-qasam taż-żgħażagħ, wieħed minn kull tliet żgħażagħ li jieħdu sehem fi skambji taż-żgħażagħ ġej minn sfond soċjoekonomiku żvantaġġjat. Il-parteċipazzjoni fis-Servizz Volontarju Ewropew u fl-iskambji taż-żgħażagħ hija bla ħlas u miftuħa għal kulħadd. Il-Programm ikopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-għajxien tal-voluntiera, flus fil-but, assigurazzjoni u kard tal-iskontijiet.

Xi żviluppi kien hemm fis-settur tal-isport?

Fl-Erasmus+ Sport, l-għadd ta' proġetti magħżula għall-finanzjament kiber għal 53 fl-2015. Tmien proġetti ntrabtu direttament mal-ewwel edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, waqt li 45 oħra koprew firxa wiesgħa ta' oqsma sportivi differenti, b'enfasi partikolari fuq attività fiżika li ttejjeb is-saħħa u l-karrieri doppji tal-atleti.

Liema dejta dwar proġetti tal-Erasmus+ finalizzati hija disponibbli?

L-ewwel proġetti ta' mobbiltà tal-Erasmus+ intemmu, u l-istatistika dwar l-attivitajiet finalizzati ffinanzjati matul is-sena akkademika 2014–15 issa hija disponibbli. Din turi li l-mobbiltà tal-istudenti tal-Erasmus+, b'ammont akbar minn qatt qabel — aktar minn 290,000 mobbiltà ta' studenti għall-istudju u t-traineeships — irnexxielha tikser rekord ieħor. L-aktar tliet pajjiżi mittenti baqgħu l-istess bħas-snin ta' qabel: Franza (39,985), il-Ġermanja (39,719) u Spanja (36,842). Il-pajjiżi li rċevew l-ogħla għadd ta' studenti huma Spanja (42,537), il-Ġermanja (32,871) u r-Renju Unit (30,183). Il-medja tal-għotja lill-istudenti kienet ta' EUR 281 fix-xahar.

Għal Aktar Informazzjoni

IP/17/82

Erasmus+ (ir-Rapport Annwali tal-Erasmus+ għall-2015; skedi informattivi; filmati; testimonjanzi; infografika)

MEMO/17/83


Side Bar