Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Jum internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa

Brussell, I-24ta' novembru 2017

X'qed tagħmel il-Kummissjoni biex tindirizza l-fastidju sesswali?

STQARRIJA/17/4848

 

X'qed tagħmel il-Kummissjoni biex tindirizza l-fastidju sesswali?

Il-Kummissjoni ddedikat l-2017 għall-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa fl-UE u qed tmexxi kampanja fuq il-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali biex tqajjem kuxjenza u tieħu pożizzjoni ċara kontra l-vjolenza kontra n-nisa.

Il-Kummissjoni qed tiffinanzja proġetti konkreti dwar prevenzjoni, tqajjim ta' kuxjenza u azzjonijiet konkreti, pereżempju billi jiżguraw li l-professjonisti kollha involuti fl-għoti ta' għajnuna lil dawn in-nisa huma mħarrġa sew b'EUR15-il miljun. In-nisa għandhom ikunu jistgħu jemmnu li l-kelma tagħhom tittieħed bis-serjetà; b'hekk ikun iktar probabbli li jirrapportaw fastidju jew vjolenza sesswali.

F'Mejju 2017, il-Kunsill adotta deċiżjoni mal-iffirmar tal-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa, wara proposta mill-Kummissjoni (ara d-dikjarazzjoni). Il-Konvenzjoni ta' Istanbul hija trattat legalment vinkolanti li għandu l-għan li jiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, jipprevjeni l-vjolenza, jipproteġi l-vittmi u jtemm l-impunità għal min iwettaq ir-reati. Il-Kummissjoni ħadet l-ewwel pass importanti fl-impenn tal-Unjoni Ewropea bħala Parti sħiħa għall-Konvenzjoni skont il-liġi internazzjonali. Negozjati dwar id-deċiżjonital-konklużjoni , li se jippermettu r-ratifika tal-Konvenzjoni mill-UE, għadhom għaddejjin. Il-Parlament Ewropew jeħtieġ li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim mill-UE qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-konklużjoni mill-Kunsill.

F'oqsma oħra, il-finanzjament huwa disponibbli wkoll. Erasmus+ jappoġġa proġetti u sħubiji bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, immirati biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, kif ukoll proġetti li jittrattaw il-vjolenza abbażi ta' sess fl-isport bħall-proġett VOICE (Vuċijiet għall-verità u dinjità — il-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali fl-Isport Ewropew permezz tal-ilħna ta' dawk affettwati).

Il-Kummissjoni x'qed tagħmel internament biex tipproteġi l-persunal tagħha?

Il-Kummissjoni għandha politika ta' tolleranza żero għal kull forma ta' fastidju. Ir-regoli interni tagħna jeħtieġu li l-persunal tagħna jaġixxi b'integrità u jipprojbixxu kwalunkwe forma ta' fastidju.

Mill-2006, għandna miżuri fis-seħħ biex jipprevjenu kull forma ta' fastidju fil-Kummissjoni Ewropea. L-istrateġija tad-diversità u l-inklużjoni li ġiet adottata dan l-aħħar issaħħaħ dawn il-miżuri u tinkludi aktar miżuri preventivi

F'każ ta' mġiba mhux xierqa, għandna regoli b'saħħithom u proċeduri fis-seħħ li jinkoraġġixxu lin-nies biex jitkellmu — jew permezz ta' kanali formali jew informali.

Grupp ta' kollegi fi ħdan id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani għandu l-kompitu li jqis kwalunkwe lmenti u jwettaq investigazzjonijiet jekk ikun meħtieġ.

Avvenimenti riċenti madwar id-dinja qanqlu mistoqsijiet dwar każijiet ta' fastidju sesswali fl-Ewropa wkoll — inkluż fl-istituzzjonijiet Ewropej. Il-Kummissjoni qed tagħmel biżżejjed?

Aħna mmexxu bl-eżempju u għalhekk nimpenjaw ruħna għal aktar titjib. Aħna se nirrevedu r-regoli interni tagħna, b'mod partikolari l-mod ta' kodifikazzjoni tal-ġurisprudenza ġdida. L-ambizzjoni tagħna hi li jkun hemm politika ġdida u aġġornata fis-seħħ kontra l-fastidju matul l-2018.

Ejja nkunu ċari: anke każ wieħed ta' fastidju dejjem se jkun każ li ma kellux iseħħ. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tkompli bl-azzjonijiet preventivi tagħha u tkompli tippromwovi ambjent ta' ħidma rispettuż. L-investigazzjonijiet formali u s-sanzjonijiet se jkomplu japplikaw fejn meħtieġ.

Kif jiġu protetti u appoġġati l-vittmi ta' vjolenza?

Minn Novembru 2015, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tistipula sett ta' drittijiet vinkolanti għall-vittmi tal-kriminalità, u obbligi ċari għall-Istati Membri tal-UE biex jiggarantixxu dawn id-drittijiet fil-prattika. Dawn ir-regoli jirrikonoxxu li l-vittmi ta' vjolenza abbażi ta' sess u l-vjolenza domestika huma partikolarment vulnerabbli. Il-vittmi għandhom id-dritt li jkollhom protezzjoni u aċċess għal servizzi ta' appoġġ skont il-ħtiġijiet tagħhom. (ara IP/15/6095 u l-iskeda informattiva).

Bis-saħħa tar-regoli tal-UE dwar ir-rikonoxximent ta' ordnijiet ta' protezzjoni, vittmi ta' vjolenza domestika jibbenefikaw ukoll minn protezzjoni addizzjonali meta jivvjaġġaw bejn il-pajjiżi tal-UE. Dawn ir-regoli jikkonsistu minn Direttiva u Regolament.

Jeżistu wkoll regoli dwar il-kumpens għall-vittmi tal-kriminalità. Skont id-Direttiva tal-Kumpens, individwi li huma vittmi ta' kriminalità intenzjonali u vjolenti fi Stat Membru ieħor tal-UE jistgħu jirċievu kumpens ġust mill-pajjiż fejn ikun seħħ id-delitt.

X'qed isir fil-livell tal-UE biex jinqered it-traffikar?

Il-maġġoranza l-kbira tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar fl-UE huma nisa u bniet (80 %). L-UE tirrikonoxxi li t-traffikar ta' nisa huwa forma ta' vjolenza kontra n-nisa u adottat oqfsa komprensivi legali u ta' politika biex dan jinqered. Id-Direttiva Kontra t-Traffikar għandha dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-vittmi u biex tipprevjeni li aktar persuni jsiru vittmi. L-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012–2016 tikkumplimenta din il-leġiżlazzjoni b'serje ta' azzjonijiet, inklużi azzjonijiet li jiffokaw fuq id-dimensjoni tas-sessi tat-traffikar tal-bnedmin. Bħala parti minn din l-istrateġija, il-Kummissjoni ppubblikat Studju dwar id-Dimensjoni tas-Sessi fit-Traffikar tal-Bnedmin f'Marzu 2016. Fl-2016 ukoll, il-Kummissjoni ppubblikat l-Ewwel Rapport dwar il-Progress fl-Implimentazzjoni għall-Ġlieda Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, li inkluda sejbiet dwar in-nisa u l-bniet.

Il-Kummissjoni dalwaqt se tippubblika l-azzjonijiet prijoritarji tagħha biex tindirizza t-traffikar tal-bnedmin. Dawn se jibnu fuq ix-xogħol li għaddej, jieħdu kont tal-kisbiet tal-istrateġija tal-UE 2012–2016 u li tiżgura l-kontinwazzjoni tal-isforzi, jiġi kkunsidrat is-sess, il-koordinazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u ż-żieda tal-għarfien.

Liema dejta tinġabar biex nifhmu aħjar il-fenomenu?

Tfassil ta' politika effettiva jeħtieġ dejta preċiża u komparabbli dwar il-vjolenza abbażi ta' sess.

L-ewwel stħarriġ madwar l-UE kollha fuq l-esperjenzi tan-nisa ta' diversi forom ta' vjolenza, imwettaq mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), juri li l-vjolenza kontra n-nisa fl-Ewropa għadha mifruxa. L-istħarriġ sab li waħda minn kull tliet nisa kienet vittma ta' vjolenza fiżika u/jew sesswali matul ħajjithom u 55 % tan-nisa esperjenzaw fastidju sesswali.

Biex tibni fuq l-istħarriġ tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kummissjoni nediet l-iżvilupp ta' stħarriġ tal-prevalenza ġdida għall-UE kollha dwar il-vjolenza abbażi ta' sess, ikkoordinat mill-Eurostat bl-involviment tal-istituti nazzjonali tal-istatistika. Wara fażi pilota fl-2018, l-istħarriġ se jsir fl-2019-20. L-Eurostat qiegħed ukoll jiġbor statistika dwar il-kriminalità fuq l-għadd ta' inċidenti rrapportati ta' omiċidju volontarju, l-istupru u l-attakki sesswali, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. Id-dejta turi li f'ħafna Stati Membri aktar minn nofs in-nisa vittmi ta' qtil jiġu maqtula minn sieħeb intimu, qarib jew membru tal-familja.

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) żviluppa metodi u sett ta' indikaturi biex jiġi stmat ir-riskju ta' mutilazzjoni ġenitali femminili. L-Aġenzija żviluppat ukoll mezz biex jitkejjel il-fenomenu tal-vjolenza abbażi ta' sess, bħala parti mill-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ukoll studju dwar il-“Vjolenza abbażi ta' sess fl-Isport”. L-istudju jipprovdi ħarsa ġenerali ta' mmappjar u l-oqfsa legali u ta' politika fl-Istati Membri. Huwa jidentifika diversi mill-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi ta' sess fl-isport u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet sportivi għal azzjonijiet futuri, inkluża rakkomandazzjoni li l-persunal tal-isport bi storja ta' reati għandhom jiġu miżmuma milli jagħmlu kwalunkwe rwoli f'ambjenti sportivi fl-Unjoni Ewropea.

L-UE kif qiegħda tindirizza l-vjolenza abbażi ta' sess fil-politika tagħha ta' ażil?

Fil-kuntest tar-riforma kontinwa tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li jissaħħu d-dispożizzjonijiet għal applikanti vulnerabbli. Dan jinvolvi dispożizzjonijiet aktar ambizzjużi għall-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u obbligu għall-Istati Membri biex iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-applikanti nisa li jkunu sofrew danni abbażi ta' sess. Id-dispożizzjonijiet imsaħħa jimmiraw ukoll li jiżguraw li l-applikanti għall-ażil ikollhom aċċess għal kura medika, appoġġ legali, konsulenza għal trawma u kura psikosoċjali. Il-proposta għal Regolament dwar il-Proċedura tal-Asil il-ġdid favur il-protezzjoni internazzjonali sensittivi għas-sess tal-vittma. In-nisa, pereżempju, għandhom jingħataw opportunità effettiva biex ikollhom intervista privata, separata mill-konjuġi jew mill-membri tal-familja tagħhom. Fejn ikun possibbli, għandhom jiġu megħjuna minn interpreti u prattikanti mediċi nisa, speċjalment jekk dawn setgħu kienu vittmi ta' vjolenza abbażi ta' sess.

L-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) barra minn hekk żviluppa diversi għodod sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta' dispożizzjonijiet legali dwar il-ġeneru.

X'qed tagħmel l-UE biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi barra mill-Unjoni Ewropea?

L-Unjoni Ewropea tpoġġi d-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qalba tal-politiki esterni kollha tagħha. Tagħmel kull sforz possibbli biex tagħti s-setgħa u ssaħħaħ il-vuċi tan-nisa u l-bniet, u biex issostni d-drittijiet politiċi, soċjali u ekonomiċi madwar id-dinja.

Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016–2020 tal-UE, l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2016-2019) u l-Istrateġija Globali tal-UE fil-forma ta' qafas ta' gwida għall-azzjonijiet tal-UE u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi sħab, organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili, u s-settur privat. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 stabbilixxa mira ambizzjuża biex tintegra l-azzjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi f'madwar 85 % tal-inizjattivi ġodda kollha tal-UE sal-2020. Il-progress li sar ma jistax jiġi miċħud: 92 % tal-inizjattivi l-ġodda kollha adottati fil-qasam tal-politika barranija tal-UE u madwar 60 % tal-emissjonijiet kollha ta' inizjattivi ġodda fil-kooperazzjoni internazzjonali u xogħol ta' żvilupp tal-UE ġew immarkati bħala prinċipalment jew b'mod sinifikanti immirati li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u/jew l-awtonomizzazzjoni tan-nisa. Fl-2016, il-Kummissjoni Ewropea impenjat EUR 419-il miljun għal azzjonijiet speċifiċi għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomizzazzjoni tan-nisa.

Billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija inkluża fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli sħiħa u hija vitali għall-kisba tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli kollha, l-UE se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' dan l-ixprunatur ewlieni ta' żvilupp billi tiffoka fuq azzjonijiet konkreti li jiġġieldu u jipprevjenu kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet, biċ-ċaqliq tal-kultura istituzzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex jaġixxu fuq l-impenji tagħhom u billi tappoġġa pajjiżi sħab biex joħolqu ambjent aktar favorevoli għat-twettiq tal-kundizzjonijiet kollha tad-drittijiet tal-bniet u tan-nisa. Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp li ġie adottat riċentement huwa parti mir-rispons ġenerali għall-Aġenda 2030, li tafferma mill-ġdid l-impenn tal-UE li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tan-nisa u tal-bniet u l-awtonomizzazzjoni tagħhom bħala prijorità fl-oqsma kollha ta' azzjoni, u billi jiżguraw perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha ta' politika u programmi tagħna.

B'mod partikolari, aħna se ninvestu fin-nisa u fil-bniet li jinkisrulhom id-drittijiet tagħhom madwar id-dinja hekk kif dawn jiġu esklużi mill-edukazzjoni, mis-suq tax-xogħol, u mill-ħajja politika filwaqt li jiffaċċaw regoli u liġijiet mhux ugwali dwar il-wirt, iċ-ċittadinanza u s-sjieda ta' art. Fl-2017, se nipprovdu appoġġ speċifiku lill-vittmi ta' vjolenza fl-aktar żoni 'l bogħod u l-aktar fraġli. Għal dan il-għan, l-UE nediet flimkien man-NU l-"Inizjattiva Spotlight" ta' EUR 500 miljun biex telimina l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet.

L-UE tinsab fuq quddiem nett fil-ġlieda għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomizzazzjoni tan-nisa f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, bħala parti mill-implimentazzjoni mill-UE tal-aġenda tan-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà. Qegħdin nieħdu azzjoni fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà u s-seba' r-riżoluzzjonijiet ta' segwitu tagħha.

Aħna qed ninteraġixxu mill-qrib man-NU u l-partijiet ikkonċernati kollha madwar id-dinja, dwar il-ħtieġa għal inklużjoni xierqa tan-nisa fil-prevenzjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara l-kunflitt, inkluża l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi tal-paċi, u fl-isforzi biex jiġu miġġielda l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-vjolenza abbażi ta' sess u l-vjolenza sesswali f'kunflitt.

L-UE hija impenjata b'mod attiv ma' pajjiżi sħab f'fora multilaterali li konsistentament jikkontribwixxu biex tavvanza l-aġenda tal-ugwaljanza bejn is-sessi, b'mod partikolari waqt is-sessjonijiet annwali tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-istatus tan-nisa u ta' kull tliet sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU bħala tfassil ta' politika ewlenin fil-fora tan-NU.

Aħna nqajmu kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fi djalogi politiċi, djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem/sottokumitati, gruppi ta' ħidma informali u diskussjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi sħab. L-istrateġiji l-ġodda tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija għall-perjodu 2016–2020 kienu jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha. Barra minn hekk, l-UE twettaq inizjattivi politiċi, tieħu pożizzjonijiet politiċi u tiffinanzja azzjonijiet li jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet. Il-kwistjonijiet tas-sess huma fil-biċċa l-kbira koperti mill-politiki tagħna u l-programmi dwar l-osservazzjoni elettorali, il-ġustizzja tranżizzjonali, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u l-Qorti Kriminali Internazzjonali.

X'inhi tagħmel l-UE biex tħares in-nisa fi kriżijiet umanitarji?

Il-kunflitti u d-diżastri naturali jaffettwaw lin-nisa, lill-bniet, lis-subien u lill-irġiel b'mod differenti. Eżempju ewlieni huwa l-proġetti ta' għajnuna umanitarja ffinanzjati mill-UE madwar id-dinja, li huma adattati għall-bżonnijiet differenti ta' nisa, irġiel, subien u bniet. Il-proġetti kollha jieħdu kont tas-sess sabiex ikun żgurat l-impatt massimu sabiex l-għajnuna tasal għand dawk li l-aktar għandhom bżonnha. Sabiex jiġi żgurat li r-reazzjonijiet umanitarji jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u l-bniet billi qed tiġi kkunsidrata l-perspettiva tagħhom jiġi promoss fil-proġetti umanitarji kollha ffinanzjati mill-UE.

L-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea għal kwistjonijiet marbutin mal-ġeneru u l-vjolenza abbażi ta' sess fl-għajnuna umanitarja hija deskritta fid-dokument ta' politika dwar Gender in Humanitarian Aid – Different Needs, Adapted Assistance (Kwistjonijiet marbutin mal-Ġeneru fl-Għajnuna Umanitarja — Differenza ħtiġijiet Differenti, Assistenza Adattata). Dan l-approċċ huwa żviluppat aktar fid-dokument Humanitarian Protection: (Protezzjoni Umanitarja:) Improving Protection Outcomes to Reduce Risks for People in Humanitarian Crises” (“Il-Protezzjoni Umanitarja: Intejbu r-riżultati fil-qasam tal-protezzjoni biex innaqqsu r-riskji għan-nies li jiffaċċjaw kriżi umanitarja”). L-UE introduċiet ukoll għodda li Tikkunsidra l-Integrazzjoni tal-Ġeneru u l-Età biex tevalwa kemm azzjonijiet umanitarji ffinanzjati mill-UE jieħdu kont tas-sess u l-età.

L-UE twieġeb għal vjolenza abbażi ta' sess f'sitwazzjonijiet ta' kriżi umanitarja permezz ta' azzjonijiet immirati u l-bini tal-kapaċità. Fl-2016, l-UE appoġġat 62 proġett umanitarju relatat mal-vjolenza abbażi ta' sess. Dawn il-proġetti huma ffinanzjati b'total ta' kważi EUR 24.5 miljun, u se jilħaq it-3.4 miljun nisa, bniet, subien u rġiel madwar id-dinja. Mill-2014, l-UE nefqet aktar minn EUR 1 miljun fis-sena fuq proġetti li jikkontribwixxu għall-bini tal-kapaċità tas-sistema umanitarja biex jittrattaw kwistjonijiet marbutin mal-ġeneru u l-vjolenza abbażi ta' sess. L-UE hija membru attiv tal-inizjattiva globali Call to Action on Protection from Gender-Based Violence (Appell għal Azzjoni dwar il-Protezzjoni minn Vjolenza Abbażi ta' Sess).

L-UE tappoġġa wkoll l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing kif ukoll il-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICDP).

Huwa essenzjali għall-UE li tinvolvi wkoll atturi mhux governattivi. Aħna naħdmu mill-qrib ma' atturi tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tan-nisa, fondazzjonijiet privati, is-settur privat u avukati biex nappoġġawhom. Dan se jgħin biex jiġu indirizzati l-għeruq tad-disparità bejn is-sessi: nuqqas ta' aċċess għal riżorsi finanzjarji u riżorsi materjali, relazzjonijiet ta' poter mhux indaqs, id-diskriminazzjoni, l-istigma, l-isterjotipi tas-sessi u l-vjolenza.

 

 

 

MEMO/17/4849

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar