Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-Kummissjoni twieġeb lill-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej dwar il-Glifosat u tħabbar aktar trasparenza fil-valutazzjonijiet xjentifiċi

Strasburgu, it-12ta' dicembru 2017

Għaliex il-Kummissjoni ma ħarġitx projbizzjoni fuq il-glifosat?

Attwalment la jeżistu raġunijiet xjentifiċi u lanqas legali li jiġġustifikaw il-projbizzjoni tal-glifosat. Wara proċess xjentifiku komprensiv u trasparenti fejn ġew ippubblikati aktar minn 6 000 paġna ta' valutazzjonijiet xjentifiċi, il-valutazzjoni tar-riskju tal-UE kkonkludiet li l-glifosat ma jikkawżax il-kanċer u li, jekk jintuża skont il-prattiki agrikoli tajbin, lanqas ma jippreżenta riskju inaċċettabbli għall-ambjent. Wara din il-valutazzjoni xjentifika bir-reqqa tad-dejta kollha disponibbli dwar il-glifosat u vot pożittiv mir-rappreżentanti tal-Istati Membri fis-27 ta' Novembru 2017[1], illum il-Kummissjoni adottat it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-glifosat għal 5 snin.

L-awtoritajiet nazzjonali fil-Kanada, fil-Ġappun, fl-Awstralja u fi New Zealand, kif ukoll il-Laqgħa Konġunta tal-FAO-WHO dwar ir-Residwi tal-Pestiċidi (JMPR) waslu għall-istess konklużjoni. Aġenzija waħda biss - l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer (IARC) - għandha fehma diverġenti fir-rigward tal-valutazzjoni tagħha tar-rabta possibbli bejn il-glifosat u l-kanċer fil-bnedmin.

Barra minn hekk, il-valutazzjoni mill-UE tal-impatti tal-glifosat fuq l-ambjent ma pprovdiet l-ebda evidenza li tindika degradazzjoni tal-ekosistemi minħabba l-glifosat meta dan jintuża skont il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni u f'konformità mal-prattika agrikola tajba. Madankollu, il-Kummissjoni se tkun teħtieġ li l-Istati Membri jagħtu kas partikolari lir-riskji għall-bijodiversità meta jkunu qed jivvalutaw l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' prodotti li jkun fihom il-glifosat, kif ukoll għall-ħarsien tal-utenti mhux professjonali.

Fl-aħħar nett, jeżisti l-obbligu legali biex il-Kummissjoni Ewropea twieġeb għall-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni / għat-tiġdid tal-approvazzjoni, filwaqt li tqis ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt tal-UE.

Bħalissa, x'inhu l-istatus tal-glifosat fl-UE?

Fis-27 ta' Novembru 2017, l-Istati Membri tal-UE vvutaw favur il-proposta tal-Kummissjoni biex l-approvazzjoni tiġġedded għal ħames snin, u din il-proposta ġiet adottata llum mill-Kummissjoni. Dan isegwi l-inizjattiva tal-President Juncker biex il-kwistjoni tiġi diskussa diversi drabi fi ħdan il-Kulleġġ, u b'riżultat ta' dan, it-tul tal-proposta għat-tiġdid tnaqqas minn 15-il sena għal ħames snin, biex b'hekk titqies l-aħħar Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew u biex jinkiseb l-appoġġ mill-akbar ammont ta' Stati Membri possibbli. Issa f'idejn l-Istati Membri biex jivvalutaw mill-ġdid il-prodotti kollha abbażi tal-glifosat li huma disponibbli fit-territorji tagħhom.                                                                                                      

Għaliex 5 snin u mhux 15-il sena?

Għalkemm il-perjodu li s-soltu tipproponi l-Kummissjoni għat-tiġdid ta' sustanza attiva meta jiġu ssodisfati l-kriterji kollha tal-approvazzjoni huwa ta' 15-il sena, il-glifosat mhux każ normali.

Minbarra r-riżultat tal-valutazzjonijiet xjentifiċi li saru fuq il-glifosat fil-livell tal-UE, kemm mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), kif ukoll mill-Istati Membri, tqiesu wkoll fatturi leġittimi oħra fl-istabbiliment tal-perjodu xieraq għat-tiġdid. Filwaqt li diġà jeżisti ammont kbir ta' informazzjoni dwar il-glifosat bħala sustanza attiva, qiegħda tiġi ppubblikata informazzjoni addizzjonali dwar il-glifosat b'rata eċċezzjonalment għolja meta mqabbel ma' sustanzi attivi oħra.

Għalhekk, meta ħadet id-deċiżjoni dwar it-tul tal-perjodu ta' approvazzjoni għall-glifosat, il-Kummissjoni kkunsidrat il-possibbiltajiet ta' żviluppi rapidi futuri fix-xjenza u fit-teknoloġija, filwaqt li qieset ukoll il-fatt li l-glifosat huwa wieħed mill-erbiċidi l-iktar użati fl-Unjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat l-aħħar Riżoluzzjonijiet mhux vinkolanti li adotta l-Parlament Ewropew. Id-deċiżjoni li ġiet adottata formalment illum, ikkunsidrat bir-reqqa wkoll ir-raba' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI)

X'jiġri fil-każ ta' prodotti abbażi tal-glifosat, bħalma hu r-Roundup? Dawn ukoll jiġu awtorizzati mill-ġdid awtomatikament?

Le. Dan f'idejn l-Istati Membri. L-Istati Membri huma responsabbli għall-awtorizzazzjoni u l-użu fit-territorji tagħhom tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (“il-pestiċidi”) li jkun fihom sustanzi attivi.

Hija biss l-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li tiġi deċiża fil-livell tal-UE. Din id-diviżjoni tar-responsabbiltà hi bbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u tirrifletti d-differenzi fil-kundizzjonijiet klimatiċi, agronomiċi u ambjentali fl-Istati Membri.

Wara t-tiġdid għall-glifosat, l-Istati Membri se jkollhom jevalwaw mill-ġdid il-prodotti eżistenti awtorizzati kollha li fihom din is-sustanza attiva - bħalma hu r-Roundup. Jekk id-detenturi tal-awtorizzazzjoni jitolbu lill-awtoritajiet nazzjonali biex jinżammu l-awtorizzazzjonijiet preċedenti, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jintroduċu restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet għal xi wħud minnhom jew għal kollha kemm huma meta dan ikun ġustifikat abbażi ta' evidenza marbuta ma' ċirkostanzi partikolari fit-territorji tagħhom.

Ara kif jiġu approvati l-pestiċidi fl-UE:

http://ec.europa.eu/assets/sante/food/plants/pesticides/lop/index.html

X'se tagħmel il-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċess pubbliku għall-istudji xjentifiċi ppreżentati mill-industrija?

Il-Kummissjoni taqbel bis-sħiħ li t-trasparenza fil-valutazzjonijiet xjentifiċi u fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja fis-sistema regolatorja tas-sikurezza fl-ikel. Għalhekk il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva sar-rebbiegħa tal-2018, li tkompli ttejjeb it-trasparenza u l-kwalità tal-istudji li jintużaw fil-valutazzjoni xjentifika tas-sustanzi. Il-proposta se tkopri dawn l-aspetti u aspetti rilevanti oħrajn bħalma huma l-governanza tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA).

B'mod partikolari, se teżamina l-possibbiltajiet biex iżżid it-trasparenza tal-istudji kkummissjonati mill-industrija u ssaħħaħ il-governanza għat-twettiq ta' studji bħal dawn. Qabel, se twettaq konsultazzjoni pubblika.

Parti sinifikanti mill-istudji u informazzjoni oħra ppreżentata mill-industrija għall-evalwazzjoni tas-sustanzi attivi diġà hija pubblikament disponibbli. Dan jinkludi d-dossier fil-qosor, ir-Rapport ta' Valutazzjoni tal-Istat Membru Relatur li abbażi tiegħu l-EFSA twettaq konsultazzjoni pubblika, il-kummenti kollha mill-esperti tal-Istati Membri u l-pubbliku u t-tweġibiet li jsirulhom, ir-rapporti tal-laqgħat ta' esperti ta' evalwazzjoni bejn il-pari, u l-Konklużjoni tal-EFSA. Diġà ġew ippubblikati aktar minn 6 000 paġna ta' valutazzjonijiet xjentifiċi fil-każ tal-glifosat.

Xi ngħidu dwar il-possibbiltà ta' finanzjament pubbliku tal-istudji xjentifiċi dwar prodotti bħalma hu l-glifosat?

L-istudji individwali jqumu l-eluf jew saħansitra l-miljuni ta' euro. Il-Kummissjoni tibqa' impenjata lejn il-prinċipju li l-flus pubbliċi m'għandhomx jintużaw biex jiġu kkummissjonati studji li jgħinu lill-industrija tintroduċi prodott fis-suq. Madankollu, fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni se teżamina jekk jistgħux jitqiesu risponsi innovattivi, bħall-finanzjament ta' studji ad hoc mill-aġenziji Ewropej fil-każ ta' dubji serji dwar sustanzi użati ħafna. F'każijiet bħal dawn, jista' jiġi kkunsidrat ukoll l-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali pubbliċi u l-awditjar imtejjeb tal-istudji.

Huwa sostenibbli l-użu attwali tal-pestiċidi fl-UE?

Il-politika tal-UE diġà hija orjentata lejn it-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-pestiċidi u lejn il-kisba ta' futur mingħajr pestiċidi, kif titlob l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Projbizzjoni tal-glifosat biex b'hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi”. L-organizzaturi tal-ECI appellaw għal “miri obbligatorji fl-UE kollha għat-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi, bil-għan li jkollna ġejjieni ħieles mill-pestiċidi”.

L-Istati Membri huma kompetenti u responsabbli għall-użu (sostenibbli) tal-pestiċidi fit-territorju tagħhom. Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli[2] għadha mhix perfetta. Kif jidher f'Rapport li ġie ppubblikat f'Ottubru 2017, għalkemm l-Istati Membri kollha adottaw Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali dwar il-pestiċidi, f'bosta każijiet b'diversi każijiet ta' dewmien u b'diversità kbira fil-kompletezza u l-kopertura tagħhom, kienu biss ħames Stati Membri[3] li stabbilew miri ta' livell għoli li jistgħu jitkejlu, u li erba' minnhom jikkonċernaw it-tnaqqis tar-riskju u ieħor jikkonċerna t-tnaqqis tal-użu.

Il-Kummissjoni tkompli tappella għal sforzi addizzjonali mill-Istati Membri, fosthom iċ-ċertifikazzjoni u t-taħriġ tal-utenti professjonali, id-distributuri u l-konsultenti, ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ tal-pestiċidi għall-użu professjonali lil persuni li jkollhom iċ-ċertifikat, il-kundizzjonijiet stretti għall-immaniġġjar u l-ħżin tal-pestiċidi, l-ispezzjoni ta' tagħmir tal-bexx, projbizzjoni ġenerali fuq il-bexx mill-ajru, it-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi f'żoni speċifiċi bħalma huma l-parks pubbliċi, il-ħarsien tal-ambjent akkwatiku u l-forniment ta' informazzjoni lill-pubbliku ġenerali.

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja [4] li ġiet adottata dan l-aħħar tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-għanijiet tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli.

X'inhu r-rwol tal-Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta' Ħsara (IPM)?

Id-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tesiġi li l-Istati Membri jħeġġu l-Ġestjoni tal-Organiżmi ta' Ħsara b'użu baxx ta' pestiċidi, u kull fejn hu possibbli, dawn għandhom jagħtu prijorità lil metodi mhux kimiċi. Il-Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta' Ħsara (IPM) hija wieħed mill-elementi ewlenin tad-Direttiva, iżda l-konformità mal-prinċipji tal-IPM fil-livell tal-bdiewa individwali mhix tiġi vverifikata b'mod sistematiku mill-Istati Membri. Filwaqt li l-Istati Membri jieħdu firxa ta' miżuri biex jippromwovu l-użu tal-IPM, dan mhux bilfors ifisser li t-tekniki rilevanti tal-IPM qegħdin jiġu implimentati effettivament mill-utenti. Ir-Rapport jikkonkludi li l-IPM għadu mhux użat biżżejjed mill-Istati Membri.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għadhom ma ffissawx kriterji ċari sabiex jiżguraw li l-prinċipji ġenerali tal-Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta' Ħsara jiġu implimentati mill-utenti professjonali kollha. Kriterji bħal dawn huma meħtieġa biex jiġi vverifikat li r-riżultat maħsub tal-IPM, jiġifieri t-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi, jinkiseb. Jekk dan ma jkunx il-każ, jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni ta' infurzar.

Il-Kummissjoni kif se tgħin lill-Istati Membri biex inaqqsu l-impatt tal-pestiċidi?

Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' metodoloġiji għall-valutazzjoni tal-konformità mal-prinċipji tal-Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta' Ħsara, filwaqt li tqis id-diversità tal-agrikoltura tal-UE u l-prinċipju ta' sussidjarjetà. Il-ġestjoni ta' organiżmi ta' ħsara bl-użu limitat tal-pestiċidi tinkludi l-agrikoltura organika, li issa tkopri 6.2 % taż-Żona Agrikola tal-UE.

Il-Kummissjoni wkoll qiegħda tagħmel mill-aħjar biex ittejjeb id-disponibbiltà tas-sustanzi b'riskju baxx. Bħala riżultat konkret, l-għadd ta' sustanzi pestiċidi b'riskju baxx u/jew mhux kimiċi approvati mill-UE, irdoppja mill-2009 ‘l hawn. Biex tkompli żżid id-disponibbiltà tas-sustanzi b'riskju baxx, il-Kummissjoni tat prijorità lill-valutazzjoni tas-sustanzi attivi b'riskju baxx potenzjali fil-programm ta' reviżjoni li għaddej bħalissa. Bl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni reċenti l-Kummissjoni ċċarat il-kriterji eżistenti għall-identifikazzjoni u l-approvazzjoni tas-sustanzi b'riskju baxx.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex ixxerred l-eżempji ta' prattika tajba fl-implimentazzjoni permezz ta' Gruppi ta' Ħidma u taħriġ. Fil-kuntest tal-programm ta' Taħriġ Imtejjeb għal Ikel aktar Sigur tingħata prijorità biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Membri fil-fehim u fl-implimentazzjoni tagħhom tal-prinċipji tal-użu sostenibbli.

Wara l-adozzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali riveduti, u bl-informazzjoni aġġornata li jkollha permezz tal-awditi li tagħmel kif ukoll sorsi oħra, il-Kummissjoni se tipproduċi rapport ieħor dwar l-użu tal-pestiċidi fl-2019.

Kif se jitkejjel il-progress lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi?

Biex jiġu ssorveljati x-xejriet fit-tnaqqis tar-riskji mill-użu tal-pestiċidi fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tistabbilixxi indikaturi tar-riskju armonizzati minbarra l-indikaturi tar-riskju nazzjonali eżistenti. Dan jippermetti lill-Kummissjoni tiddetermina kemm ikunu effikaċi l-miżuri meta jkunu qed jiġu vvalutati l-għażliet ta' politika futuri.

Għal iktar informazzjoni:

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej: “Projbizzjoni tal-glifosat biex b'hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi

Stqarrija għall-istampa: Il-Glifosat: Il-Kummissjoni twieġeb lill-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u tħabbar li se jkun hemm aktar trasparenza fil-valutazzjonijiet xjentifiċi
 

[1] Il-Kumitat ta' Appell tas-27 ta' Novembru 2017, intlaħqet opinjoni pożittiva mal-Istati Membri, 18 minnhom (65.71% tal-popolazzjoni tal-UE) ivvutaw favur it-tiġdid, 9 (32.26%) ivvutaw kontra u 1 (2.02%) astjena.

[2] https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/sustainable_use_pesticides_en

[3] Erba' Stati Membri għandhom miri għat-tnaqqis tar-riskju (il-Belġju, id-Danimarka, il-Greċja u l-Ġermanja) u wieħed (Franza) għandu mira għat-tnaqqis tal-użu.

[4] COM (207) 713

MEMO/17/5192

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar