Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Il-Kummissjoni tistabbilixxi Pjan Direzzjonali għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa

Brussell, is-6ta' dicembru 2017

Il-Kummissjoni tistabbilixxi Pjan Direzzjonali għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa

X'inhuma l-elementi ewlenin tal-pakkett?

Għaliex dan il-pakkett qed jiġi ppreżentat illum?

Dan il-pakkett qed iwassal riżultati dwar l-impenn li sar mill-President Jean-Claude Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni fl-2017, sabiex jippreżenta l-passi konkreti għal aktar approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM).

Filwaqt li tibni fuq il-viżjoni mniżżla fir-Rapport tal-Ħames Presidenti ta' Ġunju 2015 u d-Dokumenti ta' Riflessjoni dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Futur tal-Finanzi tal-UE tar-rebbiegħa 2017, il-Kummissjoni Ewropea qed tfassal Pjan Direzzjonali għall-approfondiment tal-Unjoni Monetarja, inklużi passi konkreti li għandhom jittieħdu matul it-18-il xahar li ġejjin. Għadd ta' inizjattivi huma wkoll ippreżentati bħala parti minn dan il-pakkett. L-għan ġenerali huwa li tissaħħaħ l-unità, l-effiċjenza u r-responsabilità demokratika tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa sal-2025.

L-irkupru b'saħħtu fl-ekonomiji tal-UE u taż-Żona tal-Ewro bi tkabbir fl-Istati Membri kollha, il-qgħad fl-iktar livell baxx tiegħu mill-2008 u sentiment ekonomiku fl-ogħla livell tiegħu mis-sena 2000 joħloq spazju biex isiru r-riformi meħtieġa għal EMU aktar magħquda, effiċjenti u demokratika: wasal iż-żmien li jitranġa s-saqaf meta għadha x-xemx.

Ewrobarometru Flash ġdid dwar iż-Żona tal-Ewro li ġie ppubblikat illum ikkonferma wkoll dawn l-iżviluppi pożittivi billi l-64 % ta' dawk li wieġbu qalu li l-ewro hija ħaġa tajba għal pajjiżhom — l-ogħla valur li qatt ġie rrekordjat mill-introduzzjoni tal-karti u l-muniti tal-ewro fl-2002.

Il-pakkett tal-lum huwa parti mill-Pjan Direzzjonali usa' tal-President Juncker għal Unjoni aktar Magħquda, aktar Qawwija u aktar Demokratika kif ukoll mill-Aġenda tal-Mexxejja fit-triq għal Sibiu, ippreżentata mill-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, fejn fid-9 ta' Mejju 2019 jinħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet importanti fuq il-futur tal-Ewropa.

Il-pakkett, li jibni wkoll fuq ideat ippreżentati mill-Parlament Ewropew u l-President Franċiż Emmanuel Macron fid-Diskors tiegħu ta' Sorbonne f'Settembru, huwa ppreżentat qabel is-Summit tal-Ewro inklużiv fil-15 ta' Diċembru 2017 fejn il-mexxejja tal-UE se jiltaqgħu għall-ewwel diskussjoni dwar il-passi li jmiss li għandhom jittieħdu, u laqgħa ddedikata ppjanata fit-28-29 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb li jintlaħqu deċiżjonijiet konkreti.

Għaliex l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja huwa importanti?

F'dawn l-aħħar snin, ġew espressi ħafna fehmiet dwar it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. L-opinjonijiet jistgħu jvarjaw iżda hemm kunsens wiesa' dwar il-ħtieġa li jsir aktar progress. Kien hemm ukoll kontributi sinifikanti ħafna tal-Parlament Ewropew u diskussjonijiet importanti fil-Grupp tal-Ewro.

L-approfondiment tal-UEM huwa mezz biex jintlaħaq għan: iktar impjieg, tkabbir, investiment, ġustizzja soċjali u stabbiltà makroekonomika. Il-munita unika toffri protezzjoni u opportunitajiet lill-Ewropej, u Żona tal-Ewro b'saħħitha u stabbli hija essenzjali għall-membri tagħha kif ukoll l-UE b'mod ġenerali.

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, li tibda fiż-Żona tal-Ewro, kixfet ċerti nuqqasijiet istituzzjonali tal-UEM tal-Ewropa. Bis-saħħa tar-riformi istituzzjonali maġġuri, l-UEM hija issa soda daqs qatt qabel iżda l-arkitettura tagħha għadha mhux kompluta. Il-Pjan Direzzjonali tal-lum biex tissaħħaħ l-UEM tal-Ewropa jirrifletti l-isfidi li fadal u jistabbilixxi t-triq ‘il quddiem.

L-approfondiment tal-UEM kien wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tal-President tal-Kummissjoni Juncker, kif stabbilit fil-Linji Gwida Politiċi tiegħu. Qed jiġu ppreżentati wkoll għadd ta' inizjattivi ġodda bħala parti minn dan il-pakkett. Dawn mhumiex la l-ewwel u lanqas l-aħħar passi fil-proċess tat-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, iżda jirrappreżentaw ukoll passi importanti f'impriża globali.

Pjan Direzzjonali għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

Liema kronoloġija għandha f'moħħha l-Kummissjoni?

Filwaqt li jibnu fuq l-Aġenda tal-Mexxejja, huma mistennija deċiżjonijiet konkreti fix-xhur li ġejjin. Fil-fehma tal-Kummissjoni, jinħtieġ li jintlaħaq qbil dwar Pjan Direzzjonali, li jinħtieġ li jinkludi numru ta' passi li għandhom jittieħdu matul it-18-il xahar li ġejjin. Dawn huma miġbura fil-qosor fl-aħħar tal-Komunikazzjoni dwar aktar passi lejn it-tlestija tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa.

Filwaqt li jsir progress f'dawn l-oqsma, se jkun importanti li jkun hemm sens ċar ta' direzzjoni għall-perjodu bejn l-2019 u l-2024, bil-għan li tiġi approfondita l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa sal-2025. B'hekk, il-Pjan Direzzjonali ppreżentat mill-Kummissjoni jfakkar ukoll il-passi ewlenin li se jkunu meħtieġa wara l-2019, b'mod li jinbena fuq id-Dokument ta' Riflessjoni dwar it-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Dawn il-passi jinħtieġ li jkunu parti tal-arranġament komuni li għandu jintlaħaq sa nofs l-2018.

Fond Monetarju Ewropew

Għaliex il-Kummissjoni qed tipproponi li tistabbilixxi Fond Monetarju Ewropew?

Sa mill-2012, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) kellu sehem deċiżiv fl-assistenza tal-Istati Membri biex jerġgħu jiksbu jew iżommu aċċess għal swieq tal-bonds sovrani. Dan għen biex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà taż-Żona tal-Ewro kollha kemm hija.

Filwaqt li l-pressjoni matul il-kriżi wasslet għal struttura intergovernattiva, kien diġà ċar f'dak iż-żmien li din setgħet intlaħqet ukoll fil-qafas tat-Trattati tal-UE.

Ankrar istituzzjonali msaħħaħ se jgħin biex jinħolqu sinerġiji ġodda, b'mod partikolari f'termini ta' trasparenza, reviżjoni legali u effiċjenza tar-riżorsi finanzjarji tal-UE. Dan jista' tikkontribwixxi wkoll għal aktar titjib tal-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u r-responsabbiltà demokratika lejn il-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tibni fuq l-istruttura stabbilità sew tal-MES u li twaqqaf Fond Monetarju Ewropew (FME) bħala korp b'saħħtu għall-ġestjoni tal-kriżijiet, ankrat b'mod sod fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni. Dan kien diġà previst permezz tar-Rapport tal-Ħames Presidenti u kien ukoll mitlub mill-Parlament Ewropew.

Liema funzjonijiet u karatteristiċi se jkollu l-FME?

L-FME se jiġi wara l-MES b'mod li l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-istrutturi istituzzjonali attwali tiegħu essenzjalment se jinżammu, filwaqt li jsaħħaħ l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabilità demokratika tiegħu, b'rispett sħiħ tar-rwol tal-Parlamenti nazzjonali.

L-FME se jkompli jipprovdi appoġġ ta' stabbiltà finanzjarja għal Stati Membri fil-bżonn, biex jiġbor fondi billi joħroġ strumenti tas-suq tal-kapital, u biex jinvolvi ruħhu fi tranżazzjonijiet tas-suq monetarju. Barra minn hekk, il-proposta żżid elementi ġodda:

  1. Il-FME se jkun kapaċi jipprovdi l-garanzija ta' kontinġenza għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRF, Single Resolution Fund), billi jaġixxi bħala sellief aħħari u fl-aħħar mill-aħħar jipproteġi lill-kontribwenti fil-każ improbabbli li l-SRF ma għandux ir-riżorsi biex jiffaċilita r-riżoluzzjoni ordnata ta' bank f'diffikultà. Biex jiġi żviluppat mekkaniżmu ta' garanzija ta' kontinġenza bħal dan, li jinħtieġ li jkun fiskalment newtrali fit-terminu medju, dan ġie diġà miftiehem mill-Istati Membri fl-2013.
  2. Il-proposta tinkludi l-possibbiltà ta' teħid aktar mgħaġġel ta' deċiżjonijiet f'ċerti sitwazzjonijiet urġenti, b'maġġoranza rinforzata ta' 85 % tal-voti, filwaqt li l-unanimità se tinżamm għad-deċiżjonijiet ewlenin kollha b'impatt finanzjarju.
  3. Il-proposta tipprevedi li jkun hemm involviment iktar dirett tal-FME, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, fil-ġestjoni tal-programmi għal assistenza finanzjarja.
  4. Il-proposta tirreferi għall-possibbiltà biex l-FME jiżviluppa strumenti finanzjarji ġodda, li jistgħu jkunu partikolarment utli insostenn ta' funzjoni ta' stabbilizzazzjoni possibbli fil-futur.

L-FME se jkollu aċċess għall-istess riżorsi finanzjarji li għandu aċċess għalihom l-MES?

L-FME se jibni fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-istrutturi istituzzjonali attwali kif inhuma issa. Dan ifisser li l-qawwa finanzjarja disponibbli lill-Fond Monetarju Ewropew biex jirreaġixxi għall-kriżijiet se tkun l-istess bħal dik disponibbli lill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, b'kapaċità ta' self ta' EUR 500 biljun. Bħal fil-każ tal-MES, il-Bord tal-Gvernaturi tal-FME jinħtieġ li jkun kapaċi jżid din il-kapaċità tas-self jekk huwa jqis li t-tali żieda tkun adegwata biex jinkisbu l-objettivi tiegħu.

X'inhuma l-passi li jmiss?

L-inizjattiva tieħu l-forma ta' proposta għal Regolament tal-Kunsill skont l-Artikolu 352 tat-TFUE. Il-Parlament Ewropew, li ta l-kunsens tiegħu, u l-Kunsill huma mistiedna jadottaw din il-proposta sa nofs l-2019.

L-integrazzjoni tas-sustanza tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fil-qafas legali tal-Unjoni, filwaqt li titqies il-flessibbiltà xierqa mibnija fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u identifikata mill-Kummissjoni minn Jannar 2015

Għaliex il-Kummissjoni qiegħda tissuġġerixxi dan proprju issa?

L-istess bħall-MES, id-deċiżjoni biex jiġi stabbilit it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (magħruf ukoll bħala l-“Patt Fiskali”) bħala Trattat intergovernattiv fl-2012 trid titqies fiċ-ċirkustanzi tal-kriżi. Madankollu, diġà f'dak iż-żmien, bl-insistenza tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, il-25 Stat Membru firmatarji [1] legalment impenjaw ruħhom biex jinkorporaw is-sustanza ta' dan it-Trattat fil-liġi tal-Unjoni ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, li jikkorrispondi għall-1 ta' Jannar 2018 (ara l-Artikolu 16 ta' dan it-Trattat). Sadanittant, il-Parlament Ewropew tenna t-talba tiegħu f'dan is-sens.

Il-proposta ssegwi r-raġunament li l-integrazzjoni tal-istrumenti intergovernattivi fil-qafas legali tal-Unjoni se ssaħħaħ il-leġittimità demokratika, tissimplifika l-qafas legali u tnaqqas ir-riskju ta' duplikazzjoni tagħhom.

L-integrazzjoni tat-Trattat fil-liġi tal-Unjoni se tipprovdi għal monitoraġġ kontinwu u mtejjeb bħala parti mill-qafas tal-governanza ekonomika ġenerali tal-UE. Din tieħu kont tal-flessibbiltà adegwata li tinsab fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u li ġiet identifikata mill-Kummissjoni sa minn Jannar 2015, u hija kompletament konformi mar-regoli eżistenti definiti f'leġiżlazzjoni primarja u sekondarja.

Fl-aħħar nett, il-proposta tqis il-prassi attwali ta' laqgħat interparlamentari li jsiru kull sena mill-Parlament Ewropew.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-proposta għall-integrazzjoni tal-Patt Fiskali fil-qafas legali tal-Unjoni tieħu l-forma ta' Direttiva tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(14)(2) TFUE. Il-Parlament Ewropew, li jeħtieġ jiġi kkonsultat, u l-Kunsill huma mistiedna jadottaw din il-proposta sa nofs l-2019.

Strumenti baġitarji ġodda għal Żona tal-Ewro stabbli fil-qafas tal-Unjoni

Il-Kummissjoni qed tippreżenta Komunikazzjoni dwar strumenti baġitarji ġodda għal Żona tal-Ewro stabbli fil-qafas tal-Unjoni. Il-Komunikazzjoni telenka erba' funzjonijiet speċifiċi li huma essenzjali għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa u tipproponi passi konkreti li jmiss għal kull waħda minnhom. L-istrumenti proposti huma interkonnessi mill-qrib u jaħdmu id f'id mas-Semestru Ewropew.

  1. Appoġġ għal riformi nazzjonali permezz ta' għodda ġdida ta' twassil ta' riforma u appoġġ tekniku wara talba mill-Istati Membri;
  2. Faċilità ta' konverġenza dedikata għal Stati Membri li jinsabu fil-proċess biex jingħaqdu mal-ewro;
  3. Mekkaniżmu ta' garanzija ta' kontinġenza għall-Unjoni Bankarja, permezz tal-MES / FME, kif spjegat hawn fuq; kif ukoll
  4. Funzjoni ta' stabbilizzazzjoni li għandha tintuża biex jinżammu l-livelli ta' investiment f'każ ta' xokkijiet asimmetriċi kbar.

Sabiex ikunu effettivi u biex jiġi massimizzat l-impatt tagħhom, anki għall-kontribwent, dawn l-istrumenti jeħtieġ li jinħolqu u jiġu żviluppati f'sinerġija sħiħa mal-finanzi tal-UE tal-lum u ta' għada. Xi azzjonijiet huma mistennija għall-perjodu 2018-2020. Oħrajn se jittieħdu f'Mejju 2018 bħala parti mill-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali.

Sa nofs l-2018, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna biex jadottaw il-proposta għat-tisħiħ tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali u l-bidliet għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, u biex jaqblu dwar garanzija ta' kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni.

Sa nofs l-2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jadottaw, fil-kuntest tal-proposti għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għal wara l-2020, il-proposti dwar appoġġ għal riformi strutturali, faċilità ta' konverġenza ddedikata għall-Istati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Ewro, u funzjoni ta' stabbilizzazzjoni.

Appoġġ għal riformi nazzjonali

X'qed tipproponi l-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni tipprevedi żewġ komponenti addizzjonali: 1) għodda ta' twassil ta' riforma li tappoġġa l-impenji ta' riforma tal-Istati Membri; 2) appoġġ tekniku għal azzjonijiet speċifiċi wara talba tal-Istati Membri.

Għall-perjodu ta' wara l-2020, il-Kummissjoni se tagħmel proposti dettaljati f'Mejju 2018, bħala parti mill-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

Diġà fil-perjodu 2018-2020, il-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa xi wħud minn dawn l-ideat, b'żewġ modi.

L-ewwel nett, biex tittestja l-idea ta' għodda ta' twassil ta' riforma f'fażi pilota, hija tipproponi bidliet immirati għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni li jirregolaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE). Dawn se jagħtu lill-Istati Membri l-possibbiltà li jużaw parti mir-riżerva tal-prestazzjoni ta' dawn il-Fondi biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta' riformi identifikati permezz tas-Semestru Ewropew.

It-tieni nett, il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb l-appoġġ tekniku disponibbli għall-Istati Membri kollha u biex jiġi żviluppat fluss tax-xogħol apposta għal Stati Membri li mhumiex fiż-Żona tal-Ewro fil-proċess li jaderixxu ruħhom maż-Żona tal-Ewro. Għal dawn iż-żewġ raġunijiet, il-Kummissjoni tipproponi li tirdoppja l-kapaċità eżistenti - u reċentement stabbilixxiet - Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP, Structural Reform Support Programme), biex jilħaq EUR 300 miljun sal-2020.

L-għodda ta' twassil ta' riforma ġdida kif se tappoġġa r-riformi bħala parti mill-proċess tas-Semestru Ewropew? Kif se jiġu miftiehma r-riformi?

Wara l-2020, l-għodda ta' twassil ta' riforma ġdida tista' taħdem kif ġej:

  1. Ir-riformi se jkunu proposti mill-Istati Membri nfushom fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tagħhom fuq il-bażi tal-isfidi identifikati fil-proċess tas-Semestru Ewropew.
  2. Djalogu strutturat bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru jwassal biex jiġi konkluż il-pakkett ta' impenji ta' riforma li jkopri għadd ta' riformi li għandhom jiġu implimentati fuq perjodu ta' tliet snin.
  3. L-Istati Membri se jipprovdu sett dettaljat ta' miżuri, passi importanti għall-implimentazzjoni u kalendarju għat-tlestija, u se jirrapportaw dwar il-progress flimkien mal-Programm ta' Riforma Nazzjonali tagħhom fis-Semestru Ewropew.
  4. It-tieni sett ta' riformi jista' jsir qbil dwaru fi stadju ulterjuri, pereżempju b'talba ta' gvern elett ġdid.
  5. Il-kriterji jiġu mfassla biex jiġi vvalutat il-progress fi stadji differenti. Din il-valutazzjoni tipprovdi l-bażi għall-valutazzjoni tal-appoġġ finanzjarju.

X'inhu mifhum b'appoġġ tekniku wara talba tal-Istati Membri?

Kmieni fl-2017, wara proposta mill-Kummissjoni, kien hemm qbil dwar Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
Dan il-programm issa huwa kompletament operazzjonali u mwettaq mis-Servizz ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali tal-Kummissjoni.

L-għan tal-SRSP huwa l-finanzjament ta' appoġġ tekniku mfassal apposta għall-Istati Membri biex igħinhom fil-pjanijiet ta' riforma tagħhom. L-appoġġ huwa disponibbli għall-Istati Membri kollha tal-UE, huwa mmexxi mid-domanda u ma jeħtieġ ebda kofinanzjament.

Ir-rispons tal-bidu jindika li d-domanda taqbeż l-ammonti disponibbli fl-SRSP. Il-Kummissjoni tipproponi li żżid b'mod sinifikanti l-appoġġ tekniku previst skont l-SRSP sal-2020. Hija se tipproponi wkoll li dawn l-attivitajiet jiġu segwiti wara l-2020.

Appoġġ lill-Istati Membri fil-proċess li jdaħħlu l-ewro

X'qed tipproponi l-Kummissjoni?

Għall-perjodu 2018-2020, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita bażi ta' ħidma apposta fil-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali li toffri appoġġ immirat għall-Istati Membri fil-proċess li jdaħħlu l-ewro.

Din se tiġi offruta wara talba għal dan u tkopri l-politiki kollha li jistgħu jgħinu biex jinkiseb livell għoli ta' konverġenza, bħal fil-ġestjoni finanzjarja pubblika, l-ambjent tan-negozju, is-settur finanzjarju, is-swieq tal-manodopera u tal-prodotti, u l-amministrazzjoni pubblika.

L-Istati Membri interessati jistgħu wkoll jiddeċiedu li jipprogrammaw mill-ġdid partijiet mill-baġit tagħhom għal assistenza teknika permezz tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għal proġetti li għandhom jiġu appoġġati permezz tal-SRSP.

Għall-perjodu ta' wara l-2020, il-Kummissjoni se tipproponi faċilità speċifika ta' konverġenza, bħala parti mis-segwitu tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali.

Dan l-appoġġ ma jbiddilx il-kriterji formali u l-adozzjoni tal-ewro u huwa indipendentament mill-proċess formali għall-adozzjoni tal-ewro, li hija suġġetta għal sistema ta' rappurtar apposta.

Garanzija ta' kontinġenza għall-Unjoni Bankarja;

X'qed tipproponi l-Kummissjoni?

Il-mekkaniżmu ta' garanzija ta' kontinġenza se jkun attivat biss bħala garanzija tal-aħħar ċans fil-każ ta' riżoluzzjoni bankarja f'każ li r-riżorsi disponibbli fil-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni ma jkunux biżżejjed. Bħala parti minn dan il-pakkett, il-Kummissjoni tipproponi li l-Fond Monetarju Ewropew futur jipprovdi linja ta' kreditu jew garanziji għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (ara wkoll hawn fuq).

Għaliex il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Fond Monetarju Ewropew jservi bħala garanzija ta' kontinġenza għall-Unjoni Bankarja?

Il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' garanzija ta' kontinġenza għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (Single Resolution Fund, SRF) se jiżgura li jkun hemm finanzjament disponibbli biex jiffaċilita r-riżoluzzjoni ordnata ta' banek f'diffikultà f'każ li l-SRF ma jkollhiex ir-riżorsi. Il-mekkaniżmu ta' garanzija ta' kontinġenza ġie miftiehem fil-prinċipju diġà fl-2013.

Hemm qbil wiesa' dwar il-fatt li l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà — il-Fond Monetarju Ewropew futur — qiegħed fl-aħjar pożizzjoni biex jipprovdi mekkaniżmu ta' garanzija ta' kontinġenza fil-forma ta' linji ta' kreditu jew garanziji għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni. Huwa joffri soluzzjoni tant komuni li tkun ta' daqs xieraq u faċilment disponibbli. Huwa għandu wkoll il-kapaċità ta' self, l-għarfien tal-operazzjonijiet tas-suq u l-affidabbiltà kreditizja meħtieġa biex jissodisfa l-funzjoni ta' kontinġenza b'mod effettiv.

Huma proposti wkoll arranġamenti speċjali li jieħdu kont tal-interessi ta' Stati Membri mhux fiż-Żona tal-Ewro li ssieħbu fl-Unjoni Bankarja, filwaqt li jiżguraw li sitwazzjonijiet ugwali fl-Unjoni Bankarja jiġu ttrattati b'mod ugwali.

Il-kontribwenti se jiġu sfurzati biex jerġgħu jħallsu għar-riżoluzzjoni tal-banek inadempjenti?

Le. Għall-kuntrarju, il-proposta se tipproteġi lill-kontribwenti iktar milli huwa l-każ illum.

Il-FME li jaġixxi bħala garanzija ta' kontinġenza għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni hija għodda tal-aħħar rikors. Jekk ikun meħtieġ jaqdi din il-funzjoni, il-FME jkun fornitur kredibbli ta' fondi addizzjonali fi żmien qasir.

Kull kontribuzzjoni mill-FME għall-SRF se tiġi rkuprata mis-settur bankarju. Dan jiżgura li l-kontribwenti mhux se jġarrbu l-ispejjeż assoċjati mar-riżoluzzjoni tal-banek li qed ifallu. Fl-aħħar mill-aħħar hija l-industrija bankarja li se tħallas, b'mod li maż-żmien il-mekkaniżmu ta' garanzija ta' kontinġenza jkun newtrali mill-finanzi pubbliċi.

It-twaqqif ta' mekkaniżmu ta' garanzija ta' kontinġenza se jsaħħaħ aktar il-fiduċja fis-sistema bankarja Ewropea u l-azzjonijiet meħuda mill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni. Min-naħa l-oħra, dan inaqqas il-probabbiltà ta' sitwazzjoni li timmaterjalizza fejn jiskatta l-mekkaniżmu ta' garanzija ta' kontinġenza.

Funzjoni ta' stabbilizzazzjoni

Għaliex hemm bżonn ta' funzjoni ta' stabbilizzazzjoni?

Minħabba li l-unifikazzjoni tal-politika monetarja fiż-żona tal-munita unika, l-istrumenti tal-politika makroekonomika f'idejn l-Istati Membri parteċipanti ma għadhomx l-istess. Filwaqt li kull pajjiż huwa differenti u d-daqs u l-istruttura tal-ekonomija huma importanti f'termini ta' probabbiltà li jkunu esposti għal xokkijiet, il-kriżi wriet il-limitazzjonijiet tal-mezzi disponibbli lill-Istati Membri taż-Żona tal-Ewro individwali biex jassorbu l-impatt ta' xokkijiet asimmetriċi kbar, b'uħud minnhom jitilfu l-aċċess għas-suq biex jerġgħu jiffinanzjaw lilhom infushom. F'bosta każijiet, dan wassal għal riċessjonijiet imtawla u impatti negattivi fuq Stati Membri oħra.

Funzjoni ta' stabbilizzazzjoni fil-livell Ewropew tipprovdi l-possibbiltà li r-riżorsi jiġu attivati malajr għall-Istati Membri f'każ ta' xokkijiet asimmetriċi kbar, biex tikkumplimenta r-rwol tal-baġits nazzjonali. Dan jgħin biex itaffi l-effetti ta' xokkijiet asimmetriċi kbar, jipproteġi l-investimenti f'każ ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u jipprevjeni r-riskju ta' impatti negattivi. Dawn il-kwistjonijiet kienu diġà diskussi fir-Rapport tal-Ħames Presidenti.

Hemm modi differenti ta' previżjoni ta' funzjoni ta' stabbilizzazzjoni. Fid-Dokument ta' Riflessjoni dwar it-Tkabbir tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ġew deskritti tliet għażliet: Skema Ewropea għall-Ħarsien tal-Investiment, li tappoġġa l-investimenti ppjanati u preidentifikati, pereżempju fl-oqsma tal-infrastruttura jew ħiliet li kieku jistgħu jiġu kkanċellati jew posposti; Skema Ewropea ta' Riassigurazzjoni tal-Qgħad li taġixxi bħala fond ta' riassigurazzjoni għal skemi nazzjonali; u fond għal li jista' jinqala' li jista' jakkumula l-fondi mill-Istati Membri fuq bażi regolari, bil-ħruġ ta' flus fuq bażi definita minn qabel. Dawn l-għażliet kollha għandhom il-merti tagħhom u jistgħu wkoll jingħaqdu maż-żmien.

X'qed tipproponi l-Kummissjoni?

Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti u d-Dokument ta' Riflessjoni dwar it-Tkabbir tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja stabbilixxew prinċipji importanti, li jibqgħu validi: strument ta' stabilizzazzjoni jinħtieġ li jimminimizza l-periklu morali u ma jwassalx għal trasferimenti permanenti; ikun strettament kundizzjonali fuq kriterji ċari u politiki sodi kontinwi, b'mod partikolari dawk li jwasslu għal aktar konverġenza fiż-Żona tal-Ewro; jiġi żviluppat fil-qafas legali tal-UE; ikun miftuħ u trasparenti vis-à-vis l-Istati Membri kollha; u ma jiddupplikax ir-rwol tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà - il-Fond Monetarju Ewropew futur - bħala għodda għall-immaniġġar tal-kriżijiet.

Din il-funzjoni tikkumplimenta r-rwol ta' stabbilizzazzjoni tal-baġits nazzjonali. Huwa għalhekk li l-Istati Membri jridu jkomplu jibnu u jsostnu buffers fiskali adegwati, notevolment fi żminijiet tajbin, kif previst mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. F'każ ta' tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, l-Istati Membri l-ewwel jużaw l-istabilizzaturi awtomatiċi nazzjonali u l-politika fiskali diskrezzjonarja tagħhom f'konformità mal-Patt.

Dak li l-Kummissjoni tipprevedi fil-Komunikazzjoni tagħha llum hija funzjoni ta' stabbilizzazzjoni li tiġbor flimkien sorsi differenti ta' finanzjament fil-livell tal-UE sabiex iżżomm il-livelli ta' investiment nazzjonali fil-każ ta' xokkijiet asimmetriċi kbar. Dan huwa konformi mal-importanza li din il-Kummissjoni tattribwixxi għall-investiment bħala mutur ta' tkabbir fit-tul, u jippermetti żvilupp aktar mgħaġġel meta mqabbel mal-għażliet l-oħra diskussi fid-Dokument ta' Riflessjoni dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Bħala prinċipju ġenerali, l-Istati Membri biss li jikkonformaw mal-qafas ta' sorveljanza tal-UE matul il-perjodu qabel ix-xokk asimmetriku kbir għandhom ikunu eliġibbli għall-aċċess.

Fil-każ ta' xokk asimmetriku kbir, u suġġett għal kriterji ċari ta' eliġibilità u mekkaniżmu ta' attivazzjoni determinat minn qabel, l-Istat Membru kkonċernat jirċievi l-appoġġ awtomatikament, li jista' jkun taħlita ta' self u għotjiet:

  • Il-baġit tal-UE u l-Fond Monetarju Ewropew jistgħu jipprovdu self garantit mill-baġit tal-UE;
  • Il-baġit tal-UE jista' jipprovdi appoġġ limitat tal-għotjiet ibbaġitjat kull sena;
  • Mekkaniżmu ta' assigurazzjoni bbażat fuq kontributi volontarji mill-Istati Membri jista' jikkomplementa din il-funzjoni ta' appoġġ.

Bosta minn dawn il-karatteristiċi jistgħu jiġu żviluppati maż-żmien.

Din il-funzjoni ta' stabbilizzazzjoni hija maħsuba għaż-Żona tal-Ewro u miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jipparteċipaw. Il-Kummissjoni se tagħmel proposta għall-perjodu ta' wara l-2020 f'Mejju 2018, bħala parti mill-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.

Il-Ministru Ewropew tal-Finanzi u tal-Ekonomija

Għaliex il-Kummissjoni tappoġġa l-ħolqien ta' Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi?

L-arkitettura istituzzjonali attwali tal-UEM hija intrinsikament kumplessa, u tvesti politiki ekonomiċi, fiskali, finanzjarji u strutturali f'korpi differenti, f'bosta oqsfa legali u sistemi ta' sorveljanza. L-istabbiliment ta' Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi jista' jgħin biex tiġi promossa aktar koerenza, effiċjenza, trasparenza u responsabbiltà demokratika fit-tfassil tal-politika ekonomiku tal-UE.

Il-Ministru jista' jaġixxi biex jippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tal-ekonomiji taż-Żona tal-Ewro, kemm internament kif ukoll fuq livell globali, u jiffaċilita l-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi billi jgħaqqad flimkien ir-responsabbiltajiet eżistenti u l-kompetenza disponibbli. Il-Ministru jkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew u jinvolvi ruħu wkoll fi djalogi regolari mal-Parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

L-idea li jiġi stabbilit Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi kienet diġà ġiet diskussa fid-Dokument ta' Riflessjoni dwar l-Approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u mitluba mill-Parlament Ewropew f'Riżoluzzjoni tas-16 ta' Frar 2017, filwaqt li ideat għal President tal-Grupp tal-Ewro full-time kienu diġà ġew diskussi waqt is-Summit tal-Ewro ta' Ottubru 2011 u proposti fir-Rapport tal-Ħames Presidenti tal-2015.

Xi rwoli jista' jkollu Ministru Ewropew tal-Ekonomija u l-Finanzi?

Ministru Ewropew tal-Ekonomija u l-Finanzi jista' jservi bħala Viċi President tal-Kummissjoni, jippresiedi l-Grupp tal-Ewro, jissorvelja l-ħidma tal-Fond Monetarju Ewropew ġdid u jkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew. Il-Ministru ma jidduplikax il-funzjonijiet jew il-kompetenzi eżistenti. Min-naħa l-oħra, dan jieħu azzjoni biex joħloq sinerġiji bejn l-uffiċċji eżistenti biex jinħolqu sinerġiji u biex isir kontribut għal aktar effiċjenza tal-governanza ekonomika fl-UE u fiż-Żona tal-Ewro.

Iż-”żewġ irwoli" previsti fil-Komunikazzjoni, fejn il-Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi huwa simultanjament Membru tal-Kummissjoni u President tal-Grupp tal-Ewro, diġà huma possibbli skont it-Trattati attwali. L-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 14 dwar il-Grupp tal-Ewro, anness mat-Trattati, jipprovdi li "l-Ministri tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-ewro għandhom jeleġġu president għal sentejn u nofs, b'maġġoranza ta' dawk l-Istati Membri.”

X'inhuma r-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet tal-Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi?

Il-Kummissjoni llum tippreżenta ħarsa ġenerali tal-funzjonijiet possibbli. Il-Ministru jista' jiġi fdat b'responsabbiltajiet sabiex tissaħħaħ il-koerenza u l-effiċjenza ġenerali tat-tfassil tal-politika ekonomika tal-UE. Dan jikkomplementa u jiffaċilita l-eżerċizzju tal-kompetenzi nazzjonali, anke fl-interazzjoni tagħhom fil-livell tal-UE, mingħajr ma jaffettwa lill-prerogattivi nazzjonali jew jidduplika l-funzjonijiet nazzjonali.

Il-Ministru jkun responsabbli għall-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-UE u tal-ekonomiji taż-Żona tal-Ewro billi jaġixxi bħala interlokutur fundamentali fil-konfront tal-istituzzjonijiet u korpi tal-UE, l-Istati Membri, il-pubbliku ġenerali. Dan ir-rwol jista' jestendi għall-interazzjoni ma' sħab internazzjonali meta l-Ministru jista', pereżempju, jirrappreżenta lill-UE f'laqgħat ta' istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.

Il-Ministru jippromwovi u jappoġġa l-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi fl-Istati Membri. Il-Ministru jkun ukoll responsabbli biex jidentifika politika fiskali xierqa għaż-Żona tal-Ewro kollha kemm hi. Fl-aħħar nett, il-Ministru jista' jikkoordina l-użu tal-istrumenti baġitarji tal-UE u taż-Żona tal-Ewro rilevanti biex jimmassimizza l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom fit-twettiq tal-prijoritajiet tal-politika tal-UE.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex jirriflettu dwar l-ideat ippreżentati bħala parti minn dan il-pakkett, bil-għan li jintlaħaq fehim komuni dwar ir-rwoli u l-funzjonijiet ta' Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi sa nofs l-2019.

L-istabbiliment ta' Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi jista' jsir b'mod sekwenzjali, fl-arranġamenti eżistenti tat-Trattat, skont il-pjan direzzjonali li ġej:

  • Ir-rwol tal-Ministru bħala Viċi President tal-Kummissjoni jista' jkun stabbilit bħala parti mill-ħatra tal-Kummissjoni li jmiss minn Novembru 2019.
  • Il-Grupp tal-Ewro jista' b'mod informali jaqbel li jaħtar il-Ministru bħala l-President tiegħu għal żewġ mandati konsekuttivi, u b'hekk jaqbel dwar allinjament tal-mandat tiegħu mal-mandat tal-Kummissjoni.

[1]L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Ġermanja, id-Danimarka, l-Estonja, Spanja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, l-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Latvja, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Iżvezja, il-Finlandja, is-Slovenja u s-Slovakkja

MEMO/17/5006

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar