Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

L-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea - Domandi u Risposti

Brussell, id-29ta' marzu 2017

X'inhu l-Artikolu 50?

L-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-proċedura biex Stat Membru joħroġ mill-Unjoni Ewropea, jekk jixtieq jagħmel dan. Dan kien introdott l-ewwel permezz tat-Trattat ta' Lisbona fl-2007.

Kif isir biex Stat Membru jiskatta l-Artikolu 50?

Stat Membru jrid jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni ta' ħruġ tiegħu. M'hemm l-ebda rekwiżit partikolari fir-rigward tal-forma.

X'jiġri ladarba l-Artikolu 50 ikun ġie skattat?

Dan il-ftehim ta' ħruġ irid jiġi negozjat skont l-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Pass 1

Se ssir laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew mill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk. Dan ser iseħħ fid-29 ta' April.

Il-Kunsill Ewropew se jadotta b'kunsens, sett ta' linji gwida dwar il-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-linji gwida se jiddefinixxu l-prinċipji ġenerali li l-UE se ssegwi matul in-negozjati bbażati fuq l-interess komuni tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha.

Pass 2

Wara l-adozzjoni tal-linji gwida, il-Kummissjoni se tippreżenta malajr kemm jista' ikun rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jinfetħu n-negozjati. Din se tiġi miftehma mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, erbat'ijiem wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew.

Pass 3

Jenħtieġ imbagħad li l-Kunsill jawtorizza l-ftuħ tan-negozjati billi jadotta sett ta' direttivi ta' negozjati. Dawn għandhom jiġu adottati b'maġġoranza kwalifikata b'saħħitha (72 % tas-27 Stat Membru, jiġifieri 20 Stat Membru li jirrappreżentaw 65 % tal-popolazzjoni tal-UE27).

Ladarba dawn id-direttivi jkunu adottati, in-negozjatur tal-Unjoni, kif indikat mill-Kunsill, għandu l-mandat biex jibda negozjati ma' Stat Membru li jkun qiegħed joħroġ.

Kif jiġi konkluż il-ftehim ta' ħruġ?

In-negozjati dwar il-ħruġ b'mod ordnat għandhom jitlestew fi żmien sentejn minn meta l-Artikolu 50 jiġi skattat. Jekk ma jintlaħaqx ftehim fi żmien dan il-perjodu, it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għall-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ.

Fi tmiem il-perjodu tan-negozjati, in-negozjatur tal-Unjoni se jippreżenta ftehim propost lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, waqt li jitqies il-qafas tar-relazzjoni futura tar-Renju Unit mal-UE.

Il-Parlament Ewropew irid jagħti l-approvazzjoni tiegħu, b'vot ta' maġġoranza sempliċi, inklużi l-Membri tal-Parlament Ewropew mir-Renju Unit.

Il-Kunsill se jikkonkludi l-ftehim, permezz ta' vot ta' maġġoranza kwalifikata b'saħħitha.

Ir-Renju Unit irid jirratifika wkoll il-ftehim skont l-arranġamenti kostituzzjonali proprji tiegħu.

Għalhekk kemm iħalli dan għan-negozjati proprji?

In-negozjati nfushom se jdumu madwar 18-il xahar (bidu ta' Ġunju 2017 — Ottubru / Novembru 2018).

Min se jinnegozja għall-Unjoni Ewropea?

Il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE27 stiednu lill-Kunsill jaħtar il-Kummissjoni Ewropea bħala n-negozjatur tal-Unjoni. Huma laqgħu b'sodisfazzjon il-ħatra ta' Michel Barnier bħala n-Negozjatur Ewlieni mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea bħala n-negozjatur tal-Unjoni u Michel Barnier bħala n-negozjatur ewlieni tal-Kummissjoni se jirrapportaw b'mod sistematiku lill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu.

Michel Barnier se jżomm lill-Parlament Ewropew infurmat regolarment u mill-qrib matul in-negozjati.

Huwa ċar li l-Istati Membri se jkunu involuti mill-qrib fit-tħejjija tan-negozjati, waqt li se jiggwidaw lin-negozjatur tal-Unjoni, u jivvalutaw il-progress. Għal dan l-għan, se jinħoloq Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill, bi president permanenti, sabiex jiġi żgurat li n-negozjati jsiru f'konformità mal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew u mad-direttivi ta' negozjar tal-Kunsill.

Il-Kunsill Ewropew se jibqa' inkarigat mill-materja b'mod permanenti, u se jaġġorna l-linji gwida tiegħu matul in-negozjati, kif meħtieġ.

Xi ngħidu dwar l-aspett prattiku tan-negozjati? F'liema lingwa se jkunu? Kemm-il darba se jiltaqgħu iż-żewġ naħat?

Kwistjonijiet prattiċi, bħal reġim lingwistiku u l-istruttura tan-negozjati, se jiġu miftiehma b'mod konġunt bejn in-negozjaturi tal-UE u tar-Renju Unit.

Fejn ser isiru n-negozjati?

Huma se jsiru fi Brussell.

Meta r-Renju Unit ma jibqax membru tal-Unjoni Ewropea?

It-Trattati tal-UE ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim, jew fi żmien sentejn minn notifika ta' ħruġ, f'każ li ma jkun hemm l-ebda ftehim. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jestendi dan il-perjodu b'unanimità.

Qabel il-ħruġ, l-Istat Membru jibqa' membru tal-Unjoni Ewropea, bid-drittijiet u l-obbligi kollha li joħorġu mis-sħubija, inkluż il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali li jgħid li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jassistu lil xulxin fit-twettiq tat-Trattat.

X'jiġri jekk ma jintlaħaqx ftehim?

It-Trattati tal-UE sempliċiment ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit sentejn wara n-notifika.

Stat Membru jista' japplika biex jaderixxi mill-ġdid wara li joħroġ?

Kwalunkwe pajjiż li jkun irtira mill-Unjoni Ewropea jista' japplika biex jaderixxi mill-ġdid magħha. Ikun meħtieġ li jgħaddi minn proċedura ta' adeżjoni.

Ladarba jiġi skattat, l-Artikolu 50 jista' jiġi revokat?

Huwa f'idejn ir-Renju Unit biex jiskatta l-Artikolu 50. Iżda ladarba jiġi skattat, dan ma jistax, b'mod unilaterali, titreġġa' lura. In-notifika huwa punt irriversibbli. L-Artikolu 50 ma jipprovdix għall-irtirar unilaterali ta' notifika.

Xi jgħid l-Artikolu 50?

L-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

1. Kull Stat Membru jista' jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni.

2. L-Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma' dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim għandu jkun innegozjat skont l-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jiġi konkluż f'isem l-Unjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

3. It-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat inkwistjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara n-notifika prevista fil-paragrafu 2, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mal-Istat Membru inkwistjoni, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu.

4. Għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3, il-membru tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru li jkun qiegħed joħroġ m'għandux jipparteċipa fid-diskussjonijiet tal-Kunsill Ewropew jew tal-Kunsill jew f'deċiżjonijiet li jkunu jikkonċernawh. Il-maġġoranza kwalifikata għandha tkun definita skont l-Artikolu 238(3)(b), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

5. Jekk l-Istat li jkun ħareġ mill-Unjoni jitlob li jaderixxi mill-ġdid, it-talba tiegħu għandha tkun suġġetta għall-proċedura prevista fl-Artikolu 49.

MT

 

MEMO/17/648

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar

Photos