Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Skeda informattiva

Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja - Komunikazzjoni dwar il-Politika Agrikola Komuni mill-2020 ‘il quddiem

Brussell, id-29ta' novembru 2017

Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja - Komunikazzjoni dwar il-Politika Agrikola Komuni mill-2020 ‘il quddiem

Għala hija meħtieġa riforma ġdida?

Il-Politika Agrikola Komuni (KAP) hija waħda mill-eqdem politiki tal-Unjoni Ewropea (UE). Laħqet b'suċċess l-għanijiet oriġinali tagħha li tiżgura l-provvista ta' prodotti tal-ikel ta' kwalità tajba, sikuri u għall-but ta' kulħadd, filwaqt li appoġġat lill-bdiewa Ewropej. Mill-1962 ‘l hawn, il-PAK sarulha ħafna riformi, u tibqa' rilevanti bis-saħħa tal-kapaċità ta' adattament tagħha. Id-dinja qiegħda tinbidel malajr, u magħha l-isfidi li qed jaffaċċjaw mhux biss il-bdiewa iżda s-soċjetajiet tagħna b'mod ġenerali. It-tibdil fil-klima, il-volatilità tal-prezzijiet, l-inċertezza politika u ekonomika, l-importanza dejjem tikber tal-kummerċ globali: ta' kuljum il-bdiewa jridu jitgħallmu kif għandhom joperaw f'ambjent il-ħin kollu jinbidel, u huwa f'idejn il-leġiżlaturi li jimxu ħdejhom minn bidla għall-oħra, u jipprovdulhom ċarezza u sempliċità legali fit-terminu medju u fit-tul.

L-UE saret is-superpotenza agroalimentari li hija llum proprju bis-saħħa tal-politika agrikola Ewropea: l-UE hija l-ikbar esportatur agroalimentari fid-dinja, u tgawdi minn reputazzjoni liema bħalha għall-wirt gastronomiku u għall-prodotti tal-ikel tagħha, kif ukoll għall-għarfien espert tal-produtturi tagħha. Iżda l-UE ma tistax tikkuntenta b'daqshekk u tieqaf hemm: suċċess jista' jaħbi ħafna diffikultajiet speċifiċi.

Jeħtieġ li l-PAK tmexxi t-tranżizzjoni lejn agrikultura aktar sostenibbli. Jeħtieġ li l-PAK tgħin biex titrawwem ir-reżiljenza tas-settur fi żminijiet ta' kriżi, u tappoġġa l-introjtu tal-bdiewa u l-vijabbiltà tagħhom. Jeħtieġ li l-PAK tilqa' b'idejha mberrħa l-innovazzjonijiet diġitali li qegħdin iħaffu x-xogħol ta' kuljum tal-bdiewa, inaqqsu l-burokrazija żejda, u jistgħu jiffavorixxu t-tiġdid ġenerazzjonali tant bżonnjuż fis-settur. Jeħtieġ li l-PAK issaħħaħ iż-żoni rurali Ewropej, li huma l-qofol tat-tradizzjonijiet Ewropej tagħna u tal-mudell tar-razzett tal-familja.

Il-Komunikazzjoni li ġiet ippubblikata llum toffri orjentamenti biex nilħqu dawn l-għanijiet u nilqgħu l-isfidi emerġenti, b'approċċ inqas preskrittiv u aktar sussidjarjetà fil-livell tal-Istati Membri, sabiex il-PAK tkun iktar qrib min jimplimentaha fir-realtà lokali tiegħu.

Kif tista' l-politika riveduta tiġi diskussa mingħajr ma nkunu nafu x'se jkunu l-baġit u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss?

Il-flus huma mezz biex jinkiseb għan. Il-Komunikazzjoni tiddiskuti kif jista' jittejjeb il-valur għall-flus tal-PAK. Dan huwa l-waqt biex nirriflettu dwar l-għanijiet tagħna u dwar l-arkitettura futura tal-politika agrikola. B'hekk nistgħu mmexxu d-dibattitu mingħajr ma nippreġudikaw il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss, li huwa mistenni għal Mejju 2018.

Għala l-Komunikazzjoni ma fihiex aktar dettalji dwar ċerti kwistjonijiet?

Il-Komunikazzjoni tixħet dawl fuq l-isfidi u l-opportunitajiet li għad jaslu, tipproponi ċerti orjentamenti, u tindika mogħdijiet oħra li ta' min wieħed jesplorahom. Se jkun jeħtieġ aktar dibattitu u aktar ħidma tul ix-xhur li ġejjin sabiex nimxu ‘l quddiem fid-direzzjonijiet imfassla fil-Komunikazzjoni, u sabiex norqmu ċerti nozzjonijiet. L-istess kif il-Komunikazzjoni tfassal approċċ inqas preskrittiv u aktar sussidjarjetà, il-Kummissjoni tixtieq tkompli d-dibattitu dwar il-kwistjonijiet prattiċi ma' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati u koleġiżlaturi.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Matul ix-xhur li ġejjin, id-diskussjoni u l-ħidma fuq l-għanijiet konkreti u fuq l-arkitettura u d-disinn tal-politika futura se jimxu ‘l quddiem parallelament mal-ħidma fuq il-QFP li jmiss. B'mod speċifiku, dan se jsir fil-forma ta' valutazzjoni tal-impatt li tistħarreġ alternattivi differenti, billi tuża l-elementi miġburin mill-partijiet ikkonċernati u miċ-ċittadini (eż. il-konsultazzjoni pubblika li baqgħet għaddejja fl-2017, il-kontributi minn Re-Fit, il-konferenza Cork 2.0, il-konferenza “Il-PAK: Semma' Leħnek!”), u billi jiġu intensifikati l-ġbir u l-ipproċessar tal-evidenza. Wara l-preżentazzjoni mistennija tal-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP li jmiss f'Mejju 2018, il-proposti leġiżlattivi fuq il-ġejjieni tal-PAK huma mistennija għal qabel is-sajf tal-2018.

Il-PAK tal-ġejjieni b'liema mod se tkun aktar sempliċi għall-bdiewa u għall-amministrazzjonijiet fl-Istati Membri?

Min jixtieq ikejjel l-arbuxxelli tiegħu għax “Brussell hekk talab” ? Għala bidwi Taljan ikollu jaffaċċja l-istess rekwiżiti ambjentali bħal bidwi Finlandiż, minkejja li jaħdmu f'kundizzjonijiet differenti ħafna?

Il-PAK tal-ġejjieni li se jkollha għanijiet komuni, u sett ta' miżuri komuni biex dawk l-għanijiet jintlaħqu. Minn dan is-sett ta' miżuri komuni, l-Istati Membri, fil-livell nazzjonali jew lokali, ikunu jistgħu jagħżlu l-paletta ppreferuta tagħhom ta' għażliet biex jiksbu l-għanijiet stipulati fil-livell tal-UE.

Billi naqilbu minn “soluzzjoni waħda għal kulħadd” għal approċċ speċifiku għal kull pajjiż, ir-rekwiżiti tal-UE se jonqsu għall-minimu strettament meħtieġ. Il-bżonnijiet reali fil-kuntesti lokali se jiġu vvalutati mill-Istati Membri, biex imbagħad jintegrawhom fi pjan strateġiku tal-PAK għall-approvazzjoni fil-livell tal-UE. Qegħdin nimmiraw li nistabbilixxu patt ta' fiduċja maż-żoni rurali tagħna, u mal-bdiewa tagħna.

It-tisħiħ tas-servizzi ta' konsulenza agrikola għall-bdiewa, u l-implimentazzjoni sħiħa ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna ġeospazjali, bla dubju se jkomplu jappoġġaw is-semplifikazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' investiment.

Dan l-approċċ ġdid kif se jaħdem fil-prattika?

L-Unjoni għandha tistabbilixxi l-parametri bażiċi ta' politika abbażi tal-għanijiet tal-PAK, b'mod li jaqdu l-obbligi tat-Trattati tal-UE iżda jilħqu wkoll l-għanijiet u l-miri diġà miftiehma, marbutin pereżempju mal-ambjent, mat-tibdil fil-klima (COP 21), u ma' għadd ta' għanijiet ta' żvilupp sostenibbli.

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi “pjan strateġiku tal-PAK” li jkopri interventi kemm tal-pilastru I kif ukoll tal-pilastru II. Il-pjan għandu jadatta l-interventi tal-PAK sabiex ikattar kemm jista' jkun il-kontribut tagħhom lejn l-ilħiq tal-għanijiet tal-UE, filwaqt li jitqiesu aħjar il-kundizzjonijiet u l-bżonnijiet lokali bi tqabbil ma' tali għanijiet u miri. Fl-istess nifs, l-Istati Membri se jkollhom aktar setgħa biex ifasslu l-qafas tal-konformità u l-kontroll applikabbli għall-benefiċjarji (inkluż kontrolli u penali).

Dawn il-pjanijiet strateġiċi mhux se jitħejjew iżolati minn xulxin, iżda fil-qafas ta' proċess strutturat, u l-Kummissjoni se tivvaluta u tapprova tali pjanijiet. B'hekk jitkattar kemm jista' jkun il-kontribut tal-PAK lejn il-prijoritajiet u l-għanijiet tal-UE, kif ukoll lejn l-ilħiq tal-miri klimatiċi u enerġetiċi tal-Istati Membri. B'hekk jissaħħaħ ukoll il-valur miżjud tal-UE, u jisseddaq suq intern agrikolu li jaħdem tajjeb.

Filwaqt li l-Istati Membri għandhom jerfgħu aktar responsabbiltà u jkunu aktar lesti li jagħtu rendikont ta' kif jilħqu l-għanijiet u l-miri miftiehma, l-approċċ il-ġdid se jkompli jiżgura kundizzjonijiet indaqs, billi jżomm in-natura komuni u ż-żewġ pilastri tal-politika.

L-ewwel pass hu li l-PAK tiġi nazzjonalizzata mill-ġdid?

Dan il-valur miżjud tal-UE qatt ma tqiegħed fid-dubju, u l-PAK tibqa' waħda mill-politiki emblematiċi tal-UE. Ir-rikonoxximent tal-fatt li ma tgħoddx soluzzjoni waħda għal kulħadd huwa kwistjoni ta' prammatiżmu. X'inhuma r-realtajiet lokali? X'inhuma ċ-ċirkustanzi konkreti tal-bdiewa? Billi nsaqsu dawn il-mistoqsijiet, nirrikonoxxu d-diversità wiesgħa tal-agrikultura, il-potenzjal tal-produzzjoni agronomika, u l-kundizzjonijiet klimatiċi, ambjentali u soċjoekonomiċi mal-UE kollha. L-ispirtu huwa li d-diversità tagħna nħaddnuha, flok nippruvaw nimponu mudell waħdani.

Il-kontributi miġburin mill-konsultazzjoni pubblika fuq l-internet mal-UE kollha bejn Frar u Mejju 2017 kienu bil-qawwi favur il-valur miżjud tal-ġestjoni tal-politika agrikola fil-livell Ewropew, għax dan jiżgura kundizzjonijiet indaqs fis-suq uniku. Huwa biss b'approċċ Ewropew komuni li l-agrikultura tista' twieġeb b'mod iktar effettiv għall-isfidi komuni, fosthom il-ħarsien tal-ambjent u l-azzjoni klimatika. Issemmew ta' spiss ukoll il-ħtieġa li tinżamm il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali mal-UE kollha, kif ukoll il-ħtieġa ta' qafas komuni għall-qsim tal-aħjar prattiki.

Filwaqt li d-dettalji speċifiċi tal-implimentazzjoni tal-miżuri se jiġu deċiżi fil-livell nazzjonali/reġjonali, l-UE se tiggarantixxi qafas regolatorju u baġitarju ddefinit tajjeb, bil-għan li jiżgura li l-għanijiet komuni tagħna jintlaħqu permezz ta' strumenti komuni, bi qbil mat-Trattati tal-UE, u li jinqdew l-impenji internazzjonali tal-UE fl-oqsma tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli.

Il-PAK għala hi rilevanti għall-ambjent?

L-agrikultura tkopri kważi nofs l-erja tal-art tal-UE, u fuq dan it-territorju, topera b'rabta mill-qrib ħafna mal-ambjent. Min-naħa l-waħda, l-agrikultura tiddependi fuq riżorsi naturali varji - il-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-bijodiversità -, u hija influwenzata bil-qawwi mill-klima. Min-naħa l-oħra, l-agrikultura ssawwar l-ambjent li fih topera - mhux biss billi tuża r-riżorsi naturali tiegħu, iżda wkoll billi toħloq u tippreżerva pajsaġġi li huma l-espressjoni tad-diversità Ewropea u jipprovdu ħabitats essenzjali għall-fawna selvaġġa.

Il-PAK għandha rwol essenzjali li trendi r-rabta tal-biedja mal-ambjent u mal-klima kemm jista' jkun ta' ġid reċiproku. Toffri wkoll appoġġ, f'ċerti każijiet, lil negozji mhux agrikoli bbażati f'żona rurali li jistgħu jinfluwenzaw l-ambjent - eż. is-settur tal-forestrija u aspetti oħra tal-bijoekonomija.

Jeħtieġ li l-PAK tal-ġejjieni tippromwovi u tappoġġa l-biedja adattata għat-tibdil fil-klima, filwaqt li tqiegħed is-sussidjarjetà fil-qofol tal-prijoritajiet u l-azzjonijiet tagħha.

Il-PAK tal-ġejjieni kif se tappoġġa lill-bdiewa fil-ħarsien tal-ambjent?

Punt essenzjali tal-PAK huwa li l-bdiewa li jirċievu appoġġ għall-introjtu mill-PAK ser ikollhom japplikaw prattiki varji li jirrispettaw l-ambjent u l-klima. L-Istati Membri se jiddeterminaw id-dettalji ta' dawn il-prattiki, bi qbil mal-ħtieġa li jintlaħqu għanijiet fil-livell tal-UE, iżda wkoll filwaqt li jqisu ċ-ċirkustanzi nazzjonali, reġjonali u lokali. Is-sistema se tapprofitta mill-punti qawwija osservati llum fil-PAK, iżda se tinvolvi inqas regoli, u regoli inqas kumplessi, fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

L-azzjoni ekoloġika li tmur lil hinn minn dan il-livell bażiku ta' prattika tajba se tiġi appoġġata bi skemi volontarji għall-bdiewa - f'livell relattivament bażiku, u ‘l fuq minnu, skemi aktar avvanzati. Mill-ġdid, l-Istati Membri se jkunu responsabbli biex ifasslu l-iskemi, b'tali mod li jilħqu l-għanijiet tal-UE msarrfa f'termini nazzjonali, reġjonali u lokali.

Il-PAK se tisħaq ħafna wkoll fuq il-ftuħ tal-potenzjal għar-riċerka, l-innovazzjoni, it-taħriġ u l-użu ta' konsulenza sabiex tittejjeb il-kura tal-ambjent u tal-klima, inkluż permezz ta' żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

Jekk l-impenji ambjentali nafdawhom lill-Istati Membri, kif nistgħu niżguraw kundizzjonijiet indaqs fost il-bdiewa? Se nispiċċaw bi 28 sistema differenti?

Il-Komunikazzjoni tal-lum timmarka bidla sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-PAK. Billi tirrispetta l-impenn tagħha għas-sussidjarjetà u għal inqas kumplessità, bl-iskrutinju tal-pjanijiet nazzjonali/reġjonali, il-Kummissjoni se tiżgura li l-metodi magħżula ma jkunux żbaljati jew inadegwati biex jilħqu l-għanijiet ta' prestazzjoni u r-rekwiżiti bażiċi tal-UE. Il-Kummissjoni tivvaluta u tapprova l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali/reġjonali bil-għan li tkattar kemm jista' jkun il-kontribut tal-PAK lejn il-prijoritajiet u l-għanijiet tal-UE, u lejn il-ksib tal-miri klimatiċi u enerġetiċi tal-Istati Membri. Dan huwa importanti biex niżguraw li jinżamm approċċ komuni għall-ilħiq ta' għanijiet ambjentali u klimatiċi komuni mal-Istati Membri kollha. Ambizzjoni iktar qawwija hija l-unika għażla ta' politika vijabbli f'dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni se żżomm ukoll ir-rwoli ewlenin tagħha bħala gwardjan tat-Trattati u bħala l-istituzzjoni responsabbli għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE, u, bħala parti mill-proċess tal-iskrutinju tal-pjanijiet nazzjonali/reġjonali, il-Kummissjoni se tistudja sew kif tista' tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda.

Se jibqgħu fis-seħħ iż-żewġ pilastri (il-pagamenti diretti / miżuri tas-suq u l-iżvilupp rurali)?

Iż-żewġ pilastri huma ż-żewġt uċuħ tal-istess munita tal-PAK, u għandhom jibqgħu fis-seħħ. Jagħtu struttura lill-PAK abbażi ta' żewġ tipi wiesgħa ta' intervent. L-ewwel pilastru jagħti appoġġ lill-bdiewa fuq bażi annwali fil-forma ta' pagamenti diretti u miżuri tas-suq, li huma soġġetti għall-konformità ma' regoli bażiċi u ma' għanijiet ambjentali. It-tieni pilastru huwa għodda ta' investiment pluriennali u flessibbli, li hija iktar adattata għar-realtajiet lokali ta' kull Stat Membru, b'mod partikulari biex tkattar l-appoġġ għal proġetti aktar fit-tul.

Kif nistgħu niżguraw li l-PAK tal-ġejjieni tkun iktar ġusta, u li l-azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju jingħataw l-appoġġ li għandhom bżonn?

Fl-2015, l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tal-aħħar riforma tal-PAK, 20 % tal-bdiewa rċevew madwar 80 % tal-pagamenti diretti. Dan iqajjem tħassib ġustifikabbli dwar l-effiċjenza ekonomika u l-ekwità soċjali fid-dibattitu pubbliku.

Fil-fatt, tali distribuzzjoni tirrifletti l-konċentrazzjoni tal-artijiet kif ukoll in-natura tal-appoġġ, li huwa ġeneralment ibbażat fuq l-erja. Barra minn hekk, iktar minn nofs il-benefiċjarji tal-appoġġ huma azjendi agrikoli żgħar ħafna, u l-biċċa l-kbira mill-pagamenti (72 % fl-2015) jingħataw lil azjendi agrikoli (tal-familja) professjonali ta' daqs medju (minn 5 sa 250 ettaru) li jimmaniġġaw il-parti l-kbira tal-art agrikola tal-UE (71 %), u għalhekk huma l-attur l-iktar responsabbli għall-provvista ta' beni pubbliċi u benefiċċji ambjentali.

Madankollu, il-Kummissjoni hija impenjata li tesplora modi biex il-pagamenti diretti jkunu mmirati b'mod aktar effettiv, u biex jiġi żgurat appoġġ għall-introjtu tal-bdiewa aktar ġust u mmirat aħjar mal-UE kollha, kif jissemma fid-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-futur tal-finanzji tal-UE. Il-lista mhux eżawrjenti ta' possibbiltajiet li ġejja għandha tiġi mistħarrġa iktar:

  • Limitu massimu obbligatorju fuq il-pagamenti diretti, li jqis il-forza tax-xogħol biex jiġu evitati effetti negattivi fuq l-impjiegi;
  • Jistgħu jiddaħħlu wkoll pagamenti digressivi, bħala mod ta' kif jitnaqqas l-appoġġ lill-azjendi agrikoli l-kbar;
  • Enfażi mtejba fuq pagament ridistributtiv biex ikun jista' jingħata appoġġ b'mod immirat, eż. lil azjendi agrikoli żgħar u ta' daqs medju;
  • Appoġġ żgurat lill-bdiewa ġenwini, b'enfażi fuq min jaħdem attivament fil-biedja biex jaqla' l-għajxien tiegħu.

Il-bdiewa se jiġu ttrattati b'mod ugwali mal-UE kollha?

Filwaqt li l-PAK qiegħda tiżgura li l-appoġġ ikun immirat lejn il-bdiewa ġenwini, b'enfażi fuq min jaħdem attivament fil-biedja biex jaqla' l-għajxien tiegħu, jeħtieġ li l-PAK taqdi wkoll ir-rwol tagħha billi ssewi l-prinċipju ta' “Ugwaljanza bejn il-Membri tagħha, kbar jew żgħar, mil-Lvant jew mill-Punent, mit-Tramuntana jew min-Nofsinhar”, kif iddikjara l-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017.

F'dan is-sens, għandha tnaqqas id-differenzi bejn l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-appoġġ mill-PAK. Anki jekk għandhom jiġu rikonoxxuti d-diversità wiesgħa tal-kostijiet relattivi tax-xogħol u tal-art, u l-potenzjali agronomiċi differenti madwar l-UE, il-bdiewa kollha tal-UE jħabbtu wiċċhom ma' sfidi simili fir-rigward tal-volatilità tas-suq, l-ambjent u l-klima.

X'inhu r-rwol tal-PAK fil-promozzjoni tal-ġid rurali?

Il-PAK ma tolqotx biss is-settur tal-biedja, iżda tgħin ukoll fl-ixprunar tal-ekonomiji rurali lokali u fit-titjib tal-ġid rurali. Pereżempju, il-fondi tal-iżvilupp rurali jistgħu jappoġġaw l-istabbilment ta' negozju ta' artiġjan. Fiż-żoni rurali jistgħu jfiġġu opportunitajiet ġodda ta' xogħol u żieda fil-potenzjal tat-tkabbir, bis-saħħa tal-appoġġ lil ktajjen tal-valur rurali ġodda, fosthom l-enerġija nadifa, il-bijoekonomija emerġenti, l-ekonomija ċirkolari u l-ekoturiżmu, l-investimenti fl-infrastruttura, u l-kapital naturali u uman, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, programmi għall-iżvilupp ta' ħiliet ġodda, l-edukazzjoni ta' kwalità u l-konnettività. L-“Irħula intelliġenti”, kunċett li għadu emerġenti, se jgħinu lill-komunitajiet jindirizzaw kwistjonjiet ta' infrastrutturi inadegwati u opportunitajiet ta' xogħol.

Il-Kummissjoni kif tista' tħeġġeġ lill-bdiewa żgħażagħ jistabbilixxu azjenda agrikola, u kif tista' tikkontribwixxi għat-tiġdid ġenerazzjonali fis-settur?

It-tiġdid ġenerazzjonali għandu jkun prijorità f'qafas ġdid ta' politika, iżda l-Istati Membri jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jistimolawh, billi jużaw is-setgħat tagħhom fejn jidħlu r-regolamentazzjoni tal-artijiet, it-tassazzjoni, il-liġi tas-suċċessjoni jew l-ippjanar tat-territorju. Il-PAK għandha tagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà li jiżviluppaw skemi magħmula apposta għalihom, u li jirriflettu l-bżonnijiet speċifiċi tal-bdiewa żgħażagħ.

Il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK jistgħu jinkludu appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet u tal-għarfien, għall-innovazzjoni, għall-iżvilupp tan-negozju u għall-investiment. Il-PAK għandha tgħin wkoll biex jittaffa kemm jista' jkun ir-riskju fl-ewwel ftit snin wara l-varar ta' negozju tal-biedja, billi tipprovdi sistema ta' appoġġ għall-ewwel installazzjoni, li tapplika fl-UE kollha. Għandu jiġi ffaċilitat l-aċċess għal strumenti finanzjarji biex jappoġġaw l-investimenti u l-kapital operatorju tal-azjendi agrikoli, u dan l-aċċess għandu jiġi adattat aħjar għall-bżonnijiet ta' investiment u għall-profili tar-riskju ogħla tal-operaturi l-ġodda. L-appoġġ lill-ġenerazzjoni l-ġdida ta' bdiewa jista' jiġi kkombinat ma' inċentivi xierqa biex jiġu ffaċilitati l-ħruġ tal-ġenerazzjoni anzjana u t-trasferiment tal-għarfien minn ġenerazzjoni għall-oħra, kif ukoll biex tiżdied il-mobbiltà tal-proprjetà rurali u biex jiġi ffaċilitat l-ippjanar tas-suċċessjoni.

Għala jeħtieġ li l-PAK tappoġġa lill-innovazzjoni? X'inhu r-raġunament ta' warajha?

L-agrikultura u ż-żoni rurali tagħna qed jaffaċċjaw għadd ta' sfidi, u jeħtieġ li nsibu soluzzjonijiet ġodda għalihom. Neħtieġu konsulenza aħjar u aktar innovazzjoni. Jeħtieġ involviment pubbliku fir-riċerka u l-innovazzjoni sabiex titqassar il-qasma bejn iż-żoni rurali, li għandhom bżonn innovazzjonijiet diġitali u konnettività aħjar, u bejn il-fornituri ta' teknoloġiji ġodda.

Pereżempju, is-sensuri jistgħu jidentifikaw u jipprevjenu minn kmieni s-saħħa dgħajfa tal-annimali, u b'hekk inaqqsu l-bżonn ta' trattament. L-aċċess f'ħin reali għal informazzjoni dwar l-intensità tad-dija, l-indewwa tal-ħamrija, is-swieq, il-ġestjoni tal-merħliet u aktar, jista' jgħin lill-bdiewa jieħdu deċiżjonijiet aħjar u aktar malajr.

Jagħmel sens li nikkooperaw fir-riċerka u l-innovazzjoni fuq il-livell tal-UE. Billi nitgħallmu minn xulxin fi nħawi differenti tal-UE, naslu biex niżviluppaw għarfien aħjar, u biex nadottaw l-innovazzjoni aktar malajr.

Meta jaffaċċjaw il-volatilità u l-kriżi tas-suq, il-bdiewa x'tip ta' appoġġ jistgħu jistennew mill-PAK tal-ġejjieni?

Ikunx fi kriżijiet sanitarji jew fitosanitarji, wara avvenimenti marbutin mat-tibdil fil-klima, jew minħabba l-volatilità tas-suq, il-bdiewa jħabbtu wiċċhom ma' riskji kbar u ma' pressjonijiet fuq l-introjtu tagħhom. Il-Kummissjoni minn dejjem appoġġat lill-bdiewa u se tkompli tappoġġahom, kif jixhdu l-aħħar żewġ pakketti ta' solidarjetà, kull wieħed b'valur ta' €500 miljun. Madankollu, il-frekwenza ogħla ta' riskji titlob approċċ aktar sistematiku.

Is-settur tal-biedja jeħtieġ qafas xieraq għall-ġestjoni tar-riskji, li jgħaqqad l-appoġġ fil-livell tal-UE mal-għodod nazzjonali tal-Istati Membri u ma' strumenti tas-settur privat.

Pereżempju, il-possibbiltà li tiġi stabbilita għodda għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu li tkun speċifika għas-settur, b'livelli minimi ta' telf aktar baxxi biex jiskattaw il-kumpens, mistennija li tagħmel l-għodda aktar attraenti għall-bdiewa u għall-amministrazzjonijiet. Fl-istess ħin, għandha ssir valutazzjoni bil-galbu rigward jekk għandhomx jiġu introdotti għodod ġodda jew tipi ġodda ta' appoġġ. F'dan il-kuntest, għandha titrawwem il-kooperazzjoni fost il-bdiewa u tul il-katina alimentari, inkluż il-mutwalizzazzjoni u s-servizzi integrati, għall-finijiet tal-kondiviżjoni tar-riskji.

X'se tinvolvi l-pjattaforma dwar il-ġestjoni tar-riskji fil-livell tal-UE?

L-għarfien limitat tal-għodod disponibbli min-naħa tal-bdiewa u ta' partijiet ikkonċernati oħra, u n-nuqqas relattiv ta' esperjenza tagħhom fl-implimentazzjoni ta' dawk l-għodod, kienu ostaklu ewlieni għall-adozzjoni ta' strumenti ta' ġestjoni tar-riskji tul l-aħħar ftit snin.

Il-pjattaforma għall-ġestjoni tar-riskji fil-livell tal-UE se tkun pjattaforma għall-atturi kollha involuti, inkluż il-bdiewa, l-awtoritajiet pubbliċi, l-istituti tar-riċerka u l-atturi mis-settur privat (eż. kumpaniji tal-assigurazzjoni), bil-għan li jaqsmu l-għarfien u jiskambjaw l-aħjar prattiki.

Il-Kummissjoni se tkun involuta, fejn xieraq, bħala faċilitatur, u se tiżviluppa l-pjattaforma fuq sit web apposta.

Bis-saħħa ta' din il-pjattaforma, se jiġu organizzati gruppi ta' esperti, sessjonijiet ta' ħidma, seminars u avvenimenti oħra madwar suġġetti speċifiċi tal-ġestjoni tar-riskji, eż. il-kalkolu tat-telf bl-użu ta' sistemi bbażati fuq indiċi. Barra minn hekk, il-pjattaforma se toffri l-possibbiltà li jinġabru flimkien inizjattivi privati jew pubbliċi dwar il-ġestjoni tar-riskji fil-livell lokali, kif ukoll ħidma rilevanti f'oqsma oħra ta' politika, eż. l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-agrometeoroloġija, eċċ.

Għala l-PAK għandha tagħti spinta lill-investimenti, u kif jistgħu l-istrumenti finanzjarji jappoġġaw lill-bdiewa?

Għodda ta' investiment flessibbli tal-PAK hija essenzjali biex tappoġġa l-kompetittività, l-innovazzjoni, l-adattament għat-tibdil fil-klima u t-taffija tal-effetti tiegħu, u fl-aħħar mill-aħħar, is-sostenibbiltà tal-agrikultura u taż-żoni rurali.Il-modernizzazzjoni ta' azjenda agrikola, l-installazzjoni ta' teknoloġija ġodda, u t-tiġdid tas-sistemi ta' tisqija huma kollha azzjonijiet li jeħtieġu ħafna flus bil-quddiem, u wieħed ma jistax jistenna li dawn l-isforzi finanzjarji sostanzjali jsiru mill-bdiewa waħedhom. Il-fondi pubbliċi disponibbli għall-għotjiet mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw il-bżonnijiet ta' investiment tas-settur li kulma jmur qed jikbru. Stimi approssimattivi juru li l-lakuna fis-suq għall-finanzjament tal-agrikultura hija bejn €1.6 u €4.1 biljun għas-self fuq terminu qasir, u bejn €5.5 u €14.8 biljun għas-self fit-tul.

L-istrumenti finanzjarji, bħas-self, il-garanziji u l-fondi ta' ekwità, jistgħu jħaffu l-aċċess għall-finanzjament għal dawk il-bdiewa (eż. sidien żgħar, operaturi ġodda) jew produtturi tal-ikel agrikolu li jsibuha bi tqila jiksbu l-fondi meħtieġa biex jidħlu fin-negozju jew jiżviluppawh. Billi jingħaqdu l-finanzjament tal-UE u dak privat, l-istrumenti finanzjarji jkollhom effett multiplikatur, jiġifieri volumi miżjuda ta' investiment (ingranaġġ finanzjarju).

MEMO/17/4842

Kuntatti mal-istampa:

Mistoqsijiet ġenerali mill-pubbliku: Europe Direct bit-telefown fuq 00 800 67 89 10 11 jew bl - e-mail


Side Bar